Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Lulju 2013 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tal-euro fil-Latvja fl-1 ta' Jannar 2014 (COM(2013)0345 – C7-0183/2013 – 2013/0190(NLE))
(Konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2013)0345),
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Konverġenza għall-2013 tal-Kummissjoni (COM(2013)0341) u r-Rapport ta' Konverġenza tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' Ġunju 2013 dwar il-Latvja,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-Rapport ta' Konverġenza tal-Kummissjoni għall-2013 dwar il-Latvja (SWD(2013)0196),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 2006 dwar it-tkabbir taz-zona tal-ewro(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar it-titjib tal-metodu ta' konsultazzjoni tal-Parlament fil-proċeduri għat-tkabbir taż-żona tal-euro(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0183/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 83 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0237/2013),
A. billi l-Artikolu 140 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jassuġġetta l-ilħuq ta' grad għoli ta' konverġenza sostenibbli fuq ir-rispett minn kull Stat Membru ta’ dawn il-kriterji li ġejjin: il-ksib ta' livell għoli ta' stabbiltà fil-prezzijiet; is-sostenibbiltà tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Gvern; l-osservanza tal-marġni ta' fluttwazzjoni normali previsti mill-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju; u d-durabbiltà tal-konverġenza miksuba mill-Istat Membru u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea kif jidher fil-livelli tar-rati ta' mgħax f'perjodi fit-tul (il-kriterji ta' Maastricht);
B. billi l-Latvja kkonformat mal-kriterji ta' Maastricht fis-sens tal-Artikolu 140 tat-TFUE u l-Protokoll Nru 13 dwar il-kriterji ta' konverġenza anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE,
C. billi r-Rapporteur żar il-Latvja biex jivvaluta kemm il-pajjiż hu lest biex jidħol fiż-żona tal-euro;
D. billi l-popolazzjoni Latvjana wettqet sforzi straordinarji sabiex tirkeb il-kriżi finanzjarja u marret lura għat-triq tal-kompetittività u t-tkabbir;
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;
2. Huwa favur l-adozzjoni tal-euro fil-Latvja fl-1 ta' Jannar 2014;
3. Jirrimarka li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) saret fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja dinjija li affettwat il-prospetti għal konverġenza nominali ta' ħafna Stati Membri oħra u b’mod partikolari pprovokat xift ċikliku lejn l-isfel tar-rati ta’ inflazzjoni;
4. Jirrimarka, b’mod partikolari, li l-kriżi finanzjarja dinjija laqtet lil-Latvja sew għal dak li jikkonċerna l-faqar, il-qgħad u l-iżviluppi demografiċi; iħeġġeġ lil-Latvja u lis-sħab tagħha fl-Unjoni biex jimplimentaw standards makroprudenzjali stretti intiżi sabiex jiġu evitati l-flussi ta’ kapital u t-tendenzi fil-qasam ta’ tkabbir ta’ kreditu mhux sostenibbli, bħal dawk ta’ qabel ma tfaċċat il-kriżi;
5. Jirrimarka li l-Latvja tissodisfa l-kriterji permezz ta' sforzi determinati, kredibbli u sostenibbli tal-gvern Latvjan u tal-poplu Latvjan; josserva li s-sostenibbiltà ġenerali tas-sitwazzjoni makroekonomika u finanzjarja se tiddependi fuq l-implimentazzjoni ta’ riformi ekwilibrati u ambizzjużi intiżi sabiex id-dixxiplina tintrabat mas-solidarjetà u l-investimenti sostenibbli fit-tul mhux biss fil-Latvja iżda wkoll fl-unjoni ekonomika u monitarja fit-totalità tagħha;
6. Jirrimarka li fir-Rapport ta' Konverġenza tiegħu għall-2013, il-BĊE esprima xi tħassib fir-rigward tas-sostenibbiltà fit-tul tal-konverġenza ekonomika tal-Latvja; jenfasizza b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin li jinstabu fih:
–
il-parteċipazzjoni f’unjoni monitarja tinvolvi r-rinunċja ta’ strumenti monitarji u tar-rata ta’ kambju u timplika importanza akbar tal-flessibbiltà u l-kapaċità ta’ resistenza interni; l-awtoritajiet għandhom, għalhekk, jikkunsidraw possibbilitajiet differenti sabiex isaħħu aktar l-istrumenti kontraċikliki l-oħra disponibbli għalihom, flimkien ma' dak li sar mill-2009;
-
Il-Latvja għandha tkompli segwi t-triq ta’ konsolidazzjoni fiskali globali b’mod konformi mar-rekwiżiti mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u timplimenta u tikkonforma ma’ qafas fiskali li jippermetti li jiġi evitat ritorn għall-politiċi proċikliċi fil-futur;
–
kemm il-bżonn għal ambjent istituzzjonali aktar b'saħħtu u l-fatt li l-ekonomija li ma tidhirx, għalkemm qed tonqos, hija stmata li għadha relattivament kbira mhux biss qed jirriżultaw f’telf ta’ dħul pubbliku iżda wkoll f’distorsjoni tal-kompetizzjoni, qed jagħmlu ħsara lill-kompetittività tal-Latvja u qed inaqqsu l-kapaċità tal-pajjiż li jiġbed lejh investiment dirett barrani, u b’hekk qed jiġu ostakolati l-investiment fit-tul u l-produttività; iqis li jeħtieġ li dan it-tħassib jittieħed bis-serjetà b’mod partikolari jekk it-tendenzi attwali għal dak li jikkonċerna l-inflazzjoni u l-flussi finanzjarji jiġu jinqalbu; iqis madankollu li dan it-tħassib ma jbiddilx il-valutazzjoni ġenerali pożittiva tal-adozzjoni tal-euro mil-Latvja;
7. Jistieden lill-Gvern Latvjan ikompli jsegwi l-politika fiskali prudenti tiegħu, flimkien mal-politiki globali tiegħu orjentati lejn l-istabbiltà, biex jilqa' għall-eventwalità ta' żbilanċji makroekonomiċi u riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet fil-ġejjieni, kif ukoll biex jitranġaw l-iżbilanċi identifikati mill-Kummissjoni fil-qafas tar-rapport fuq l-mekkaniżmu ta’ twissija; jirrimarka li l-istabbiltà fil-prezzijiet fil-Latvja tiddependi fuq id-dinamiċi ta’ prezzijiet ta’ prodotti bażiċi minħabba n-nuqqas ta’ effiċjenza fl-enerġija u l-livelli għolja ta’ importazzzjonijiet tal-enerġija mill-sors wieħed fil-kompożizzjoni tal-basket tal-konsumatur tiegħu; jistieden lill-Gvern Latvjan iwettaq titjib f'dan ir-rigward u jsaħħaħ l-isforzi ġenerali sabiex jilħaq il-miri nazzjonali kollha tal-UE2020;
8. Jinsab imħasseb dwar l-appoġġ attwali taċ-ċittadini Latvjani baxx għall-adozzjoni tal-euro; jistieden lill-gvern u lill-awtoritajiet Latvjani jikkomunikaw b'mod aktar attiv maċ-ċittadini Latvjan sabiex jiżguraw aktar appoġġ pubbliku għall-adozzjoni tal-euro; jistieden lill-Gvern Latvjan ikompli l-kampanja ta' informazzjoni u komunikazzjoni tiegħu bil-għan li jintlaħqu ċ-ċittadini Latvjani kollha;
9. Jistieden lill-gvern Latvjan jindirizza n-nuqqasijiet strutturali fis-suq tax-xogħol permezz ta' riformi strutturali u edukattivi xierqa; jistieden, b’mod partikolari, lill-gvern Latvjan jindirizza l-livell ta’ faqar u l-firda dejjem tikber tal-inugwaljanza fl-introjtu;
10. Jirrikonoxxi l-istabbiltà tas-settur bankarju Latvjan matul dawn l-aħħar tliet snin; jirrimarka, madankollu, li l-mudell ta’ negozju tas-settur bankarju tqiegħed inkwistjoni sew matul l-ewwel stadju tal-kriżi finanzjarja dinjija; jenfasizza li f’dak iż-żmien, kollass tas-sistema finanzjarja Latvjana ġie evitat biss permezz ta’ salvataġġ mill-UE u l-FMI; jilqa' r-riformi adottati riċentement intiżi sabiex isaħħu r-regolamentazzjoni tal-banek Latvjani li jeżerċitaw attivitajiet relatati mad-depożiti ta' persuni mhux residenti (NRD); jistieden lill-awtoritajiet Latvjani jiżguraw it-twettiq ta’ superviżjoni stretta ta' dawn il-banek u l-implimentazzjoni ta' miżuri addizzjonali adegwati għal dak li jikkonċerna l-ġestjoni tar-riskji; jistieden ukoll lill-awtoritajiet Latvjani jibqgħu kawti fir-rigward tan-nuqqas ta’ simetrija possibbli ta’ strutturi ta’ skadenzi bejn l-attiv u l-passiv li jista' jitqies ta' perikolu għall-istabbilità finanzjarja;
11. Jistieden lill-awtoritajiet Latvjani jkomplu għaddejjin fid-direzzjoni attwali ta' tħejjijiet prattiċi biex jiżguraw proċess ta' bidla mingħajr xkiel; jistieden lill-gvern Latvjan jistabbilixxi mekkaniżmi ta’ kontroll xierqa sabiex jiżgura li l-introduzzjoni tal-euro ma tintużax biex il-prezzijiet jiżdiedu bil-moħbi;
12. Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
13. Jiddeplora it-terminu qasir ħafna li fih il-Parlament ġie mitlub jipprovdi l-opinjoni tiegħu fis-sens tal-Artikolu 140 TFUE; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li qed jippjanaw jadottaw l-euro biex jipprovdu terminu xieraq sabiex il-Parlament ikun jista’ jagħti l-opinjoni tiegħu abbażi ta’ dibattitu aktar fil-fond u wiesa';
14. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din il-pożizzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Eurogroup u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.