Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2130(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0229/2013

Testi mressqa :

A7-0229/2013

Dibattiti :

PV 02/07/2013 - 13

Votazzjonijiet :

PV 03/07/2013 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0315

Testi adottati
PDF 685kWORD 77k
L-Erbgħa, 3 ta' Lulju 2013 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali: standards u prattiki fl-Ungerija (skont ir-riżoluzzjoni tal-PE tas-16 ta' Frar 2012)
P7_TA(2013)0315A7-0229/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali: standards u prattiki fl-Ungerija (skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2012) (2012/2130(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jistabbilixxi l-valuri li fuqhom hija mwaqqfa l-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 4, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Artikoli 49, 56, 114, 167 u 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2012 dwar l-iżviluppi politiċi reċenti fl-Ungerija(1), li tat istruzzjonijiet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta' Venezja, biex isegwu jekk u kemm ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti f'dik ir-riżoluzzjoni ġew implimentati u biex jippreżenta l-konstatazzjonijiet tiegħu f'rapport,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-liġi tal-media fl-Ungerija(2) u tal-5 ta' Lulju 2011 dwar il-Kostituzzjoni Ungeriża Riveduta(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2010 dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2009) – implimentazzjoni effikaċi wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2011 - 2011)(5),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea bl-isem “Ir-rispett u l-promozzjoni tal-valuri li fuqhom hi bbażata l-Unjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (COM(2003)0606),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mressqa fid-dibattitu fil-plenarja li sar fil-Parlament Ewropew fit-18 ta' Jannar 2012 dwar l-iżviluppi politiċi reċenti fl-Ungerija,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orbán, li għamel intervent quddiem il-Parlament Ewropew fit-18 ta' Jannar 2012 fid-dibattitu fil-plenarja dwar l-iżviluppi politiċi reċenti fl-Ungerija,

–  wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ li saret fid-9 ta' Frar 2012 mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' delegazzjoni ta' Membri tal-Parlament Ewropew dwar iż-żjara tagħhom f'Budapest mill-24 sas-26 ta' Settembru 2012,

–  wara li kkunsidra d-dokumenti ta' ħidma dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali: standards u prattiki fl-Ungerija (skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2012) li jinkludu d-dokumenti ta' ħidma nru 1 – Indipendenza tal-ġudikatura, nru 2 – Prinċipji fundamentali u drittijiet fundamentali, nru 3 – Leġiżlazzjoni dwar il-mezzi tal-komunikazzjoni, nru 4 – Prinċipji tad-demokrazija u l-Istat tad-dritt u nru 5 – Rimarki tal-għeluq mir-Rapporteur, li ġew diskussi fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern fl-10 ta' Lulju 2012, l-20 ta' Settembru 2012, it-22 ta' Jannar 2013, is-7 ta' Marzu 2013 u t-8 ta' April 2013 rispettivament, kif ukoll il-kummenti tal-Gvern Ungeriż dwar dawn,

–  wara li kkunsidra l-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, adottata fit-18 ta' April 2011 mill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Ungeriża, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2012 (minn hawn 'il quddiem il-“Liġi Fundamentali”), u d-Dispożizzjonijiet Tranżitorji tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, adottati fit-30 ta' Diċembru 2011 mill-Assemblea Nazzjonali, li daħlu fis-seħħ ukoll fl-1 ta' Jannar 2012 (minn hawn 'il quddiem id-“Dispożizzjonijiet Tranżitorji”),

–  wara li kkunsidra l-Ewwel Emenda tal-Liġi Fundamentali, imressqa mill-Ministru tal-Ekonomija Nazzjonali fis-17 ta' April 2012 u adottata mill-Parlament Ungeriż fl-4 ta' Ġunju 2012, li tistabbilixxi li d-Dispożizzjonijiet Tranżitorji huma parti mil-Liġi Fundamentali,

–  wara li kkunsidra t-Tieni Emenda tal-Liġi Fundamentali, imressqa fit-18 ta' Settembru 2012 fil-forma ta' abbozz fuq inizjattiva personali u adottata mill-Parlament Ungeriż fid-29 ta' Ottubru 2012, li tintroduċi r-rekwiżit tar-reġistrazzjoni tal-eletturi fid-Dispożizzjonijiet Tranżitorji,

–  wara li kkunsidra t-Tielet Emenda tal-Liġi Fundamentali, imressqa fis-7 ta' Diċembru 2012, adottata mill-Parlament Ungeriż fil-21 ta' Diċembru 2012 u li tistabbilixxi li l-limiti u l-kundizzjonijiet tal-akkwist tal-proprjetà u tal-użu ta' art agrikola u ta' foresti kif ukoll ir-regoli dwar l-organizzazzjoni tal-produzzjoni agrikola integrata għandhom ikunu regolati mil-liġijiet ta' livell superjuri (l-hekk imsejħa “liġijiet kardinali”)

–  wara li kkunsidra r-Raba' Emenda tal-Liġi Fundamentali, imressqa fit-8 ta' Frar 2013 fil-forma ta' abbozz fuq inizjattiva personali u adottata mill-Parlament Ungeriż fil-11 ta' Marzu 2013, li, fost dispożizzjonijiet oħra, tintegra fit-test tal-Liġi Fundamentali d-Dispożizzjonijiet Tranżitorji (minbarra ċerti eċċezzjonijiet inklużi d-dispożizzjoni li teħtieġ ir-reġistrazzjoni tal-eletturi) annullati mill-Qorti Kostituzzjonali tal-Ungerija fit-28 ta' Diċembru 2012 minħabba raġunijiet proċedurali (Deċiżjoni Nru 45/2012), u d-dispożizzjonijiet li jifdal ta' natura tranżitorja reali f'dan id-dokument,

–  wara li kkunsidra l-Att CXI tal-2012 dwar l-Emenda tal-Att CLXI tal-2011 dwar l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tal-qrati u l-Att CLXII dwar l-istatus ġuridiku u r-rimunerazzjoni tal-imħallfin tal-Ungerija,

–  wara li kkunsidra l-Att XX tal-2013 dwar l-emendi leġiżlattivi relatati mal-limiti massimi ta' età applikabbli f'ċerti relazzjonijiet ġuridiċi f'ambitu ġudizzjarju,

–  wara li kkunsidra l-Att CCVI tal-2011 dwar id-dritt għal-libertà tal-kuxjenza u r-reliġjon u l-istatus ġuridiku tal-knejjes, tad-denominazzjonijiet u tal-komunitajiet reliġjużi tal-Ungerija (l-Att dwar il-Knejjes), li ġie adottat fit-30 ta' Diċembru 2011 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2012,

–  wara li kkunsidra l-Opinjonijiet nri CDL(2011)016, CDL(2011)001, CDL-AD(2012)001, CDL-AD(2012)009, CDL-AD(2012)020 u CDL-AD(2012)004 tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (Kummissjoni ta' Venezja) dwar il-Kostituzzjoni l-ġdida tal-Ungerija, dwar it-tliet kwistjonijiet ġuridiċi li jirriżultaw mill-proċess tal-abbozzar tal-Kostituzzjoni l-ġdida tal-Ungerija, dwar l-Att CLXII tal-2011 dwar l-istatus ġuridiku u r-rimunerazzjoni tal-imħallfin tal-Ungerija u l-Att CLXI tal-2011 dwar l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tal-qrati tal-Ungerija, dwar l-Att CLI tal-2011 tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Ungerija, dwar l-atti hekk imsejħa “kardinali” dwar il-ġudikatura li ġew emendati wara l-adozzjoni tal-opinjoni CDL-AD(2012)001 dwar l-Ungerija, u dwar l-Att dwar id-dritt ta' libertà tal-kuxjenza u r-reliġjon u l-istatus ġuridiku tal-knejjes, tad-denominazzjonijiet u tal-komunitajiet reliġjużi tal-Ungerija,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Konġunta nru CDL-AD(2012)012 tal-Kummissjoni ta' Venezja u l-OSKE/ODIHR dwar l-Att dwar l-elezzjonijiet tal-Membri tal-Parlament tal-Ungerija,

–  wara li kkunsidra l-kummenti tal-Gvern Ungeriż nri CDL(2012)072, CDL(2012)046 u CDL(2012)045 dwar l-abbozz ta' opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar l-atti hekk imsejħa “kardinali” dwar il-ġudikatura li ġew emendati wara l-adozzjoni tal-opinjoni CDL-AD(2012)001, dwar l-abbozz ta' opinjoni konġunta dwar l-Att dwar l-elezzjonijiet tad-deputati tal-Ungerija u dwar l-abbozz ta' opinjoni dwar l-Att CLI tal-2011 dwar il-Qorti Kostituzzjonali tal-Ungerija,

–  wara li kkunsidra l-inizjattivi meħudin mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Thorbjørn Jagland, inklużi r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġudikatura definiti fl-ittra tiegħu tal-24 ta' April 2012 indirizzata lill-Viċi Prim Ministru Ungeriż, Tibor Navracsics,

–  wara li kkunsidra l-ittri ta' risposta tal-10 ta' Mejju 2012 u tas-7 ta' Ġunju 2012 mis-Sur Navracsics li jiddikjaraw l-intenzjoni tal-awtoritajiet Ungeriżi li jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tas-Sur Jagland,

–  wara li kkunsidra l-ittra tas-6 ta' Marzu 2013 mibgħuta mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, is-Sur Jagland, lis-Sur Navracsics li fiha jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-proposta għar-Raba' Emenda tal-Liġi Fundamentali u jappella għall-posponiment tal-vot finali, u l-ittra ta' risposta tas-7 ta' Marzu 2013 mis-Sur Navracsics,

–  wara li kkunsidra l-ittra tas-6 ta' Marzu 2013 mibgħuta mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja, tal-Pajjiżi Baxxi, tad-Danimarka u tal-Finlandja lill-President tal-Kummissjoni, José Manuel Barroso, li fiha jagħmlu appell għal mekkaniżmu biex titrawwem il-konformità mal-valuri fundamentali fl-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra tal-ittra tat-8 ta' Marzu 2013 mibgħuta mill-Ministru Ungeriż għall-Affarijiet Barranin, is-Sur János Martonyi, lill-kontropartijiet tiegħu fl-Istati Membri tal-UE li fiha jispjega l-iskop tar-Raba' Emenda,

–  wara li kkunsidra l-ittra tat-8 ta' Marzu 2013 mibgħuta mis-Sur Barroso lis-Sur Orbán dwar it-tħassib tal-Kummissjoni Ewropea rigward ir-Raba' Emenda tal-Liġi Fundamentali u l-ittri ta' risposta mis-Sur Orbán lill-President tal-Kummissjoni, li ntbagħtu kopji tagħha kemm lill-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, kif ukoll lill-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-11 ta' Marzu 2013 mill-President Barroso u mis-Segretarju Ġenerali Jagland li fiha fakkru t-tħassib tagħhom dwar ir-Raba' Emenda tal-Liġi Fundamentali fir-rigward tal-prinċipju tal-Istat tad-dritt; u wara li kkunsidra l-konferma mill-Prim Ministru Orbán, fl-ittra tiegħu indirizzata lill-President Barroso fit-8 ta' Marzu 2013, dwar l-impenn sħiħ tal-Gvern u tal-Parlament Ungeriżi lejn in-normi u l-valuri Ewropej,

–  wara li kkunsidra t-talba għal opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar ir-Raba' Emenda tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, mibgħuta fit-13 ta' Marzu 2013 mis-Sur Martonyi lis-Sur Jagland,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni kostituzzjonali fl-Ungerija mressqa fid-dibattitu fil-plenarja li sar fil-Parlament Ewropew fis-17 ta' April 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tas-16 ta' Diċembru 2011 mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, Thomas Hammarberg, lis-Sur Martonyi, li fiha juri t-tħassib tiegħu dwar is-suġġett tal-liġi Ungeriża l-ġdida dwar id-dritt għal-libertà tal-kuxjenza u r-reliġjon u dwar l-istatus ġuridiku tal-knejjes, tad-denominazzjonijiet reliġjużi u tal-komunitajiet reliġjużi, u wara li kkunsidra r-risposta tas-Sur Martonyi tat-12 ta' Jannar 2012,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni nru CommDH(2011)10 tal-25 ta' Frar 2011 tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-leġiżlazzjoni tal-mezzi tal-komunikazzjoni tal-Ungerija fid-dawl tal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni, kif ukoll l-annotamenti għal dik l-opinjoni tat-30 ta' Mejju 2011 mill-Ministru Ungeriż tal-Istat għall-komunikazzjoni tal-Gvern,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għolji tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tal-15 ta' Frar 2012 u tal-11 ta' Diċembru 2012 li jistieden rispettivament lill-Ungerija terġa' tikkunsidra l-leġiżlazzjoni li tagħmilha possibbli għall-awtoritajiet lokali li jippenalizzaw il-kundizzjoni ta' persuna mingħajr dar u tirrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali għad-depenalizzazzjoni tal-kundizzjoni ta' persuna mingħajr dar,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-OHCHR tal-15 ta' Marzu 2013 li jesprimu tħassib dwar l-adozzjoni tar-Raba' Emenda tal-Liġi Fundamentali,

–  wara kkunsidra l-proċeduri ta' ksur li għadhom għaddejjin fil-kawża C-288/12 imressqa mill-Kummisjoni Ewropea kontra l-Ungerija dwar il-legalità tat-tmiem tal-mandat ta' dak li kien il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data li għadhom pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta' Novembru 2012 dwar it-tnaqqis radikali tal-età tal-irtirar għall-imħallfin Ungeriżi, u wara li kkunsidra l-adozzjoni sussegwenti tal-Att nru XX tal-2013 li jemenda l-Att CLXII tal-2011 – adottat mill-Parlament Ungeriż fil-11 ta' Marzu 2013 – b'segwitu tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Ungerija tas-16 ta' Lulju 2012 (nru 33/2012) dwar it-tnaqqis tal-età tal-irtirar għall-imħallfin fl-Ungerija, tat-28 ta' Diċembru 2012 (nru 45/2012) dwar id-Dispożizzjonijiet Tranżitorji tal-Liġi Fundamentali, tal-4 ta' Jannar 2013 (nru 1/2013) dwar l-Att dwar il-proċedura elettorali u tas-26 ta' Frar 2013 (nru 6/2013) dwar l-Att dwar il-libertà ta' reliġjon u l-istatus ġuridiku tal-knejjes,

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kumitat ta' Monitoraġġ tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-Liġi LXXII tal-2013 dwar il-ħolqien ta’ regoli u regolamenti ġodda relatati mas-sorveljanza tas-sigurtà nazzjonali; wara li kkunsidra l-ittra tas-27 ta’ Mejju 2013 mingħand Dr  András Zs. Varga indirizzata lil Dr András Cser-Palkovics, President tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Kostituzzjonali Legali u Proċedurali tal-Parlament Ungeriż, li qajmet tħassib dwar il-leġiżlazzjoni adottata dwar il-ħolqien ta’ regoli u regolamenti ġodda relatati mas-sorveljanza tas-sigurtà nazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni li jmiss tar-Raba' Emenda tal-Liġi Fundamentali mill-Kummissjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0229/2013),

I - Kuntest u kwistjonijiet ewlenin involuti
Valuri komuni Ewropej

A.  billi l-Unjoni Ewropea hija mwaqqfa fuq il-valuri tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza, tal-Istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-TUE, u fuq ir-rispett ċar għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fil-KEDB, u fuq ir-rikonoxximent tal-valur ġuridiku ta' tali drittijiet, libertajiet u prinċipji, li huwa affermat ulterjorment mill-adeżjoni imminenti tal-UE mal-KEDB skont l-Artikolu 6(2) tat-TUE;

B.  billi l-valuri komuni minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE huma l-qalba tad-drittijiet li jgawdu minnhom il-persuni li jgħixu fit-territorju tal-UE u b'mod partikolari maċ-ċittadini tagħha indipendentement miċ-ċittadinanza tagħhom u mill-appartenenza kulturali jew reliġjuża tagħhom, u billi huma jkunu jistgħu biss igawdu kompletament minn dawk id-drittijiet jekk jinżammu l-valuri u l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

C.  billi d-dibattitu politiku u ġuridiku dwar il-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE huwa pedament indispensabbli tas-soċjetà demokratika tagħna u li għalhekk l-Istati Membri, kif ukoll l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, iridu juru impenn ċar u deċiż dwarhom;

D.  billi r-rispett u l-promozzjoni ta' dawn il-valuri komuni mhumiex biss element essenzjali tal-identità tal-Unjoni Ewropea iżda wkoll obbligu espliċitu li ġej mill-Artikolu 3(1) u (5) tat-TUE, u b'hekk condition sine qua non sabiex issir Stat Membru tal-UE kif ukoll sabiex jiġu salvagwardati b'mod sħiħ il-prerogattivi tal-adeżjoni;

E.  billi l-obbligi li jaqgħu fuq il-pajjiżi kandidati skont il-kriterji ta' Kopenħagen ikomplu japplikaw għall-Istati Membri wara li jaderixxu mal-UE skont l-Artikolu 2 tat-TUE u l-prinċipju ta' kooperazzjoni leali, u billi l-Istati Membri kollha għandhom b'hekk jiġu valutati fuq bażi regolari sabiex tiġi verifikata l-konformità kontinwa tagħhom mal-valuri komuni tal-UE;

F.  billi l-Artikolu 6(3) tat-TUE jenfasizza l-fatt li d-drittijiet fundamentali, kif garantiti mill-QEDB u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, jikkostitwixxu l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u billi dawn id-drittijiet huma wirt u qawwa komuni tal-Istati demokratiċi Ewropej;

G.  billi, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u skont l-Artikolu 6 tat-TUE, il-Karta għandha l-istess valur ġuridiku daqs it-Trattati, biex b'hekk il-valuri u l-prinċipji jinbidlu fi drittijiet konkreti u eżegwibbli;

H.  billi l-Artikolu 7(1) tat-TUE, skont proċedura definita, jagħti s-setgħa lill-istituzzjonijiet tal-UE li jikkonstataw jekk hemm riskju ċar ta' ksur serju minn Stat Membru tal-valuri komuni msemmija fl-Artikolu 2, u jimpenjaw ruħhom politikament mal-pajjiż ikkonċernat għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-ksur; billi qabel ma jagħmel din il-konstatazzjoni, il-Kunsill għandu jisma' lill-Istat Membru kkonċernat, waqt li jaġixxi skont l-istess proċedura;

I.  billi l-ambitu tal-Artikolu 2 tat-TUE mhuwiex ristrett mil-limitazzjoni tal-Artikolu 51(1) tal-Karta u l-ambitu tal-Artikolu 7 tat-TUE mhuwiex limitat għall-oqsma tal-politika koperti mid-dritt Ewropew, u billi konsegwentement l-UE tista' tintervjeni wkoll fil-każ ta' ksur ta', jew fil-każ ta' riskju ċar ta' ksur tal-valuri komuni f'oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi ta' Stat Membru;

J.  billi skont il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) l-Istati Membri għandhom jgħinu it-twettiq tal-kompiti tal-Unjoni u joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista' tipperikola l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni, inkluż l-objettiv tar-rispett u tal-promozzjoni tal-valuri komuni tal-Unjoni;

K.  billi r-rispett lejn il-valuri komuni tal-Unjoni jimxi id f'id mal-impenn tal-Unjoni favur id-diversità, li jissarraf fl-obbligu għall-Unjoni li tirrispetta “l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom” kif iddikjarat fl-Artikolu 4(2) tat-TUE; billi l-valuri bażiċi Ewropej stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u għaldaqstant ma jistgħux jintużaw kontra l-obbligu skont l-Artikolu 4 tat-TUE, dawn iżda jirrappreżentaw l-istruttura bażika li taħtha l-Istati Membri jistgħu jissalvagwardaw u jiżviluppaw l-identità nazzjonali tagħhom;

L.  billi, fil-qafas tat-Trattati, ir-rispett lejn l-“identità nazzjonali” (Artikolu 4(2) tat-TUE) u lejn is-“sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri” (Artikolu 67 tat-TFUE) huma intrinsikament assoċjati mal-prinċipji tal-kooperazzjoni leali (Artikolu 4(3) tat-TUE), tar-rikonoxximent reċiproku (Artikoli 81 u 82 tat-TFUE) u b'hekk tal-fiduċja reċiproka kif ukoll mar-rispett għad-diversità kulturali u lingwistika (Artikolu 3(3) tat-TUE);

M.  billi ksur tal-prinċipji u tal-valuri komuni tal-Unjoni min-naħa ta' Stat Membru ma jistax jiġi ġustifikat la mit-tradizzjonijiet nazzjonali u lanqas mill-espressjoni tal-identità nazzjonali meta dan il-ksur jirriżulta fid-deterjorament tal-prinċipji li huma fil-qalba tal-integrazzjoni Ewropea, bħall-valuri demokratiċi, l-Istat tad-dritt jew il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, bil-konsegwenza li riferiment għall-Artikolu 4(2) tat-TUE huwa applikabbli biss sakemm Stat Membru jirrispetta l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE;

N.  billi l-objettiv tal-Unjoni li tafferma u tippromwovi l-valuri tagħha fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, kif stabbilit fl-Artikolu 3(5) tat-TUE, huwa msaħħaħ aktar mill-obbligu speċifiku li l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali tiġi gwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha: id-demokrazija, l-Istat tad-dritt u l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem (Artikolu 21(1) tat-TUE);

O.  billi, konsegwentement, jekk l-Istati Membri ma jkunux kapaċi jżommu l-impenn li assumew huma stess fit-Trattati fir-rigward tar-rispett tal-istandards li qablu wkoll dwarhom, jekk mhumiex biħsiebhom jagħmlu dan, barra mill-kredibilità tal-Istati Membri u tal-UE fix-xena internazzjonali jkunu jirriżultaw kompromessi l-objettivi tal-UE fl-ambitu tal-azzjoni esterna tagħha;

P.  billi r-rispett tal-Istati Membri lejn l-istess ġabra ta' valuri fundamentali huwa kundizzjoni indispensabbli biex tiġi żgurata l-fiduċja reċiproka u, konsegwentement, il-funzjonament korrett tar-rikonoxximent reċiproku, li huwa fil-qalba tal-ħolqien u tal-iżvilupp tas-suq intern kif ukoll tal-ispazju Ewropew ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, u billi, għalhekk, kwalunkwe tentattiv ta' nuqqas ta' rispett jew indeboliment ta' tali valuri komuni għandu effett negattiv fuq il-kostruzzjoni kollha tal-proċess Ewropew ta' integrazzjoni ekonomika, soċjali u politika;

Q.  billi l-valuri komuni stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE u pproklamati fil-preamboli tat-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u msemmijin fil-preambolu tal-QEDB u fl-Artikolu 3 tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa, jeħtieġu separazzjoni tal-poteri bejn l-istituzzjonijiet indipendenti bbażata fuq sistema ta' kontrolli u limitazzjonijiet li tiffunzjona b'mod korrett, u billi l-karatteristiċi ewlenin ta' dawn il-prinċipji jinkludu: rispett għal-legalità, inkluż proċess trasparenti, responsabbli u demokratiku li jippromulga l-liġijiet; ċertezza tad-dritt; sistema b'saħħitha ta' demokrazija rappreżentattiva bbażata fuq elezzjonijiet ħielsa u li tirrispetta d-drittijiet tal-oppożizzjoni; kontroll effettiv tal-konformità kostituzzjonali tal-leġiżlazzjoni; gvern u amministrazzjoni effikaċi, trasparenti, parteċipatorji u responsabbli; ġudikatura indipendenti u imparzjali; mezzi tal-komunikazzjoni indipendenti; u rispett għad-drittijiet fundamentali;

R.  billi, skont l-Artikolu 17 tat-TUEm il-Kummissjoni “tissorvelja l-applikazzjoni tat-Trattati … tissorvelja l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”;

Ir-riformi fl-Ungerija

S.  billi l-Ungerija kienet l-ewwel pajjiż ex Komunista li aderixxa mal-QEDB, u bħala Stat Membru tal-UE kien l-ewwel li rratifika t-Trattat ta' Lisbona fis-17 ta' Diċembru 2007, u billi l-Ungerija żvolġiet rwol attiv fil-ħidma tal-Konvenzjoni u tal-Konferenza Intergovernattiva fl-2003 u fl-2004, fost kwistjonijiet oħra, fl-abbozzar tal-Artikolu 2 tat-TUE, u ħadet l-inizjattiva li rriżultat fl-inklużjoni tad-drittijiet tal-bnedmin li jagħmlu parti minn minoranzi;

T.  billi matul l-istorja sekulari tal-Ungerija, il-konvivenza paċifika ta' nazzjonalitajiet u gruppi etniċi differenti kellha effetti pożittivi fuq ir-rikkezza kulturali u l-ġid tan-nazzjon; u billi l-Ungerija għandha tkun mistiedna tkompli b'din it-tradizzjoni u tieħu passi deċiżi biex trażżan it-tentattivi kollha ta' diskriminazzjoni tal-gruppi individwali;

U.  billi l-Ungerija hija wkoll parti mill-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u minn strumenti ġuridiċi internazzjonali oħra li jobbligawha tirrispetta u timplimenta l-prinċipji demokratiċi internazzjonali;

V.  billi wara l-elezzjonijiet ġenerali tal-2010 fl-Ungerija, il-maġġoranza fil-gvern kisbet iktar minn żewġ terzi tas-siġġijiet fil-parlament, ħaġa li ppermettitilha tagħti bidu b'mod rapidu għal attività leġiżlattiva intensa biex tati sura ġdida lill-ordinament kostituzzjonali kollu tal-pajjiż (il-Kostituzzjoni ta' qabel ġiet emendata tnax-il darba u l-Liġi Fundamentali erba' darbiet s'issa) u b'hekk tbiddel sostanzjalment il-qafas istituzzjonali u ġuridiku kif ukoll numru ta' aspetti fundamentali mhux biss tal-ħajja pubblika iżda tal-ħajja privata wkoll;

W.  billi kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huwa assolutament liberu li jirrevedi l-kostituzzjoni tiegħu u billi t-tifsira stess tal-alternanza demokratika hija li tippermetti gvern ġdid jippromulga leġiżlazzjoni li tirrefletti r-rieda tal-poplu, il-valuri tiegħu u l-impenji politiċi tiegħu, fil-limiti tar-rispett tal-valuri u tal-prinċipji tad-demokrazija u l-Istat tad-dritt prevalenti fl-Unjoni Ewropea; billi fl-Istati Membri kollha l-proċeduri kostituzzjonali speċjali jagħmlu l-emenda kostituzzjonali aktar diffiċli meta mqabbla mal-proċeduri li jirregolaw il-leġiżlazzjoni ordinarja, jiġifieri permezz ta' maġġoranza kwalifikata, proċessi deċiżjonali addizzjonali, termini u referenda;

X.  billi l-istorja tat-tradizzjonijiet demokratiċi fl-Ewropa turi li r-riforma ta' kostituzzjoni teħtieġ attenzjoni mill-ikbar u kunsiderazzjoni xierqa tal-proċeduri u tal-garanziji li għandhom l-għan li jissalvagwardaw, fost affarijiet oħra, l-Istat tad-dritt, is-separazzjoni tal-poteri u l-ġerarkija tan-normi ġuridiċi – peress li l-kostituzzjoni hija l-liġi suprema tal-pajjiż;

Y.  billi l-entità tar-riformi kostituzzjonali u istituzzjonali komprensivi u sistematiċi li l-Gvern u l-Parlament il-ġodda tal-Ungerija wettqu fi żmien tant qasir ma għandhiex preċedenti, u tispjega għala daqstant istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet Ewropej (l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OSKE) qiesu li huwa neċessarju li jiġu valutati l-impatt ta' ċerti riformi; billi ma għandux ikun hemm standards doppji fit-trattament tal-Istati Membri, u dan ifisser li s-sitwazzjoni fi Stati Membri oħra wkoll għandha tkun sorveljata, filwaqt li l-prinċipju tal-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati jiġi applikat;

Z.  billi djalogu bbażat fuq il-ftuħ, l-inklużjoni, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-awtoritajiet Ungeriżi huwa neċessarju fil-qafas tal-komunità ta' valuri demokratiċi msemmija qabel;

AA.  billi l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tar-responsabbiltà tagħha li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandha taġixxi bl-ogħla kompetenza u rispett tal-indipendenza u taġixxi b'diliġenza, fil-pront u malajr ħafna speċjalment f'każijiet ta' possibilità ta' ksur serju tal-valuri tal-Unjoni min-naħa ta' Stat Membru,

Il-Liġi Fundamentali u d-Dispożizzjonijiet Tranżitorji tagħha

AB.  billi l-adozzjoni tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija – li għaddiet fit-18 ta' April 2011, esklużivament bil-voti tal-membri tal-koalizzjoni fil-gvern u fuq il-bażi ta' abbozz ta' test imħejji mir-rappreżentanti tal-koalizzjoni fil-gvern – saret fil-perjodu eċċezzjonalment qasir ta' 35 ġurnata ta' kalendarju kkalkolati mill-preżentazzjoni tal-proposta (T/2627) fil-parlament, biex b'hekk ġew limitati l-possibilitajiet għal dibattitu bir-reqqa u sostanzjali mal-partijiet tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili dwar l-abbozz tat-test;

AC.  billi l-abbozz kostituzzjonali ppreżentat lill-Parlament tal-Ungerija fl-14 ta' Marzu 2011 huwa dak li tħejja mir-rappreżentanti eletti tal-koalizzjoni Fidesz-KDNP u mhux id-dokument ta' ħidma mħejji fuq il-bażi tad-diskussjonijiet li saru fil-kumitat parlamentari ad hoc, anki jekk tali kumitat twaqqaf espressament bl-iskop li jabbozza l-Liġi Fundamentali l-ġdida; billi dan aggrava s-sitwazzjoni ta' nuqqas ta' konsultazzjoni tal-oppożizzjoni;

AD.  billi l-“konsultazzjoni nazzjonali” dwar il-proċess ta' tfassil tal-kostituzzjoni kienet tikkonsisti f'lista, miktuba mill-partit fil-gvern, li kien fiha tnax-il mistoqsija sostanzjalment retorika dwar kwistjonijiet speċifiċi ħafna u ma kienx fiha t-test tal-abbozz tal-Liġi Fundamentali;

AE.  billi fit-28 ta' Diċembru 2012, wara petizzjoni kostituzzjonali mill-Kummissarju Ungeriż għad-Drittijiet Fundamentali, il-Qorti Kostituzzjonali tal-Ungerija annullat (Deċiżjoni Nru 45/2012) iktar minn żewġ terzi tad-Dispożizzjonijiet Tranżitorji, fuq il-bażi li ma kinux ta' natura tranżitorja;

AF.  billi r-Raba' Emenda tal-Liġi Fundamentali, adottata fil-11 ta' Marzu 2013, tintegra fit-test tal-Liġi Fundamentali l-parti l-kbira tad-Dispożizzjonijiet Tranżitorji annullati mill-Qorti Kostituzzjonali, kif ukoll dispożizzjonijiet oħra li qabel instab li ma kinux kostituzzjonali;

Użu estensiv tal-liġijiet hekk imsejħa “kardinali”

AG.  billi l-Liġi Fundamentali tal-Ungerija tirreferi għal 26 suġġett li għandhom jiġu definiti mil-liġijiet hekk imsejħa “kardinali” (jiġifieri liġijiet li l-adozzjoni tagħhom teħtieġ maġġoranza ta' żewġ terzi), li jkopru firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet relatati mas-sistemi istituzzjonali tal-Ungerija, mal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali u ma' arranġamenti importanti fis-soċjetà;

AH.  billi mill-adozzjoni tal-Liġi Fundamentali, il-parlament ippromulga 49 liġi “kardinali”(6) (fi żmien sena u nofs);

AI.  billi numru ta' kwistjonijiet, bħal aspetti speċifiċi tad-dritt tal-familja u tas-sistemi tat-taxxa u tal-pensjoni, li s-soltu jaqgħu taħt is-setgħat deċiżjonali ordinarji ta' leġislatura, huma rregolati minn “liġijiet kardinali”;

Proċeduri leġiżlattivi aċċelerati, prattika tal-abbozzi ta' membri individwali, dibattitu parlamentari

AJ.  billi leġiżlazzjoni importanti, inkluża l-Liġi Fundamentali, it-tieni u r-raba' emendi tagħha, id-Dispożizzjonijiet Tranżitorji tal-Liġi Fundamentali u numru ta' liġijiet “kardinali” ġew ippromulgati abbażi ta' abbozzi ta' membri individwali, li għalihom ma japplikawx ir-regoli stabbiliti fl-Att CXXXI tal-2010 dwar il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-preparazzjoni tal-leġiżlazzjoni u fid-Digriet 24/2011 tal-Ministru tal-Amministrazzjoni Pubblika u l-Ġustizzja dwar il-valutazzjoni tal-impatt preliminari u ex-post, bil-konsegwenza li l-leġiżlazzjoni adottata b'din il-proċedura semplifikata hija soġġetta għal dibattitu pubbliku limitat;

AK.  billi l-adozzjoni ta' numru kbir ta' liġijiet “kardinali” f'perjodu qasir, inklużi l-atti dwar l-istatus ġuridiku u r-rimunerazzjoni tal-imħallfin tal-Ungerija u dwar l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tal-qrati tal-Ungerija, kif ukoll l-atti dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u dwar il-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, inevitabbilment illimitaw il-possibilitajiet għal konsultazzjoni adegwata mal-partiti tal-oppożizzjoni u mas-soċjetà ċivili, fosthom, meta hu l-każ, l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, it-trade unions u l-gruppi ta' interess;

AL.  billi l-Att XXXVI tal-2012 dwar l-Assemblea Nazzjonali ta lill-iSpeaker tal-Parlament setgħa diskrezzjonali notevoli biex jillimita l-espressjoni libera tad-deputati fil-Parlament;

Dgħjufija tal-kontrolli u tal-bilanċi: Qorti Kostituzzjonali, Parlament, Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data

AM.  billi, skont il-Liġi Fundamentali, ġiet introdotta l-possibilità li jitressqu żewġ tipi ġodda ta' lmenti kostituzzjonali quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, filwaqt li l-actio popularis għal reviżjoni ex post ġiet abolita;

AN.   billi l-Liġi LXXII tal-2013 dwar il-ħolqien ta’ regoli u regolamenti ġodda relatati mas-sorveljanza tas-sigurtà nazzjonali ġiet ippubblikata fit-3 ta’ Ġunju 2013; billi din il-liġi qajmet tħassib, espress b’mod partikolari mid-Deputat Avukat Ġenerali tal-Ungerija, fir-rigward tar-rispett għall-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri, l-indipendenza tal-ġudikatura, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u d-dritt għal rimedju effettiv;

AO.  billi skont il-Liġi Fundamentali s-setgħat tal-Qorti Kostituzzjonali ta' reviżjoni ex post tal-kostituzzjonalità ta' liġijiet relatati mal-baġit mil-lat sostantiv ġew sostanzjalment limitati għal ksur ta' lista eżawrjenti ta' drittijiet, biex b'hekk ġiet ostakolata r-reviżjoni tal-kostituzzjonalità f'każijiet ta' ksur ta' drittijiet fundamentali oħra, bħad-dritt għall-proprjetà, id-dritt ta' proċess ġust u d-dritt ta' nondiskriminazzjoni;

AP.  billi r-Raba' Emenda tal-Liġi Fundamentali ma biddlitx id-dritt attwali tal-Qorti Kostituzzjonali li teżamina l-emendi tal-Liġi Fundamentali minħabba raġunijiet proċedurali u teskludi li fil-futur il-Qorti tkun tista' tirrevedi l-emendi kostituzzjonali minħabba raġunijiet dwar il-mertu;

AQ.  billi l-Qorti Kostituzzjonali, fid-Deċiżjoni 45/2012 tagħha msemmija qabel, stabbiliet li l-'legalità kostituzzjonali ma tipprevedix biss rekwiżiti ta' validità proċedurali, formali u ta' dritt pubbliku, iżda wkoll rekwiżiti sostanzjali. Il-kriterji kostituzzjonali ta' Stat demokratiku bbażat fuq l-Istat tad-dritt huma fl-istess ħin il-valuri kostituzzjonali, il-prinċipji u l-libertajiet demokratiċi fundamentali minquxa fit-trattati internazzjonali u aċċettati u rikonoxxuti mill-komunitajiet ta' Stati demokratiċi bbażati fuq l-Istat tad-dritt, kif ukoll fuq il-ius cogens, li huwa parzjalment l-istess bħal dak preċedenti. Meta jkun xieraq, il-Qorti Kostituzzjonali tista' anke teżamina l-eżegwibilità libera u l-kostituzzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti sostanzjali, tal-garanziji u tal-valuri tal-Istati demokratiċi bbażati fuq l-Istat tad-dritt.“ (Punt IV.7 tad-Deċiżjoni);

AR.  billi r-Raba' Emenda tal-Liġi Fundamentali tistabbilixxi wkoll li d-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Fundamentali għandhom jiġu revokati, u billi meta tagħmel dan tikkontradixxi b'mod espliċitu d-Deċiżjoni Nru 22/2012 tal-Qorti Kostituzzjonali li fiha l-Qorti stabbiliet li d-dikjarazzjonijiet tagħha dwar il-valuri fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet u dwar l-istituzzjonijiet kostituzzjonali li fundamentalment ma nbidlux mil-Liġi Fundamentali, għadhom validi; billi r-Raba' Emenda introduċiet mill-ġdid fil-Liġi Fundamentali numru ta' dispożizzjonijiet preċedentement iddikjarati inkostituzzjonali mill-Qorti Kostituzzjonali;

AS.  billi korp mhux parlamentari, il-Kunsill tal-Baġit, b'leġittimità demokratika limitata, ingħata s-setgħa li juża l-veto kontra l-adozzjoni tal-baġit ġenerali, biex b'hekk illimita l-kamp ta' applikazzjoni għall-azzjoni tal-leġislatura eletta demokratikament u jippermetti lill-President tar-Repubblika li jxolji l-Parlament;

AT.  billi l-Att il-ġdid dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, adottat f'Lulju 2011, abolixxa l-istituzzjoni tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data u l-Libertà tal-Informazzjoni, u b'hekk temm il-mandat ta' sitt snin tal-Kummissarju qabel iż-żmien u ttrasferixxa s-setgħat tiegħu lill-Awtorità Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Data li kienet għadha kif twaqqfet; billi tibdil bħal dan bħalissa huwa suġġett għall-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

AU.  billi l-Kummissjoni bdiet proċedura ta' ksur kontra l-Ungerija fit-8 ta' Ġunju 2012, li fiha ddikjarat li l-Ungerija naqset milli tottempera għall-obbligi tagħha skont id-Direttiva 95/46/KE billi neħħiet il-kontrollur tal-protezzjoni tad-data mill-kariga qabel it-tmiem tal-mandat, u b'hekk poġġiet l-indipendenza tal-uffiċċju f'riskju;

Indipendenza tal-ġudikatura

AV.  billi, skont il-Liġi Fundamentali u d-Dispożizzjonijiet Tranżitorji, il-mandat ta' sitt snin tal-ex President tal-Qorti Suprema (li issa jisimha il-“Kúria”) intemm qabel iż-żmien wara sentejn;

AW.  billi fit-2 ta' Lulju 2012 l-Ungerija emendat il-liġijiet kardinali dwar il-ġudikatura (l-Att CLXI tal-2011 dwar l-Organizzazzjoni u l-Amministrazzjoni tal-Qrati u l-Att CLXII tal-2011 dwar l-Istatus Legali u r-Remunerazzjoni tal-Imħallfin), billi implimentat parzjalment ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja;

AX.  billi s-salvagwardji ewlenin tal-indipendenza ġudizzjarja, bħal pereżempju l-pożizzjoni fissa, il-mandati garantiti u l-istruttura u l-kompożizzjoni tal-korpi regolatorji, mhumiex irregolati mil-Liġi Fundamentali iżda għadhom – flimkien mar-regoli dettaljati dwar l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tal-ġudikatura – stabbiliti fil-liġijiet kardinali emendati,

AY.  billi l-indipendenza tal-Qorti Kostituzzjonali mhijiex stabbilita fil-Liġi Fundamentali tal-Ungerija u lanqas l-indipendenza tal-amministrazzjoni tal-ġudikatura;

AZ.  billi l-emenda tal-liġijiet kardinali dwar il-ġudikatura fir-rigward tas-setgħa tal-President tal-Uffiċċju Ġudizzjarju Nazzjonali li jittrasferixxi l-każijiet mill-qorti li qed tippresjedi għal qorti oħra biex jiġi żgurat il-ġudizzju tal-każijiet f'perjodu raġonevoli ta’ żmien tonqos milli tistabbilixxi kriterji normattivi oġġettivi għall-għażla tal-każijiet li għandhom jiġu trasferiti;

BA.  billi, wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Fundamentali, tad-Dispożizzjonijiet Tranżitorji tagħha u tal-Att kardinali Nru CLXII tal-2011 dwar l-istatus legali u r-remunerazzjoni tal-imħallfin, l-età tal-irtirar obbligatorja għall-imħallfin tnaqqset minn 70 għal 62 sena;

BB.  billi d-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, adottata fis-6 ta’ Novembru 2012, tiddikjara li t-tnaqqis radikali tal-età tal-irtirar għall-imħallfin Ungeriżi kif ukoll għall-prosekuturi u n-nutara minn 70 għal 62 sena jikkostitwixxi diskriminazzjoni inġusta bbażata fuq l-età, u billi tressqu żewġ ilmenti minn żewġ gruppi ta' mħallfin Ungeriżi lill-QEDB fl-20 ta’ Ġunju 2012 li talbu deċiżjoni li tistabbilixxi li l-leġiżlazzjoni tal-Ungerija dwar it-tnaqqis tal-età tal-irtirar għall-imħallfin tikser l-KEDB;

BC.  billi fil-11 ta’ Marzu 2013 il-Parlament Ungeriż adotta l-Att Nru XX tal-2013 li jemenda l-limiti massimi tal-età bl-għan li jkun konformi parzjalment mad-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali Ungeriża tas-16 ta’ Lulju 2012 u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta’ Novembru 2012;

Ir-riforma elettorali

BD.  billi l-maġġoranza governattiva fil-parlament irriformat is-sistema elettorali b’mod unilaterali mingħajr ma ppruvat tikseb il-kunsens tal-oppożizzjoni,

BE.  billi bħala parti mir-riforma elettorali riċenti l-Parlament Ungeriż għadda, fis-26 ta’ Novembru 2012, fuq il-bażi ta’ abbozz ta’ membru individwali, l-Att dwar il-proċedura tal-elezzjoni, li kellu l-għan li jissostitwixxi r-reġistrazzjoni awtomatika tal-votant preċedenti taċ-ċittadini kollha li jgħixu l-Ungerija b’sistema ta’ reġistrazzjoni volontarja bħala kundizzjoni għat-twettiq tad-dritt tal-individwu li jivvota,

BF.  billi t-Tieni Emenda tal-Liġi Fundamentali li tistabbilixxi r-rekwiżit tar-reġistrazzjoni tal-votant tressqet bħala abbozz ta' membru individwu fl-istess ġurnata bħall-abbozz tal-liġi dwar il-proċedura elettorali, jiġifieri fit-18 ta' Settembru 2012, u ġiet adottata fid-29 ta' Ottubru 2012,

BG.  billi l-Kummissjoni ta’ Venezja u l-OSKE/ODIHR ippreparaw opinjoni konġunta dwar l-Att dwar l-Elezzjoni tal-Membri għall-Parlament tal-Ungerija fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2012,

BH.  billi, wara l-petizzjoni tal-President tar-Repubblika tas-6 ta' Diċembru 2012, il-Qorti Kostituzzjonali stabbilixxiet li r-rekwiżit għar-reġistrazzjoni jirrappreżenta restrizzjoni mhux xierqa tad-drittijiet tal-vot tar-residenti Ungeriżi, u b'hekk mhuwiex kostituzzjonali,

BI.  billi, filwaqt li qieset ir-reġistrazzjoni tal-votanti għaċ-ċittadini li jgħixu barra mill-Ungerija bħala ġustifikata, il-Qorti Kostituzzjonali fid-deċiżjoni tagħha tal-4 ta’ Jannar 2013 qalet ukoll li l-esklużjoni tal-possibilità tar-reġistrazzjoni personali tal-votanti mingħajr indirizz li joqgħodu fl-Ungerija hija diskriminatorja u li d-dispożizzjonijiet li jippermettu l-pubblikazzjoni ta’ reklami politiċi fis-servizz tal-mezzi tal-komunikazzjoni pubbliku biss waqt il-kampanja elettorali, u r-regoli li jipprojbixxu l-pubblikazzjoni ta’ stħarriġ dwar l-opinjoni pubblika fi żmien sitt ijiem wara l-elezzjonijiet, jillimitaw b’mod sproporzjonat il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa,

Il-leġiżlazzjoni dwar il-mezzi tal-komunikazzjoni

BJ.  billi l-Unjoni Ewropea hija mwaqqfa fuq il-valuri tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, u b'konsegwenza ta' dan tiggarantixxi u tippromwovi l-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-Karta u l-Artikolu 10 tal-KEDB, u billi dawn id-drittijiet jinkludu l-libertà ta' espressjoni tal-opinjoni u l-libertà tar-riċeviment u l-komunikazzjoni ta' informazzjoni mingħajr kontroll, interferenza jew pressjoni mill-awtoritajiet pubbliċi;

BK.  billi l-QEDB iddeċidiet li l-Istati Membri għandhom obbligu pożittiv li jiżguraw il-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni, skont l-Artikolu 10 tal-KEDB, u billi d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni huma simili għal dawk li jinsabu fl-Artikolu 11 tal-Karta bħala parti mill-acquis communautaire;

BL.  billi sfera pubblika awtonoma u b'saħħitha, ibbażata fuq mezzi indipendenti u pluralisti ta' komunikazzjoni, tikkostitwixxi l-ambjent neċessarju fejn jistgħu jirnexxu l-libertajiet kollettivi tas-soċjetà ċivili – bħad-dritt tal-għaqda u l-assoċjazzjoni – kif ukoll il-libertajiet individwali – bħad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u d-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni, u billi l-ġurnalisti għandhom ikunu ħielsa mill-pressjoni tas-sidien, tal-ġestjonarji u tal-gvernijiet, kif ukoll mit-theddid finanzjarju;

BM.  billi l-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE, permezz ta' dikjarazzjonijiet, riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet, opinjonijiet u rapporti dwar is-suġġetti tal-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni, il-pluraliżmu u l-konċentrazzjoni, ħolqu korp sinifikanti ta' standards minimi pan-Ewropej komuni f'dan il-qasam;

BN.  billi l-Istati Membri għandhom dmir li jippromwovu u jipproteġu kontinwament il-libertà tal-opinjoni, tal-espressjoni, tal-informazzjoni u tal-mezzi tal-komunikazzjoni, u billi, jekk dawn il-libertajiet jitqiegħdu f’riskju serju jew jinkisru minn Stat Membru, l-Unjoni hija obbligata li tintervjeni fil-ħin u b’mod effettiv, fuq il-bażi tal-kompetenzi tagħha kif stabbiliti fit-Trattati u fil-Karta, sabiex tipproteġi l-ordni demokratika u pluralistika Ewropea u d-drittijiet fundamentali;

BO.  billi l-Parlament esprima bosta drabi t-tħassib tiegħu dwar il-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni, il-pluraliżmu u l-konċentrazzjoni fl-UE u fl-Istati Membri;

BP.  billi kien hemm kritika dwar numru ta' dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar il-mezzi tal-komunikazzjoni mill-Parlament u l-Kummissjoni, mir-Rappreżentant tal-OSKE għal-Libertà tal-Mezzi tal-Komunikazzjoni u l-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, mir-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-promozzjoni tad-dritt tal-libertà tal-opinjoni u l-espressjoni, u minn numru kbir ta’ organizzazzjonijiet ta’ ġurnalisti internazzjonali u nazzjonali, edituri u pubblikaturi, minn NGOs attivi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili, u minn Stati Membri;

BQ.  billi saret kritika li hija relatata prinċipalment mal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni skont il-proċedura parlamentari tal-abbozzi ta' liġi ta' membri individwali, l-istruttura ferm ġerarkika tas-superviżjoni tal-mezzi tal-komunikazzjoni, l-awtorità ġestjonarja tal-President tal-Awtorità Regolatorja, in-nuqqas ta' dispożizzjonijiet li jiżguraw l-indipendenza tal-Awtorità, is-setgħa superviżorja u tas-sanzjonijiet estensiva tal-Awtorità, l-impatt konsiderevoli ta' ċerti dispożizzjonijiet dwar il-kontenut tal-ipprogrammar, in-nuqqas ta' regolamentazzjoni speċifika għall-mezzi tal-komunikazzjoni, in-nuqqas ta' trasparenza fil-proċess ta' offerti għal-liċenzji, u l-ambigwità ta' normi li potenzjalment iwasslu għall-applikazzjoni u l-infurzar arbitrarju;

BR.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-liġi Ungeriża dwar il-mezzi tal-komunikazzjoni, il-Parlament enfasizza li l-liġi Ungeriża dwar il-mezzi tal-komunikazzjoni għandha tiġi sospiża b'mod urġenti u riveduta fuq il-bażi tal-kummenti u l-proposti tal-Kummissjoni, tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa, u billi l-Parlament ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli l-monitoraġġ mill-qrib u l-valutazzjoni tal-konformità tal-liġi Ungeriża dwar il-mezzi tal-komunikazzjoni kif emendata mil-leġiżlazzjoni Ewropea, u b'mod partikolari mill-Karta;

BS.  billi l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa enfasizza li l-bżonn li tiġi emendata l-leġiżlazzjoni sabiex jiġu indirizzati l-indħil fuq il-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni bħal preskrizzjonijiet dwar liema informazzjoni u rappurtar għandhom jinħarġu mill-fornituri tal-mezzi tal-komunikazzjoni, l-impożizzjoni ta' penali fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni, restrizzjonijiet preventivi fuq il-libertà tal-istampa fil-forma ta' rekwiżiti għar-reġistrazzjoni u eċċezzjonijiet għall-protezzjoni tas-sorsi tal-ġurnalisti u billi, fir-rigward tal-indipendenza u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni, esprima l-bżonn li jiġu indirizzati kwistjonijiet bħal garanziji kostituzzjonali mdgħajfa tal-pluraliżmu, in-nuqqas ta' indipendenza fil-korpi regolatorji tal-mezzi tal-komunikazzjoni, in-nuqqas ta' salvagwardji għall-indipendenza tax-xandir pubbliku u n-nuqqas ta' rimedju domestiku effettiv għall-atturi tal-mezzi tal-komunikazzjoni soġġetti għal deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Mezzi tal-Komunikazzjoni;

BT.  billi l-Kummissjoni wriet it-tħassib tagħha dwar il-konformità tal-liġi Ungeriża dwar il-mezzi tal-komunikazzjoni mad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva u mal-acquis communautaire inġenerali, b'mod partikolari b'rabta mal-obbligu li jingħata rappurtar ibbilanċjat applikabbli għall-fornituri tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva kollha, u wriet id-dubji tagħha wkoll dwar jekk il-liġi hijiex konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità u jekk tirrispettax id-dritt fundamentali għal-libertà tal-espressjoni u informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta, il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini u r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni, u billi, f'Marzu tal-2011, wara negozjati mal-Kummissjoni, il-Parlament Ungeriż emenda l-liġi sabiex tindirizza l-punti mressqa mill-Kummissjoni;

BU.  billi l-OSKE esprimiet dubji serji dwar l-ambitu materjali u territorjali tal-leġiżlazzjoni Ungeriża, il-kompożizzjoni politikament omoġenja tal-Awtorità tal-Midja u l-Kunsill tal-Midja, il-penali sproporzjonati li ġew imposti, in-nuqqas ta' proċedura awtomatika għas-sospensjoni ta' penali f'każ ta' appell lill-qrati kontra deċiżjoni tal-Awtorità tal-Midja, il-ksur tal-prinċipju tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ġurnalistiċi u l-protezzjoni tal-valuri tal-familja;

BV.  billi r-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE(7) kienu jinkludu t-tneħħija tar-rekwiżiti legali dwar il-kopertura bbilanċjata u ta' preskrizzjonijiet oħra ta' kontenut mil-liġijiet, is-salvagwardja tal-indipendenza editorjali, l-assigurazzjoni li regoli differenti jirregolaw forom differenti tal-mezzi tal-komunikazzjoni – l-istampa, ix-xandir u onlajn – it-tneħħija tar-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni meqjusa eċċessivi, l-assigurazzjoni li l-korp regolatorju jkun indipendenti u kompetenti, l-assigurazzjoni tal-oġġettività u l-pluralità fil-proċess tal-ħatra tal-korpi li jirregolaw is-settur tal-mezzi tal-komunikazzjoni, iż-żamma lura milli l-istampa titqiegħed taħt il-ġurisdizzjoni tal-korp regolatorju u effettivament tiġi mħeġġa l-awtoregolamentazzjoni;

BW.  billi, minkejja l-fatt li l-liġijiet ġew emendati fl-2011 wara negozjati mal-Kummissjoni Ewropea u f'Mejju 2012 ulterjorment wara d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali ta’ Diċembru 2011 li bidlet bosta dispożizzjonijiet billi ddikjarathom mhux kostituzzjonali rigward ir-regolament tal-kontenut tal-gazzetti, il-protezzjoni tas-sorsi tal-ġurnalisti, ir-rekwiżit tal-għoti ta’ data, u l-istituzzjoni tal-Kummissarju tal-Midja u l-Mezzi tal-Komunikazzjoni, ir-Rappreżentant tal-OSKE għal-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni kkundanna l-fatt li bosta emendi ġew introdotti u adottati fi żmien qasir mingħajr konsultazzjoni mal-partijiet interessati u li elementi fundamentali mil-leġiżlazzjoni ma ġewx imtejba, b’mod partikolari l-ħatra tal-president u l-membri tal-Awtorità tal-Mezzi tal-Komunikazzjoni u l-Kunsill tal-Mezzi tal-Komunikazzjoni, is-setgħa tagħhom fuq il-kontenut fil-mezzi tax-xandir, l-impożizzjoni ta’ multi għolja u n-nuqqas ta’ salvagwardji għall-indipendenza finanzjarja u editorjali tax-xandara pubbliċi;

BX.  billi, filwaqt li laqa' l-emendi tal-leġiżlazzjoni tal-mezzi tal-komunikazzjoni adottati f'Marzu 2011, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt tal-libertà tal-opinjoni u l-espressjoni enfasizza l-bżonn li jiġi indirizzat t-tħassib li baqa' dwar ir-regolamentazzjoni tal-kontenut tal-mezzi tal-komunikazzjoni, il-garanziji insuffiċjenti għall-iżgurar tal-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awtorità tal-Mezzi tal-Komunikazzjoni, il-multi u s-sanzjonijiet amministrattivi l-oħra eċċessivi, l-applikabilità tal-leġiżlazzjoni tal-mezzi tal-komunikazzjoni għal kull tip ta' mezz tal-komunikazzjoni, inklużi l-istampa u l-internet, ir-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni, u n-nuqqas ta' protezzjoni suffiċjenti tas-sorsi ġurnalistiċi;

BY.  billi analiżi mill-esperti tal-Kunsill tal-Ewropa(8) (li vvalutat il-konformità tal-Atti dwar il-Mezzi tal-Komunikazzjoni kif proposti għal emenda fl-2012 ma' testi tal-Kunsill tal-Ewropa li jistabbilixxu standards fil-qasam tal-mezzi tal-komunikazzjoni u tal-libertà ta' espressjoni) irrakkomandat li d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-reġistrazzjoni u t-trasparenza, ir-regolamentazzjoni tal-kontenut, l-obbligi dwar ir-rappurtar tal-aħbarijiet, il-protezzjoni tas-sorsi, il-mezzi tal-komunikazzjoni tas-servizzi pubbliċi u l-korpi regolatorji jiġu riveduti bir-reqqa, iċċarati jew f'ċerti każi eliminati;

BZ.  billi, wara d-djalogu li sar mal-UE u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa permezz ta' skambju ta' ittri u laqgħat ta' esperti, tressqu iktar emendi legali fi Frar 2013 sabiex tissaħħaħ u tiġi żgurata l-indipendenza tal-korpi regolatorji tal-mezzi tal-komunikazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tar-regoli marbutin mal-kundizzjonijiet tal-ħatra u l-elezzjoni tal-President tal-Awtorità għall-Mezzi tal-Komunikazzjoni u l-Infokomunikazzjonijiet Nazzjonali u l-Kunsill tal-mezzi tal-Komunikazzjoni u dwar, rispettivament, il-proċedura tan-nomina, il-persuna li tagħmel il-ħatra u l-ħatra ripetuta;

CA.  billi l-Awtoritajiet Ungeriżi ddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jirrieżaminaw ir-regoli dwar ir-restrizzjonijiet fir-reklamar politiku waqt il-kampanji elettorali; billi l-Gvern Ungeriż jinsab f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kwistjoni tar-reklamar politiku; billi, madankollu, ir-Raba’ Emenda timponi wkoll projbizzjoni wiesgħa u potenzjalment vaga fuq id-diskors li jkollu l-għan li joffendi d-dinjità ta’ gruppi, inkluż in-nazzjon Ungeriż, li tista’ tintuża sabiex b’mod arbitrarju tinterferixxi mal-libertà tal-espressjoni u tista’ trażżan il-libertà tal-espressjoni tal-ġurnalisti, kif ukoll tal-artisti u ta’ oħrajn;

CB.  billi l-Awtorità għall-Midja u l-Infokomunikazzjonijiet Nazzjonali u l-Kunsill tal-Midja ma wettqux valutazzjonijiet fuq l-effetti tal-leġiżlazzjoni fuq il-kwalità tal-ġurnaliżmu, il-gradi ta’ libertà editorjali u l-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ġurnalisti;

Ir-rispett tad-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi

CC.  billi r-rispett għad-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi huwa espliċitament rikonoxxut fost il-valuri msemmijin fl-Artikolu 2 tat-TUE u billi l-Unjoni għandha l-impenn li tippromwovi dawn il-valuri u tiġġieled kontra l-esklużjoni u d-diskriminazzjoni soċjali, ir-razziżmu u l-anti-Semitiżmu;

CD.  billi n-nondiskriminazzjoni tirrappreżenta dritt fundamentali affermat fl-Artikolu 21 tal-Karta;

CE.  billi r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiżguraw li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem ta’ kulħadd, irrispettivament mill-etniċità jew it-twemmin tagħhom, tkopri l-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika kif ukoll l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u timplika wkoll il-promozzjoni attiva tat-tolleranza u tikkundanna bis-saħħa fenomeni bħall-vjolenza razzjali, diskors ta’ mibegħda anti-Semitiku u anti-Rom, b’mod partikolari meta jiġi espress f’forums uffiċjali jew pubbliċi inkluż fil-Parlament Ungeriż;

CF.  billi n-nuqqas ta’ reazzjoni mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f’każijiet ta’ kriminalità razzista(9) rriżulta f’nuqqas ta’ fiduċja fil-forzi tal-pulizija;

CG.  billi ta' min jingħad li l-Parlament Ungeriż ippromulga liġi fl-oqsma kriminali u ċivili biex jikkumbatti l-inċitament razzist u d-diskors ta' mibegħda;

CH.  billi, għalkemm l-intolleranza kontra l-membri tal-komunitajiet tar-Roma u Lhud mhijiex problema assoċjata biss mal-Ungerija u billi Stati Membri oħra għandhom l-istess kwistjoni, avvenimenti riċenti qajmu tħassib dwar iż-żieda fid-diskors ta’ mibegħda anti-Rom u anti-Semitiku fl-Ungerija;

CI.  billi l-infurzar tal-leġiżlazzjoni retroattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u fil-qasam tas-sistema tal-pensjonijiet wassal għal żieda qawwija fl-insigurtà soċjali u l-faqar, li m’għandux bħala konsegwenza biss inċertezza kbira min-naħa tal-poplu iżda jirrappreżenta wkoll ksur tad-drittijiet tal-proprjetà privata u jdgħajjef id-drittijiet tal-libertà ċivili bażiċi;

Libertà tar-reliġjon u rikonoxximent tal-knejjes

CJ.  billi l-libertà ta’ ħsieb, kuxjenza u reliġjon kif stabbilita fl-Artikolu 9 tal-KEDB u l-Artikolu 10 tal-Karta hija waħda mill-pedamenti ta’ soċjetà demokratika, u billi r-rwol tal-Istat f’dan il-qasam għandu jkun li jiggarantixxi b’mod newtrali u imparzjali d-dritt li jkunu eżerċitati diversi reliġjonijiet, fidi u twemmin;

CK.  billi l-Att dwar il-Knejjes stabbilixxa reġim legali ġdid għar-regolamentazzjoni tal-assoċjazzjonijiet reliġjużi u l-knejjes fl-Ungerija, li impona sett ta' rekwiżiti għar-rikonoxximent tal-knejjes u għamel dan ir-rikonoxximent kundizzjonali fuq approvazzjoni minn qabel mill-Parlament b'maġġoranza ta' żewġ terzi;

CL.  billi l-obbligu stabbilit mill-Att dwar il-Knejjes li jinkiseb rikonoxximent mill-parlament bħala kundizzjoni biex titwaqqaf knisja tqies mill-Kummissjoni ta' Venezja(10) bħala restrizzjoni tal-libertà ta' reliġjon;

CM.  billi b'riżultat tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet retroattivi tal-Att dwar il-Knejjes iktar minn 300 knisja rreġistrata tilfu l-istatus legali tagħhom bħala knisja;

CN.  billi fuq talba ta' bosta komunitajiet reliġjużi u tal-Kummissarju Ungeriż għad-Drittijiet Fundamentali, il-Qorti Kostituzzjonali eżaminat il-kostituzzjonalità tad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Knejjes u fid-Deċiżjoni 6/2013 tagħha tas-26 ta' Frar 2013 iddikjarat li ftit minnhom ma kinux kostituzzjonali u ħassrithom b'effett retroattiv;

CO.  billi l-Qorti Kostituzzjonali f'dik id-Deċiżjoni, filwaqt li ma ddubitatx id-dritt tal-parlament li jispeċifika kundizzjonijiet sostantivi għar-rikonoxximent ta' knisja, qieset li r-rikonoxximent ta’ status ta' knisja b’vot fil-parlament jista’ jirriżulta f'deċiżjonijiet politikament preġudikati, u billi l-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li l-Att ma kien fih l-ebda obbligu li jiġu pprovduti raġunijiet dettaljati ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-istatus ta’ knisja, li ma ġiet speċifikata l-ebda skadenza għall-azzjonijiet tal-parlament u li l-Att ma tax il-possibilità ta’ rimedju legali effettiv f'każijiet ta' rifjut jew nuqqas ta’ deċiżjoni;

CP.  billi r-Raba’ Emenda tal-Liġi Fundamentali, adottata ġimagħtejn wara d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, emendat l-Artikolu VII tal-Liġi Fundamentali u għolliet għal-livell tal-kostituzzjoni s-setgħa tal-parlament li jgħaddi liġijiet kardinali sabiex jiġi rikonoxxut li ċerti organizzazzjonijiet involuti f'attivitajiet reliġjużi bħala knejjes, biex b'hekk ġiet annullata d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali;

II – Valutazzjoni
Il-Liġi Fundamentali tal-Ungerija u l-implimentazzjoni tagħha

1.  Ifakkar li r-rispett lejn il-legalità, inkluż proċess trasparenti, responsabbli u demokratiku għall-promulgazzjoni ta' liġijiet, inkluż meta tiġi adottata Liġi Fundamentali u lejn sistema b'saħħitha ta' demokrazija rappreżentattiva bbażata fuq elezzjonijiet liberi u r-rispett lejn id-drittijiet tal-oppożizzjoni huma elementi ewlenin tal-kunċetti tad-demokrazija u l-istat tad-dritt kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE, li jistipula li “l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel', u kif inhu pproklamat fil-Preamboli tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Karta; jiddispjaċih li fil-passat l-istituzzjonijiet tal-UE mhux dejjem irnexxielhom jissodisfaw l-istandards tagħhom stess fir-rigward tal-protezzjoni tal-valuri bażiċi Ewropej; għalhekk jensfasizza r-responsabbiltà speċjali tagħhom, li jagħmlu minn kollox għall-ħarsien tad-drittijiet bażiċi Ewropej kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-TUE fuq livell tal-Unjoni u fl-Istati Membri;

2.  Itenni bis-sħiħ li, filwaqt li l-abbozzar u l-adozzjoni ta' kostituzzjoni ġdida jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenzi tal-Istati Membri, l-Istati Membri u l-UE għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw li l-proċessi kostituzzjonali u l-kontenuti tal-kostituzzjonijiet ikunu f'konformità mal-impenji magħmula mill-Istat Membru fit-trattat ta’ adeżjoni tiegħu mal-Unjoni Ewropea; jiġifieri bil-valuri komuni tal-Unjoni, tal-Karta u tal-KEDB;

3.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-proċess tal-abbozzar u l-adozzjoni tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija kien nieqes mit-trasparenza, l-onestà, l-inklussività u fuq kollox il-bażi konsenswali li hija mistennija fi proċess kostitwenti demokratiku modern, u b'hekk iddgħajfet il-leġittimità tal-Liġi Fundamentali stess,

4.  Jieħu nota tad-Deċiżjoni tat-28 ta’ Diċembru 2012 tal-Qorti Kostituzzjonali msemmija qabel li tiddikjara li l-Parlament Ungeriż eċċeda l-awtorità leġiżlattiva tiegħu meta ppromulga numru ta’ regoli permanenti u ġenerali fid-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Liġi Fundamentali, fost affarijiet oħra, li “huwa l-kompitu u r-responsabbiltà tas-setgħa kostitwenti li tiċċara s-sitwazzjoni wara l-annullament parzjali. Il-Parlament għandu jagħmel sitwazzjoni legali evidenti u ċara’, filwaqt li jżid ir-rekwiżit li dan ma jfissirx l-inklużjoni awtomatika tad-dispożizzjonijiet annullati fil-Liġi Fundamentali mingħajr distinzjoni ta' xejn, iżda il-Parlament ”għandu jirrevedi l-kwistjonijiet tad-dispożizzjonijiet mhux tranżitorji annullati u jiddeċiedi dwar liema kwistjonijiet għandhom jiġu rregolati mill-ġdid u fuq liema livell ta’ sorsi legali. Għandu jkun ukoll il-Parlament li jiddeċiedi liema dispożizzjonijiet għandhom jiġu rregolati mill-ġdid għandhom jiġu inkorporati fil-Liġi Fundamentali u liema għandhom jiġu stabbiliti fuq livell ta’ Atti tal-Parlament’;

5.  Jikkritika bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tar-Raba' Emenda tal-Liġi Fundamentali, li jmorru kontra s-supremazija tal-Liġi Fundamentali billi jerġgħu jintroduċu fit-test tiegħu numru ta' regoli li qabel kienu ġew iddikjarati bħala mhux kostituzzjonali – jiġifieri mhux kompatibbli mal-bażi proċedurali jew sostantiva tal-Liġi Fundamentali – mill-Qorti Kostituzzjonali;

6.  Ifakkar li fid-Deċiżjoni tat-28 ta’ Diċembru 2012 tagħha msemmija hawn fuq, il-Qorti Kostituzzjonali ħadet deċiżjoni ċara dwar l-istandards ta’ kostituzzjonalità billi ddikjarat li “skont l-istat tad-dritt, fi Stati demokratiċi, il-kostituzzjonijiet għandhom standards u rekwiżiti sostanzjali u proċedurali kostanti. Ir-rekwiżiti kostituzzjonali sostanzjali u proċedurali m’għandhomx jiġu stabbiliti, fl-era tal-Liġi Fundamentali, aktar baxxi milli kienu fiż-żmien (tal-Att) tal-Kostituzzjoni. Ir-rekwiżiti ta' Stat kostituzzjonali skont l-istat tad-dritt jibqgħu fil-preżent infurzati b'mod konsistenti u huma programmi għall-futur. Skont l-istat tad-dritt, l-Istat kostituzzjonali huwa sistema ta' valuri, prinċipji u garanziji kostanti’; iqis li dikjarazzjoni daqshekk ċara u dinjituża tapplika għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kollha tagħha;

7.  Ifakkar li l-valuri komuni tal-Unjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt jeħtieġu sistema b’saħħitha ta’ demokrazija rappreżentattiva bbażata fuq l-elezzjonijiet liberi u r-rispett tad-drittijiet tal-oppożizzjoni u li, skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll 1 tal-KEDB, l-elezzjonijiet għandhom jiżguraw “l-espressjoni tal-opinjoni tal-poplu fl-għażla tal-leġiżlatur’;

8.  Iqis li filwaqt li l-użu tal-liġijiet tal-maġġoranza ta’ żewġ terzi huwa komuni fi Stati Membri oħrajn u ilu stabbilit bħala karatteristika tal-ordni kostituzzjonali u ġuridika Ungeriża mill-1989, l-użu estensiv tal-liġijiet kardinali għall-istabbiliment ta’ regoli speċifiċi u dettaljati ħafna, jmur kontra l-prinċipji tad-demokrazija u l-istat tad-dritt peress li ppermetta l-gvern attwali, li jgawdi mill-appoġġ ta’ maġġoranza kwalifikata, li jqiegħed iswed fuq l-abjad għażliet politiċi bil-konsegwenza li sar iktar diffiċli għal kwalunkwe gvern futur ġdid b’maġġoranza sempliċi fil-parlament li jirreaġixxi għal bidliet soċjali u b’hekk li jnaqqas potenzjalment l-importanza tal-elezzjonijiet il-ġodda; iqis li użu bħal dan għandu jiġi vvalutat mill-ġdid, sabiex jiġi żgurat li l-gvernijiet u l-maġġoranzi parlamentari futuri jitħallew jistabbilixxu leġiżlazzjoni b’mod li jagħmel sens u komprensiv;

9.  Iqis li l-użu tal-proċedura tal-abbozzi tal-membri individwali biex tiġi implimentata l-kostituzzjoni (permezz tal-liġijiet kardinali) mhuwiex proċess leġiżlattiv trasparenti, responsabbli u demokratiku għaliex ma jipprovdix il-garanziji li jiżgura dibattitu u konsultazzjoni soċjali bis-sens, u li jista’ jmur kontra l-Liġi Fundamentali stess, u b’hekk isir obbligu għall-gvern (u mhux għall-membri individwali) li jippreżentaw l-abbozzi neċessarji lill-parlament għall-implimentazzjoni tal-Liġi Fundamentali;

10.  Jieħu nota tal-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja (Nru CDL-AD(2011)016) li “tilqa’ l-fatt li din il-Kostituzzjoni l-ġdida tistabbilixxi ordni kostituzzjonali bbażata fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali bħala prinċipji sottostanti”; jieħu nota wkoll tal-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja (Nru CDL-AD(2012)001) fejn skont din l-opinjoni l-adozzjoni ta' ammont kbir ta' liġijiet f'perjodu ta' żmien qasir ħafna jista' jispjega għala uħud mid-dispożizzjonijiet il-ġodda mhumiex konformi mal-istandards Ewropej; jieħu nota wkoll tal-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar ir-Raba’ Emenda tal-Liġi Fundamentali Ungeriża (Nru CDL-AD(2013) 012), li tiddikjara li “ir-Raba’ Emenda nnifisha toħloq jew ittawwal in-nuqqasijiet fis-sistema kostituzzjonali tal-Ungerija’;

11.  Jilqa’ l-fatt li l-Liġi Fundamentali tal-Ungerija ttenni kif ukoll tafferma l-artikoli tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Ungerija, bħala r-raba’ pajjiż fl-UE, fl-Artikolu H tirrikonoxxi l-lingwa tas-sinjali Ungeriża (HSL) bħala lingwa kompluta u tiddefendi l-HSL bħala parti mill-kultura Ungeriża;

12.  Jilqa’ l-fatt li fl-Artikolu XV tagħha, il-Liġi Fundamentali tal-Ungerija tipprojbixxi b’mod speċifiku d-diskriminazzjoni fuq raġunijiet ta’ razza, kulur, sess, diżabbiltà, lingwa, reliġjon, opinjonijiet reliġjużi jew ta’ natura oħra, oriġini nazzjonali jew soċjali, jew ċirkostanzi finanzjarji, tat-twelid jew ċirkostanza oħra u tistipula li l-Ungerija għandha tadotta miżuri speċjali għall-protezzjoni tat-tfal, in-nisa, l-anzjani u l-persuni li jgħixu b’diżabbiltà skont l-Artikoli 20 sa 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

Is-sistema demokratika tal-kontrolli u l-bilanċi

13.  Ifakkar li d-demokrazija u l-istat tad-dritt jeħtieġu separazzjoni tal-poteri fost l-istituzzjonijiet indipendenti bbażata fuq sistema li tiffunzjona sew ta' kontrolli u bilanċi u ta' kontroll effettiv tal-konformità tal-leġiżlazzjoni mal-kostituzzjoni;

14.  Ifakkar li l-maġġoranza kostituzzjonali żiedet in-numru ta’ mħallfin kostituzzjonali minn 11 għal 15 u aboliet ir-rekwiżit tal-ilħuq ta’ ftehim mal-oppożizzjoni dwar l-elezzjoni ta’ mħallfin kostituzzjonali; jinsab imħasseb li minħabba dawn il-miżuri tmienja mill-15-il imħallef attwali ġew eletti b’mod esklużiv b’maġġoranza ta’ żewġ terzi (bla ebda eċċezzjoni), inklużi żewġ membri ġodda li nħatru direttament mill-pożizzjoni tagħhom ta’ membri tal-parlament.

15.  Jilqa’ l-introduzzjoni ta’ possibbiltà għal żewġ tipi ġodda ta’ ilmenti kostituzzjonali fil-Qorti Kostituzzjonali u jifhem li sistema demokratika msejsa fuq l-istat tad-dritt mhux neċessarjament teħtieġ qorti kostituzzjonali sabiex tiffunzjona tajjeb; ifakkar, madankollu, l-Opinjoni Nru CDL-AD (2011)016 tal-Kummissjoni ta’ Venezja, li tindika li fi stati li għażlu li jkollhom qorti kostituzzjonali, din il-qorti għandha tkun intitolata li tivvaluta l-konformità tal-liġijiet kollha mad-drittijiet tal-bniedem iggarantiti fil-kostituzzjoni; iqis, madankollu, li l-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni kostituzzjonali relatata mal-liġijiet dwar il-baġit ċentrali u t-taxxi ddgħajjef il-garanziji istituzzjonali u proċedurali għall-protezzjoni ta’ numru ta’ drittijiet kostituzzjonali u għall-kontroll tas-setgħat tal-parlament u tal-gvern fil-qasam baġitarju;

16.  Ifakkar li kif iddikjarat mill-Qorti Kostituzzjonali fid-Deċiżjoni tagħha Nru 45/2012, “Il-legalità kostituzzjonali għandha mhux biss rekwiżiti ta’ validità proċedurali, formali u pubbliċi, iżda wkoll rekwiżiti sostanzjali [...]. Kif xieraq, il-Qorti Kostituzzjonali tista’ anke teżamina l-infurzar ħieles u l-kostituzzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti sostanzjali, il-garanziji u l-valuri tal-Istati demokratiċi skont l-istat tad-dritt”;

17.  Iqis li fid-dawl tal-emendi sistematiċi tal-Liġi Fundamentali b’rieda politika l-Qorti Kostituzzjonali ma tistax tibqa’ twettaq ir-rwol tagħha bħala l-korp suprem tal-protezzjoni kostituzzjonali, b’mod speċjali minħabba li r-Raba’ Emenda tipprojbixxi b’mod espliċitu lill-Qorti milli tirrieżamina l-emendi kostituzzjonali li jmorru kontra rekwiżiti u prinċipji kostituzzjonali oħrajn;

18.  Billi jitqies id-dritt ta’ parlament elett b’mod demokratiku għall-adozzjoni ta’ liġi b’konformità mad-drittijiet fundamentali, fir-rigward ta’ minoranzi politiċi, u bi proċedura trasparenti u demokratikament adegwata, u tal-qrati responsabbli, kemm dawk ordinarji kif ukoll kostituzzjonali, għas-salvagwardja tal-kompatibilità tal-liġijiet mal-kostituzzjoni, jenfasizza l-importanza tal-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri u sistema li tiffunzjona b’mod xieraq għall-kontrolli u l-bilanċi; huwa mħasseb f’dan ir-rigward dwar il-bidla fis-setgħat fi kwistjonijiet kostituzzjonali, għall-vantaġġ tal-Parlament u għall-iżvantaġġ tal-Qorti Kostituzzjonali, li ddgħajjef ħafna il-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri u sistema ta' kontrolli u bilanċi li taħdem tajjeb, li huma korollarji ewlenin tal-istat tad-dritt; jilqa’ f’dan ir-rigward, l-istqarrija konġunta EGER tas-16 ta’ Mejju 2013 mill-Presidenti tal-Qrati Kostituzzjonali tal-Ungerija u r-Rumanija, Péter Paczolay u Augustin Zegrean, li tenfasizza r-responsabbiltà speċjali tal-qrati kostituzzjonali f’pajjiżi li huma ggvernati b’maġġoranza ta’ żewġ terzi;

19.  Huwa wkoll estremament imħasseb dwar dawk id-dispożizzjonijiet tar-Raba' Emenda li jħassru 20 sena ta' ġurisprudenza kostituzzjonali, li fiha sistema sħiħa ta' prinċipji fundamentali u rekwiżiti kostituzzjonali, inkluża kwalunkwe każistika potenzjali li taffettwa l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE u tal-liġi Ewropea għad-drittijiet tal-bniedem; jinnota li l-Qorti diġà użat id-deċiżjonijiet preċedenti tagħha bħala sors ta’ interpretazzjoni; jinsab imħasseb, madankollu, bil-fatt li jista’ jkun li qrati oħrajn ma jkunux jistgħu jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq il-każistika preċedenti tal-Qorti Kostituzzjonali;

20.  Huwa mħasseb ukoll dwar il-konformità mal-liġi tal-UE tad-dispożizzjoni tar-Raba' Emenda li tippermetti l-Gvern Ungeriż li jimponi taxxa speċjali sabiex jimplimenta s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE li jinvolvu obbligi ta' ħlas meta l-baġit tal-istat m'għandux biżżejjed fondi disponibbli u meta d-dejn pubbliku jaqbeż nofs il-prodott domestiku gross; jieħu nota tad-djalogu għaddej bejn il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-kwistjoni;

21.  Jikkritika l-proċess aċċellerat tal-promulgazzjoni ta’ liġijiet importanti peress li jdgħajjef id-drittijiet tal-partiti tal-oppożizzjoni li jkunu involuti b’mod effettiv fil-proċess leġiżlattiv, u b’hekk jiġi limitat l-iskrutinju tagħhom tal-azzjonijiet tal-maġġoranza u tal-gvern u, finalment, tiġi affettwata ħażin is-sistema ta’ kontrolli u bilanċi;

22.  Jinsab imħasseb dwar diversi dispożizzjonijiet tal-Liġi LXII tal-2013 dwar il-ħolqien ta’ regoli u regolamenti ġodda relatati mas-sorveljanza tas-sigurtà nazzjonali, peress li dawn jistgħu jwasslu għal effett negattiv fuq is-separazzjoni tal-poteri, l-indipendenza tal-ġudikatura, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u d-dritt għal rimedju effettiv;

23.  Ifakkar li l-indipendenza tal-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data hija garantita mill-Artikolu 16 tat-TFUE u l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

24.  Jenfasizza li l-protezzjoni kontra t-tneħħija mill-kariga waqt il-mandat hija element essenzjali tar-rekwiżit tal-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data skont il-liġi tal-UE;

25.  Jindika li l-Kummissjoni Ewropea nidiet proċedura ta’ ksur kontra l-Ungerija dwar il-legalità tat-tmiem tal-mandat ta’ dak li kien il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data, rigward l-indipendenza adegwata ta’ korp bħal dan, liema każ attwalment huwa pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

26.  Jikkundanna l-fatt li l-bidliet istituzzjonali msemmijin qabel irriżultaw fl-indeboliment ċar tas-sistemi ta’ kontrolli u bilanċi meħtieġa mill-istat tad-dritt u l-prinċipju demokratiku tas-separazzjoni tal-poteri;

Indipendenza tal-ġudikatura

27.  Ifakkar li l-indipendenza tal-ġudikatura hija meħtieġa mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u hija rekwiżit essenzjali tal-prinċipju demokratiku tas-separazzjoni tal-poteri li ġej mill-Artikolu 2 tat-TUE;

28.  Ifakkar li l-Qorti Kostituzzjonali, fid-Deċiżjoni msemmija qabel tagħha 33/2012, iddeskriviet l-indipendenza tal-ġudikatura u l-imħallfin bħala kisba tal-kostituzzjoni storika tal-Ungerija, meta ddikkjarat li “l-prinċipju ta’ indipendenza ġuridika, bl-elementi kollha tagħha, hija mingħajr ebda dubju kisba. B'hekk il-Qorti Kostituzzjonali tistabbilixxi li l-indipendenza ġuridika, u l-prinċipju riżultanti tal-pożizzjoni fissa, mhumiex biss regola normattiva tal-Liġi Fundamentali, iżda wkoll kisba tal-kostituzzjoni storika. B'hekk dan huwa prinċipju ta' interpretazzjoni obbligatorju għal kulħadd, ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Fundamentali, u li għandu jiġi applikat ukoll matul l-esplorazzjoni ta' kontenut potenzjali ieħor tal-Liġi Fundamentali’(11);

29.  Jenfasizza li s-salvagwardja effettiva tal-indipendenza tal-forom ġudizzjarji tifforma l-bażi tad-demokrazija fl-Ewropa u hija prerekwiżit għall-konsolidazzjoni tal-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ad-diversi Stati Membri u, konsegwentement, għal kooperazzjoni transkonfinali bla xkiel fil-qasam komuni tal-ġustizzja, ibbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku kif stabbilit fl-Artikoli 81 tat-TFUE (kwistjonijiet ċivili) u 82 tat-TFUE (kwistjonijiet kriminali);

30.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-miżuri numerużi adottati – kif ukoll ċerti riformi attwali – ma jipprovdux biżżejjed assigurazzjonijiet ta’ salvagwardji kostituzzjonali dwar l-indipendenza tal-ġudikatura u l-indipendenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Ungerija;

31.  Iqis li t-terminazzjoni qabel il-waqt tal-mandat tal-President tal-Qorti Suprema tikser il-garanzija tas-sikurezza tal-mandat, li hija element ewlieni tal-indipendenza tal-ġudikatura;

32.  Jilqa’ d-Deċiżjoni 33/2012 imsemmija hawn fuq tal-Qorti Kostituzzjonali li tiddikjara li t-terminazzjoni obbligatorja tas-servizz tal-imħallfin fl-età ta’ 62 sena mhijiex kostituzzjonali kif ukoll id-Deċiżjoni msemmija hawn fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tas-6 ta’ Novembru 2012, li tiddikjara li t-tnaqqis radikali tal-età tal-irtirar tal-imħallfin fl-Ungerija hija diskriminazzjoni mhux ġustifikata fuq il-bażi tal-età u b’hekk tikser id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE;

33.  Jilqa' l-emendi tal-Att CLXI tal-2011 dwar l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tal-qrati tal-Ungerija u l-Att CLXII tal-2011 dwar l-istatus legali u r-remunerazzjoni tal-imħallfin tal-Ungerija, adottati mill-Parlament Ungeriż fit-2 ta' Lulju 2012, li jindirizzaw parti kbira mit-tħassib espress fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2012 u mill-Kummissjoni ta' Venezja fl-opinjoni tagħha;

34.  Jiddispjaċih, madankollu, li ma ġewx implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni ta' Venezja, b'mod partikolari dwar il-bżonn li jiġu limitati s-setgħat diskrezzjonali tal-President tal-Uffiċċju Ġuridiku Nazzjonali fil-kuntest tat-trasferiment tal-każijiet, li potenzjalment jaffettwaw id-dritt ta' proċess ġust u d-dritt ta' mħallef ġust; jieħu nota tad-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni mill-Gvern Ungeriż biex jirrieżamina s-sistema ta’ trasferiment ta’ kawżi; jemmen li, f’dan ir-rigward, għandhom jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja;

35.  Jilqa’ l-adozzjoni tal-Att XX tal-2013 dwar l-emendi leġiżlattivi relatati mal-limitu massimu tal-età applikabbli għal ċerti relazzjonijiet legali ġuridiċi, li jistabbilixxi l-età tal-irtirar tal-imħallfin għal 65 sena fit-tmiem ta' perjodu tranżitorju ta' 10 snin u jorganizza d-dħul mill-ġdid ta’ dawk l-imħallfin li ġew imkeċċija inġustament;

36.  Jiddispjaċih, madankollu, li fil-każ tal-imħallfin li jippresjedu, l-Att XX tal-2013 jipprovdi għad-dħul mill-ġdid tagħhom fil-pożizzjonijiet eżekuttivi oriġinali tagħhom biss jekk dawn il-pożizzjonijiet ġudizzjarji jkunu għadhom vakanti, bil-konsegwenza li ftit biss mill-imħallfin li tkeċċew inġustament huma garantiti li jiġu riintegrati fl-istess pożizzjoni eżatta bl-istess dmirijiet u responsabbiltajiet li kellhom qabel it-tkeċċija tagħhom;

37.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal tabella ta' valutazzjoni permanenti dwar il-ġustizzja f'kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE kif imressqa mill-Viċi President Reding, li turi li s-salvagwardja tal-indipendenza tal-ġudikatura hija ta' tħassib ġenerali għall-UE; jenfasizza l-fatt li f’xi Stati Membri jista’ jqum tħassib serju dwar dawn il-kwistjonijiet; jitlob għal tkabbir tat-tabella ta’ valutazzjoni tal-ġustizzja biex tkopri wkoll il-ġustizzja kriminali, id-drittijiet fundamentali, l-Istat tad-dritt u d-demokrazija, kif diġà mitlub;

38.  Jirrikonoxxi l-professjonaliżmu u d-dedikazzjoni tal-komunità ġudizzjarja Ungeriża u l-impenn tagħha lejn l-istat tad-dritt, u jfakkar li minn meta beda l-proċess demokratiku fl-Ungerija l-Qorti Kostituzzjonali ġiet rikonoxxuta bħala korp kostituzzjonali eċċezzjonali fl-Ewropa u fid-dinja;

Ir-riforma elettorali

39.  Ifakkar li t-tfassil mill-ġdid tad-distretti elettorali, l-adozzjoni tal-Att dwar l-elezzjoni tal-membri tal-parlament tal-Ungerija u l-liġi dwar il-proċedura elettorali jbiddlu b’mod konsiderevoli l-qafas legali u istituzzjonali għall-elezzjonijiet li jmiss fl-2014, u għalhekk jiddispjaċih li dawn il-liġijiet ġew adottati b'mod unilaterali mill-partiti li qegħdin imexxu mingħajr konsultazzjoni wiesgħa mal-oppożizzjoni.

40.  Jinsab imħasseb li fl-ambjent politiku attwali d-dispożizzjonijiet eżistenti għall-proċedura tan-nomina tal-membri tal-Kumitat Elettorali Nazzjonali ma jiggarantux ir-rappreżentanza bilanċjata u l-indipendenza tal-kumitat b’mod xieraq;

41.  Jilqa’ l-fatt li l-awtoritajiet Ungeriżi talbu l-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar l-Att dwar l-Elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ungeriż tal-20 ta’ Jannar 2012; jikkunsidra madankollu li hija meħtieġa analiżi komprensiva sabiex jiġi evalwat ix-xenarju elettorali li ġie mibdul b'mod fundamentali.

42.  Jilqa’ l-fatt li l-Att XXXVI tal-2013 dwar il-proċedura tal-elezzjonijiet fl-Ungerija, u l-Artikolu 42 b’mod partikolari, jipprevedi li, fuq talba, il-persuni b’diżabbiltajiet iridu jiġu pprovduti bi struzzjonijiet bil-lingwa Braille, b’informazzjoni rilevanti li tinqara faċilment, b’kampjun tal-votazzjoni bil-Braille fil-postijiet tal-votazzjoni kif ukoll b’aċċessibilità sħiħa għall-postijiet tal-votazzjoni, u għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet ta’ dawk li jużaw siġġu bir-roti; barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 52 tal-Att fuq imsemmi, il-votanti diżabbli jistgħu jitlobu li jiġu rreġistrati f’postijiet tal-votazzjoni oħra li jkunu iżjed aċċessibbli sabiex jivvutaw fil-kostitwenza partikolari, skont l-obbligu tal-ħolqien ta’ mill-inqas post tal-votazzjoni wieħed kompletament aċċessibbli f’kull kostitwenza stabbilit fl-Artikolu 81;

Il-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni

43.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-awtoritajiet Ungeriżi li wasslu għal bidliet leġiżlattivi li għandhom l-għan li jindirizzaw numru ta' nuqqasijiet li ġew identifikati sabiex titjieb il-leġiżlazzjoni dwar il-mezzi tal-komunikazzjoni u ssir konformi mal-istandards tal-UE u tal-Kunsill tal-Ewropa;

44.  Jilqa' d-djalogu kostruttiv kontinwu ma' atturi internazzjonali u jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Gvern Ungeriż tat riżultati tanġibbli, kif jidher fl-Att XXXIII tal-2013, li jindirizza ftit mit-tħassib enfasizzat preċedentement fil-valutazzjonijiet legali tal-leġiżlazzjoni dwar il-mezzi tal-komunikazzjoni, b'mod partikolari b'rabta mal-proċeduri tal-ħatra u tal-elezzjoni għall-presidenti tal-Awtorità tal-Midja u l-Kunsill tal-Midja; ifakkar madankollu li għad hemm xi tħassib dwar l-indipendenza tal-awtorità tal-mezzi tal-komunikazzjoni;

45.  Jesprimi tħassib dwar l-effetti tad-dispożizzjoni tar-Raba’ Emenda li tipprojbixxi r-reklamar politiku fil-mezzi tal-komunikazzjoni kummerċjali peress li, għalkemm l-għan iddikjarat ta' din id-dispożizzjoni huwa li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-kampanji politiċi u li jinħolqu opportunitajiet indaqs għall-partiti, din tipperikola l-għoti ta’ informazzjoni bilanċjata; jinnota li l-Gvern Ungeriż jinsab f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kwistjoni tar-regoli dwar ir-reklamar politiku; jinnota li jeżistu wkoll restrizzjonijiet f’pajjiżi Ewropej oħrajn; jieħu nota tal-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar ir-Raba’ emenda tal-Liġi Fundamentali Ungeriża (Nru CDL-AD(2013) 012), li tiddikjara li “limiti fuq ir-reklamar politiku ġew ikkunsidrati fil-kuntest tal-Istati Membru partikolari” u li “il-projbizzjoni ta’ kull reklamar politiku fis-servizzi tal-mezzi tal-komunikazzjoni kummerċjali, li jintużaw b’mod aktar wiesa’ fl-Ungerija mill-midja tas-servizz pubbliku, se ttellef l-oppożizzjoni minn ċans importanti li ssemma’ l-fehmiet tagħha b’mod effettiv u għalhekk se tagħti saħħa lill-pożizzjoni dominanti tal-gvern fil-kopertura tal-mezzi tal-komunikazzjoni”;

46.  Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Ungeriżi biex jieħdu azzjoni sabiex iwettqu jew jikkummissjonaw valutazzjonijiet regolari proattivi dwar l-impatt tal-leġiżlazzjoni fuq l-ambjent tal-mezzi tal-komunikazzjoni (tnaqqis fil-kwalità tal-ġurnaliżmu, mumenti ta' awtoċensura, restrizzjoni tal-libertà editorjali u tnaqqis radikali fil-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà tal-impjieg għall-ġurnalisti);

47.  Jikkundanna l-fatt li l-Aġenzija Ungeriża għall-Aħbarijiet tal-istat (MTI) inħolqot bħala l-unika fornitur tal-aħbarijiet għax-xandara tas-servizz pubbliku, filwaqt li x-xandara privati kbar kollha huma mistennija li jkollhom is-servizz tal-aħbarijiet tagħhom stess, fisser li din għandha monopolju virtwali fis-suq, peress li l-maġġoranza tal-aħbarijiet tagħha huma disponibbli b'xejn; ifakkar fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa biex jiġi eliminat l-obbligu tax-xandara pubbliċi li jużaw l-aġenzija tal-aħbarijiet nazzjonali peress li dan jikkostitwixxi restrizzjoni mhux raġonevoli u inġusta fuq il-pluralità tal-provvista tal-aħbarijiet;

48.  Jinnota li l-awtorità għall-kompetizzjoni nazzjonali teħtieġ li tagħmel valutazzjonijiet regolari tal-ambjenti u s-swieq tal-mezzi tal-komunikazzjoni, u tenfasizza t-theddid potenzjali għall-pluraliżmu;

49.  Jisħaq fuq il-fatt li l-miżuri biex jiġi rregolat l-aċċess tal-mezzi tal-komunikazzjoni għas-suq permezz ta' liċenzji tax-xandir u proċeduri ta' awtorizzazzjoni, regoli għall-protezzjoni tas-sigurtà statali, nazzjonali jew militari u tal-ordni pubblika u regoli dwar il-moralità pubblika m'għandhomx jiġu abbużati bl-iskop li jiġu imposti kontroll jew ċensura politiċi jew partiġjani fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni, u jenfasizza li għandu jiġi żgurat bilanċ xieraq f'dan ir-rigward;

50.  Jinsab imħasseb li x-xandir tas-servizz pubbliku huwa kontrollat minn sistema istituzzjonali estremament ċentralizzata li tieħu d-deċiżjonijiet operazzjonali reali mingħajr ebda skrutinju pubbliku; jenfasizza li l-prattiki tal-offerta preġudikati u opaki u l-informazzjoni preġudikata li tingħata mix-xandir għas-servizz tal-pubbliku li tilħaq udjenza vasta jfixklu s-suq tal-mezzi tal-komunikazzjoni; jenfasizza l-fatt li, f’konformità mal-Protokoll Nru 29 tat-Trattat ta’ Lisbona (dwar is-Sistema tax-Xandir Pubbliku fl-Istati Membri), is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri hija relatata direttament mal-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ kull soċjetà u mal-ħtieġa li jiġi ppreservat il-pluraliżmu fil-mezzi tal-komunikazzjoni;

51.  Ifakkar li r-regolamenti dwar il-kontenut għandhom ikunu ċari, u jippermettu liċ-ċittadini u lill-kumpaniji tal-mezzi tal-komunikazzjoni li jipprevedu f'liema każijiet ikunu se jiksru l-liġi u jiddeterminaw il-konsegwenzi legali ta' kwalunkwe ksur possibbli; jinnota bi tħassib li minkejja regolamenti dwar il-kontenut daqshekk iddettaljati, pożizzjonijiet pubbliċi anti-Rom reċenti baqgħu ma ġewx issanzjonati mill-Awtorità Ungeriża għall-Mezzi tal-Komunikazzjoni, u jsejjaħ għal applikazzjoni bbilanċjata tal-liġi;

Id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi

52.  Jinnota li l-Parlament Ungeriż daħħal leġiżlazzjoni fl-oqsma kriminali u ċivili biex jiġġieled l-inċitament razzist u d-diskors ta' mibegħda; jikkunsidra li l-miżuri leġiżlattivi li ġew adottati huma punt ta’ bidu importanti biex jinkiseb l-għan li tinħoloq soċjetà ħielsa mill-intolleranza u d-diskriminazzjoni fl-Ewropa, peress li l-miżuri konkreti jistgħu jinbnew biss permezz ta’ leġiżlazzjoni soda; jindika, madankollu, li l-leġiżlazzjoni jeħtieġ li tiġi implimentata attivament;

53.  Jenfasizza li l-awtoritajiet fl-Istati Membri kollha għandhom obbligu pożittiv li jieħdu azzjoni biex jevitaw il-ksur tad-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, ma jistgħux jibqgħu newtrali u għandhom jieħdu l-miżuri legali, edukattivi u politiċi meħtieġa meta jiffaċjaw dan il-ksur; jinnota l-emenda tal-Kodiċi Penali tal-2011 biex jiġu evitati kampanji ta' gruppi estremisti bl-għan li jintimidaw il-komunitajiet tar-Rom, li thedded bi priġunerija sa tliet snin “l-imġiba antisoċjali provokattiva” li tnissel il-biża’ f’membru ta’ komunità nazzjonali, etnika, razzjali jew reliġjuża; jirrikonoxxi r-rwol tal-Gvern Ungeriż fit-tnedija tal-Qafas Ewropew għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom matul il-presidenza tal-UE tagħha fl-2011;

54.  Jinnota bi tħassib it-tibdil ripetut fl-ordni legali li jirrestrinġi d-drittijiet tal-persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali u transġeneru (LGBT), pereżempju bit-tentattiv li jiġu esklużi l-koppji tal-istess sess u t-tfal tagħhom, kif ukoll forom differenti oħra ta’ familji, mid-definizzjoni ta' 'familja' fil-Liġi Fundamentali; jenfasizza li dan imur kontra l-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u joħloq ambjent ta’ intolleranza fil-konfront ta’ persuni LGBT;

55.  Jilqa’ l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet fil-Kostituzzjoni Ungeriża mir-Raba’ Emenda li tiddikjara li “l-Ungerija se tfittex li tipprovdi akkomodazzjoni deċenti u aċċess għas-servizzi pubbliċi lil kull persuna” u li “l-Istat u l-gvernijiet lokali għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni deċenti billi jfittxu li jipprovdu akkomodazzjoni lill-persuni kollha mingħajr dar”; jesprimi tħassib, madankollu, dwar il-fatt li “sabiex jiġu protetti l-ordni pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika u l-valuri kulturali, Att tal-Parlament jew ordinanza lokali jistgħu jiddikjaraw illegali s-sitwazzjoni li fiha persuna tbiddel żona pubblika f'dar permanenti tagħha fir-rigward ta' parti speċifika ta' tali żona pubblika”, li jista' jwassal sabiex il-kundizzjoni ta' persuna mingħajr dar tiġi indirizzata permezz tal-liġi kriminali; ifakkar li l-Qorti Kostituzzjonali Ungeriża qieset li miżuri simili li jinsabu fl-Att dwar Reati Żgħar ma kinux kostituzzjonali peress li kienu kontra d-dinjità tal-bniedem;

Il-libertà tar-reliġjon u ta’ twemmin u r-rikonoxximent tal-knejjes

56.  Jinnota bi tħassib li l-bidliet introdotti fil-Liġi Fundamentali mir-Raba’ Emenda jagħtu lill-parlament is-setgħa li jirrikonoxxi, permezz ta’ liġijiet kardinali u mingħajr id-dmir kostituzzjonali li jiġġustifika r-rifjut ta' rikonoxximent, ċerti organizzazzjonijiet involuti f'attivitajiet reliġjużi bħal knejjes, li jista’ jaffettwa b'mod negattiv id-dmir tal-Istat li jibqa' newtrali u imparzjali fir-relazzjonijiet tiegħu mad-diversi reliġjonijiet u twemmin;

Konklużjoni

57.  Itenni li jagħti importanza kbira lir-rispett tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-Istati Membri kollha u jirrifjuta l-applikazzjoni ta’ standards doppji fit-trattament tal-Istati Membri; jenfasizza li sitwazzjonijiet simili jew oqfsa legali u dispożizzjonijiet għandhom jiġu vvalutati bl-istess mod; huwa tal-fehma li l-fatt minnu nnifsu li jinbidlu u jiġu adottati l-liġijiet ma jistax jiġi kkunsidrat bħala inkompatibbli mal-valuri tat-Trattati; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika każijiet ta’ nuqqas ta’ kompatibbiltà mad-dritt tal-UE u lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biex tiddeċiedi dwar kwalunkwe każ bħal dan;

58.  Jikkonkludi – fir-rigward tar-raġunijiet spjegati hawn fuq – li t-tendenza sistematika u ġenerali li jiġi modifikat il-qafas kostituzzjonali u legali f'perjodi qosra ħafna, u l-kontenut ta' dawn il-modifiki, hija inkompatibbli mal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE, l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 6 tat-TUE u titbiegħed mill-prinċipji msemmija fl-Artikolu 4(3) tat-TUE; iqis li – sakemm ma tiġix aġġustata fil-ħin u b’mod adegwat – din it-tendenza se tirriżulta f'riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE;

III – Rakkomandazzjonijiet
Preambolu

59.  Itenni li din ir-riżoluzzjoni mhijiex biss dwar l-Ungerija, iżda b'mod inseparabbli dwar l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, u r-rikostruzzjoni u l-iżvilupp demokratiċi tagħha wara l-waqgħa tat-totalitarjaniżmu tas-seklu għoxrin; Ir-riżoluzzjoni hija dwar il-familja Ewropea, il-valuri komuni u l-istandards tagħha, l-inklużività u l-kapaċità tagħha li timpenja ruħha fi djalogu. Hija dwar il-ħtieġa li jiġu implimentati t-Trattati li l-Istati Membri kollha ssieħbu fihom b'mod volontarju. Hija dwar l-għajnuna reċiproka u l-fiduċja reċiproka li l-Unjoni, iċ-ċittadini tagħha u l-Istati Membri jeħtieġu li jkollhom jekk dawn it-Trattati jridu jkunu aktar minn sempliċiment kliem fuq karta, iżda pjuttost il-bażi legali għal Ewropa vera, ġusta u miftuħa li tirrispetta d-drittijiet fundamentali;

60.  Jikkondividi l-idea ta' Unjoni li mhijiex biss 'unjoni ta' demokraziji' iżda wkoll 'Unjoni ta' Demokrazija', ibbażata fuq soċjetajiet pluralistiċi fejn huma prevalenti r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

61.  Itenni li, għalkemm fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika u soċjali dak li jkun jista’ jaqa’ għat-tentazzjoni li jinjora l-prinċipji kostituzzjonali, il-kredibilità u s-sodezza tal-istituzzjonijiet kostituzzjonali għandhom rwol ċentrali għall-appoġġ tal-politiki ekonomiċi, fiskali u soċjali u tal-koeżjoni soċjali;

Appell lill-Istati Membri kollha

62.  Jitlob lill-Istati Membri sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom tat-Trattat għar-rispett, il-garanzija, il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-valuri komuni tal-Unjoni, li huma kundizzjoni indispensabbli għar-rispett tad-demokrazija u b’hekk tal-essenza taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, u għall-ħolqien ta' kultura ta' fiduċja reċiproka li tippermetti kooperazzjoni transkonfinali effettiva u spazju reali ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja;

63.  Iqis li huwa d-dmir morali u legali tal-Istati Membri kollha, kif ukoll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li jiddefendu l-valuri Ewropej kif stabbiliti fit-Trattati, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li kull Stat Membru huwa firmatarju tagħhom u li magħhom l-UE daqt se tissieħeb;

64.  Jistieden lill-parlamenti nazzjonali sabiex isaħħu r-rwol tagħhom fil-monitoraġġ tal-konformità mal-valuri fundamentali u jiddenunzjaw kwalunkwe riskju ta' deterjorament ta' dawn il-valuri li jista' jkun hemm ġewwa l-fruntieri tal-UE bl-għan li tinżamm il-kredibilità tal-Unjoni fir-rigward tal-pajjiżi terzi, li hija bbażata fuq is-serjetà li biha l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jqisu l-valuri li għażlu bħala pedamenti;

65.  Jistenna li l-Istati Membri kollha jieħdu l-passi neċessarji, b’mod partikolari fi ħdan il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sabiex jikkontribwixxu b’mod leali għall-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni u sabiex jikkooperaw mal-Parlament u l-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-osservanza tagħhom, speċjalment fil-qafas tat-'Trilogu tal-Artikolu 2' imsemmi fil-paragrafu 85;

Appell lill-Kunsill Ewropew

66.  Ifakkar lill-Kunsill Ewropew dwar ir-responsabbiltajiet tiegħu fil-qafas tal-qasam tal-ħelsien, il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja;

67.  Jinnota b'dispjaċir li l-Kunsill Ewropew huwa l-unika istituzzjoni politika tal-UE li baqgħet siekta, filwaqt li l-Kummissjoni, il-Parlament, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OSKE u anke l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti esprimew tħassib dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija;

68.  Iqis li l-Kunsill Ewropew ma jistax jibqa' passiv f'każijiet fejn wieħed mill-Istati Membri jikser id-drittijiet fundamentali jew jimplimenta bidliet li jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv l-istat tad-dritt f'dak il-pajjiż u b'hekk l-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea inġenerali, b'mod partikolari meta l-fiduċja reċiproka fis-sistema legali u l-kooperazzjoni ġudizzjarja jistgħu jitqiegħdu f'riskju, peress li dan għandu impatt negattiv fuq l-Unjoni nnifisha;

69.  Jistieden lill-President tal-Kunsill Ewropew jinforma lill-Parlament dwar il-valutazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni;

Rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni

70.  Jistieden lill-Kummissjoni bħala l-gwardjana tat-Trattati u bħala l-korp responsabbli biex jiżgura li d-dritt tal-Unjoni jiġi applikat b’mod korrett, taħt is-superviżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

   sabiex tinforma lill-Parlament dwar il-valutazzjoni tagħha tar-Raba’ Emenda tal-Liġi Fundamentali u l-impatt tagħha fuq il-kooperazzjoni fi ħdan l-UE;
   sabiex tkun determinata li tiżgura l-konformità sħiħa mal-valuri u d-drittijiet fundamentali komuni stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE, peress li l-ksur tagħhom imur kontra l-pedamenti stess tal-Unjoni u l-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri;
   sabiex tniedi investigazzjoni oġġettiva u tibda proċedimenti ta' ksur kull meta tqis li Stat Membru jkun naqas milli jissodisfa obbligu taħt it-Trattati u, b'mod partikolari, ikun qed jikser id-drittijiet imħaddna fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;
   sabiex tevita kull standard doppju fit-trattament tal-Istati Membri, u tiżgura li, f’sitwazzjonijiet simili, l-Istati Membri kollha jiġu trattati b’mod simili, u b’hekk ikun hemm rispett sħiħ tal-prinċipju tal-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati;
   sabiex tiffoka mhux biss fuq il-ksur speċifiku tad-dritt tal-UE li għandu jiġi rimedjat b'mod partikolari permezz tal-Artikolu 258 tat-TFUE, iżda wkoll biex twieġeb b’mod xieraq għal bidla sistematika tas-sistema u l-prattika kostituzzjonali u legali ta' Stat Membru fejn bosta reati ta' ksur ripetuti sfortunatament jirriżultaw fi stat ta' inċertezza tad-dritt li ma jibqax jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 2 tat-TUE;
   sabiex tadotta approċċ iktar komprensiv meta tindirizza kwalunkwe riskju potenzjali ta’ ksur serju tal-valuri fundamentali fi Stat Membru partikolari fi stadju bikri u tidħol immedjatament fi djalogu politiku strutturat mal-Istat Membru rilevanti u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE; dan id-djalogu politiku strutturat għandu jiġi kkoordinat fl-ogħla livell politiku tal-Kummissjoni u jkollu impatt ċar fuq l-ambitu sħiħ tan-negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat fid-diversi oqsma tal-UE;
   biex toħloq, malli jiġu identifikati r-riskji tal-ksur tal-Artikolu 2 tat-TUE, “Aġenda ta' Twissija dwar l-Artikolu 2 tat-TUE’, jiġifieri mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tal-valuri tal-Unjoni, li l-Kummissjoni għandha tindirizza bi prijorità u urġenza esklużivi, ikkoordinat fl-ogħla livell politiku u meqjus fid-diversi politiki settorjali tal-UE, sakemm tiġi rkuprata l-konformità sħiħa mal-Artikolu 2 tat-TUE u jitneħħa kull riskju ta' ksur tiegħu, kif previst ukoll fl-ittra tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin ta' erba' Stati Membri li jinsistu mal-President tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġi żviluppat metodu ġdid u aktar effettiv ta' salvagwardja tal-valuri fundamentali sabiex ikun hemm aktar enfasi fuq il-promozzjoni ta' kultura ta' rispett għall-istat tad-dritt, li ġiet ikkunsidrata mill-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt u fir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2012 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-6 u s-7 ta' Ġunju 2013;
   sabiex torganizza laqgħat fuq livell tekniku mas-servizzi tal-Istat Membru kkonċernat iżda ma tikkonkludi l-ebda negozjati f’oqsma politiki minbarra dawk relatati mal-Artikolu 2 tat-TUE sakemm tiġi żgurata konformità sħiħa mal-Artikolu 2 tat-TUE;
   sabiex tapplika approċċ orizzontali li jinvolvi s-servizzi kkonċernati kollha tal-Kummissjoni ħalli jiġi żgurat rispett għall-istat tad-dritt fl-oqsma kollha, inkluż is-settur ekonomiku u soċjali;
   sabiex taġġorna l-komunikazzjoni tagħha tal-2003 dwar l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (COM(2003)0606) u tfassal proposta dettaljata għal mekkaniżmu ta' monitoraġġ rapidu u indipendenti u sistema ta' twissija bikrija;
   sabiex tissorvelja regolarment il-funzjonament korrett taż-żona Ewropea ta' ġustizzja u tieħu azzjoni meta l-indipendenza tal-ġudikatura titpoġġa f'riskju fi kwalunkwe Stat Membru, bl-għan li jiġi evitat it-tnaqqis fil-fiduċja reċiproka fost l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, li b’mod inevitabbli joħloq ostakoli għall-applikazzjoni korretta tal-istrumenti tal-UE għar-rikonoxximent reċiproku u l-kooperazzjoni transkonfinali;
   sabiex tiżgura li l-Istati Membri jiggarantixxu implimentazzjoni korretta tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fir-rigward tal-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni u tal-aċċess ugwali għall-informazzjoni;
   sabiex tissorvelja l-implimentazzjoni effettiva tar-regoli li jiżguraw proċeduri trasparenti u ġusti għall-finanzjament tal-mezzi tal-komunikazzjoni u r-reklamar statali u l-allokazzjoni tal-isponsorizzar, sabiex jiġi ggarantit li dawn ma jikkawżaw l-ebda interferenza fir-rigward tal-libertà tal-informazzjoni u l-espressjoni, il-pluraliżmu jew il-linji editorjali meħudin mill-mezzi tal-komunikazzjoni;
   sabiex tieħu miżuri xierqa, fil-ħin, proporzjonati u progressivi fejn ikun hemm tħassib fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni, l-informazzjoni, il-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni u l-pluraliżmu fl-UE u fl-Istati Membri fuq il-bażi ta' analiżi dettaljata u bir-reqqa tas-sitwazzjoni u l-problemi li għandhom jiġu solvuti u l-aħjar modi kif jiġu indirizzati;
   sabiex tindirizza dawn il-kwistjonijiet fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva sabiex titjieb il-kooperazzjoni bejn il-korpi regolatorji tal-Istati Membri u l-Kummissjoni, u jitwettqu kemm jista' jkun malajr reviżjoni u emenda tad-Direttiva u b’mod partikolari tal-Artikoli 29 u 30 tagħha;
   sabiex tkompli għaddejja bid-djalogu mal-gvern Ungeriż dwar il-konformità mad-dritt tal-UE tal-proposta l-ġdida tar-Raba' Emenda li tippermetti lill-Gvern Ungeriż jimponi taxxa speċjali sabiex jiġu implimentati sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE li jinvolvu obbligi ta' ħlas meta l-baġit tal-istat ma jkollux biżżejjed fondi disponibbli u meta d-dejn pubbliku jaqbeż nofs il-prodott domestiku gross, u tissuġġerixxi miżuri adegwati biex tipprevjeni ksur potenzjali tal-kooperazzjoni sinċiera kif stabbilita fl-Artikolu 4(3) tat-TUE;

71.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-adeżjoni li jmiss tal-Unjoni mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem iwasslu għal arkitettura ġdida fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, struttura li tqiegħed iktar minn qatt qabel id-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tagħha, li b’hekk tati lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-Trattati, iktar responsabbiltajiet f’dan il-qasam;

Rakkomandazzjonijiet lill-Awtoritajiet Ungeriżi

72.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ungeriżi jimplimentaw malajr kemm jista’ jkun il-miżuri kollha li l-Kummissjoni Ewropea bħala l-gwardjana tat-trattati tqis neċessarji sabiex ikun hemm konformità sħiħa mad-dritt tal-UE, mad-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali Ungeriża u biex jimplimentaw malajr kemm jista’ jkun ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin, b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja, tal-Kunsill tal-Ewropa u korpi internazzjonali oħrajn għall-protezzjoni tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, bl-għan li jkun hemm konformità sħiħa mal-istat tad-dritt u r-rekwiżiti ewlenin tiegħu dwar l-ambitu kostituzzjonali, is-sistema ta’ kontrolli u bilanċi u l-indipendenza tal-ġudikatura, kif ukoll dwar salvagwardji b’saħħithom għad-drittijiet fundamentali, inkluża l-libertà ta' espressjoni, il-mezzi tal-komunikazzjoni u r-reliġjon jew it-twemmin, il-protezzjoni tal-minoranzi, l-azzjoni biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni u d-dritt għall-proprjetà;

  

Dwar id-Dritt Fundamentali:

   biex jirrestawraw bis-sħiħ is-supremazija tad-Dritt Fundamentali billi jitneħħew minnu dawk id-dispożizzjonijiet li qabel ġew iddikjarati bħala mhux kostituzzjonali mill-Qorti Kostituzzjonali;
   biex inaqqsu l-użu rikorrenti tal-liġijiet kardinali b’tali mod li l-oqsma tal-politika bħall-familja, dawk soċjali, fiskali u baġitarji jitħallew għal-leġiżlazzjoni ordinarja u l-maġġoranzi;
   biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja, u b’mod partikolari, jirrevedu l-lista ta’ oqsma ta’ politika li jeħtieġu maġġoranza kwalifikata bl-għan li jkunu żgurati elezzjonijiet futuri b’sinifikat;
   biex jiżguraw sistema parlamentari ħajja li tirrispetta wkoll il-forzi tal-oppożizzjoni billi tati lok għal żmien raġonevoli għal dibattitu ġenwin bejn il-maġġoranza u l-oppożizzjoni u għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku ġenerali fil-proċedura leġiżlattiva;
   biex jiżguraw l-iktar parteċipazzjoni wiesgħa possibbli tal-partiti parlamentari kollha fil-proċess kostituzzjonali, anke jekk il-maġġoranza speċjali rilevanti tkun miżmuma mill-koalizzjoni li qed tiggverna waħedha;
  

Dwar il-kontrolli u l-bilanċi:

   biex jirrestawraw b’mod sħiħ il-prerogattivi tal-Qorti Kostituzzjonali bħala l-korp suprem tal-protezzjoni kostituzzjonali, u b’hekk il-preċedenza tal-Liġi Fundamentali, billi jitneħħew mit-test tagħha l-limitazzjonijiet fuq is-setgħa tal-Qorti Kostituzzjonali li tirrevedi l-kostituzzjonalità ta' kwalunkwe bidla fil-Liġi Fundamentali kif ukoll l-abolizzjoni ta' għoxrin sena ta' każistika kostituzzjonali; biex jagħtu lura d-dritt lill-Qorti Kostituzzjonali li tirrevedi l-leġiżlazzjoni kollha mingħajr eċċezzjoni, bl-għan li jinħoloq kontrobilanċ għall-azzjonijiet parlamentari u eżekuttivi u li jiġi żgurat stħarriġ ġudizzjarju sħiħ; stħarriġ ġudizzjarju u kostituzzjonali ta’ dan it-tip jista’ jsir b’modi differenti u fi Stati Membri differenti, skont il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull storja kostituzzjonali nazzjonali, iżda ladarba tiġi stabbilita, Qorti Kostituzzjonali bħal dik Ungeriża, li wara l-waqgħa tar-reġim Komunista malajr bniet reputazzjoni fost il-Qrati Supremi fl-Ewropa, m'għandhiex tkun soġġetta għal miżuri mmirati sabiex inaqqsu l-kompetenzi tagħha u b'hekk idgħajfu l-istat tad-dritt;
   biex jiksbu lura l-possibbiltà għas-sistema ġudizzjarja li tirreferi għall-każistika tal-Qorti Kostituzzjonali ppubblikata qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Fundamentali, b’mod partikolari fil-qasam tad-drittijiet fundamentali(12);
   biex jimmiraw għall-kunsens meta jkunu qegħdin jiġu eletti l-membri tal-Qorti Kostituzzjonali bl-involviment sinifikanti tal-oppożizzjoni, u biex jiżguraw li l-membri tal-qorti jkunu ħielsa mill-influwenza politika;
   biex jirrestawraw il-prerogattivi tal-parlament fil-qasam tal-baġit u b’hekk jiżguraw il-leġittimità demokratika sħiħa tad-deċiżjonijiet tal-baġit billi titneħħa r-restrizzjoni tas-setgħat parlamentari mill-Kunsill tal-Baġit mhux parlamentari;
    
   biex jipprovdu kjarifiki dwar kif l-awtoritajiet Ungeriżi beħsiebhom isolvu t-tmiem prematur tal-mandat tal-uffiċjali anzjani bl-għan li tiġi żgurata l-indipendenza istituzzjonali tal-awtorità għall-protezzjoni tad-data;
  

Dwar l-indipendenza tal-ġudikatura:

   biex jiggarantixxu għalkollox l-indipendenza tal-ġudikatura billi jiżguraw li jiġu stabbiliti fil-Liġi Fundamentali l-prinċipji ta’ pożizzjoni fissa u l-mandat garantit tal-imħallfin, ir-regoli dwar l-istruttura u l-kompożizzjoni tal-korpi governattivi tal-ġudikatura, kif ukoll is-salvagwardja tal-indipendenza tal-Qorti Kostituzzjonali kif imħaddna fil-Liġi Fundamentali;
   biex jimplimentaw malajr u b'mod korrett id-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta' Novembru 2012 u tal-Qorti Kostituzzjonali Ungeriża, billi jagħtu ċ-ċans lill-imħallfin imkeċċija li jixtiequ jerġgħu jingħataw il-pożizzjonijiet preċedenti tagħhom li jagħmlu hekk, inklużi dawk l-imħallfin li jippresjedu li l-pożizzjonijiet eżekuttivi oriġinali tagħhom ma jkunux għadhom vakanti;
   biex jistabbilixxu kriterji tal-għażla oġġettivi, jew jagħtu mandat lill-Kunsill Ġudizzjarju Nazzjonali sabiex jistabbilixxi dawn il-kriterji, bl-għan li jiżguraw li r-regoli dwar it-trasferiment tal-każijiet jirrispettaw id-dritt ta' proċess ġust u l-prinċipju ta' mħallef ġust;
   biex jimplimentaw il-bqija tar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Opinjoni Nru CDL-AD(2012)020 tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar l-atti kardinali dwar il-ġudikatura li ġew emendati wara l-adozzjoni tal-Opinjoni CDL-AD(2012)001;
  

Dwar ir-riforma elettorali:

   biex jistiednu lill-Kummissjoni ta’ Venezja u lill-OSKE/ODIHR biex iwettqu analiżi konġunta tal-qafas legali u istituzzjonali tal-elezzjonijiet li nbidel b’mod komprensiv u biex jistiednu lill-ODIHR għal Missjoni ta’ Valutazzjoni tal-Bżonnijiet u osservazzjoni tal-elezzjonijiet fuq perjodu twil jew qasir.
– biex jikkooperaw mal-istituzzjonijiet Ewropej sabiex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi l-ġdida dwar is-Sigurtà Nazzjonali jikkonformaw mal-prinċipji fundamentali tas-separazzjoni tal-poteri, l-indipendenza tal-ġudikatura, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u d-dritt għal rimedju effettiv;
   biex jiżguraw rappreżentanza bilanċjata fi ħdan il-Kumitat tal-Elezzjonijiet Nazzjonali;
  

Dwar il-mezzi tal-komunikazzjoni u l-pluraliżmu:

   sabiex jissodisfaw l-impenn li jiddiskutu ulterjorment l-attivitajiet ta' kooperazzjoni fil-livell tal-esperti dwar il-perspettiva fuq medda ta' żmien itwal tal-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni, billi jibnu fuq il-bqija tar-rakkomandazzjonijiet l-iktar importanti tal-għarfien legali espert tal-2012 tal-Kunsill tal-Ewropa;
   sabiex jiżguraw involviment fil-ħin u mill-qrib tal-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi l-professjonisti tal-mezzi tal-komunikazzjoni, il-partiti tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili, fi kwalunkwe reviżjoni ulterjuri ta' din il-leġiżlazzjoni, li tirregola aspett daqshekk fundamentali tal-funzjonament ta' soċjetà demokratika, u fil-proċess ta' implimentazzjoni;
   sabiex josservaw l-obbligu pożittiv li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem skont l-Artikolu 10 tal-QEDB li tiġi protetta l-libertà tal-espressjoni bħala waħda mill-prerekwiżiti għal demokrazija li tiffunzjona;
   sabiex jirrispettaw, jiggarantixxu, jipproteġu u jippromwovu d-dritt fundamentali għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, kif ukoll il-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni, u sabiex ma jiżviluppawx jew ma jappoġġawx mekkaniżmi li jheddu l-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni u l-indipendenza ġurnalistika u editorjali;
   sabiex jiżguraw li jkun hemm proċeduri u mekkaniżmi oġġettivi u legalment vinkolanti fis-seħħ għall-għażla u l-ħatra ta’ kapijiet tal-mezzi tal-komunikazzjoni pubbliċi, tal-bords ta’ ġestjoni, tal-kunsilli u l-korpi regolatorji tal-mezzi tal-komunikazzjoni, f’konformità mal-prinċipji ta’ indipendenza, integrità, esperjenza u professjonaliżmu, ta’ rappreżentazzjoni tal-ispettru politiku u soċjali sħiħ, iċ-ċertezza u l-kontinwità tad-dritt;
   sabiex jipprovdu garanziji legali dwar il-protezzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' kunfidenzjalità tas-sorsi u sabiex japplikaw b'mod strett il-każistika relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;
   sabiex jiżguraw li r-regoli relatati mal-informazzjoni politika fis-settur tal-midja awdjoviżiva jiggarantixxu aċċess ġust għal kompetituri, opinjonijiet u perspettivi politiċi differenti, b'mod partikolari fi żminijiet ta' elezzjonijiet u referenda, biex b'hekk iċ-ċittadini jkunu jistgħu jiffurmaw l-opinjonijiet tagħhom stess mingħajr ebda influwenza mhux xierqa minn setgħa dominanti li ssawwar l-opinjoni;
  

Dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi:

   sabiex jieħdu, u jkomplu għaddejjin, b’azzjonijiet u miżuri effettivi biex jiżguraw li d-drittijiet fundamentali tal-persuni kollha, inklużi persuni li jagħmlu parti minn minoranzi u persuni mingħajr dar, jiġu rispettati u biex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi kollha kompetenti; biex meta jirrevedu d-definizzjoni ta’ “familja’, iqisu t-tendenza leġiżlattiva fl-Ewropa li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni ta’ familja u l-impatt negattiv ta’ definizzjoni ristretta ta’ familja fuq id-drittijiet fundamentali ta’ dawk li jkunu esklużi mid-definizzjoni l-ġdida u aktar restrittiva;
   sabiex jieħdu approċċ differenti biex fl-aħħar nett jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tal-persuni vulnerabbli li m'għandhomx dar, kif previst mit-Trattati Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li l-Ungerija hija firmatarja tagħhom, bħall-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u sabiex b'hekk jippromwovu d-drittijiet fundamentali minflok jiksruhom b’dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Liġi Fundamentali dwar il-kriminalizzazzjoni tal-persuni mingħajr dar;
   jistieden lill-Gvern Ungeriż, sabiex jagħmel minn kollox biex isaħħaħ il-mekkaniżmu tad-djalogu soċjali u ta’ konsultazzjoni estensiva u biex jiggarantixxi d-drittijiet assoċjati ma’ dan;
   jistieden lill-Gvern Ungeriż, sabiex jintensifika l-isforzi tiegħu għall-integrazzjoni tar-Rom u biex jistabbilixxi miżuri mmirati biex jiżgura l-protezzjoni tagħhom. Għandu jkun hemm reżistenza inekwivoka u soda kontra t-theddid razzjali fir-rigward tar-Rom;
  

Dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u r-rikonoxximent tal-knejjes:

   sabiex jistabbilixxu rekwiżiti ċari, newtrali u imparzjali u proċeduri istituzzjonali għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet reliġjużi bħala knejjes, li jirrispettaw id-dmir tal-Istat li jibqa' newtrali u imparzjali fir-relazzjonijiet tiegħu mad-diversi reliġjonijiet u twemmin u sabiex jipprovdi mezz effettiv ta' rimedju f'każijiet ta' nuqqas ta' rikonoxximent u nuqqas ta' deċiżjoni konformi mar-rekwiżiti kostituzzjonali stabbiliti fid-Deċiżjoni 6/2013 tal-Qorti Kostituzzjonali fuq imsemmija;

Rakkomandazzjonijiet għall-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ġdid għall-infurzar effettiv tal-Artikolu 2 tat-TUE

73.  Itenni l-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-hekk imsemmija “dilemma ta’ Kopenħagen’, fejn l-UE tibqa' stretta ħafna fir-rigward tar-rispett għall-valuri u l-istandards komuni mill-pajjiżi kandidati iżda m’għandhiex għodda ta’ monitoraġġ u sanzjonar effettivi ladarba dawn jissieħbu fl-UE;

74.  Jitlob b’insistenza li l-Istati Membri jiġu vvalutati regolarment fir-rigward tal-konformità kontinwa tagħhom mal-valuri fundamentali tal-Unjoni u mar-rekwiżiti ta' demokrazija u l-istat tad-dritt meta jitqies li tali valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq fehim Ewropew komunement aċċettat tad-dinamika kostituzzjonali u legali; jitlob b’insistenza, barra minn hekk, li sitwazzjonijiet simili fl-Istati Membri għandhom jiġu mmonitorjati skont l-istess mudell, inkella l-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati ma jiġix rispettat;

75.  Jitlob għal kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u korpi internazzjonali oħra, b'mod partikolari mal-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta' Venezja, u biex isir użu mill-kompetenza tagħhom fiż-żamma tal-prinċipji ta' demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

76.  Jirrikonoxxi u jilqa' l-inizjattivi meħuda, l-analiżi mwettqa u r-rakkomandazzjonijiet maħruġin mill-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari mis-Segretarju Ġenerali tiegħu, l-Assemblea Parlamentari, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kummissjoni ta' Venezja;

77.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE kollha sabiex iniedu riflessjoni u dibattitu konġunt – kif mitlub ukoll mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja, il-Pajjiżi Baxxi, id-Danimarka u l-Finlandja fl-ittra tagħhom fuq imsemmija lill-President tal-Kummissjoni – dwar kif l-Unjoni għandha tingħata l-għodda neċessarji sabiex twettaq l-obbligi tat-Trattat tagħha fir-rigward tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, filwaqt li jiġi evitat kwalunkwe riskju li jiġu applikati standards doppji fost l-Istati Membri tagħha;

78.  Iqis li reviżjoni tat-Trattati fil-futur għandha twassal għal distinzjoni aħjar bejn fażi inizjali, li għandha l-għan li tivvaluta kwalunkwe riskju ta' ksur serju tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE, u proċedura iktar effiċjenti f'fażi sussegwenti, fejn ikun hemm bżonn li tittieħed azzjoni biex jiġi indirizzat ksur serju u persistenti reali ta' dawk il-valuri;

79.  Minħabba l-mekkaniżmu istituzzjonali attwali stabbilit fl-Artikolu 7 tat-TUE, itenni t-talbiet li għamel, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2010-2011), għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ġdid sabiex tiġi żgurata konformità mill-Istati Membri kollha mal-valuri komuni stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE, u l-kontinwità tal-“kriterji ta’ Kopenħagen’; dan il-mekkaniżmu jista’ jassumi l-għamla ta’ ”Kummissjoni ta’ Kopenħagen’ jew grupp ta’ livell għoli, 'grupp ta’ għorrief’ jew evalwazzjoni tal-Artikolu 70 tat-TFUE, u jibdni fuq ir-riforma u t-tisħiħ tal-mandat tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, u fuq il-qafas ta’ djalogu msaħħaħ bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu;

80.  Itenni li l-istabbiliment ta’ dan il-mekkaniżmu jista’ jinvolvi r-riformulazzjoni tal-mandat tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, li għandu jissaħħaħ biex jinkludi l-monitoraġġ regolari tal-konformità tal-Istati Membri mal-Artikolu 2 tat-TUE; jirrakkomanda li 'grupp ta’ livell għoli ta’ Kopenħagen’ bħal dan jew kwalunkwe mekkaniżmu bħal dan għandu jibni fuq il-mekkaniżmi u l-istrutturi eżistenti u jikkoopera magħhom; itenni r-rwol tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, li għandha tiġbor flimkien ix-xogħol ta’ valur kbir tad-diversi korpi ta’ monitoraġġ eżistenti tal-Kunsill tal-Ewropa u d-data u l-analiżi tal-Aġenzija stess sabiex twettaq valutazzjonijiet komparattivi u regolari tal-konformità tal-Istati Membri mal-Artikolu 2 tat-TUE.

81.  Jirrakkomanda li dan il-mekkaniżmu għandu::

   ikun indipendenti mill-influwenza politika, kif għandhom ikunu l-mekkaniżmi kollha tal-Unjoni Ewropea li għandhom x’jaqsmu mal-monitoraġġ tal-Istati Membri, kif ukoll rapidu u effettiv;
   jopera b’kooperazzjoni sħiħa ma’ korpi internazzjonali oħrajn fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt;
   jissorvelja regolarment ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, l-istat tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ it-tradizzjonijiet kostituzzjonali nazzjonali;
   iwettaq dan il-monitoraġġ b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi evitat kwalunwe riskju ta’ standards doppji bejn l-Istati Membri;
   iwissi lill-UE fi stadju bikri dwar kwalunkwe riskju ta' deterjorament tal-valuri mħaddna fl-Artikolu 2 tat-TUE;
   joħroġ rakkomandazzjonijiet lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri dwar kif jiġi indirizzat u solvut kwalunkwe deterjorament tal-valuri mħaddna fl-Artikolu 2 tat-TUE;

82.  Jagħti istruzzjonijiet lill-kumitat tiegħu responsabbli għall-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali fit-territorju tal-Unjoni, u għad-determinazzjoni tar-riskji ċari ta’ ksur serju tal-prinċipji komuni minn Stat Membru, sabiex jippreżenta proposta dettaljata fil-forma ta’ rapport lill-Konferenza tal-Presidenti u lill-Plenarja;

83.  Jagħti istruzzjonijiet lill-kumitat tiegħu responsabbli mill-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini u tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, u mid-determinazzjoni tar-riskji ċari ta’ ksur serju minn Stat Membru tal-prinċipji komuni, kif ukoll lill-kumitat tiegħu responsabbli mid-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur serju u persistenti minn Stat Membru tal-prinċipji komuni għall-Istati Membri, biex jagħtu segwitu għall-iżvilupp tas-sitwazzjoni fl-Ungerija;

84.  Beħsiebu jlaqqa' Konferenza dwar din il-kwistjoni, qabel it-tmiem tal-2013, li tiġbor flimkien rappreżentanti mill-Istati Membri, mill-istituzzjonijiet Ewropej, mill-Kunsill tal-Ewropa, mill-Qrati Kostituzzjonali u Supremi nazzjonali, mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

IV – Segwitu

85.  Jistieden lill-awtoritajiet Ungeriżi sabiex jinfurmaw lill-Parlament, lill-Kummissjoni, lill-Presidenzi tal-Kunsill u tal-Kunsill tal-Ewropa, u lill-Kunsill tal-Ewropa rigward l-implimentazzjoni tal-miżuri rikjesti fil-paragrafu 72;

86.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex kull wieħed jaħtar rappreżentant li, flimkien mar-rapporteur u x-shadow rapporteurs tal-Parlament (“l-Artikolu 2 Trilogu’), se jwettaq valutazzjoni tal-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Ungeriżi dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fil-paragrafu 72, kif ukoll is-segwitu tal-modifiki futuri possibbli biex jiżguraw il-konformità mal-Artikolu 2;

87.  Jitlob lill-Konferenza tal-Presidenti sabiex tivvaluta kemm huwa xieraq li dak li jkun jirrikorri għall-mekkaniżmi previsti mit-Trattat, inkluż l-Artikolu 7(1) tat-TUE, f'każ li r-risposti mill-awtoritajiet Ungeriżi jidhru li ma jkunux konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 2 tat-TUE;

o
o   o

88.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Parlament, lill-President u lill-Gvern tal-Ungerija, lill-Presidenti tal-Qorti Kostituzzjonali u l-Kúria, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-OSKE.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0053.
(2) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 154.
(3) ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 17.
(4) ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 49.
(5) Testi adottati, P7_TA(2012)0500.
(6) Dawn il-liġijiet jinkludu liġijiet “kardinali” li d-dispożizzjonijiet kollha tagħhom jeħtieġu maġġoranza ta' żewġ terzi, liġijiet “kardinali” li d-dispożizzjonijiet speċifiċi tagħhom iridu jiġu adottati b'maġġoranza sempliċi u atti li d-dispożizzjonijiet speċifiċi tagħhom jeħtieġu maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Membri Parlamentari preżenti.
(7) Analiżi legali mibgħuta lill-Gvern Ungeriż fit-28 ta' Frar 2011 http://www.osce.org/fom/75990Ara wkoll l-analiżi u l-valutazzjoni ta' Settembru 2010: http://www.osce.org/fom/71218
(8) Il-kompetenza tal-esperti tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar il-mezzi tal-komunikazzjoni: tt CIV tal-2010 dwar il-libertà tal-istampa u r-regoli fundamentali dwar il-kontenut tal-mezzi tal-komunikazzjoni u l-Att CLXXXV tal-2010 dwar is-servizzi tal-mezzi tal-komunikazzjoni u l-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa, 11 ta' Mejju 2012.
(9) Ir-Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-forom kontemporanji tar-razziżmu, tad-diskriminazzjoni razzista, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata (A/HRC/20/33/Add. 1)
(10) Opinjoni 664/2012 tal-Kummissjoni ta’ Venezja tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar l-Att CCVI tal-2011 dwar id-dritt għal-libertà ta’ kuxjenza u reliġjon u l-istatus legali tal-knejjes, id-denominazzjonijiet u l-komunitajiet reliġjużi tal-Ungerija (CDL-AD(2012)004).
(11) Il-punt (80) tad-Deċiżjoni.
(12) Ara d-Dokument ta’ Ħidma Nru 5.

Avviż legali - Politika tal-privatezza