Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2657(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0260/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2013 - 13.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0324

Testi adottati
PDF 214kWORD 53k
Il-Ħamis, 4 ta' Lulju 2013 - Strasburgu
Esportazzjoni ta' armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK
P7_TA(2013)0324RC-B7-0260/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2013/2657(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari(1),

–  wara li kkunsidra l-proċess ta' rieżami tal-Pożizzjoni Komuni li għaddej bħalissa fi ħdan il-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali (COARM), li skont l-Artikolu 15 tagħha għandha tiġi riveduta tliet snin wara l-adozzjoni tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar is-simplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità(2),

–  wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2002/589/PESK tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid ta’ armi żgħar u r-revokazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 1999/34/PESK(3), kif ukoll l-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tal-SALW u tal-munizzjon tagħhom, li ġiet adottata mill-Kunsill Ewropew fil-15 u s-16 ta’ Diċembru 2005(4),

–  wara li kkunsidra t-Tlettax(5) u l-Erbatax-il(6) Rapport Annwali tal-COARM,

–  wara li kkunsidra t-Trattat Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ tal-Armi li jistabbilixxi standards komuni vinkolanti għall-kummerċ globali tal-armi konvenzjonali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2012 rigward in-negozjati dwar it-Trattat tan-NU dwar il-Kummerċ tal-Armi(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 42 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 346 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-esportazzjoni tal-armi jista' jkollha impatt mhux biss fuq is-sigurtà, iżda wkoll fuq l-iżvilupp, b’tali mod li huwa importanti li l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kontroll tal-esportazzjoni tat-teknoloġija u t-tagħmir militari tissaħħaħ;

B.  billi l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK tirrappreżenta qafas vinkolanti li jistabbilixxi tmien kriterji, u billi jekk ma jkunux issodisfati liċenzja għall-esportazzjoni għandha jew tiġi miċħuda (Kriterji 1-4) jew inkella tal-anqas għandu jiġu kkunisdrat jekk għandhiex tiġi miċħuda (Kriterji 5-8);

C.  billi, skont l-Artikolu 3 tal-Pożizzjoni Komuni, it-tmien kriterji jiddefinixxu biss standards minimi, u huma bla preġudizzju għal miżuri aktar restrittivi tal-Istati Membri għall-kontroll tal-armi; billi d-deċiżjonijiet dwar jekk jinħarġux liċenzji għall-esportazzjoni tal-armi jew le bi qbil mal-kriterji huma, f'kull każ, kompetenza tal-Istati Membri individwali;

D.  billi l-Artikolu 10 tal-Pożizzjoni Komuni jiddikjara biċ-ċar li l-Istati Membri, fejn meħtieġ, jistgħu wkoll jikkunsidraw l-effett tal-esportazzjonijiet proposti fuq l-interessi ekonomiċi, soċjali, kummerċjali u industrijali tagħhom, u billi jeħtieġ li dawn il-fatturi ma jaffettwawx l-applikazzjoni tat-tmien kriterji;

E.  billi skont l-Istitut Internazzjonali ta’ Riċerka dwar il-Paċi ta’ Stokkolma (SIPRI), l-Istati Membri tal-UE, meta jitqiesu flimkien, huma t-tieni l-akbar esportatur tal-armi fid-dinja, ftit biss wara l-Istati Uniti, u billi l-proporzjon ta’ armi li qed jintbagħtu lejn pajjiżi barra l-UE qiegħda tikber;

F.  billi d-destinazzjonijiet ewlenin barra l-UE tat-trasferimenti tal-armi mill-Istati Membri huma l-Lvant Nofsani, l-Amerika ta’ Fuq u l-Asja; billi l-pajjiżi benefiċjarji ewlenin huma l-Arabja Sawdija, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Emirati Għarab Magħquda;

G.  billi l-industrija Ewropea tipprova tpatti għat-tnaqqis tad-domanda tad-difiża Ewropea billi tfittex li tingħatha aċċess għas-swieq ta’ pajjiżi terzi, u billi f’dan għandha l-appoġġ ta’ diversi politiċi u partiti politiċi, li jqisu li dan jgħin biex isaħħaħ l-industrija tad-difiża Ewropea, l-għarfien teknoloġiku, is-sigurtà tal-provvista u ż-żamma ta’ stat ta’ tħejjija; billi r-riċerka u l-iżvilupp fl-industriji tad-difiża għandhom effett konsegwenzjali importanti li jikkontribwixxi għal bosta applikazzjonijiet ċivili;

H.  billi sar progress sinifikanti lejn l-ilħiq ta' ftehim bejn l-Istati Membri dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tat-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni, prinċipalment permezz tal-Gwida għall-Utenti tal-Pożizzjoni Komuni, imfassla mill-COARM, li tagħti definizzjonijiet dettaljati tal-aħjar prattiki rigward l-applikazzjoni tal-kriterji;

1.  Jifraħ bil-fatt li l-UE għandha qafas vinkolanti, waħdieni fid-dinja, li permezz tiegħu il-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi qed jittejjeb, inkluż f’reġjuni fi kriżi u f’pajjiżi b'rekords problematiċi ta’ drittijiet tal-bniedem, u jilqa' li fatt li, f'dan ir-rigward, pajjiżi terzi Ewropej u mhux Ewropej ingħaqdu fis-sistema ta' kontroll għall-esportazzjoni tal-armi abbażi tal-Pożizzjoni Komuni; jinnota, madankollu, li l-livell ta' rigorożità li bih it-tmien kriterji jiġu applikati u interpretati fl-Istati Membri tal-UE jvarja; jitlob, għaldaqstant, interpretazzjoni u implimentazzjoni aktar uniformi tal-Pożizzjoni Komuni bl-obbligi kollha tagħha, u jiddispjaċih li l-UE għad m’għandhiex politika komuni dwar it-trasferiment tal-armi lil pajjiżi terzi;

2.  Jinsisti li m’għandux ikun hemm diskrepanzi bejn il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE u l-Pożizzjoni Komuni; iqis li huwa f'idejn l-Istati Membri u r-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni li jiżguraw il-koerenza tal-Pożizzjoni Komuni u tal-politika estera;

3.  Jenfasizza d-dritt tal-Istati Membri li jimxu skont il-politiki nazzjonali tagħhom, filwaqt li jottemperaw ruħhom bis-sħiħ mad-dritt u mal-ftehimiet internazzjonali, kif ukoll mar-regoli u mal-krieterji maqbula b’mod komuni, filwaqt li din l-ottemperanza tkun ikkontrollata bi qbil mar-regolamenti nazzjonali;

4.  Huwa tal-fehma li jeħtieġ li l-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali jew korpi parlamentari speċifiċi jiżguraw kontroll effikaċi fuq l-applikazzjoni u l-infurzar tal-istandards maqbula tal-Pożizzjoni Komuni fil-livell nazzjonali u f’dak tal-UE, kif ukoll fuq l-istabbiliment ta’ sistema ta’ kontroll trasparenti u responsabbli;

5.  Huwa tal-fehma li d-diċitura tal-Gwida għall-Utenti għandha tkun aktar akkurata u anqas soġġetta għall-interpretazzjoni, u li għandha tibqa' tiġi aġġornata meta jkun hemm bżonn;

6.  Jappella biex il-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni jiġu applikati aħjar qabel jiġu ssuġġeriti oħrajn ġodda;

7.  Jirrikonoxxi r-rwol koerenti u konsistenti tal-Istati Membri tal-UE favur proċess internazzjonali biex jiġu stabbiliti regoli vinkolanti li jirregolaw il-kummerċ internazzjonali tal-armi; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiffukaw l-isforzi tagħhom fuq dawk il-pajjiżi li għadhom ma aderixxewx mal-ftehimiet internazzjonali;

8.  Jinnota li r-rapporti annwali tal-COARM l-esportazzjonijiet tal-armi tal-Istati Membri għamluhom aktar trasparenti; jiddispjaċih, madankollu, li settijiet tad-data mhumiex kompluti u jvarjaw minħabba l-proċeduri differenti fl-Istati Membri individwali rigward il-ġbir u l-preżentazzjoni tad-data; ifakkar lill-Istati Membri biex jippreżentaw informazzjoni kompluta kull sena dwar it-trasferimenti tal-armi tagħhom lill-COARM, kif maqbul u stabbilit fil-Pożizzjoni Komuni;

9.  Jappella li ssir analiżi dwar kif il-Pożizzjoni Komuni qed tiġi implimentata fis-sistemi nazzjonali; huwa tal-fehma li l-kapaċità tal-COARM li janalizza l-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi għandha tissaħħaħ;

10.  Huwa tal-fehma li l-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi akkumpanjata minn lista aġġornata regolarment u disponibbli għall-pubbliku li tipprovdi informazzjoni dwar sa liema punt l-esportazzjoni lejn pajjiżi benefiċjarji partikolari tkun jew ma tkunx konformi mat-tmien kriterji;

11.  Huwa tal-fehma li għandha tiġi stabbilita sistema mtejba li tippermetti skambji regolari u aġġornati ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar it-trasferimenti tal-armi lil stati li qabel kienu taħt embargo;

12.  Jappella li jsir dibattitu kull sena fil-Parlament, flimkien ma’ rapport annwali, dwar l-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni, sabiex ikun żgurat il-grad xieraq ta' sorveljanza parlamentari u ta’ trasparenza fil-livell Ewropew;

13.  Jilqa’ l-konklużjoni, taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, ta’ Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT) vinkolanti dwar il-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali, li joħloq sistema internazzjonali effikaċi ta’ kontroll tal-armi permezz ta' aktar trasparenza u responsabbiltà, u li jistabbilixxi l-ogħla standards internazzjonali, biex b'hekk l-użu irresponsabbli u illeċitu tal-armi konvenzjonali jsir dejjem aktar diffiċli; jirrikonoxxi r-rwol koerenti u konsistenti tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fl-appoġġ għall-proċess internazzjonali tal-ħolqien ta’ regoli vinkolanti li jirregolaw il-kummerċ internazzjonali tal-armi;

14.  Jenfasizza l-importanza li jkun hemm implimentazzjoni effikaċi u kredibbli tal-ATT, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiffukaw l-isforzi internazzjonali tagħhom fuq ħidma favur l-iffirmar universali u d-dħul fis-seħħ bikri tiegħu;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU L 335, 13.12.2008, p.99.
(2) ĠU L 146, 10.6.2009, p.1.
(3) ĠU L 191, 19.7.2002, p. 1.
(4) Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 05319/2006, 13.1.2006.
(5) ĠU C 382, 30.12.2011, p.1.
(6) ĠU C 386, 14.12.2012, p. 1.
(7) P7_TA(2012)0251.

Avviż legali - Politika tal-privatezza