Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2547(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0327/2013

Testi mressqa :

B7-0327/2013

Dibattiti :

PV 03/07/2013 - 22
CRE 03/07/2013 - 22

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2013 - 13.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0326

Testi adottati
PDF 211kWORD 45k
Il-Ħamis, 4 ta' Lulju 2013 - Strasburgu
Żieda fid-dazji imposti fin-Norveġja fuq prodotti agrikoli
P7_TA(2013)0326B7-0327/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar iż-żieda fid-dazji imposti fin-Norveġja fuq prodotti agrikoli (2013/2547(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Ftehim ŻEE),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim fil-forma tal-Iskambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar preferenzi kummerċjali addizzjonali għal prodotti agrikoli milħuq abbażi tal-Artikolu 19 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-Ftehim Bilaterali)(1),

–  wara li kkunsidra pożizzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar preferenzi kummerċjali addizzjonali għal prodotti agrikoli milħuq abbażi tal-Artikolu 19 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra l-ittra tad-9 ta' Marzu 2011 mingħand il-Ministru tal-Kummerċ u l-Industrija tan-Norveġja indirizzata lill-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, dwar l-Att dwar is-Suq Uniku,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-38 laqgħa tal-Kunsill ŻEE tas-26 ta' Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar ‘Żieda sinifikanti fid-dazji imposti fin-Norveġja fuq prodotti agrikoli’ (O-000048/2013 – B7‑0210/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi skont l-Artikolu 19 tal-Ftehim ŻEE, ‘Il-partijiet kontraenti jintrabtu li jissoktaw bl-isforzi tagħhom bil-għan li jiksbu liberalizzazzjoni progressiva tal-kummerċ agrikolu ta’ bejniethom’;

B.  billi l-Ftehim ŻEE jagħti l-bażi għal aċċess indaqs għas-suq intern lin-Norveġja u billi l-partijiet tal-Ftehim ŻEE sabu li l-Ftehim joffri vantaġġ reċiproku;

C.  billi, ġeneralment, ir-relazzjonijiet ekonomiċi u politiċi bejn l-UE u n-Norveġja huma fi stat eċċellenti; billi d-differenzi emerġenti fost is-sħab għandhom ikunu ttrattati fil-forma ta' djalogu;

D.  billi l-Ftehim Bilaterali fis-seħħ minn Jannar 2012 ġedded il-qafas ġuridiku preferenzjali, reċiproku u li joħloq benefiċċju reċiproku għal preferenzi kummerċjali fir-rigward ta’ prodotti agrikolu, inklużi l-laħam u l-prodotti tal-ħalib;

E.  billi permezz ta’ dak il-ftehim, l-UE u r-Renju tan-Norveġja estendew il-liberalizzazzjoni reċiproka tal-kummerċ fil-prodotti agrikolu, billi jipprovdu aċċess għal eżenzjoni mid-dazju, joħloq kwoti tariffarji u jnaqqas id-dazji fuq l-importazzjoni għal varjetà kbira ta’ prodotti agrikoli;

F.  billi mill-1 ta’ Jannar 2013, l-esportaturi Ewropej ta’ ċerti ġobnijiet u laħam tal-ħaruf u taċ-ċanga ħabbtu wiċċhom ma’ dazji ad valorem ta’ 277 %, 429 % u 344 % rispettivament fis-suq Norveġiż; billi din il-miżura segwiet l-impożizzjoni ta’ dazju ġdid ta’ 72 % fuq l-importazzjoni għall-fjuri hydrangea (hortensia);

G.  billi dawn il-miżuri, minkejja li huma permessi fl-iskeda Norveġiża tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, imorru kontra l-kunċett u l-ispirtu tal-Ftehim Bilaterali, b’mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu, li jiddikjara li ‘Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-benefiċċji li huma jagħtu lil xulxin ma jkunux ipperikolati minn miżuri ta’ importazzjoni restrittivi oħra’;

H.  billi t-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-indikaturi tal-inflazzjoni ma juru l-ebda ħjiel ta’ impatt negattiv tal-kriżi ekonomika jew finanzjarja globali fuq l-ekonomija Norveġiża;

1.  Jiddeplora l-miżuri reċenti imposti mill-Gvern Norveġiż, li jqis bħala protezzjonisti u projbittivi għall-kummerċ, u evidentement imorru kontra l-kunċett u l-ispirtu tal-Ftehim Bilaterali;

2.  Jenfasizza li dawn il-miżuri ġew proposti mill-Gvern Norveġiż mingħajr konsultazzjoni preċedenti mal-kontropartijiet tal-UE li kienet tkun xierqa fil-kuntest tar-relazzjonijiet bilaterali b’saħħithom eżistenti bejn l-UE u n-Norveġja;

3.  Jiddubita l-loġika ekonomika bħala bażi ta’ dawn il-miżuri, li jista’ jkollha effetti ta’ tnaqqis fil-kummerċ, ħsara għall-partijiet involuti kollha u speċjalment għall-konsumaturi Norveġiżi, u fuq terminu twil għall-bdiewa Norveġiżi wkoll; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-effetti potenzjalment negattivi ta’ żieda fit-tariffi fuq l-esportaturi u l-bdiew tal-UE;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern u lill-Parlament Norveġiż jirtiraw il-miżuri;

5.  Jistieden lill-Gvern Norveġiż u lill-Kummissjoni biex jieħdu nota tal-passi ambizzjużi li ħadet l-Islanda reċentement biex tilliberalizza l-kummerċ agrikolu tagħha mal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Gvern Norveġiż biex isegwi l-eżempju tagħha;

6.  Jitlob lill-Gvern Norveġiż biex jaċċetta rieżami tal-Protokoll 3 tal-Ftehim ŻEE, rigward il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli proċessati, sabiex jiġi valutat jekk id-dazji fuq il-prodotti msemmija hawn fuq humiex ġusti u ġustifikati;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli bin-negozjati mal-awtoritajiet Norveġiżi sabiex taħdem għal soluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku għall-importazzjoni/esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni tispeċifika l-miżuri li biħsiebha tieħu fil-każ li n-Norveġja tirrifjuta li treġġa’ lura d-deċiżjoni tagħha, b’mod partikolari fid-dawl tal-protezzjoni tal-impjiegi u l-kontribut fis-settur agrikolu tal-Unjoni, jekk ikun meħtieġ;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li tipproponi iktar azzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, bl-għan li jitneħħew il-miżuri;

10.  Ifakkar fl-impenn li sar min-Norveġja lejn is-suq intern, partikolarment fil-kuntest tal-inizjattivi reċenti bħal-Att tas-Suq Uniku I u II; jindika li l-Gvern Norveġiż stess irrikonoxxa li suq uniku effiċjenti huwa s-sisien għat-tkabbir u għall-ħolqien ta' impjiegi fil-ġejjieni u li l-kriżi attwali ma għandhiex tintuża bħala skuża biex nirrikorru għal miżuri protezzjonisti u ta' distorsjoni tal-kummerċ;

11.  Jesprimi t-tama tiegħu li n-Norveġja tibqa' parti integranti tas-suq intern u ma tirrikorrix għal miżuri unilaterali diżintegrattivi ulterjuri;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Gvern u l-Parlament Norveġiż u lill-istituzzjonijiet taż-Żona Ekonomika Ewropea.

(1) ĠU L 327, 9.12.2011, p. 2.
(2) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 168.

Avviż legali - Politika tal-privatezza