Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2690(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0347/2013

Dibattiti :

PV 04/07/2013 - 17.1
CRE 04/07/2013 - 17.1

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2013 - 18.1

Testi adottati :

P7_TA(2013)0334

Testi adottati
PDF 226kWORD 58k
Il-Ħamis, 4 ta' Lulju 2013 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni f'Ġibuti
P7_TA(2013)0334RC-B7-0347/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni f’Ġibuti

(2013/2690(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2009(1) dwar is-sitwazzjoni fil-Qarn tal-Afrika u dik tat-18 ta’ Diċembru 1997 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’Ġibuti(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta li saret f’Ġibuti fl-24 ta’ Frar 2013 mill-missjonijiet ta’ osservazzjoni internazzjonali (mill-Unjoni Afrikana (UA), il-Lega Għarbija, l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika (OIC) u l-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD)), li mmonitorjaw l-elezzjonijiet parlamentari li seħħew fir-Repubblika ta’ Ġibuti fit-22 ta’ Frar 2013,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li Ġibuti rratifika,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou ffirmat fit-23 ta’ Ġunju 2000 u rivedut fit-22 ta’ Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Marzu 2013 mill-kelliem ta’ Catherine Ashton, Rappreżentant Għoli tal-UE, dwar is-sitwazzjoni wara l-elezzjonijiet parlamentari f’Ġibuti,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi, bis-saħħa tal-pożizzjoni tiegħu fit-tarf tal-Qarn tal-Afrika u fid-daħla tal-Baħar l-Aħmar, Ġibuti u l-infrastruttura strateġika (il-portijiet u ż-żoni liberi) tiegħu huma importanti għar-reġjun kollu kemm hu;

B.  billi Ġibuti żvolġa rwol ċentrali fil-ġlieda kontra l-piraterija u t-terroriżmu fir-reġjun;

C.  billi Ġibuti kellu sistema monopartitika minn żmien l-indipendenza tiegħu fl-1977 sal-2003;

D.  billi l-pajjiż inħakem minn kriżi politika serja mill-elezzjonijiet parlamentari tat-22 ta’ Frar 2013 ’l hawn;

E.  billi Ismail Omar Guelleh, li wasal fil-poter fl-1999, ġie rielett fl-2005 b’100  % tal-voti u ħabbar li mhux se jikkontesta l-elezzjoni mill-ġdid fl-2016; billi l-President Guelleh ġie rielett f’April 2011 bi kważi 80 % tal-voti f’elezzjonijiet li kienu soġġetti għal bojkott minn taqsima wiesgħa tal-oppożizzjoni wara li l-Parlament ta’ Ġibuti emenda l-kostituzzjoni sabiex jippermetti lill-President Guelleh jikseb mandat ġdid;

F.  billi, għall-ewwel darba minn mindu l-President Guelleh wasal fil-poter, il-partiti tal-oppożizzjoni, bit-tama li l-pluraliżmu demokratiku jipprevali, iddeċidew li jieħdu sehem fl-elezzjonijiet parlamentari tat-22 ta’ Frar 2013, wara li ddaħħlet sistema ta’ votazzjoni ġdida, parzjalment proporzjonali, li tippermetti lill-partiti fil-minoranza jirħbu siġġijiet fil-parlament;

G.  billi dawk l-elezzjonijiet ġew monitorjati minn osservaturi tal-Unjoni Afrikana, il-Lega Għarbija, l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika (OIC) u l-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD), li ssorveljaw l-operazzjonijiet f’154 post ta’ votazzjoni u fi 12-il ċentru ta’ għadd tal-voti u rrappurtaw li l-elezzjonijiet kienu trasparenti u li ma identifikaw l-ebda każ ta’ frodi jew tfigħ ta’ voti żejda;

H.  billi, skont ir-riżultati mħabbra mill-Kunsill Kostituzzjonali, l-Unjoni għall-Maġġoranza Presidenzjali (UMP) kisbet 68 % tal-voti;

I.  billi l-oppożizzjoni, li għall-ewwel darba mill-indipendenza tal-pajjiż ’l hawn rebħet siġġijiet fil-parlament, qalet li kien hemm frodi massiva u sostniet li hija kienet rebħet l-elezzjonijiet; billi l-Kunsill Kostituzzjonali ċaħad l-appell imressaq mill-oppożizzjoni kontra r-riżultat tal-elezzjonijiet;

J.  billi l-oppożizzjoni qed tibbojkottja l-parlament li rriżulta minn dawn l-elezzjonijiet; billi l-awtoritajiet akkużaw lil parti mill-oppożizzjoni li kkostitwiet “Assemblea Nazzjonali Leġittima” (ANL), fil-marġini tal-parlament nazzjonali, wara l-elezzjonijiet kontroversjali ta’ Frar 2013; billi l-ANL hija preseduta mill-kap tal-lista ta’ kandidati tal-Unjoni għas-Salvazzjoni Nazzjonali (USN) għall-kostitwenza tal-Belt ta’ Ġibuti, Ismail Guedi Hared;

K.  billi r-riżultati tal-elezzjonijiet parlamentari tat-22 ta’ Frar 2013 għadhom ma ġewx ippubblikati għal kull post ta’ votazzjoni, minkejja l-appelli magħmula mill-UE, u billi dan qed iqajjem suspetti ta’ frodi;

L.  billi l-għadd ta’ votanti reġistrati fil-kostitwenza tal-Belt ta’ Ġibuti nbidel kull darba li tħabbru ċifri uffiċjali;

M.  billi huwa rrappurtat li r-repressjoni, bl-użu sproporzjonat tal-forza, tad-dimostrazzjonijiet mill-partiti tal-oppożizzjoni li jikkontestaw ir-regolarità tal-elezzjonijiet parlamentari wasslet għal minn tal-anqas 10 każijiet ta’ mewt ikkaġunati minn sparar min-naħa tal-forzi tal-ordni;

N.  billi saru arresti tal-massa fuq id-dimostranti tal-oppożizzjoni; billi l-NGOs qed jiddenunzjaw każijiet ta’ mewt dubjużi, ta’ tortura u ta’ għajbien;

O.  billi, wara l-elezzjonijiet tat-22 ta’ Frar 2013, ’il fuq minn elf membru tal-oppożizzjoni jingħad li sfaw priġunieri għal perjodi itwal jew iqsar;

P.  billi huwa maħsub li madwar 60 priġunier politiku bħalissa jinsabu f’qagħda ta’ detenzjoni; billi min-naħa tal-awtoritajiet qed tiġi eżerċitata repressjoni kontinwa tal-militanti politiċi tal-oppożizzjoni;

Q.  billi saru prosekuzzjonijiet kontra l-biċċa l-kbira tal-mexxejja tal-oppożizzjoni u kontra ħafna ġurnalisti;

R.  billi l-ġurnalista Mydaneh Abdallah Okieh, li huwa wkoll responsabbli għall-komunikazzjoni mill-koalizzjoni tal-oppożizzjoni USN, huwa mixli b’diffamazzjoni tal-pulizija talli fuq in-netwerk soċjali Facebook ippubblika ritratti ta’ dimostranti li kienu vittmi ta’ repressjoni; billi fis-26 ta’ Ġunju 2013 l-Qorti tal-Appell ħarrxet is-sentenza tiegħu minn 45 jum għal ħames xhur;

S.  billi f’April 2013 it-tliet mexxejja tal-koalizzjoni tal-oppożizzjoni USN ingħataw sentenza ta’ sentejn priġunerija u ġew miċħuda mid-drittijiet ċiviċi u ċivili tagħhom; billi s-smigħ tal-appell tagħhom ġie pospost għall-25 ta’ Novembru 2013;

T.  billi f’dan il-kuntest il-kelliem tal-oppożizzjoni tal-USN, Daher Ahmed Farah, ġie arrestat fl-4 ta’ Marzu 2013; billi nstab ħati li appella għal ribelljoni wara l-elezzjonijiet parlamentari ta’ Frar 2013; billi tnejn min-nies oħra kienu akkużati fl-istess każ, fejn wieħed irċieva sentenza sospiża ta’ priġunerija filwaqt li l-ieħor ġie lliberat; billi fis-26 ta’ Ġunju 2013 l-Qorti tal-Appell mill-ġdid ikkundannat lil Daher Ahmed Farah għal xahrejn priġunerija inkondizzjonata;

U.  billi l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fil-ħabsijiet ta’ Ġibuti huma preokkupanti immens;

V.  billi l-Kostituzzjoni tal-1992 tiirikonoxxi l-libertajiet fundamentali u l-prinċipji bażiċi tal-governanza tajba;

W.  billi l-Artikolu 10 tal-Kostituzzjoni jistabbilixxi li d-dritt għad-difiża, inkluż id-dritt li dak li jkun jiġi assistit mill-avukat tal-għażla tiegħu, għandu jiġi ggarantit fil-fażijiet kollha tal-proċedura;

X.  billi Ġibuti ffirma l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi kif ukoll il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

Y.  billi n-nisa ta’ Ġibuti jiffaċċjaw diversi forom ta’ vjolenza – inklużi stupru, mutilazzjoni ġenitali femminili, vjolenza domestika, fastidju sesswali u żwieġ bikri – li għandhom konsegwenzi negattivi ta’ portata kbira għall-benesseri fiżiku u psikoloġiku tan-nisa;

Z.  billi Ġibuti huwa klassifikat fil-169 pożizzjoni (minn 179 pajjiż) fl-indiċi dinji tal-libertajiet tal-istampa 2013 kkompilat minn Ġurnalisti Mingħajr Fruntieri; billi l-ġurnalisti barranin huma pprojbiti milli jivvjaġġaw lejn Ġibuti u billi dan qed joħloq diffikultajiet biex tinkiseb informazzjoni affidabbli dwar dak li qed jiġri fil-pajjiż;

AA.  billi f’Marzu 2012, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikolutura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) stmat li 180 000 ruħ f’Ġibuti kienu jeħtieġu għajnuna għall-ikel;

AB.  billi f’dawn l-aħħar għoxrin sena, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha kienu l-fornituri ewlenin tal-appoġġ finanzjarju għal Ġibuti; billi l-pagamenti magħmula mill-Istati Uniti tal-Amerika, mill-Ġappun u minn Franza għall-okkupazzjoni tal-bażijiet militari tagħhom jippreżentaw sors ta’ dħul li jiżgura tkabbir kontinwu għal Ġibuti;

AC.  billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt huma l-pedament innifsu tas-sħubija AKP-UE u jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni f’Ġibutui mill-elezzjonijiet parlamentari tat-22 ta’ Frar 2013 ’l hawn u l-klima ta’ tensjoni politika fil-pajjiż; jinsab partikolarment imħasseb dwar ir-rapporti ta’ arresti tal-massa kontra l-membri tal-oppożizzjoni, ta’ repressjoni tad-dimostrazzjonijiet organizzati bi protesta kontra l-irregolaritajiet fl-elezzjonijiet, u ta’ attakki kontra l-libertà tal-midja;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet ta’ Ġibuti jtemmu r-repressjoni tal-avversarji politiċi u jirrilaxxaw lil kull min jinsab detenut minħabba raġunijiet politiċi;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet ta’ Ġibuti jiggarantixxu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti fil-ftehimiet nazzjonali u internazzjonali ffirmati minn Ġibuti u jissalvagwardaw id-drittijiet u l-libertajiet ċivili u politiċi, inklużi d-dritt ta’ dimostrazzjoni paċifika u l-libertà tal-istampa;

4.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti ta’ vjolenza sesswali kontra n-nisa u jindika li l-Gvern ta’ Ġibuti għandu r-responsabbiltà li jtemm l-impunità billi jieħu passi legali kontra dawk responsabbli għall-vjolenza sesswali kontra n-nisa;

5.  Jappella sabiex id-drittijiet tad-difiża jiġu rispettati, b’mod partikolari d-dritt li l-persuni akkużati jkollhom aċċess għal avukati tal-għażla tagħhom fil-fażijiet kollha tal-proċedimenti kontrihom; jistieden lill-awtoritajiet iħallu lill-familji tal-persuni detenuti jagħtuhom għajnuna materjali, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa;

6.  Jistieden lill-Gvern ta’ Ġibuti biex, bl-għajnuna tal-istituzzjonijet li vvalidaw ir-riżultati tal-elezzjoni, b’mod partikolari l-Unjoni Afrikana, iniedi proċess ta’ djalogu politiku mal-oppożizzjoni, bi qbil mat-tħabbira li għamel il-Kap ta’ Stat fis-27 ta’ Ġunju 2013 fl-okkażjoni tal-anniversarju tal-indipendenza ta’ Ġibuti; jistieden lill-Unjoni Ewropea tappoġġa l-ħidma tal-organizzazzjonijiet reġjonali u tikkontribwixxi għall-isforzi biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi attwali;

7.  Jappella sabiex tinfetaħ minnufih investigazzjoni ġudizzjarja bil-għan li jinxteħet dawl fuq l-azzjonijiet tal-pulizija u l-armata waqt id-dimostrazzjonijiet u li jiġu kkastigati dawk responsabbli għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jilqa’ l-fatt li l-elezzjoni tat-22 ta’ Frar 2013 saret b’mod paċifiku, kif saħqu diversi rappreżentanti tal-komunità internazzjonali, inklużi l-Viċi President / Rappreżentant Għoli u l-kapijiet tal-erba’ missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali mibgħutin f’Ġibuti; jilqa’ l-impenn lejn il-ġejjieni ta’ pajjiżhom muri min-nies ta’ Ġibuti u mill-partiti politiċi kollha permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-elezzjoni;

9.  Jilqa’ l-fatt li fl-elezzjoni tat-22 ta’ Frar 2013 il-forzi tal-oppożizzjoni, jiġifieri l-Unjoni għas-Salvazzjoni Nazzjonali (USN), ħadu sehem għall-ewwel darba minn mindu Ġibuti kiseb l-indipendenza fl-1977;

10.  Itenni l-appell tal-Unjoni Ewropea sabiex ir-riżultati għal kull post ta’ votazzjoni li ntuża fl-elezzjoni tat-22 ta’ Frar 2013 jiġu ppubblikati;

11.  Jistieden lill-forzi politiċi ta’ Ġibuti biex jirrispettaw l-istat tad-dritt, inkluż id-dritt għal dimostrazzjoni paċifika, u biex la jużaw il-vjolenza u lanqas jieħdu miżuri repressivi;

12.  Jiddikjara r-rieda tiegħu li jimmonitorja s-sitwazzjoni f’Ġibuti mill-qrib u li jipproponi miżuri ristrettivi f’każ ta’ ksur tal-Ftehim ta’ Cotonou (2000), u b’mod partikolari tal-Artikoli 8 u 9 tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja hija wkoll is-sitwazzjoni mill-qrib;

13.  Iħeġġeġ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lil sħabhom biex jaħdmu flimkien man-nies ta’ Ġibuti fuq riforma politika fit-tul, liema ħidma għandha tkun iffaċilitata permezz tar-relazzjoni qawwija li diġà teżisti, meta wieħed iqis li Ġibuti kien komponent ewlieni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li r-reġjun ospita l-bażijiet militari;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern ta’ Ġibuti, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-Lega Għarbija, lill-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

(1) ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 102.
(2) ĠU C 14 E, 19.1.1998, p. 207.

Avviż legali - Politika tal-privatezza