Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2691(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0344/2013

Dibattiti :

PV 04/07/2013 - 17.2
CRE 04/07/2013 - 17.2

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2013 - 18.2
CRE 04/07/2013 - 18.2

Testi adottati :

P7_TA(2013)0335

Testi adottati
PDF 244kWORD 78k
Il-Ħamis, 4 ta' Lulju 2013 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fin-Niġerja
P7_TA(2013)0335RC-B7-0344/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja (2013/2691(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja(1), tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar strateġija dwar il-libertà diġitali fil-politika barranija tal-UE(2), tal-5 ta' Lulju 2012 dwar il-vjolenza kontra l-leżbjani u d-drittijiet tal-persuni LGBT fl-Afrika(3), u tal-15 ta' Marzu 2012 dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja(4),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, fit-22 ta' Jannar 2012 dwar l-bumbardamenti f'Kano, fil-11 ta' Marzu 2013 dwar il-qtil ta' ostaġġi, fit-2 ta' Ġunju 2013 dwar il-liġi fin-Niġerja li tikkriminalizza ż-żwieġ u r-relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess, u fil-25 ta' Ġunju 2013 dwar eżekuzzjonijiet fin-Niġerja,

–  wara li kkunsidra d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem UE-Niġerja li sar f'Abuja f'Marzu 2013 u l-Laqgħa Ministerjali Niġerja-UE tas-16 ta' Mejju 2013 fi Brussell, li stabbilixxew il-ħtieġa li t-telf ta' ħajjiet ċivili u l-qerda tal-infrastruttura pubblika jiġu bbilanċjati b'miżuri kontra t-terroriżmu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, imlaqqgħa f'Mejju 2013 f'Horsens (id-Danimarka), dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha minn Persuni Leżbjani, Gay, Bisesswali, Transġeneru u Intersesswali (LGBTI),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou tal-2000 u r-reviżjonijiet tiegħu tal-2005 u l-2010 (din tal-aħħar ratifikata min-Niġerja fis-27 ta' Settembru 2010), u b'mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tiegħu dwar id-djalogu politiku u d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon fis-16 ta' Mejju 2013 dwar il-persistenza tal-vjolenza u s-sitwazzjoni tas-sigurtà li qed tiddeterjora fil-Grigal tan-Niġerja, u fit-22 ta' April 2013 dwar l-għadd kbir ta' ċivili li nqatlu u djar li nqerdu fin-Niġerja minħabba ġlied bejn il-forzi militari u l-grupp ribelli Boko Haram,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, fit-3 ta' Mejju 2013 b'reazzjoni għall-ġlied vjolenti ta' April 2013, li fihom fakkar lill-aġenti tas-sigurtà fin-Niġerja biex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jevitaw l-użu eċċessiv tal-forza fl-operazzjonijiet tagħhom, u fis-17 ta' Mejju 2013 dwar il-possibilità li l-membri tal-Boko Haram jistgħu jiffaċċjaw akkużi ta' delitti tal-gwerra,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-27 ta' Diċembru 2011 dwar attakki mis-setta terroristika Boko Haram fin-Niġerja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar it-Tneħħija tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskri$minazzjoni bbażati fuq Reliġjon u Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' April 2012 tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G8 dwar il-vjolenza persistenti fin-Niġerja,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, ratifikata min-Niġerja fis-16 ta' Mejju 2003, u l-Protokoll addizzjonali ta' magħha, ratifikat min-Niġerja fit-22 ta' Diċembru 2008,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula mill-Kummissarju għall-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana, Lamamra Ramtane, fl-14 ta' Lulju 2012, li fiha kkundanna l-attivitajiet u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-Boko Haram, ħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tgħin lin-Niġerja tirreżisti lis-setta terroristika, u enfasizza t-theddida li din toħloq għas-sigurtà reġjonali u internazzjonali,

–  wara li kkunsidra s-summit tal-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-Golf tal-Ginea dwar is-sigurtà u s-sikurezza marittimi, li sar f'Yaoundé (il-Kamerun) fl-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja adottata fid-29 ta' Mejju 1999, u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-ħajja, id-dritt għal smigħ ġust, id-dritt għad-dinjità tal-persuna umana, u l-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-istampa, il-libertà tal-ħsieb, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tar-reliġjon,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra, ratifikati min-Niġerja fl-20 ta' Ġunju 1961, u l-Protokoll II tagħhom, ratifikat min-Niġerja fl-10 ta' Ottubru 1988, li t-tnejn li huma jistabbilixxu l-applikazzjoni tad-dritt internazzjonali fir-rigward ta' kunflitti armati mhux internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, ratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, ratifikat min-Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-President Niġerjan, Goodluck Jonathan, iddikjara stat ta' emerġenza fl-istati ta' Borno, Yobe u Adamawa fl-14 u l-15 ta' Mejju 2013 b'reazzjoni għall-attivitajiet tal-Boko Haram, filwaqt li mmobilizza forzi militari addizzjonali;

B.  billi f'April 2013 il-belt ta' Baga nqerdet bil-ġlied bejn il-forzi militari Niġerjani u militanti tal-Boko Haram, li rriżulta fil-qerda ta' eluf ta' djar u l-mewt ta' mijiet ta' ċivili, skont il-mexxejja tal-komunitajiet; billi investigazzjoni indipendenti mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Niġerja se tikkonkludi dwar id-delitti f'Baga sal-aħħar ta' Lulju;

C.  billi l-gvern federali klassifika l-Boko Haram taħt l-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu tal-2011 sabiex jippermetti l-prosekuzzjoni ta' kull individwu assoċjat ma' dan il-grupp jew li jappoġġah;

D.  billi l-Boko Haram kien responsabbli għal 4 000 mewt mill-2009; billi aktar minn 700 Niġerjan inqatlu s'issa f'aktar minn 80 attakk assoċjat mal-Boko Haram, li rapport reċenti tal-Istati Uniti klassifika fit-tieni post forst il-gruppi terroristiċi l-aktar qattiela fid-dinja; billi l-konnessjoni bejn il-Boko Haram u l-AQIM (Al-Qaida fil-Magreb Iżlamiku) jirrappreżenta theddida serja għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun vast ta' Sahel u tal-Afrika tal-Punent inġenerali; billi l-uffiċjali tas-sigurtà qed ikomplu jkunu fil-mira tal-Boko Haram, bħal fil-każ tat-tfittixija għal għarrieda li għamlet fis-7 ta' Mejju 2013 f'ħabs f'Bama, li fih madwar 55 persuna nqatlu u kważi 105 detenut inħelsu;

E.  billi l-Human Rights Watch, Amnesty International, Freedom House u l-organizzazzjonijiet l-oħra tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentaw l-involviment tal-Boko Haram f'attakki fuq għases tal-pulizija, faċilitajiet militari, knejjes, skejjel, irziezet u banek; billi l-Boko Haram espanda l-miri tiegħu taċ-ċivili, inkluż attakki fuq żewġt iskejjel sekondarji fl-istati ta' Borno u ta' Yobe fis-16 u s-17 ta' Ġunju 2013, li fihom inqatlu 16-il student u żewġ għalliema; billi dawn l-attakki ġiegħlu lil bosta eluf ta' tfal tal-iskola jabbandunaw l-edukazzjoni formali; billi t-theddid liċ-ċivili ġiegħel lil 19 000 bidwi jaħarbu mill-irziezet tagħhom u jabbandunaw ir-raba' tagħhom, li wassal għal telf fil-produttività agrikola u kkontribwixxa għall-iskarsezzi tal-ikel;

F.  filwaqt li enfasizza t-tħassib dejjem jikber tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Boko Haram biex jisraq nisa u tfal bħala parti mill-kampanja vjolenti tal-gwerilja; billi fin-Niġerja nserqu, ġew attakkati u maqtula wkoll ħaddiema barranin mir-ribelli;

G.  billi l-uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli tan-NU għar-Rifuġjati wissa dwar kriżi tar-rifuġjati; billi f'dawn l-aħħar ġimgħat, madwar 6 000 Niġerjan waslu fin-Niġer u bejn il-11 u t-13 ta' Ġunju 2013, madwar 3 000 Niġerjan qasmu għall-Kamerun; billi r-rifuġjati qed jaqsmu wkoll il-fruntiera maċ-Ċad; billi tali spostamenti kkawżaw tensjonijiet kbar għar-riżorsi lokali limitati ħafna tal-ikel u tal-ilma, speċjalment fin-Niġer, li huwa stess qed jiġġieled ma' insigurtà tal-ikel minħabba snin ta' nixfa; billi l-ebda ġar tan-Niġerja ma għandu l-kapaċità li jassorbi n-numru ta' nies li se jkunu spostati f'każ ta' diżastru umanitarju ta' skala kbira wara vjolenza tal-massa;

H.  billi l-Kristjani, il-Musulmani moderati u l-gruppi reliġjużi oħra qed ikomplu jkunu fil-mira tal-Boko Haram u qed jipprova jkeċċihom mit-Tramuntana tal-pajjiż b'maġġoranza Musulmana;

I.  billi bi tweġiba għall-vjolenza tal-Boko Haram, il-pulizija u l-armata tan-Niġerja ħatfu u wettqu eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji ta' bosta membri suspettati tal-grupp, partikolarment billi ħatfu ġuvintur minn villaġġi fit-Tramuntana; billi ħafna mid-detenuti nżammu incommunicado mingħajr akkuża jew proċess, f'xi każijiet f'kundizzjonijiet diżumani, u billi xi wħud ġew abbużati fiżikament, filwaqt li oħrajn sparixxew jew mietu waqt li kienu fid-detenzjoni; billi l-Gvern Niġerjan u l-uffiċjali tal-armata pprovdew stimi mhux affidabbli tal-vittmi ċivili u tal-ħsara li saret lid-djar; billi Human Rights Watch, Freedom House u l-organizzazzjonijiet l-oħra tad-drittijiet tal-bniedem iddeskrivew ir-reazzjoni tal-forzi Niġerjani fix-xhur reċenti bħala dejjem aktar brutali u indiskriminata u ċ-ċittadini qed jitħallew iġarrbu l-piż tal-vjolenza bejn iż-żewġ gruppi b'mod sporpozjonat;

J.  billi l-libertajiet tal-espressjoni u tal-istampa qed jiddgħajfu minħabba t-theddid ta' arrest, intimidazzjoni, vjolenza u saħansitra mewt kontra dawk li jirrapportaw il-problemi b'mod li jikkritikaw l-awtoritajiet Niġerjani; billi l-Boko Haram heddet ripetutament li jattakka l-faċilitajiet tal-midja li rrapportaw b'mod negattiv dwarha;

K.  billi minħabba d-dikjarazzjoni tal-istat ta' emerġenza, partijiet kbar tal-istati tal-Grigal saru inaċċessibbli għall-aġenziji tal-għajnuna, il-ġurnalisti u għall-korrispondenti; billi l-gvern imblokka s-servizzi ta' telefonija mobbli f'diversi żoni biex iwaqqaf il-komunikazzjoni tal-militanti;

L.  billi l-Gvern Niġerjan dan l-aħħar kiser il-moratorja ta' seba' snin tiegħu dwar il-piena tal-mewt billi wettaq l-eżekuzzjoni ta' erba' priġunieri fl-istat ta' Edu li ġew ikkundannati meta n-Niġerja kienet għadha mmexxija minn dittatura militari; billi fis-26 ta' Ġunju 2013, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, Christof Heyns, stieden lill-awtoritajiet Niġerjani jwaqqfu l-eżekuzzjoni imminenti tal-ħames priġunier; billi skont ir-rapporti mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, fl-2012 in-Niġerja kkundannat 56 persuna għall-mewt u billi madwar 1 000 persuna huma rappurtati li qed jistennew il-piena tal-mewt fil-pajjiż.

M.  billi l-Kamra tar-Rappreżentanti Niġerjana adottat l-liġi dwar il-projbizzjoni ta' żwieġ bejn persuni tal-istess sess (Same-Gender Marriage (Prohibition) Bill) fit-30 ta' Mejju 2013, li jintroduċi sentenza ta' priġunerija ta' erbatax-il sena lil kull min jiżżewweġ jew ikun miżżewweġ ma' persuna tal-istess sess, li japplika mhux biss għan-Niġerjani iżda wkoll għat-turisti, il-ħaddiema barranin u d-diplomatiċi, kif ukoll sentenza ta' għaxar snin għar-reġistrazzjoni jew għall-operazzjoni ta' faċilitajiet soċjali jew NGOs li jappoġġaw d-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI;

N.  billi l-problemi fin-Niġerja jinbtu min-nuqqas ta' żvilupp ekonomiku u t-tensjonijiet għandhom l-għeruq tagħhom f'għexieren ta' snin ta' riżentiment bejn il-gruppi indiġeni, l-aktar Insara jew animisti, li qegħdin jikkontendu għall-kontroll ta' artijiet agrikoli għammiela kontra migranti u residenti ġodda mit-Tramuntana, li huma Musulmani u ta' lsien Hausa; billi l-kunflitti qed jikbru minħabba tibdil fil-klima u l-progressjoni tad-deżert; billi l-kunflitt armat li qed jaggrava u l-isfidi soċjali u ekonomiċi persistenti x'aktarx iżidu r-radikalizzazzjoni, inkluż il-manipulazzjoni u r-reklutaġġ mill-gruppi fundamentalisti Iżlamiċi bħall-Boko Haram;

O.  billi l-UE hija l-akbar donatur finanzjarju tan-Niġerja; billi, fit-12 ta' Novembru 2009, il-Kummissjoni u l-Gvern Federali tan-Niġerja ffirmaw id-Dokument ta' Strateġija għall-Pajjiż Niġerja-Komunità Ewropea u l-Programm Indikattiv Nazzjonali għall-perjodu 2008-2013, skont liema dokumenti l-UE se tiffinanzja proġetti bl-għanijiet tal-paċi, is-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem; billi l-assistenza tal-UE lin-Niġerja tul dan il-perjodu tammonta għal EUR 700 miljun, li ċertu ammont minnhom ġie devjat biex jindirizzaw is-sitwazzjoni ta' sigurtà dejjem aktar problematika fit-Tramuntana tan-Niġerja;

P.  billi, skont l-Artikoli 8 u 9 tal-Ftehim ta' Cotonou rivedut, l-UE timpenja ruħha fi djalogu politiku regolari man-Niġerja dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, li jinkludu d-diskriminazzjoni etnika, reliġjuża u razzjali;

Q.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, wissa li l-attakki tal-Boko Haram jistgħu jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità; billi l-prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, Fatou Bensouda, għamlet żjara f'Abuja f'Lulju 2012 u billi l-uffiċju tagħha ppubblika rapport f'Novembru 2012 li jiddikjara li jeżistu bażijiet raġonevoli biex dak li jkun iqis li l-Boko Haram ikkommetta atti li jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità;

R.  billi għalkemm in-Niġerja hija waħda mill-akbar produtturi taż-żejt fid-dinja, kważi 60 % tal-popolazzjoni jgħixu b'anqas minn dollaru kuljum; billi s-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti timplika wkoll l-aċċess ġust għar-riżorsi u r-ridistribuzzjoni ġusta tad-dħul peremzz tal-baġit statali;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-eskalazzjoni tal-vjolenza min-naħa tal-Boko Haram u t-telf traġiku ta' ħajjiet innoċenti fir-reġjuni milquta tan-Niġerja, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji ta' dawk li tilfu ħajjithom u lil dawk midruba; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tensjonijiet li għaddejjin li fihom il-komunitajiet kienu atturi u vittmi;

2.  Iħeġġeġ lill-gvern Niġerjan jiggarantixxi s-sigurtà u l-protezzjoni tal-popolazzjoni tiegħu kontra l-vjolenza tal-Boko Haram u jżomm lura milli jwettaq aktar attakki jew qtil bi tpattija, filwaqt li jirrispetta l-obbligi tiegħu taħt standards tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti fuq livell internazzjonali u jaġixxi b'mod konformi mal-istat tad-dritt;

3.  Jikkundanna l-forzi militari Niġerjani talli użaw forza sproporzjonata fil-kuntatti vjolenti mal-Boko Haram, b'mod partikolari fit-tfittxijiet għal għarrieda tagħhom f'Baga fis-16 u s-17 ta' April 2013;

4.  Iħeġġeġ kemm il-gvern kif ukoll l-atturi fil-livell substatali biex joqogħdu lura u jfittxu soluzzjonijiet paċifiċi biex isolvu d-differenzi ta' bejn il-gruppi reliġjużi u etniċi fin-Niġerja; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali aċċessibbli u li tiffunzjona, b'mod partikolari waqt il-kunflitti armati, sabiex titwaqqaf l-impunità, jissaħħaħ ir-rispett għall-istat tad-dritt u jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni;

5.  Jistieden lill-Gvern Niġerjan jevita l-eskalazzjoni ulterjuri tal-kunflitt, b'kunsiderazzjoni partikolari għas-sikurezza u l-benessri taċ-ċivili, u jfakkar li l-qerda u l-ħsara għad-djar, l-infrastruttura pubblika u l-art agrikola kkawżati waqt il-kunflitt qed ikollhom impatt detrimentali fuq il-popolazzjoni;

6.  Iħeġġeġ kemm lill-Gvern Niġerjan kif ukoll lill-Boko Haram jirrikonoxxu u jirrispettaw il-libertà tal-istampa u l-midja u jippermettu l-ġurnalisti u l-korrispondenti aċċess għall-linji ta' quddiem tal-kunflitti, peress li l-istampa u l-midja jistgħu jkollhom rwol importanti fit-tisħiħ tar-rendikont u fir-reġistrazzjoni tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

7.  Jikkundanna l-eżekuzzjoni ta' Daniel Nsofor mill-awtoritajiet Niġerjani għal reati mwettqa meta hu kien għadu taħt l-età ta' 18-il sena; jirrakkomanda li l-awtoritajiet jieħdu l-passi neċessarji sabiex jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-osservazzjonijiet finali tal-2010 fuq in-Niġerja, b'mod partikolari billi jiżguraw li d-definizzjoni ta' tfal fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u fil-livell ta' stat hija kompletament konformi ma' dik stabbilita fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, sabiex jirrevedu l-fajls tal-priġunieri kollha kkundannati għall-mewt għal reati mwettqa qabel ma għalqu t-18-il sena, u sabiex jabolixxu l-piena tal-mewt għall-persuni kollha taħt l-età ta' 18-il sena fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

8.  Jikkundanna bil-qawwa l-eżekuzzjoni ta' erba' priġunieri fin-Niġerja f'Ġunju 2013; jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani jirrispettaw l-impenji reċenti tagħhom, kif espressi fil-qafas ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u n-Niġerja, biex iżommu moratorja de facto fuq l-eżekuzzjonijiet, u jħeġġeġ lill-pajjiż jabolixxi l-piena tal-mewt billi jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea u l-UNICEF, sabiex iħaffu l-isforzi tagħhom għal riformi b'mod konformi tal-Konvenzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-ġustizzja għat-tfal u s-sistemi ta' reġistrazzjoni tat-twelid; jirrakkomanda li n-Niġerja tkompli bl-isforzi tagħha u ssaħħaħhom sabiex tiżgura reġistrazzjoni bla ħlas u obbligatorja għat-tfal kollha u żżid is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-importanza tar-reġistrazzjoni tat-twelid u tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ;

10.  Jirrikonoxxi li l-mowbajls jirrappreżentaw forma importanti ta' komunikazzjoni għall-militanti, iżda jħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan biex ma jirrikorrix għall-imblokk tan-netwerk sħiħ, peress li dan jagħmilha impossibbli għaċ-ċittadini li jikkomunikaw;

11.  Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni reġjonali għall-iffaċċjar tat-theddida kkawżata mill-konnessjoni bejn il-Boko Haram u l-AQMI; jinkoraġġixxi l-pajjiżi fir-reġjun isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom, inkluż mal-pajjiżi tas-Sahel, sabiex jiġu evitati aktar sinerġiji bejn il-Boko Haram, l-AQMI u l-Moviment għat-Twaħħid u l-Ġiħad fl-Afrika tal-Punent (MOJWA); jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, kif ukoll in-NU, l-Unjoni Afrikana u l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS), jappoġġaw tali sforzi reġjonali u jindirizzaw it-theddid li jġibu magħhom it-terroriżmu, il-proliferazzjoni ta' armi ta' kalibru żgħir u l-kriminalità transkonfinali;

12.  Jieħu att bi tħassib tat-theddida dejjem akbar tal-piraterija 'l barra mill-Golf tal-Ginea u l-bżonn għal azzjoni aktar koordinata; jilqa' f'dan ir-rigward, l-isforzi reġjonali li sar qbil fuqhom sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-piraterija fis-summit tal-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-Golf tal-Ginea dwar is-sigurtà u s-sikurezza marittima, li sar f'Yaoundé (il-Kamerun) fl-24 ta' Ġunju 2013;

13.  Jitlob eżami usa' tal-kawżi li jinsabu fl-għeruq ta' dan il-kunflitt inklużi t-tensjonijiet soċjali, ekonomiċi u etniċi, filwaqt li jiġu evitati spjegazzjonijiet ġeneriċi u sempliċistiċi bbażati fuq ir-reliġjon biss, li ma jistgħux jipprovdu l-bażi għal soluzzjoni fit-tul u dewwiema għall-problemi tar-reġjun; iħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan jaħdem għal soluzzjoni paċifika billi jindirizza l-kawżi primarji tal-kunflitt, u jiżgura aċċess ġust għar-riżorsi, żvilupp sostenibbli fil-livell tar-reġjuni u ridistribuzzjoni tad-dħul permezz tal-baġit tal-istat;

14.  Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u li dawk responsabbli jidhru quddiem qorti b'konformità mal-istandards internazzjonali għal proċess ġust;

15.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li eskalazzjoni tal-kunflitt fin-Niġerja se taggrava aktar il-kriżi tar-rifuġjati fil-pajjiż viċini ta' Niġer u l-Kamerun; jinkoraġġixxi l-uffiċjali tal-Gvern Niġerjan jikkollaboraw mal-kapijiet tal-pajjiżi viċini sabiex jikkoordinaw ir-rispons għall-influss ta' rifuġjati;

16.  Jitlob lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, tħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan jeżerċita r-rispett għall-drittijiet tal-bniedem fl-operazzjonijiet kontra t-terroriżmu; jesprimi d-disponibbiltà tiegħu sabiex isegwi mill-qrib l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fin-Niġerja, u jipproponi miżuri restrettivi fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-Ftehim ta' Cotonou, b'mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tiegħu; jitlob lill-Kummissjoni sabiex anki hi timmonitorja s-sitwazzjoni;

17.  Jesprimi d-dispjaċir profond tiegħu dwar l-adozzjoni tal-liġi dwar il-projbizzjoni ta' żwieġ bejn persuni tal-istess sess, li abbażi tagħha relazzjoni bejn persuni tal-istess sess, l-appoġġ għad-drittijiet tal-persuni LGBT, il-ġestjoni ta' postijiet favur l-omosesswalità jew it-turija ta' affezzjoni bejn żewġ persuni tal-istess sess jikkostitwixxu reat; jistieden lill-President tan-Niġerja, għalhekk, biex ma jiffirmax il-liġi approvata mill-Kamra tar-Rappreżentanti, li tqiegħed persuni LGBT – kemm Niġerjani kif ukoll barranin – f'riskju gravi ta' vjolenza u arrest;

18.  L-awtoritajiet Niġerjani jitħeġġew jiddepenalizzaw l-omosesswalità sabiex jiġu protetti l-persuni LGBTI u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern Federali tan-Niġerja, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u tal-ECOWAS, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE u lill-Parlament PAN-Afrikan (PAP).

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0274.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0470.
(3) Testi adottati, P7_TA(2012)0299.
(4) Testi adottati, P7_TA(2012)0090.

Avviż legali - Politika tal-privatezza