Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2051(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0257/2013

Testi mressqa :

A7-0257/2013

Dibattiti :

PV 12/09/2013 - 8
CRE 12/09/2013 - 8

Votazzjonijiet :

PV 12/09/2013 - 13.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0369

Testi adottati
PDF 248kWORD 30k
Il-Ħamis, 12 ta' Settembru 2013 - Strasburgu
L-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2012
P7_TA(2013)0369A7-0257/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta` Settembru 2013 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2012 (2013/2051(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2012,

–  wara li kkunsidra tal-Artikolu 24, it-tielet paragrafu, l-Artikolu 228 u l-Artikolu 298 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 41 u 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2008(1) dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li temenda d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar il-Kooperazzjoni li ġie konkluż bejn il-Parlament Ewropew u l-Ombudsman Ewropew fil-15 ta' Marzu 2006, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2006,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Ombudsman tal-1 ta' Jannar 2009(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 205(2), it-tieni u t-tielet sentenzi, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0257/2013),

A.  billi r-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2012 ntbagħat uffiċjalment lill-President tal-Parlament fl-21 ta' Mejju 2013, u billi l-Ombudsman, is-Sur Nikiforos Diamandouros, ippreżenta r-rapport lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi Brussell fit-28 ta' Mejju 2013;

B.  billi r-rapport annwali tal-2012 huwa l-aħħar rapport annwali tas-Sur Diamandouros bħala Ombudsman Ewropew, peress li fl-14 ta' Marzu 2013 hu informa lill-President tal-Parlament Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jirtira fl-1 ta' Ottubru 2013; billi s-Sur Diamandouros ġie elett l-ewwel darba Ombudsman Ewropew fl-2003 u ġie sussegwentement elett mill-ġdid fl-2005 u fl-2010;

C.  billi s-Sur Diamandouros spiċċa għaxar snin fil-kariga ta' Ombudsman Ewropew; billi s-suċċessur tiegħu se jiġi elett għall-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2013 sal-elezzjonijiet Ewropew fl-2014, u wara se jkollha tibda proċedura ġdida ta' elezzjoni mill-Parlament il-ġdid;

D.  billi l-Artikolu 24 tat-TFUE jistipula li "kull ċittadin tal-Unjoni jista' jressaq rikors quddiem l-Ombudsman stabbilit skont l-Artikolu 228";

E.  billi l-Artikolu 228 tat-TFUE jagħti s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew li jilqa' lmenti li jikkonċernaw każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha;

F.  billi skont l-Artikolu 298 tat-TFUE "l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti", u billi l-istess Artikolu joffri jipprovdi dwar l-adozzjoni, għal dak il-għan, ta’ leġiżlazzjoni sekondarja speċifika, fil-forma ta’ regolamenti, applikabbli għall-amministrazzjoni kollha tal-UE;

G.  billi l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiddikjara li "Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni";

H.  billi l-UE għażlet l-2013 bħala 's-Sena Ewropea taċ-Ċittadini' biex tiċċelebra l-20 anniversarju taċ-ċittadinanza tal-UE;

I.  billi l-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistipula li ‘Kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandu d-dritt li jirrikorri għand l-Ombudsman Ewropew f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha’,

J.  billi l-Parlament approva l-Kodiċi ta' Kondotta Amministrattiva Tajba, abbozzat mill-Ombudsman, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2001;

K.  billi l-amministrazzjoni ħażina sseħħ meta korp pubbliku ma jaġixxix skont regola jew prinċipju li jorbotha,

L.  billi din id-definizzjoni ma tillmitax l-amministrazzjoni ħażina għal każijiet li fihom ir-regola jew il-prinċipju li qed jinkisru jkunu legalment vinkolanti; billi l-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba jikkostitwixxu livell ogħla ta' impenn mil-liġi, jesiġu li l-istituzzjonijiet tal-UE mhux biss jirrispettaw l-obbligi legali tagħhom, iżda jinkorporaw l-ispirtu ta' servizz u jiżguraw li l-membri kollha tal-pubbliku jiġu ttrattati b'ġustizzja, imparzjalità u dinjità u jgawdu d-drittijiet tagħhom bis-sħiħ;

M.  billi fl-2012 l-Ombudsman irreġistra 2 442 ilment (2 510 fl-2011) u pproċessa 2 460 ilment (2 544 fl-2011); billi 740 ilment (30 %) waqgħu taħt il-mandat tiegħu;

N.  billi l-maġġoranza tal-ilmenti (56 %) jaslu f'format elettroniku għar-reġistrazzjoni permezz tal-websajt interattiva tal-Ombudsman Ewropew, li hija disponibbli bi 23 lingwa uffiċjali;

O.  billi l-Ombudsman fetaħ 450 inkjesta (382 fl-2011) fuq il-bażi tal-ilmenti; billi dan jikkostitwixxi żieda ta' 18 % f'paragun mal-2011; billi hu fetaħ 15-il inkjesta fuq inizjattiva propja (14 fl-2011) u preżenta Rapport Speċjali lill-Parlament;

P.  billi l-Ombudsman għalaq 390 inkjesta (inklużi 10 inkjesta fuq inizjattiva proprja), li minnhom 206 kienu tal-2012, 113 tal-2011 u 71 tas-snin preċedenti; billi 85.3 % (324) tal-inkjesti magħluqa kienu minn ċittadini individwali u 14.7 % (56) minn kumpaniji, assoċjazzjonijiet jew entitajiet legali oħra;

Q.  billi 1 467 ilment li waslu kienu jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenza ta' membru tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen; billi dan in-netwerk hu magħmul mill-ombudsmen nazzjonali u reġjonali u minn korpi simili fl-UE, iż-ŻEE, l-Isvizzera u l-pajjiżi kandidati; billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament huwa membru sħiħ tan-Netwerk; billi l-Ombudsman trasferixxa 63 ilment lil dan il-kumitat;

R.  billi 52.7 % mill-inkjesti miftuħa fl-2012 kienu jikkonċernaw il-Kummissjoni Ewropea, 5.2 % lill-Parlament Ewropew, 3.0 % lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), 1.5 % lill-Bank Ewropew tal-Investiment u 20.9 % lil istituzzjonijet, aġenziji u korpi oħra tal-UE;

S.  billi t-tipi prinċipali ta' amministrazzjoni ħażina allegata investigati fl-2012 kienu jikkonċernaw il-legalità (27.7 %), it-talbiet għal informazzjoni (12.5 %), il-ġustizzja (10.3 %), il-limitazzjonijiet ta' żmien għad-deċiżjonijiet (8 %) u t-talbiet għal aċċess għad-dokumenti (6.7 %);

T.  billi l-Ombudsman ma sab ebda amministrazzjoni ħażina f'76 każ magħluq (19 %) u sab amministrazzjoni ħażina f'56 każ (14 %);

U.  billi l-fatt li ma tinstabx amministrazzjoni ħażina mhuwiex neċessarjament eżitu negattiv għall-kwerelant, li jibbenefika minn spjegazzjoni sħiħa mill-istituzzjoni kkonċernata kif ukoll l-analiżi indipendenti dwar il-każ mill-Ombudsman , u għandu l-assikurazzjoni li l-istituzzjoni kkonċernata tkun aġixxiet f'konformità mal-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba;

V.  billi fi 80 każ fl-2012, instabet soluzzjoni amikevoli jew il-kwistjoni ġiet risolta mill-istituzzjoni kkonċernata; billi meta l-Ombudsman ma jsib ebda amministrazzjoni ħażina jew ma jkun hemm ebda raġuni biex tkompli l-inkjesta, dan jista' joħroġ rimarki addizzjonali; billi rimarka addizzjonali għandha l-għan li tagħti parir lil istituzzjoni dwar kif din tista' ttejjeb il-kwalità tas-servizz li tipprovdi liċ-ċittadini;

W.  billi l-Ombudsman għalaq 74 każ li fihom sab amministrazzjoni ħażina billi għamel rimarka kritika lill-istituzzjoni; billi f'9 każijiet l-istituzzjoni kkonċernata aċċettat abbozz ta' rakkomandazzjoni;

X.  billi l-Ombudsman jagħmel rimarka kritika jekk:

   (i) ma jkunx aktar possibbli għall-istituzzjoni involuta li telimina l-każ ta' amministrazzjoni ħażina,
   (ii) l-amministrazzjoni ħażina x'aktarx li ma jkollhiex implikazzjonijiet ġenerali, u
   (iii) x'aktarx li ma tkunx meħtieġa azzjoni ta' segwitu; billi l-Ombudsman jagħmel rimarka kritika ukoll jekk iqis li abbozz ta' rakkomandazzjoni ma jkollhiex skop utli u jipproċedi bl-istess mod jekk l-istituzzjoni ma taċċettax abbozz ta' rakkomandazzjoni, u ma jkunx meqjus xieraq li jiġi preżentat rapport speċjali;
   Y. billi l-Ombudsman joħroġ abbozz ta' rakkomandazzjoni meta jkun possibbli li l-istituzzjoni kkonċernata telimina l-amministrazzjoni ħażina, jew meta l-amministrazzjoni ħażina tkun partikolarment serja jew ikollha implikazzjonijiet ġenerali; billi fl-2012 l-Ombudsman ħareġ 17-il abbozz ta' rakkomandazzjoni;
   Z. billi fl-2012 l-Ombudsman bagħat rapport speċjali wieħed lill-Parlament Ewropew; billi dan ir-rapport speċjali kien jikkonċerna l-mod kif il-Kummissjoni ttrattat ilment imressaq lilha minn inizjattiva taċ-ċittadini li qed jiġġieldu kontra dawk li huma jqisu l-konsegwenzi negattivi tal-espansjoni tal-ajruport ta' Vjenna; billi rapport speċjali lill-Parlament huma l-għodda l-iktar qawwija tal-Ombudsman u jikkostitwixxi l-aħħar pass sostantiv li jista' jieħu l-Ombudsman meta jittratta każ;
   AA. billi r-rapport tal-Parlament dwar ir-Rapport Speċjali kkonkluda li t-tħassib tal-Ombudsman dwar amministrazzjoni ħażina possibbli kien ġustifikat;
   AB. billi l-Ombudsman kull sena jippubblika studju dwar s-segwitu li l-istituzzjonijiet jagħtu lir-rimarki kritiċi u addizzjonali tiegħu; billi l-istudju tal-2011 wera li r-rata segwitu sodisfaċenti tar-rimarki kritiki u addizzjonali kienet ta' 84 %;
   AC. billi fl-2012 l-Ombudsman iffoka b'mod partikolari fuq l-integrazzjoni tal-persuni bi gradi varji ta' diżabilità; billi l-Ombudsman, flimkien mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament, il-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija Ewropea għad-Dirttijiet Fundamentali u l-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità, jaħdem biex jipproteġi, jippromwovi u jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-qafas tal-UE taħt il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; billi din il-konvenzjoni hija l-ewwel trattat dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-UE qatt irratifikat;
   AD. billi l-Kunsill approva l-proposta għal qafas fil-livell tal-UE – li jkun jinkludi l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet – biex tiġi mmoniterjata l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilitajiet;
   AE. billi fl-2012 l-Ombudsman ġie uffiċjalment rikonoxxut bħala 'Kumitat għall-Eċċellenza' mill-Fondazzjoni Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kwalità;

1.  Japprova r-rapport annwali għas-sena 2012 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew; jieħu nota tal-fatt li s-Sur Diamandouros se jirtira fl-1 ta' Ottubru 2013;

2.  Jesprimi r-ringrazzjament tiegħu għas-Sur diamandouros għall-ħidma eżemplari tiegħu bħala Ombudsman Ewropew matul dawn l-aħħar għaxar snin u għar-riżultati li kiseb biex jagħmel l-UE iktar ġusta u iktar trasparenti; jispera li hu jgawdi mill-irtirar tiegħu b'saħħa tajba u jixtiequlu l-aħjar possibbli għall-attivitajiet ulterjuri tiegħu;

3.  Jirrikonoxxi l-ħidma eċċellenti li għamel l-Ombudsman biex isaħħaħ kif ukoll japprofondixxi d-djalogu maċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet u l-atturi l-oħra interessati fil-livelli kollha;

4.  Filwaqt li jqis li nofs iċ-ċittadini tal-Ewropa jaqblu li t-tieni dritt l-iktar importanti taċ-ċittadini huwa d-dritt għal amministrazzjoni tajba, iqis li l-isforzi kontinwi tal-Ombudsman biex jippromwovi u jtejjeb il-ftuħ, it-trasparenza u r-responsabilizzazzjoni fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet u fl-amministrazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea taw kontribut deċiżiv lill-ħolqien ta' Unjoni "li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista' jkun qrib iċ-ċittadin", kif previst fl-Artikolu 1 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Ombudsman Ewropew li jmiss biex tkompli l-ħidma tajba tal-predeċessur tagħha lejn dawn il-miri importanti;

5.  Jirrikonoxxi b'rispett l-impenn bla waqfien li bih l-Ombudsman għamel kuntatt maċ-ċittadini biex jagħmilhom konxji tad-drittijiet tagħhom skont it-Trattati u ħeġġeġ lill-amministrazzjonijiet tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE biex isiru iktar trasparenti u orjentati lejn is-servizz;

6.  Iqis li l-Ombudsman dejjem eżerċita l-poteri tiegħu b'mod attiv u bbilanċjat u jirringrazzjah għar-relazzjonijiet ta' ħidma u l-kooperazzjoni eċċellenti mal-Parlament, b'mod partikolari mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

7.  Jinnota li 52 % taċ-ċittadini Ewropej iqisu li l-iktar funzjoni importanti tal-Ombudsman hija li jiżgura li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jafu d-drittijiet tagħhom u kif jużawhom, u li għalhekk l-Ombudsman jeħtieġ itejjeb il-komunikazzjoni tiegħu maċ-ċittadini tal-Ewropa u jtejjeb il-kooperazzjoni man-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen;

8.  Jitlob li jittieħdu l-passi neċessarji biex jitħaffu l-proċeduri għall-investigazzjoni tal-ilmenti, it-tmexxija tal-inkjesti u t-teħid tad-deċiżjonijiet;

9.  Itenni l-fatt li 42 % taċ-ċittadini Ewropej mhumiex sodisfatti bil-livell ta' trasparenza fl-amministrazzjoni tal-UE, u jenfasizza l-ħtieġa li l-Ombudsman ikompli l-isforzi tiegħu biex jgħin lill-istituzzjonijiet tal-UE isiru iktar miftuħa, effettivi u aċċessibbli għaċ-ċittadini, filwaqt li jibni r-rabtiet bejn l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini;

10.  Jinnota li l-ilmenti relatati mat-trasparenza dejjem kienu prijorità fil-lista ta' lmenti tal-Ombudsman; jinnota wkoll li tali lmenti qed jonqsu mis-sena 2008, li kienet is-sena meta l-iktar kien hemm ilmenti bħal dawn b'36 % tal-kwerelanti li allegaw nuqqas ta' trasparenza, għal 21.5 % fl-2012; iqis li dan hu sinjal li l-istituzzjonijiet tal-UE għamlu sforzi sinifikanti biex isiru iktar trasparenti; jitlob lill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE biex jgħinu sabiex dan in-numru jonqos iktar billi jikkooperaw mal-Ombudsman Ewropew u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu; għadu, madankollu, imħasseb dwar in-numru kbir ta' lmenti li għadhom jeżistu dwar il-ftuħ, l-aċċess pubbliku u d-data personali, peress li dawn il-kwistjonijiet ixekklu d-djalogu interistituzzjonali, id-dehra pubblika tal-UE u l-attitudni tal-pubbliku lejn l-UE;

11.  Itenni li t-trasparenza, il-fruħ, l-aċċess għall-informazzjoni, ir-rispett għad-drittijiet taċ-ċittadini u standards etiċi għoljin huma essenzjali għaż-żamma tal-fiduċja bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet u li, partikolarment fis-sitwazzjoni ekonomika diffiċli attwali, din il-fiduċja hija estremament importanti għall-futur tal-integrazzjoni Ewropea;

12.  Jistieden lill-isituzzjonijiet tal-UE, fid-dawl tad-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, jirreaġixxu għall-ħtiġijiet speċjali tal-persuni ikbar fl-età, li ħafna minnhom ma jkunux familjari mat-teknoloġiji moderni tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u biex jikkumpensaw għal dan permezz ta' applikazzjonijiet faċli li l-utent jużahom, programmi ta' għajnuna prattika onlajn u opportunitajiet ta' kuntatt mhux diġitali aċċessibbli kull ħin;

13.  Jinnota li fl-2012 l-Ombudsman irreġistra 2 442 iilment u li din kienet sena rekord f'termini kemm ta' inkjesti miftuħa (456 = +18 % f'paragun mal-2011) u ta' inkjesti magħluqa (390 = +23 %);

14.  Jinnota b'sodisfazzjon l-għaxar 'każijiet stilla' preżentati mill-Ombudsman, li pprodew eżempji għall-prattika amministrattiva f'diversi istituzzjonijiet tal-UE f'varjetà ta' oqsma;

15.  Iqis li t-tnaqqis fin-numru totali ta' lmenti preżentati lill-Ombudsman fl-2012 hija prova ulterjuri tas-suċċess tal-gwida interattiva fil-websajt tiegħu, li hija għodda b'saħħitha mfassla biex tgħin tiżgura li inqas ċittadini jilmentaw lill-Ombudsman għar-raġunijiet żbaljati u biex ittejjeb il-possibilitajiet ta' konsulenza għall-kwerelanti dwar għand min għandhom jirrikorru minflok; jinnota li t-tendenza tikkonferma li numru dejjem jiżdied ta' persuni li jirrikorru għand l-Ombudsman Ewropew jagħmlu dan għar-raġunijiet tajbin; jissuġġerixxi li l-Membri tal-Parlament Ewropew, tal-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-UE, kif ukoll il-membri tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen jinstallaw ħolqa diretta għall-gwida interattiva fil-websajts u l-kanali tal-media soċjali tagħhom,

16.  Jenfasizza l-fatt li n-numru ta' lmenti barra l-mandat tal-Ombudsman (1 720) kien l-inqas f'għaxar snin; jitlob lill-Ombudsman ikompli l-isforzi tiegħu biex inaqqas iktar dawn il-każijiet;

17.  Jirrikonoxxi l-kontribut importanti tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen u jenfasizza l-utilità ta' kooperazzjoni effiċjenti għall-benefiċċju taċ-ċittadini EWropej; jinnota li 60 % tal-ilmenti li l-Ombudsman ipproċessa fl-2012 kienu jaqgħu taħt il-kompetenza ta' membru tan-Netwerk; ifakkar li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa membru sħiħ tan-Netwerk; jinnota li fl-2012 l-Ombudsman trasferixxa 63 ilment lil dan il-kumitat; jifraħ lill-Ombudsman Ewropew dwar is-suċċess fil-koordinazzjoni tan-Netwerk; iqis li din hi funzjoni vitali tal-attivitajiet tal-Ombudsman u li l-kooperazzjoni fin-Netwerk għandha tiżdied sabiex titjieb l-amministrazzjoni nazzjonali tal-leġiżlazzjoni tal-UE; jirrakkomanda li n-netwerk jiġi estiż biex jinkludi il-korpi nazzonali rilevanti; iqis li l-parteċipazzjoni tal-Ombudsman fl-assoċjazzjonijiet Ewropej u internazzjonali tal-Ombudsmen għandha tinżamm u tissaħħaħ;

18.  Jinnota li, bħall-fis-snin preċedenti, il-parti l-kbira tal-inkjesti miftuħa mill-Ombudsman kienu jikkonċernaw il-Kummissjoni (52.7 %); jinnota li n-numru ta' inkjesti miftuħa fl-2012 li kienu jikkonċernaw il-Parlament Ewropew kważi rdoppjaw f'paragun mal-2011; jitlob lis-Segretarjat tiegħu jikkoopera bis-sħiħ mal-Ombudsman u jiżgura l-osservanza tar-rakkomandazzjonijiet u l-kummenti tiegħu dwar il-prattiki amministrattivi u l-konsistenza magħhom;

19.  Jenfasizza l-fatt li kull inkjesta magħluqa tirrappreżenta pass fid-direzzjoni t-tajba u opportunità tajba biex jiddaħħal it-titjib li l-pubbliku identifika u talab, bħala mod kif il-kunċett taċ-ċittadinanza Ewropea bħala partiċipatorja kemm jista' jkun fir-rigward tal-proċess leġiżlattiv Ewropew;

20.  Jifraħ lill-Ombudsman dwar l-inizjattiva tiegħu li jippubblika sett ta' prinċipji għas-servizzi pubbliċi li għandu jiggwida lill-uffiċjali ċivili tal-UE; ifakkar li l-ħames prinċipji tas-servizz pubbliku huma: mpenn għall-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha, l-integrità, l-oġġettività, ir-rispett għall-oħrajn u t-trasparenza; jitlob lill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE biex jinternalizzaw dawn il-prinċipji fl-operazzjonijiet kollha tagħhom;

21.  Jilqa' l-fatt li f'Ġunju tal-2013 l-Ombudsman ippubblika edizzjoni ġdida tal-Kodiċi ta' Kondotta Amministrattiva Tajba, b'kunsiderazzjoni tal-prinċipji tal-leġislazzjoni amministrattiva Ewrropea fil-ġurisprudenza tal-qrati Ewropej;

22.  Jinsab sodisfatt bl-involviment tal-Ombudsman f'numru ta' konferenzi differenti li jiffokaw fuq amministrazzjoni pubblika aħjar, inkluża waħda li hu kkoorganizza man-Netwerk ta' Riċerka dwar il-Leġiżlazzjoni Amministrattiva tal-UE (ReNEUAL);

23.  Itenni s-sejħa li għamel fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013(4) li l-Kummissjoni tadotta regoli u prinċipji vinkolanti komuni dwar il-proċeduri amministrattivi tal-amministrazzjoni tal-UE u biex tippreżenta abbozz ta' regolament għal dan il-għan fuq il-bażi tal-Artikolu 298 tat-TFEU; iqis li l-esperjenzi tal-Ombudsman s'issa u l-pubblikazzjonijiet tiegħu li jirrappurtaw dwarhom jipprovdu gwida xierqa għas-sustanza ta' tali proposta leġiżlattiva; iqis li dan ikun l-aħjar mod biex tkun żgurata bida dewwiema fil-kultura amministrattiva tal-istituzzjonijiet tal-UE;

24.  Jinsab sodisfatt bil-fatt li l-istituzzjonijiet provdew 98 risposta pożittiva għall-120 rimarka u rakkomandazzjoni li għamel l-Ombudsman fil-kuntest tal-inkjesti tiegħu fl-2012, li jfisser li fi 82 % tal-każijiet l-istituzzjonijiet tal-UE osservaw is-suġġerimenti tal-Ombudsman; Jistieden lill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi kollha tal-UE jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżguraw konformità sħiħa mar-rimarki u r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman u jassistu lill-Ombudsman iwieġeg malajr għall-inkjesti tiegħu billi, inter alia, jaħdmu flimkien mal-Ombudsman biex jitnaqqsu l-iskadenzi fil-proċess ta' inkjesta;

25.  Ifakkar li fl-2012 l-Ombudsman issottometta rapport speċjali wieħed lill-Parlament, li kien jikkonċerna l-fatt li l-Kummissjoni ma indirizzatx kunflitt ta' interess fit-trattar tal-espansjoni tal-ajruport ta' Vjenna, in-nuqqas ta' valutazzjoni tal-impatt ambjentali dwar dik l-espansjoni, u n-nuqqas ta' proċeduri ta' reviżjoni disponibbli għal dawk li lmentaw dwar il-proġett ta' bini u n-nuqqas ta' valutazzjoni tal-impatt ambjentali; jirrikonoxxi l-okkażjoni ta' opportunità li joffri tali rapport fid-dawl tal-kwistjonijiet involuti; ifakkar li, bħala reazzjoni għal dan ir-rapport speċjali, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet għamel proposti progressivi għar-reviżjoni kurrenti tad-Direttiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u għal liġi amministrattiva tal-UE;

26.  Iqis li, speċjalment meta jsir abbozz ta’ rakkomandazzjoni, il-fatt li wieħed ikun jaf li l-pass li jmiss jista’ jkun rapport speċjali lill-Parlament ta’ sikwit jgħin biex jipperswadi istituzzjoni jew korp ibiddlu l-pożizzjoni tagħhom;

27.  Jinnota li l-Ombudsman preċedenti u dak attwali fi 17-il sena u nofs preżentaw biss 18-il rapport speċjali; iqis li dan huwa prova tal-approċċ kooperattiv adottat mill-istituzzjonijiet tal-UE fil-maġġoranza tal-każijiet; jirrikonoxxi l-importanza ta' dawn ir-rapporti speċjali u jinkoraġġixxi lill-Ombudsman ikompli tali każijiet fir-rigward ta' każijiet importanti ta' amministrazzjoni ħażina li jikkonċernaw l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE;

28.  Jenfaizza li l-Jum Internazzjonali tad-Dritt għall-Informazzjoni fit-28 ta' Settembru huwa inizjattiva li jqajjem il-profil tal-Ombudsman fost il-pubbliku Ewropew u huwa eżempju ta' prattika tajba;

29.  Jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Ombudsman, flimkien mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament, il-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità, il-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għad-Dirttijiet Fundamentali fil-Qafas tal-Artikolu 33(2) fil-livell tal-UE, li huwa inkarigat biex jipproteġi, jippromwovi u jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; jistieden lill-Ombudsman jagħmel enfażi speċjali fil-ħidma tiegħu fuq il-ħtiġijiet tal-gruppi soċjali vulnerabbli ħafna, inklużi dawk b'diżabilitajiet;

30.  Jilqa' l-isforzi tal-Ombudsman biex jissalvagwardja l-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mill-istituzzjonijiet tal-UE, anke permezz tal-inkjesti fuq inizjattiva proprja tiegħu; jipprevedi li se jingħata dover ieħor simili lill-Ombudsman bl-adeżjoni tal-Unjoni fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, kif mitlub mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

31.  Jenfasizza l-importanza tal-inkjesti fuq inizjattiva proprja tal-Ombudsman, li jippermettulu jindirizza kwistjonijiet li inkella ma jiġux għall-attenzjoni tiegħu minħabba l-fatt li l-pubbliku ma jkollux l-informazzjoni jew ir-riżorsi meħtieġa biex japplikaw għandu; iqis li hija ħaġa importanti li tiżdied il-viżibilità tal-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew;

32.  Jilqa' l-adozzjoni fl-2012 ta' liġi li tistabbilixxi istituzzjoni tal-ombudsman fit-Turkija; jirrikonoxxi r-rwol tal-appoġġ u l-parir tal-Ombudsman Ewropew f'dan l-iżvilupp; jifraħ bil-fatt li l-pajjiżi kandidati kollha issa stabilixxew istituzzjoni tal-ombudsman fil-livell nazzjonali; iqis li l-esperjenza turi li l-Ombudsman huwa korp utli ħafna għat-titjib tal-amministrazzjoni tajba, l-istat tad-dritt u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u li l-Istati Membri li għadhom iridu jistabbilixxu istituzzjoni tal-ombudsman għandhom, għalhekk, jikkunsidraw attivament li jagħmlu dan; jistieden lill-Ombudsman Ewropew ikompli jassisti lill-pajjiżi kandidati futuri f'dan il-proċess;

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-ombudsmen tagħhom jew lill-korpi kompetenti simili.

(1) ĠU C 286 E, 27.11.2009, p. 172.
(2) ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.
(3) Adottat fit-8 ta' Lulju  2002 u emendat permezz tad-deċiżjonijiet tal-Ombudsman tal-5 ta' April 2004 u tat-3 ta' Diċembru 2008.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0004.

Avviż legali - Politika tal-privatezza