Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/0244(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0393/2012

Testi mressqa :

A7-0393/2012

Dibattiti :

PV 21/05/2013 - 11

Votazzjonijiet :

PV 22/05/2013 - 7.5
CRE 22/05/2013 - 7.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
PV 12/09/2013 - 13.4
CRE 12/09/2013 - 13.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0212
P7_TA(2013)0371

Testi adottati
PDF 302kWORD 27k
Il-Ħamis, 12 ta' Settembru 2013 - Strasburgu
L-Awtorità Bankarja Ewropea u s-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu ***I
P7_TA(2013)0371A7-0393/2012
Riżoluzzjoni
 Test
 Anness

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) fir-rigward tal-interazzjoni tiegħu mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru…/… li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (COM(2012)0512 – C7-0289/2012 – 2012/0244(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2012)0512),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0289/2012),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta' Novembru 2012(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta’ Novembru 2012(2),

–  wara li kkunsidra l-impenn mogħti mir-rappreżentant tal-Kunsill b'ittra tat-18 ta' April 2013 biex japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294 (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0393/2012),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(3);

2.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni konġunta mill-President tal-Parlament Ewropew u mill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni,

3.  Jisħaq fuq il-fatt li l-punt 47 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba għandu japplika għall-estensjoni tal-mandat tal-Awtorità Bankarja Ewropea; jenfasizza li kwalunkwe deċiżjoni tal-awtorità leġiżlattiva favur tali estensjoni għandha tkun bla ħsara għad-deċiżjonijiet tal-awtorità baġitarja fil-kuntest tal-proċedura baġitarja annwali;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta dikjarazzjoni finanzjarja li tqis kompletament ir-riżultat tal-ftehim leġiżlattiv bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti f'termini ta' baġits u persunal tal-Awtorità Bankarja Ewropea, tas-servizzi tal-Kummissjoni u possibilment tal-Bank Ċentrali Ewropew;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 30, 1.2.2013, p. 6.
(2) ĠU C 11, 15.1.2013, p. 34.
(3)3 Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fit-22 ta' Mejju 2013 (Testi adottati P7_TA(2013)0213).


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Settembru 2013 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru ... / 2013 tal-Parlament Ewropew u tal Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) fir-rigward tal-konferiment ta' kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013
P7_TC1-COD(2012)0244

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 1022/2013.)


Anness għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva

Dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew u tal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew fl-okkażjoni tal-votazzjoni tal-PE għall-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu

B'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 tal-Kunsill, u b'mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu, aħna, il-Presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-Bank Ċentrali Ewropew, b'dan jiddikjaraw l-appoġġ sħiħ tagħna għall-abbozz ta' test tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-kooperazzjoni rigward proċeduri relatati mal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) li ntlaħaq ftehim dwaru bejn it-timijiet ta' negozjar rispettivi tagħna. Għaldaqstant, nistiednu liż-żewġ istituzzjonijiet tagħna jadottaw formalment il-Ftehim Interistituzzjonali mill-aktar fis possibbli.

Huwa jipprevedi livell għoli ta' responsabbiltà tal-BĊE fit-twettiq tal-kompiti tiegħu skont il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) vis-à-vis l-Parlament Ewropew kif ukoll salvagwardji adegwati għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali. L-abbozz ta' Ftehim Interistituzzjonali jipprevedi, b'mod partikolari, sorveljanza parlamentari b'saħħitha tal-kompiti superviżorji tal-BĊE permezz ta' skambji ta' fehmiet regolari mal-kumitat responsabbli tal-Parlament, diskussjonijiet orali kunfidenzjali mal-Bureau ta' dak il-kumitat, u aċċess addizzjonali għall-informazzjoni fosthom għal reġistru tal-proċedimenti tal-Bord Superviżorju. Il-kooperazzjoni tal-BĊE mal-Parlament Ewropew fil-qafas tal-investigazzjonijiet tiegħu hija żgurata wkoll.

Barra minn hekk, l-abbozz tal-FII jispeċifika l-involviment parlamentari fil-proċedura ta' għażla tal-President tal-Bord Superviżorju. Fid-dawl tal-objettiv komuni tagħna li navvanzaw malajr kemm jista' jkun bl-istabbiliment tal-MSU bħala pass importanti lejn unjoni bankarja sħiħa, iż-żewġ istituzzjonijiet tagħna biħsiebhom imexxu malajr bl-ewwel proċedura ta' għażla għall-ħatra tal-President tal-Bord Superviżorju.

Strasburgu/Frankfurt nhar it-12 ta' Settembru 2013

 

 

Martin Schulz                                  Mario Draghi

Avviż legali - Politika tal-privatezza