Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2819(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0413/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/09/2013 - 13.11

Testi adottati :

P7_TA(2013)0378

Testi adottati
PDF 211kWORD 23k
Il-Ħamis, 12 ta' Settembru 2013 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fis-Sirja
P7_TA(2013)0378RC-B7-0413/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja (2013/2819(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar is-Sirja tat-23 ta’ Jannar, tat-18 ta’ Frar, tal-11 ta’ Marzu, tat-2 ta’ April, tas-27 ta’ Mejju, tal-24 ta’ Ġunju, u tad-9 u tat-22 ta’ Lulju 2013; wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sirja tat-8 ta’ Frar 2013,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) Catherine Ashton tal-21 ta’ Awissu 2013 rigward l-aħħar rapporti dwar l-użu ta’ armi kimiċi f’Damasku, tat-23 ta’ Awissu 2013 dwar l-urġenza kbira ta’ soluzzjoni politika għall-kunflitt Sirjan (li tirrifletti l-pożizzjoni maqbula tal-UE tas-7 ta’ Settembru 2013 dwar is-Sirja), u tal-10 ta’ Settembru 2013 dwar il-proposta li l-armi kimiċi tas-Sirja jitqiegħdu taħt kontroll internazzjonali;

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali għalihom, il-Protokoll ta’ Ġinevra (għall-Konvenzjoni tal-Aja) dwar il-Projbizzjoni tal-Użu fil-Gwerra ta’ Gassijiet Asfissjanti, Velenużi jew Gassijiet Oħra, u ta’ Mezzi Batterjoloġiċi, iffirmat f’Ġinevra fis-17 ta’ Ġunju 1925, u l-istandards imniżżla fil-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont in-Nazzjonijiet Uniti, mindu bdiet ir-repressjoni vjolenti kontra dimostranti paċifiċi fis-Sirja f’Marzu 2011 inqatlu aktar minn 100 000 ruħ, li l-biċċa l-kbira minnhom kienu ċivili; billi, skont l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA), 4,25 miljun ruħ sfaw spustati internament u hemm aktar minn 2 miljun rifuġjat Sirjan, l-aktar fit-Turkija, il-Ġordan, il-Libanu, l-Eġittu u l-Iraq;

B.  billi fil-21 ta’ Awwissu 2013 twettaq attakk kimiku fuq skala kbira fis-subborgi ta’ Damasku, li qatel mijiet ta’ persuni, inklużi bosta nisa u tfal; billi dan l-attakk ikkostitwixxa vjolazzjoni sfaċċata tad-dritt internazzjonali, delitt tal-gwerra u delitt kontra l-umanità; billi tagħrif minn varjetà wiesgħa ta’ sorsi tikkonferma l-eżistenza ta’ tali attakk, u jidher li tindika evidenza qawwija li r-reġim Sirjan huwa responsabbli għal dawn l-attakki;

C.  billi l-gvern tas-Sirja qabel fil-25 ta’ Awwissu 2013, erbat ijiem wara l-attakk kimiku, li l-ispetturi tan-NU jżuru l-post; billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon ħeġġeġ lit-tim ta’ spezzjoni sabiex joħroġ ir-riżultati tiegħu mill-aktar fis possibbli; billi l-missjoni ta’ spezzjoni tan-NU għandha mandat limitat li tiddetermina jekk intużawx jew le armi kimiċi, mingħajr ma tindirizza l-mistoqsija ta’ min kien responsabbli għal din l-azzjoni;

D.  billi fid-9 ta’ Settembru 2013 is-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon, u fl-10 ta’ Settembru 2013 il-VP/RGħ Catherine Ashton, laqgħu l-proposta li l-armi kimiċi tar-reġim Sirjan jiġu ttrasferiti lill-komunità internazzjonali għall-qerda, liema proposta ntlaqgħet fil-pront mir-Russja, l-Iran u r-reġim Sirjan; billi s-Sur Ban Ki-moon qal li kien qed jikkunsidra li jħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà biex jitlob it-trasferiment immedjat ta’ dawn l-armi u ħażniet ta’ prekursuri kimiċi lejn postijiet fis-Sirja fejn jistgħu jinħażnu u jinqerdu b’mod sikur;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-qtil tal-massa ta’ nies ċivili b’armi kimiċi fil-21 ta’ Awissu 2013 li, skont l-intelligence tal-Punent, wassal għall-mewt ta’ mill-anqas 1 400 ruħ, fosthom 400 tifel u tifla, filwaqt li jinnota li sorsi differenti jidher li jindikaw li r-reġim Sirjan huwa responsabbli għal dan l-attakk;

2.  Jirrimarka li, quddiem dan l-użu terribbli ta’ armi kimiċi, il-komunità internazzjonali ma tistax tibqa’ inattiva; jenfasizza li l-użu ppruvat ta’ armi kimiċi, b’mod partikolari kontra ċ-ċivili, huwa ksur sfaċċat tad-dritt internazzjonali, delitt tal-gwerra u delitt kontra l-umanità, li jirrikjedi risposta ċara, qawwija, immirata u magħquda, bla esklużjoni ta’ miżuri ta’ deterrent eventwali, biex isir ċar li delitti bħal dawn huma inaċċettabbli u biex jiġi evitat kull użu ulterjuri ta’ armi kimiċi fis-Sirja, jew xi mkien ieħor;

3.  Jilqa’ l-pożizzjoni tal-UE dwar is-Sirja, maqbula fil-laqgħa informali tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE tas-7 ta’ Settembru 2013; jenfasizza li s-sitwazzjoni fis-Sirja tirrikjedi approċċ komuni u koerenti mill-Istati Membri; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkomplu jiddiskutu s-sitwazzjoni fis-Sirja fil-qafas tal-Kunsill Affarijiet Barranin u jivvalutaw x’miżuri l-UE tista’ tadotta biex tappoġġa lill-forzi demokratiċi fl-oppożizzjoni Sirjana, tiffaċilita d-djalogu u approċċ komuni ma’ membri oħra tal-komunità internazzjonali u tagħti aktar għajnuna umanitarja lill-popolazzjoni fis-Sirja u fil-pajjiżi ġirien; jenfasizza li l-UE għandha toqgħod partikolarment attenta li tavviċina lill-atturi rilevanti kollha u tippromwovi proċess li jreġġa’ lura l-eskalazzjoni fir-reġjun kollu;

4.  Jistieden lin-NU biex jikkompletaw bil-ħeffa l-investigazzjoni eżawrjenti tagħhom dwar l-użu tal-armi kimiċi fis-Sirja; jitlob li r-rapport tat-tim ta’ spezzjoni jintbagħat mill-aktar fis possibbli lill-Kunsill tas-Sigurtà biex dan ikun jista’ jiddiskuti l-qtil tal-massa fis-Sirja fuq il-bażi tal-konklużjonijiet milħuqa mit-tim ta’ investigazzjoni tan-NU u jivvaluta l-miżuri li jeħtieġ li jiġu adottati bħala konsegwenza b’risposta għall-użu tal-armi kimiċi fis-Sirja u biex dawk responsabbli jagħtu kont ta’ għemilhom;

5.  Jilqa’ l-proposta li l-ħażna ta’ armi kimiċi tas-Sirja titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-komunità internazzjonali biex tinqered mill-aktar fis, wara l-ultimatum mogħti mill-komunità internazzjonali, flimkien ma’ riżoluzzjoni vinkolanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li, jekk ma tiġix rispettata, tkun tista’ tiġi imposta fuq il-bażi tal-istrumenti kollha provduti fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

6.  Jemmen li l-komunità internazzjonali għandha tipproduċi soluzzjoni politika għas-Sirja li tkun kapaċi ttemm il-vjolenza, tipprevjeni l-użu ulterjuri ta’ armi kimiċi u tippromwovi tranżizzjoni demokratika; jistieden, b’mod partikolari, lir-Russja u liċ-Ċina, bħala membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà, biex jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom u jiffaċilitaw l-ilħiq ta’ pożizzjoni komuni u soluzzjoni diplomatika għall-kriżi Sirjana, bla ma jeskludu rwol għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti biex tieħu l-materja f’idejha fil-każ ta’ mblukkar persistenti fil-Kunsill tas-Sigurtà; huwa konvint li soluzzjoni dejjiema għall-kriżi attwali fis-Sirja tista’ tintlaħaq biss permezz ta’ proċess politiku inklussiv immexxi mis-Sirjani u mirfud mill-komunità internazzjonali; ikompli jappoġġa, f’dan l-ispirtu, l-isforzi tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u tar-Rappreżentant Speċjali Konġunt tan-NU u l-Lega Għarbija Lakhdar Brahimi biex isir progress fil-proċess ta’ Ġinevra II u fil-Kunsill tas-Sigurtà; itenni t-talbiet tiegħu biex il-Kunsill tas-Sigurtà jirreferi s-sitwazzjoni fis-Sirja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali għal investigazzjoni formali; itenni t-talba tiegħu biex il-President Assad u r-reġim tiegħu jwarrbu u jwittu t-triq għal tranżizzjoni demokratika;

7.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-kriżi umanitarja li għaddejja fis-Sirja u l-implikazzjonijiet tagħha għall-pajjiżi ġirien; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jerfgħu r-responsabbiltajiet umanitarji tagħhom u jkattru l-għajnuna tagħhom lir-refuġjati Sirjani; itenni l-appell tiegħu biex il-pajjiżi kollha jwettqu l-wegħdiet li għamlu fil-konferenza tad-donaturi fil-Kuwajt tat-30 ta’ Jannar 2013; jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jiffaċilitaw l-għoti ta’ għajnuna u assistenza umanitarja bil-mezzi kollha possibbli, inkluż minn naħa għall-oħra tal-fruntieri u l-linji tal-ġlied, u jiżguraw is-sikurezza tal-persunal mediku kollu u tal-ħaddiema umanitarji kollha;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.

Avviż legali - Politika tal-privatezza