Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-pressjoni mir-Russja fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (fil-kuntest tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant li jmiss f’Vilnius) (2013/2826(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra s-Samit tas-Sħubija tal-Lvant li se jsir f’Vilnius f’Novembru 2013,
– wara li kkunsidra l-fatt li l-Ukraina, il-Ġeorġja u l-Moldova għandhom il-prospett li jiffirmaw u jinizjalaw, skont il-każ, Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea; wara li kkunsidra b’mod partikolari l-karattru ta’ assoċjazzjoni ġdid u arrikkit inkwistjoni, li joffri relazzjoni wiesgħa u profonda mas-sħab Ewropej, u għalhekk imur ħafna lil hinn minn sempliċi benefiċċji ekonomiċi lejn relazzjonijiet politiċi u soċjali b’saħħithom,
– billi jfakkar li l-Memorandum ta’ Budapest tal-1994 dwar id-diżarm nukleari fl-Ukraina jagħti lill-Ukraina garanziji kontra l-użu jew it-theddid ta’ forza u jipprevedi appoġġ għall-pajjiż kemm-il darba jsir attentat ta’ pressjoni fuqu permezz ta’ koerċizzjoni ekonomika;
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi impenn kontinwu fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant offra lill-pajjiżi sħab aġenda komprensiva għall-ksib ta’ riformi li jibbenefikaw minnhom iċ-ċittadini tagħhom, filwaqt li l-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u l-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi (DCFTAs) bejn l-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jirrappreżentaw impenn ta’ dawk li għandhom ir-rieda u li huma kapaċi jsaħħu u jwettqu b’suċċess il-kooperazzjoni bejn il-partijiet f’ħafna oqsma;
B. billi l-pressjoni reċenti ferm min-naħa tar-Russja li kienu soġġetti għaliha l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant li qed jagħmlu progress fit-triq lejn Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, inklużi sanzjonijiet immirati kontra l-esportazzjonijiet tal-Ukraina, projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tal-industrija tal-inbidta' Moldova, ostakli addizzjonali biex ixekklu l-progress lejn ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt Transnistrijan, u theddid relatat mas-sigurtà fil-konfront tal-Armenja, atti maħsubin biex iġiegħlu lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant ma jiffirmawx jew ma jinizjalawx il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni jew id-DCFTAs uminflok jingħaqdu mal-Unjoni Doganali mmexxija mir-Russja, li r-Russja beħsiebha tittrasforma f’Unjoni Ewro-Asjatika, poġġiet lil dawn il-pajjiżi f’pożizzjoni prekarja li tirriżulta minn restrizzjonijiet ġeografiċi li m’għandhomx ikunu soġġetti għalihom;
C. billi t-tip ta’ pressjoni eżerċitata fuq pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, li tvarja minn aspetti ekonomiċi u politiċi attwali għat-tħabbir ta’ restrizzjonijiet ekonomiċi futuri, turi l-intenzjoni tar-Russja li tkompli tikkunsidra r-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant bħala l-isfera ta’ influwenza esklużiva tagħha u li topponi l-prospett li dawn il-pajjiżi jintegraw aktar mill-qrib mal-UE permezz tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, liema approċċ imur kontra l-prinċipji tas-sovranità nazzjonali, il-fiduċja reċiproka u r-relazzjonijiet tajbin mal-pajjiżi ġirien;
D. billi l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant għandhom id-dritt sovran sħiħ u l-libertà li jibnu relazzjonijiet, bħala sħab ugwali, ma’ sħab tal-għażla tagħhom, skont il-Ftehimiet ta’ Ħelsinki;
E. billi, issa aktar minn qatt qabel, jeħtieġ li tingħata attenzjoni lill-pressjoni allarmanti fil-Viċinat tal-Lvant tal-UE u lill-proġett tas-Sħubija tal-Lvant innifsu, li qed jiġi sfidat u qed jitpoġġa f’dubju mir-Russja;
F. billi ftehim ta’ assoċjazzjoni mal-UE jġib miegħu riformi politiċi u legali li jwasslu għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, inaqqsu l-korruzzjoni u jiżguraw rispett akbar għad-drittijiet tal-bniedem; billi s-sħubija fl-Unjoni Doganali, għall-kuntrarju, ma tinvolvi l-ebda benchmark jew kundizzjonalità bbażati fuq il-valuri, u għalhekk ma tistax titqies bħala inċentiv għal riformi domestiċi;
G. billi l-kunflitti ffriżati qed jintużaw b’mod ripetut biex idgħajfu jew jimminimizzaw is-sovranità sħiħa ta’ xi pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, skont l-interessi ġeopolitiċi u ekonomiċi tar-Russja;
1. Ifakkar li l-prinċipji tal-ugwaljanza u r-rispett għad-drittijiet inerenti fis-sovranità, in-nuqqas ta’ intervenzjoni f’affarijiet interni, il-kooperazzjoni tajba bejn l-istati u l-issodisfar bona fide tal-obbligi skont id-dritt internazzjonali, kif miftiehem fil-qafas tal-Ftehimiet ta’ Ħelsinki, huma prinċipji fundamentali li jirregolaw ir-relazzjonijiet internazzjonali fost stati indipendenti, u bħala tali, bl-ebda mod m’għandhom jiġu miksura;
2. Jiddeplora l-fatt li, hekk kif qed joqrob is-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f’Vilnius, qed jiżdiedu t-tipi differenti ta’ pressjoni fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant li laħqu l-aħħar stadju ta’ negozjar tal-iffirmar jew l-inizjalar tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni tagħhom; jikkunsidra din il-pressjoni bħala inaċċettabbli; jemmen, barra minn hekk, li l-integrazzjoni progressiva ta’ pajjiżi sħab mal-UE hija konsistenti mal-intenzjoni tagħhom li jżommu relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat mar-Russja, u jistieden lir-Russja żżomm lura milli tieħu kwalunkwe azzjoni li tkun f’kontradizzjoni ċara mal-prinċipji ta’ Ħelsinki msemmija hawn fuq; jistieden lill-Federazzjoni Russa żżomm lura milli teżerċita aktar pressjoni fuq is-sħab tal-Lvant u tirrispetta bis-sħiħ id-dritt sovran tagħhom li jwettqu l-għażliet politiċi tagħhom;
3. Jenfasizza bil-qawwa l-fatt li l-għażliet ħielsa tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, li bl-ebda mod ma jħallu impatt negattiv fuq il-kummerċ mar-Russja, m’għandhomx iġegħluhom ibatu konsegwenzi bħal miżuri kummerċjali, restrizzjonijiet tal-viża, restrizzjonijiet fuq il-mobbiltà tal-ħaddiema u interferenza f’kunflitti ffriżati; barra minn hekk, jirribatti bil-qawwa din il-logħba fejn il-gwadann ta’ naħa jissarraf f’telf għan-naħa l-oħra, bħala mudell għar-relazzjonijiet tal-UE u r-Russja mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;
4. Huwa konvint li aktar riformi politiċi u ekonomiċi f’dawn il-pajjiżi, abbażi ta’ valuri u standards tal-UE, huma, fl-aħħar mill-aħħar, fl-interess tar-Russja stess, peress li hija tkun tista’ tespandi ż-żona ta’ stabbiltà, prosperità u kooperazjoni matul il-fruntieri tagħha; ifakkar fl-istedina permanenti tal-UE sabiex ir-Russja tikkontribwixxi għal dan il-proċess permezz ta’ impenn kostruttiv mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;
5. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex iqisu dawn l-iżviluppi bħala żviluppi li jmorru lil hinn mid-dimensjoni purament kummerċjali, li hija sempliċement skuża għal pressjoni politika sfaċċata, u biex jieħdu azzjoni sabiex jiddefendu s-sħab tal-Unjoni, billi jibagħtu messaġġ qawwi ta’ appoġġ lill-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant favur l-aspirazzjonijiet u l-għażliet Ewropej tagħhom;
6. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ qawwi tiegħu għall-inizjalar jew l-iffirmar tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni fis-Samit ta’ Vilnius ma’ dawk il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant li huma lesti u disposti jagħmlu dan, dment li r-rekwiżiti rilevanti jiġu ssodisfati; jemmen li dan se jagħti impetu mġedded lill-integrazzjoni gradwali u lill-approfondiment sostanzjali tar-relazzjonijiet, u b’hekk joffri risposta għall-aspirazzjonijiet Ewropej ta’ dawk il-pajjiżi; jistieden, f’dan il-kuntest, lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant biex jissoktaw u jżidu l-isforzi tagħhom sabiex itemmu l-ħidma attwali tagħhom hekk kif qed joqrob is-Samit, u sabiex ma jċedux għall-pressjoni li tiġi eżerċitata fuqhom;
7. Jisħaq fuq il-bżonn li l-UE tassumi r-responsabbiltà tagħha li timpenja ruħha u tiddefendi fl-ispirtu tas-solidarjetà lil dawk il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant li ġew esposti għal pressjoni miftuħa, allarmanti u dejjem aktar intensiva min-naħa tar-Russja, maħsuba biex ittellifhom milli jidħlu f’assoċjazzjoni mal-UE, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jipproponu miżuri konkreti u efikaċi biex jappoġġaw lill-pajjiżi sħab;
8. Ifakkar li l-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u d-DCFTAs għandhom l-għan li jagħtu spinta lill-kompetittività, lill-output ekonomiku u lill-prestazzjoni tal-pajjiżi sħab u tal-UE, filwaqt li fl-istess ħin jirrispettaw il-kooperazzjoni ekonomika tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant mar-Russja b’mod li jkun ta’ benefiċċju għall-partijiet kollha; jindika li, per se, il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u d-DCFTAs ma jdgħajfux ir-relazzjonijiet kummerċjali li l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant ilhom żmien twil irawmu fir-reġjun; jemmen, għall-kuntrarju, li m’għandhomx jitqiesu bħala inkompatibbli ma’ dawn ir-relazzjonijiet kummerċjali u li, bla ħsara għall-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u mid-DCFTAs, kwalunkwe tilwima kummerċjali għandha tiġi riżolta f’konformità mar-regoli u l-obbligi stabbiliti fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ; isostni, barra minn hekk, li l-UE hija lesta tgħin lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant fl-isforzi ta’ integrazzjoni tagħhom billi tappoġġa l-applikazzjoni provviżorja tas-sanzjonijiet rilevanti tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni jew DCFTAs wara li jiġu ffirmati, billi s-self sospiż u l-programmi ta’ għajnuna ma tħallihomx iffriżati jekk il-kondizzjonijiet meħtieġa huma sodisfatti billi tissokta l-miżuri maħsuba biex jiffaċilitaw il-viżi u l-prospett ta’ vjaġġar bla bżonn ta’ viża;
9. Jindika li l-integrazzjoni Ewropea tgawdi l-appoġġ tal-maġġoranza tal-popolazzjoni fil-pajjiżi li qed jistennew l-inizjalar jew l-iffirmar ta’ Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni; iħeġġeġ, madankollu, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-viżibbiltà tas-Sħubija tal-Lvant u l-benefiċċji tagħha fost il-pubbliku ġenerali fil-pajjiżi sħab bħala mod ta’ konsolidazzjoni tal-kunsens politiku rigward l-għażliet Ewropej tagħhom; jitlob li fuq perjodu qasir tiġi żviluppata u titnieda kampanja wiesgħa ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni fil-pajjiżi sħab ikkonċernati dwar in-natura, il-benefiċċji u r-rekwiżiti tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajiżi tas-Sħubija tal-Lvant u tal-Federazzjoni Russa, lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.