Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2636(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0377/2013

Testi mressqa :

B7-0377/2013

Dibattiti :

PV 11/09/2013 - 17
CRE 11/09/2013 - 17

Votazzjonijiet :

PV 12/09/2013 - 13.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0384

Testi adottati
PDF 243kWORD 32k
Il-Ħamis, 12 ta' Settembru 2013 - Strasburgu
L-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għall-UE
P7_TA(2013)0384B7-0377/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2013 dwar it-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna għall-UE (2013/2636(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ April 2013 bl-isem ‘It-Tieni Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE’ (COM(2013)0179),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar l-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Ġunju 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport intermedju)’(2),

–  wara li kkunsidra l-Programm ta’ Stokkolma u l-Pjan ta’ Azzjoni li jimplimentah (COM(2010)0171),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna għall-Unjoni Ewropea, kif adottata mill-Kunsill fil-25 ta’ Frar 2010,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-prijoritajiet tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata bejn l-2014 u l-2017,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Europol dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu fl-UE (TE-SAT) 2013,

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Europol dwar it-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata fl-UE (SOCTA) 2013,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni taċ-ċiklu tal-politika tal-UE dwar il-kriminalità serja u organizzata (SWD(2013)0017) 2011-2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u t-Titolu V, il-Kapitoli 1, 2, 4 u 5, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 6, 7, 8, 10(1), 11, 12, 21, 47-50, 52 u 53 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea u dik kostituzzjonali nazzjonali rilevanti li tittratta l-kriterju ta’ proporzjonalità u l-ħtieġa li dan jiġi applikat mill-awtoritajiet pubbliċi f’soċjetà demokratika,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, François Crépeau, ippreżentat fl-istudju tal-24 ta’ April 2013 bl-isem ‘Management of the external borders of the European Union and its impact on the human rights of migrants’ (Il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti);

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar it-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna għall-UE (O-000068/2013 – B7–0213/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi t-Trattat ta’ Lisbona jkompli fuq it-Trattat ta’ Maastricht u jipprevedi żona ta’ sigurtà, libertà u ġustizzja, u jippermetti li jitqiegħdu l-pedamenti għall-iżvilupp ta’ politika ta’ sigurtà għall-UE u ta’ aġenda ta’ sigurtà kondiviża mill-UE u mill-Istati Membri, li għandhom ikunu ankrati fl-istat tad-dritt u r-rispett tal-valuri demokratiċi, il-libertajiet pubbliċi, id-drittijiet fundamentali u s-solidarjetà, u soġġetti għall-kontroll demokratiku fil-livell Ewropew u nazzjonali; billi dawn il-prerekwiżiti jirriflettu l-obbligi internazzjonali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, partikolarment dawk li jirriżultaw mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u mill-ftehimiet tan-NU li huma partijiet kontraenti tagħhom;

B.  billi l-politiki ta’ sigurtà ma jistgħux jirrigwardaw biss ir-ripressjoni, iżda għandhom jindirizzaw ukoll il-prevenzjoni, li huwa partikolarment kruċjali fi żmien meta l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali li qed jiżdiedu jpoġġu fid-dubju l-patt soċjali u l-eżistenza tad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet pubbliċi;

C.  billi s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE hija fundamentali;

D.  billi l-Istati Membri u l-Kummissjoni ma indirizzawx verament l-implikazzjonijiet kollha tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, u billi konsegwentement il-Parlament ikompli jassumi rwol relattivament marġinali, hekk kif il-pożizzjonijiet li jieħu, partikolarment dwar il-ħtieġa li tiġi kkunsidrata l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, mhumiex integrati fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet(3);

E.  billi l-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna (ISS) għall-perjodu 2010-2014 identifikat ħames oqsma ta’ prijorità li fihom l-UE tista’ tipprovdi valur miżjud: il-waqfien tal-attivitajiet tan-netwerks tal-kriminalità internazzjonali u l-kontribut biex dawn jiġu eliminati, il-prevenzjoni ta’ attakki terroristiċi, it-tisħiħ taċ-ċibersigurtà, l-iżgurar tas-sigurtà mal-fruntieri, u ż-żieda tar-reżiljenza għad-diżastri naturali; billi din l-istrateġija tista’ tiġi implimentata biss jekk tissalvagwardja l-moviment liberu tal-persuni, id-drittijiet tal-migranti u tal-persuni li jftixxu asil u l-konformità mal-obbligi internazzjonali kollha tal-UE u l-Istati Membri tagħha;

F.  billi t-tieni rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-ISS irrikonoxxa li l-ħames objettivi kollha għadhom validi, u spjega s-sitwazzjoni attwali, il-progress li sar s’issa u t-triq ’il quddiem;

1.  Jiddispjaċih li t-tieni komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-ISS, tal-10 ta’ April 2013, ftit tikkritika l-attivitajiet li twettqu fil-qafas tal-ISS, filwaqt li ddikjarat għal darb’oħra l-istess prijoritajiet bħal fil-komunikazzjoni inizjali tagħha ta’ Novembru 2010 u filwaqt li naqset, partikolarment, milli tikkunsidra l-konsegwenzi tal-inkorporazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw mhux biss għaċ-ċittadini tal-UE iżda għal kull persuna li tinsab fit-territorju tal-UE;

2.  Jinnota l-ħidma mwettqa sabiex titwaqqaf l-ISS u l-prinċipji ewlenin li jirregolaw l-istrateġija, li hija maħsuba biex tippermetti lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri kollha tal-UE jaħdmu għall-kisba tal-istess objettivi; jenfasizza li l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja huma objettivi li għandhom jiġu mfittxija b’mod parallel u jfakkar li, sabiex jinkisbu l-libertà u l-ġustizzja, is-sigurtà trid dejjem tiġi segwita skont il-prinċipji tat-Trattati, l-istat tad-dritt u l-obbligi tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali; jemmen li l-miżuri ta’ sigurtà tal-UE għandhom jiffukaw fuq attivitajiet li wrew il-kapaċità li jbaxxu r-rati tal-kriminalità u jipprevjenu attakki terroristiċi, imwettqa skont il-prinċipji ta’ neċessità, proporzjonalità u rispett għad-drittijiet fundamentali u abbażi ta’ kontroll u responsabilità xierqa;

3.  Jissottolinja l-fatt li s-sigurtà interna mhijiex eżenti mill-obbligi tad-drittijiet fundamentali tal-UE u nazzjonali, u jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-awtoritajiet u ċ-ċittadini tal-Istati Membri kienu soġġetti għal sorveljanza sigrieta mill-Istati Membri, pajjiżi terzi u partijiet terzi, bil-kollaborazzjoni ta' kumpaniji privati; jistieden lill-UE u lill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri biex jinvestigaw il-kwistjoni u jieħdu azzjonijiet ta' segwitu dwarha; jenfasizza li kull strateġija tas-sigurtà interna tal-UE teħtieġ tkun ibbażata fuq fehim komuni ta' x'inhu "intern" u "estern" u teħtieġ tkun immirata biex tiddefendi lill-Istati Membri tal-UE u ċ-ċittadini tagħhom mis-sorveljanza barranija illegali u influwenza u manipulazzjoni mhux xierqa; jitlob tisħiħ tas-sigurtà u l-kunfidenzjalità tas-sistemi ta' komunikazzjoni u loġistika tal-UE kontra sorveljanza tal-partijiet terzi jew barranija; jissottolinja l-fatt li d-dritt taċ-ċittadini għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data u d-dritt tal-aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni huma valuri u drittijiet fundamentali Ewropej, li jeħtieġu jiġu sostnuti fil-livelli kollha u fil-fora kollha;

4.  Ifakkar li l-Parlament issa huwa attur istituzzjonali sħiħ fil-qasam tal-politiki ta’ sigurtà, u għaldaqstant huwa intitolat li jieħu sehem b’mod attiv fid-determinazzjoni tal-karatteristiċi u l-prijoritajiet tal-ISS u fl-evalwazzjoni tal-istrumenti rilevanti, inkluż permezz ta’ eżerċizzji regolari ta’ monitoraġġ fuq l-implimentazzjoni tal-ISS, li għandhom jitwettqu b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali u l-Kunsill, skont l-Artikoli 70 u 71 tat-TFUE;

5.  Jemmen li analiżi xierqa tat-theddidiet ta’ sigurtà li jridu jiġu indirizzati hija prerekwiżit essenzjali sabiex tkun ISS effettiva; ifakkar lill-Kummissjoni fl-impenn tagħha li tipproduċi ħarsa ġenerali transsettorjali tat-theddidiet naturali u dawk ġejjin mill-bniedem (intenzjonali u mhux intenzjonali) fl-UE; ifakkar lill-Kunsill Ewropew fl-obbligu tiegħu skont l-Artikolu 222 TFUE li jwettaq valutazzjoni regolari tat-theddid għall-UE u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti konkreti dwar kif l-aħjar li timplimenta l-obbligi msemmija hawn fuq, billi ġġib flimkien, fil-livell tal-UE u nazzjonali, il-valutazzjonijiet dwar it-theddid u r-riskji, li attwalment huma frammentati u b’fokus limitat wisq;

6.  Jinnota li l-effikaċja tal-Europol biex tivvaluta u tanalizza theddidiet terroristiċi u attivitajiet kriminali oħra tiddependi ħafna minn kemm is-servizzi fl-Istati Membri jkunu lesti jipprovdulha informazzjoni; jissuġġerixxi li tissaħħaħ il-provvista ta’ informazzjoni mill-Istati Membri lill-Europol billi jiġi rinfurzat id-dmir tal-Istati Membri li jikkooperaw mal-Europol;

7.  Ifakkar li waħda mit-theddidiet ewlenin għas-sigurtà interna tal-UE hija l-kriminalità organizzata, inklużi l-mafji; jinnota b’sodisfazzjon il-progress li sar mill-Istati Membri u l-Kummissjoni bħala parti miċ-ċiklu tal-politika tal-UE dwar il-kriminalità internazzjonali serja u organizzata, u jitlob lill-Istati Membri jwettqu impenn imġedded u jużaw riżorsi xierqa; huwa tal-fehma li għandhom jiġu promossi standards ġuridiċi u strumenti operattivi komuni, bħas-sekwestri, l-Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropej u l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti; iqis li huwa neċessarju li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija bejn l-Istati Membri u l-UE, kif ukoll ma’ pajjiżi mhux tal-UE, fir-rispett tal-leġiżlazzjonijiet u l-obbligi internazzjonali tal-UE fil-qasam tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali, l-Istat tad-Dritt u l-protezzjoni tad-data personali u l-ħajja privata taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE, u jitlob li l-Parlament Ewropew ikollu rwol kruċjali fl-evalwazzjoni u d-definizzjoni tal-politiki ta' sigurtà interna li għandhom impatt kbir fuq id-drittijiet fundamentali tal-persuni kollha li jgħixu fl-UE, b'hekk jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawk il-politiki jaqgħu taħt il-kompetenza tal-unika istituzzjoni Ewropea li hija eletta b'vott dirett għall-iskrutinju u l-kontroll demokratiku tal-politiki tal-UE fil-qafas tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja;

8.  Itenni, abbażi tal-kooperazzjoni eżistenti bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali, l-idea tiegħu ta’ ‘ċiklu ta’ politika parlamentari’ – sinkronizzat bir-reqqa mar-rappurtar annwali tal-Kummissjoni f’dan il-qasam – li jikkonkludi b’rapport parlamentari annwali dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-ISS;

9.  Huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ġlieda kontra l-vjolenza fuq it-tfal u n-nisa;

10.  Jilqa’ l-fatt li l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar ġiet inkluża fost il-prijoritajiet tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jistenna, madankollu, l-orjentazzjoni strateġika globali li se tiġi żviluppata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-armi tan-nar, inkluż l-użu tagħhom għal skopijiet ta’ traffikar, kriminalità organizzata u terroriżmu;

11.  Jiddispjaċih li l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus ma ġietx inkluża bħala prijorità separata tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, kif kien rakkomandat mill-Europol; jemmen bil-qawwa li tipi differenti ta’ kriminalità organizzata bħall-ħasil tal-flus, ir-reati ambjentali u r-reati u l-korruzzjoni korporattivi huma elementi marbuta flimkien u li jsaħħu lil xulxin u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex, mingħajr dewmien, jagħtu prijorità lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus;

12.  Jenfasizza li l-ġlieda kontra t-terroriżmu hija prijorità ewlenija fl-ISS; jirrimarka li skont il-Europol it-theddida terroristika hija realtà fl-UE, għalkemm tieħu forom differenti ħafna, iżda għandu dubji dwar il-prijoritajiet tal-Unjoni f’dan il-qasam fir-rigward tal-oriġini reali tal-attentati terroristiċi; jinsisti fuq il-ħtieġa li tingħata prijorità akbar lill-politiki ta’ prevenzjoni minbarra miżuri repressivi; jinnota n-neċessità li wieħed jiffoka hawnhekk fuq miżuri mmirati ta’ pulizija u s-servizzi ta’ informazzjoni, u li dawn jiġu allokati r-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa, sabiex tassew tkun tista’ ssir prevenzjoni ta’ attakki terroristiċi; ifakkar fl-importanza tal-prevenzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu u jistenna l-proposta għal qafas għal miżuri ġudizzjarji u amministrattivi, bħall-iffriżar tal-fondi ta’ persuni li jkunu suspettati b’terroriżmu skont l-Artikolu 75 TFUE; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jevalwaw kif jixraq in-natura u l-kobor tat-theddida maħluqa minn qawmien mill-ġdid ta’ radikalizzazzjoni politika vjolenti; iqis li huwa kruċjali li jiġu żviluppati mekkaniżmi li jippermettu l-individwazzjoni bikrija ta’ sinjali ta’ radikalizzazzjoni bħal din, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu fuq dan, inkluż fir-rigward tal-prevenzjoni, fl-oqsma ta’ attività rispettivi tagħhom; huwa mħasseb dwar l-attività dejjem tikber minn dawk li ġeneralment jissejħu ‘persuni li joperaw waħedhom’, ta’ ċittadinanza tal-UE jew ta’ pajjiżi terzi, li jivvjaġġjaw lejn inħawi ta’ kunflitt qabel ma jiġu lura fit-territorju tal-UE, għax jippreżentaw riskji ġodda li ma jistgħux jiġu indirizzati b’metodi normali tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; jinkoraġġixxi l-iskambju ta’ prattiki tajba għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fost iż-żgħażagħ u jappoġġa l-proposta ta’ ‘kaxxa tal-għodda’ Ewropea dwar is-suġġett; jistenna li l-evalwazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu tqis dawn il-parametri kollha u jenfasizza l-ħtieġa li l-istrumenti kontra t-terroriżmu eżistenti jiġu interkonnessi aħjar;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE jwettqu investigazzjoni bir-reqqa dwar il-movimenti vjolenti tal-estrem fi ħdan l-Unjoni u jieħdu miżuri prattiċi biex jikkumbattu attivitajiet vjolenti ta’ dan it-tip;

14.  Jenfasizza li s-settur privat, partikolarment l-industrija finanzjarja, għandu rwol kruċjali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-finanzjament tat-terroriżmu billi jidentifika u jirrapporta każijiet ta’ frodi, ħasil tal-flus u tranżazzjonijiet suspettużi oħra; jirrimarka li s-settur finanzjarju għandu jaħdem aktar mill-qrib mal-aġenziji governattivi biex jiġu identifikati lakuni fir-regolamenti attwali u jiġu implimentati tekniki innovattivi biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet; jenfasizza li huwa tal-akbar importanza li wieħed jifhem li kwalunkwe ġlieda effettiva kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu tiddependi fuq approċċ integrat li jinvolvi l-partijiet interessati kollha fil-livell nazzjonali u tal-UE;

15.  Iqis li għandha tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika għad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem; jiddispjaċih li d-Direttiva attwali dwar il-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika Ewropea (2008/114/KE(4)) mhix qed tiffunzjona sewwa u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi li tiġi emendata din id-direttiva sabiex tissaħħaħ;

16.  Jemmen li jeħtieġ jitwettaq studju statistiku dwar ir-riskji naturali, li jelenka l-oqsma l-aktar kritiċi, u li dan għandu jkun il-bażi li fuqu tiġi żviluppata sistema awtomatika ta’ salvataġġ u rispons li tkun effettiva biex tirreaġixxi fil-pront għall-emerġenzi;

17.  Iqisha bħala ħaġa ta’ importanza kbira li jiġu miġġielda b’mod deċiż ir-reati ambjentali u ekonomiċi, tkun xi tkun l-oriġini tagħhom, peress li għandhom impatt ta’ ħsara partikolari fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien taċ-ċittadini tal-UE, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi;

18.  Jilqa’ l-aħbar mill-Kummissjoni ta’ inizjattiva kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti u jesprimi fiduċja kbira fiha;

19.  Jinnota l-prijorità li l-ISS tagħti lill-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità; iqis li ċ-ċiberkriminalità hija theddida li qed tikber għall-UE u fattur importanti li jippermetti t-twettiq ta’ attivitajiet kriminali oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni biżżejjed fondi għaċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità u jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità; ifakkar li l-ipproċessar u l-ġbir tad-data personali bħala parti mill-ISS dejjem għandhom ikunu konformi mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk ta’ neċessità, proporzjonalità u legalità, kif ukoll mal-leġiżlazzjoni tal-UE u mal-konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa rilevanti f’dan il-qasam; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lit-tfal fid-dinja diġitali, u l-importanza tal-ġlieda kontra l-pornografija tat-tfal; jappoġġa l-espansjoni tal-Alleanza Globali kontra l-Abbuż Sesswali tat-Tfal Onlajn;

20.  Itenni li t-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja tal-UE, anke permezz tal-Europol, il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) u l-Eurojust, flimkien mal-għoti ta’ taħriġ adegwat, huwa kritiku għal ISS xierqa u għandu jinvolvi lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kif ukoll l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE; iqis li din il-kooperazzjoni ma għandhiex tkun limitata għall-identifikazzjoni u l-arrest ta’ persuni suspettati li kkommettew atti kriminali, iżda għandha tiffoka wkoll fuq il-prevenzjoni tal-kriminalità u tar-ripetizzjoni tar-reati; jinnota l-proposti rilevanti tal-Kummissjoni, inklużi dawk għar-riforma tal-Eurojust u għal abbozz ta’ leġiżlazzjoni dwar il-ħolqien ta’ Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew; jirrimarka l-ħtieġa li jiġi żgurat ir-rispett tas-separazzjoni tal-poteri bejn is-setturi ġudizzjarji u tal-pulizija, kif ukoll tal-awtonomija rispettiva tagħhom;

21.  Jappoġġa l-istabbiliment ta’ Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, b’mod partikolari biex jissalvagwardja l-baġit tal-Unjoni b’mod aktar effettiv, u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta malajr kemm jista’ jkun;

22.  Jiddispjaċih li l-ISS għad m’għandhiex ‘dimensjoni tal-ġustizzja’ xierqa; ifakkar, skont il-programm ta’ Stokkolma, li l-fiduċja reċiproka jeħtieġ li tissaħħaħ billi tiġi żviluppata progressivament kultura ġudizzjarja Ewropea bbażata fuq id-diversità tas-sistemi legali u fuq l-unità permezz tal-liġi Ewropea, u li dan għandu jinkludi r-rispett tal-istat tad-dritt, il-valuri demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem, u mhux biss jillimita ruħu għall-insegwiment ta’ persuni ssuspettati li kkommettew atti kriminali jew terroristiċi; jenfasizza l-importanza kbira tal-fiduċja reċiproka bħala prerekwiżit biex titrawwem il-kooperazzjoni ġudizzjarja, u jemmen li din il-fiduċja reċiproka ma tistax isseħħ jekk mhux permezz tal-istabbiliment u r-rispett ta’ standards ugwali fir-rigward tal-libertajiet ċivili u s-salvagwardji proċedurali;

23.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata ġestjoni integrata tal-fruntieri li għandha tiżgura kontroll tal-fruntieri esterni li jkun uniformi, sikur u ta’ kwalità għolja, filwaqt li jiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu bejn il-fruntieri esterni u jippromwovi l-mobilità fi ħdan iż-żona Schengen; jilqa’ l-bidu tal-operat reċenti tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen II u jistieden lil eu-LISA tiżgura ġestjoni operazzjonali ta’ kwalità għolja tas-sistema l-ġdida; jistenna li s-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) ġdida tkun qed tiffunzjona kompletament sa tmiem l-2014 u jemmen li se tkun strument effiċjenti li se jikkontribwixxi għall-individwazzjoni u l-prevenzjoni tal-kriminalità transkonfinali u l-immigrazzjoni irregolari, u għall-ġlieda kontrihom, kif ukoll għall-protezzjoni tal-migranti u biex isalvalhom ħajjithom; jenfasizza li l-iżvilupp possibbli ta’ sistemi ġodda tal-IT fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, bħall-inizjattivi ‘Fruntieri Intelliġenti’, għandhom jiġu analizzati b’attenzjoni speċjalment fil-konfront tal-prinċipji ta’ neċessità u proporzjonalità u eventwalment għandhom jiġu żviluppati biss wara li l-istrumenti legali jkunu ġew adottati; jilqa’ b’mod partikolari l-ftehim reċenti li ntlaħaq dwar il-Mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni ta’ Schengen u jistieden lill-Kummissjoni tassumi r-responsabbiltajiet il-ġodda tagħha sabiex tiżgura livell għoli ta’ konformità mal-acquis ta’ Schengen maż-żona Schengen kollha; jenfasizza li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni għandha tkun miżura eċċezzjonali li tista’ tintuża biss f’każ estrem, filwaqt li jitqiesu mhux biss l-aspetti ta’ sigurtà iżda wkoll l-impatt fuq il-mobilità u l-libertà ta’ moviment; jenfasizza l-fatt li l-migrazzjoni u l-qsim ta’ fruntieri esterni minn ammont kbir ħafna ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma għandux, per se, jitqies bħala theddida għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna; itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija maż-żona Schengen u jistieden lill-Kunsill jaqbel ukoll dwar l-adeżjoni tagħhom, peress li dan jagħti spinta qawwija favur il-fiduċja reċiproka u s-solidarjetà li huma prekundizzjonijet meħtieġa biex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà fi ħdan l-UE;

24.  Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka bejn il-forzi tal-pulizija sabiex jiġu promossi l-kooperazzjoni, l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti u l-iskambju ta’ informazzjoni; jirrimarka, f’dan ir-rigward, li t-taħriġ tal-forzi tal-pulizija mill-perspettiva Ewropea huwa kruċjali;

25.  Jemmen li d-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-ISS għandhom iqisu aktar bis-sħiħ l-interazzjoni eżistenti bejn id-dimensjoni interna u dik esterna tal-politika ta’ sigurtà u li, f’dawn iż-żewġ dimensjonijiet, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni li huma attivi fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom f’konformità sħiħa mal-valuri u l-prinċipji tad-dritt tal-UE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw ukoll l-impatt tal-ISS fuq l-Istrateġija ta’ Sigurtà Esterna tal-UE, inkluż fir-rigward tal-obbligi li jikkonċernaw l-osservanza u l-promozzjoni tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali u tal-valuri u l-prinċipji demokratiċi kif jidhru fit-testi, fil-konvenzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali li huma firmatarji tagħhom; jiddispjaċih li l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali tal-2011 immirat lejn it-Tisħiħ tar-Rabtiet bejn il-PSDK u l-FSJ qiegħda lura u jħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jħaffef ix-xogħol fuqha;

26.  Jirrimarka li l-ISS attwali se tiġi fi tmiemha fl-2014; jistieden lill-Kummissjoni tibda tħejji ISS ġdida għall-perjodu 2015-2019, li tikkunsidra d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u l-integrazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fid-dritt tal-Unjoni; huwa tal-fehma li din il-politika l-ġdida għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni esterna fil-fond u indipendenti tal-istrateġija u l-istrumenti attwali, filwaqt li jitqiesu l-isfidi tal-ġejjieni, u li għandha titwettaq wara konsultazzjoni wiesgħa fost il-partijiet interessati; jistieden lill-Kunsill iqis kif xieraq il-kontribut tal-Parlament fir-rigward tal-ISS il-ġdida qabel jadotta l-istrateġija l-ġdida;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) P7_TA(2012)0207.
(2) P7_TA(2013)0245.
(3) Ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta’ Diċembru 2010 dwar ‘il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2009) – implimentazzjoni effikaċi wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona’, ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 49.
(4) ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75.

Avviż legali - Politika tal-privatezza