Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2292(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0258/2013

Testi mressqa :

A7-0258/2013

Dibattiti :

PV 12/09/2013 - 9
CRE 12/09/2013 - 9

Votazzjonijiet :

PV 12/09/2013 - 13.19
CRE 12/09/2013 - 13.19

Testi adottati :

P7_TA(2013)0386

Testi adottati
PDF 304kWORD 28k
Il-Ħamis, 12 ta' Settembru 2013 - Strasburgu
In-negozjar kollettiv transfrunterjali u d-djalogu soċjali transnazzjonali
P7_TA(2013)0386A7-0258/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta` Settembru 2013 dwar in-negozjar kollettiv transkonfinali u d-djalogu soċjali transnazzjonali (2012/2292(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3(3) u 6(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 151, 152, 154, 155 u 156 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 12, 28, 52(3) u 53 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-Preambolu tagħha u l-ispjegazzjonijiet rilevanti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5 u 6 tal-Karta Soċjali Ewropea (Riveduta),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE tal-20 ta’ Mejju 1998 dwar l-istabbiliment ta' Kumitati ta' Djalogu Settorjali biex iġibu 'l quddiem id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi, negozji jew partijiet ta' impriżi jew negozji,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta’ Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni tal-impjegati,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill (EPSCO) 17423/11, adottati fl-1 ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Settembru 2012 bit-titolu ‘Transnational company agreements: realising the potential of social dialogue', (SWD(2012)0264),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta’ April 2012 bit-titolu 'Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi' (COM(2012)0173),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-31 ta’ Jannar 2012 tal-Grupp ta' Esperti tal-Kummissjoni dwar il-ftehimiet imprenditorjali transnazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Rivedut tal-31 ta’ Jannar 2012 tal-Grupp ta' Esperti tal-Kummissjoni dwar il-ftehimiet imprenditorjali transnazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Jannar 2012 bit-titolu 'Ristrutturazzjoni u antiċipazzjoni tal-bidla: X'tgħallimna mill-esperjenza reċenti?' (COM(2012)0007) u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tas-17 ta’ Jannar 2012 li jakkumpanjaha bit-titolu ‘Restructuring in Europe 2011’ (SEC(2012)0059),

–  wara li kkunsidra l-kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2010 bit-titolu 'Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni - Il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali' (COM(2010)0614),

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2008 bit-titolu ‘Mapping of transnational texts negotiated at corporate level’ (EMPL F2 EP/bp 2008 (D) 14511),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-2008 bit-titolu ‘The role of transnational company agreements in the context of increasing international integration’ (SEC(2008)2155),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta’ Frar 2006 bit-titolu ‘Transnational collective bargaining: Past, present and future’,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Frar 2005 dwar l-Aġenda Soċjali (COM(2005)0033),

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tal-ILO dwar il-klawsoli tax-xogħol (il-kuntratti pubbliċi) (Nru 94) u n-negozjar kollettiv (Nru 154),

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza żviluppata mill-korpi superviżorji tal-ILO,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tripartitika tal-ILO dwar il-prinċipji li jikkonċernaw l-intrapriżi multinazzjonali u l-politika soċjali (id-Dikjarazzjoni MNE) (1977),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-ILO tal-10 ta' Ġunju 2008 dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-ILO tat-18 ta' Ġunju 1998 dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tal-ILO li jistabbilixxu standards universali fundamentali tax-xogħol fir-rigward ta’ (fost l-oħrajn): il-libertà ta' assoċjazzjoni u d-dritt għan-negozjar kollettiv (Nru 87, 1948 u Nru 98, 1949); u n-nondiskriminazzjoni fl-impjiegi (Nru 100, 1951 u Nru 111, 1958),

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu dwar l-infurzar tad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema, ikkummissjonat mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (Settembru 2012),

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu dwar in-negozjar kollettiv transkonfinali u d-djalogu soċjali transnazzjonali, ikkummissjonat mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (Ġunju 2011),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2013 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar informazzjoni lill-ħaddiema u konsultazzjoni tal-ħaddiema, antiċipazzjoni u ġestjoni tar-ristrutturazzjoni(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0258/2013),

A.  billi skont il-Kummissjoni(2) kien hemm 244 ftehim imprenditorjali transnazzjonali Ewropew fl-2012; billi dan jindika li r-relazzjonijiet tax-xogħol fil-kumpaniji transnazzjonali fl-Ewropa qed isiru dejjem aktar integrati;

B.  billi aktar u aktar ftehimiet imprenditorjali transnazzjonali ġodda qed jinkludu ftehimiet dwar proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim, kif jirrakkomandaw kemm l-organizzazzjonijiet tal-impjegati, kif ukoll dawk ta' min iħaddem;

C.  billi ma jeżisti l-ebda qafas ġuridiku għal dawn il-ftehimiet, la fil-livell internazzjonali u lanqas fil-livell Ewropew; billi għandu jiġi kkunsidrat jekk din hijiex raġuni għalfejn qed jiġu konklużi anqas ftehimiet ta' dan it-tip;

D.  billi kull Stat Membru tal-UE għandu s-sistema proprja tiegħu tar-relazzjonijiet industrijali, ibbażata fuq żviluppi storiċi u tradizzjonijiet differenti, li għandha tiġi rrispettata u ma teħtieġ l-ebda armonizzazzjoni;

E.  billi ntwera li s-sħubijiet transkonfinali bejn is-sħab soċjali huma prattiki tajba għall-promozzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema u tad-drittijiet tagħhom bejn il-fruntieri; billi l-appoġġ tal-UE għal sħubijiet transkonfinali ta' dan it-tip hu essenzjali;

F.  billi d-djalogu Ewropew jippromwovi ż-żamma u ż-żieda fl-impjiegi, it-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u b'hekk iż-żieda fil-prosperità tal-ħaddiema tal-impriżi transnazzjonali permezz ta’ modi innovattivi, filwaqt li tiġi ppreservata l-awtonomija fin-negozjar kollettiv;

G.  billi l-UE tirrikonoxxi l-libertà ta’ assoċjazzjoni u d-dritt għal negozjar kollettiv bħala drittijiet fundamentali;

H.  billi n-negozji qegħdin joperaw dejjem aktar fuq livell Ewropew, waqt li r-rappreżentanza tal-ħaddiema b'mod predominanti hi organizzata skont linji nazzjonali;

1.  Jinnota li din ir-riżoluzzjoni tikkonċerna l-ftehimiet imprenditorjali transnazzjonali; jinnota li l-ftehimiet imprenditorjali transnazzjonali jiġu konklużi bejn federazzjonijiet tat-trejdjunjins Ewropej min-naħa, u mill-kumpaniji individwali u/jew federazzjonijiet ta' min iħaddem min-naħa l-oħra, normalment fil-livell settorjali, u jiddikjara li din ir-riżoluzzjoni ma tirrigwardax ftehimiet qafas internazzjonali li jiġu ffirmati minn federazzjonijiet tat-trejdjunjins internazzjonali ma' impriżi; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ id-djalogu soċjali Ewropew u transnazzjonali u n-negozjar kollettiv transnazzjonali;

2.  Jipproponi li l-Kummissjoni tista' tikkunsidra jekk qafas ġuridiku Ewropew mhux obbligatorju għal dawn il-ftehimiet imprenditorjali transnazzjonali Ewropej ikunx neċessarju u utli bil-ħsieb li jiġu pprovduti sigurtà ġuridika akbar, aktar trasparenza, u effetti ġuridiċi prevedibbli u infurzabbli għall-ftehimiet skont id-dispożizzjonijiet ta' qafas; jipproponi li għandhom jiġu promossi prattiki relatati mal-ftehimiet imprenditorjali transnazzjonali Ewropej li jirrikonoxxu l-awtonomija kuntrattwali tal-partijiet kontraenti, u jirrakkomanda li jiġu inkorporati dispożizzjonijiet fil-ftehimiet dwar ir-soluzzjoni tat-tilwim;

Qafas ġuridiku mhux obbligatorju għall-ftehimiet imprenditorjali transnazzjonali Ewropej

3.  Jenfasizza l-awtonomija tas-sħab soċjali, li permezz tagħha dawn jistgħu jibdew negozjati u jilħqu ftehimiet fil-livelli kollha;

4.  Jenfasizza li l-ftehimiet imprenditorjali transnazzjonali jvarjaw bejniethom, pereżempju fir-rigward ta’ kemm testendi l-applikabilità, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-firmatarji, skont il-finijiet, il-punti ta’ tluq, il-ħtiġijiet u l-objettivi ta’ dawk il-partijiet, li n-negozji u l-kulturi korporattivi jvarjaw sostanzjalment bejniethom u li l-awtonomija tal-partijiet kontraenti fir-rigward tal-ħolqien ta’ tipi differenti ta' ftehimiet imprenditorjali transnazzjonali għandha tiġi rispettata;

5.  Jissuġġerixxi li s-sħab soċjali jiskambjaw l-esperjenzi fil-qasam tal-ftehimiet imprenditorjali transnazzjonali;

6.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tibbaża l-kunsiderazzjoni tagħha ta' qafas ġuridiku mhux obbligatorju fuq użu volontarju, li għandu jkun mhux obbligatorju għas-sħab soċjali u kumpaniji u grupp ta' kumpaniji involuti kif ukoll abbażi tal-flessibilità u r-riferiment fil-livell nazzjonali b’mod li l-ftehim imprenditorjali transnazzjonali jingħata effett ġuridiku; jenfasizza b’mod espliċitu l-awtonomija tas-sħab soċjali u tal-partijiet għal ftehimiet kollettivi;

7.  Iqis li l-kunsilli tax-xogħlijiet Ewropej għandhom ikunu involuti kompletament fin-negozjati mal-federazzjonijiet trejdjunjonistiċi Ewropej fejn applikabbli, partikolarment billi dawn huma kapaċi jidentifikaw il-ħtieġa/opportunità għal ftehim imprenditorjali transnazzjonali, iniedu l-proċess u jwittu t-triq għan-negozjati, u jgħinu jiżguraw it-trasparenza u t-tixrid ta’ informazzjoni dwar il-ftehimiet għall-ħaddiema involuti; jilqa' l-fatt li xi federazzjonijiet trejdjunjonistiċi Ewropej fasslu regoli proċedurali biex jiġu involuti l-kunsilli tax-xogħlijiet Ewropej;

8.  Jinsab konvint li l-inklużjoni tal-klawsola l-aktar favorevoli u l-klawsola tan-nonrigressjoni hi meħtieġa sabiex jiġi evitat ir-riskju li ftehim imprenditorjali transnazzjonali Ewropew jirriżulta f'evażjoni ta’ ftehimiet kollettivi nazzjonali u ftehimiet imprenditorjali nazzjonali, jew li jgħarraqhom;

9.  Jirrakkomanda l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim; iqis li għandu jintlaħaq ftehim dwar l-ewwel mekkaniżmu konġunt ad hoc fil-livell ta' impriżi, pereżempju l-inkoraġġiment biex il-partijiet firmatarji, fuq bażi volontarja, jaqblu dwar klawsoli għas-soluzzjoni tat-tilwim għas-sejbien ta' soluzzjoni għall-kunflitti bejn il-partijiet kontraenti; jissuġġerixxi li dawn il-klawsoli jistgħu jiġu bbażati fuq mudelli ta' riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim miftiehma u pprovduti mis-sħab soċjali tal-UE fil-livell settorjali; jirrikonoxxi li ħafna mill-ftehimiet imprenditorjali transnazzjonali li diġà ġew konklużi fil-livell Ewropew diġà jinkludu proċeduri ta' ħidma għas-soluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim, u jinkoraġġixxi lis-sħab soċjali jiskambjaw il-fehmiet dwar dan is-suġġett b'mod aktar intensiv u jidentifikaw metodi għall-iżvilupp u/jew l-ottimizzazzjoni ulterjuri tagħhom;

10.  Jipproponi lill-Kummissjoni tirrakkomanda lis-sħab soċjali jqisu l-kriterji li ġejjin fir-rigward tal-ftehimiet imprenditorjali transnazzjonali Ewropej: il-proċedura ta' mandat, jiġifieri l-kjarifika tal-leġittimità u r-rappreżentanza tal-partijiet li qed jinnegozjaw li jiġu konklużi ftehimiet bejniethom; il-post u d-data tal-konklużjoni tal-ftehim; il-kamp ta' applikazzjoni sostantiv u ġeografiku tiegħu; il-klawsola l-aktar favorevoli u l-klawsola tan-nonrigressjoni; il-perjodu ta' validità; il-prekundizzjonijiet għall-kanċellazzjoni tal-ftehim u l-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim; is-suġġetti koperti mill-ftehim; u rekwiżiti formali oħrajn;

11.  Jilqa' l-attivitajiet li l-Kummissjoni qed tagħmel għad-dispożizzjoni għall-iskambju ta' esperjenzi għas-sħab soċjali u l-esperti bil-ħsieb li tappoġġahom, pereżempju l-ġbir ta' eżempji, il-formazzjoni ta' bażijiet ta' data u t-twettiq ta' studji;

12.  Ifakkar f'dan il-kuntest l-esperjenzi tajbin li saru fir-rigward tas-sħubijiet transkonfinali bejn sħab soċjali, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-appoġġ tal-UE għal tali sħubijiet fil-ġejjieni;

13.  Jinkoraġġixxi lis-sħab soċjali Ewropej jisfruttaw kompletament il-possibilità ta' ftehimiet fil-livell tal-UE kif previst fl-Artikolu 155 TFUE, abbażi tar-rispett sħiħ tal-awtonomija tagħhom;

14.  Jappella biex is-sħab soċjali Ewropej ikollhom rwol imsaħħaħ fit-tiswir tal-politiki Ewropej; jappella b'mod partikolari lis-sħab soċjali jieħdu sehem fit-tfassil tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u jiżvolġu rwol aktar b'saħħtu fil-monitoraġġ tal-progress li jkun sar mill-Istati Membri;

15.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi mħeġġa, appoġġata u miżjuda r-rappreżentazzjoni u l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-livelli differenti ta' djalogu soċjali u ta' strutturi ta' negozjar kollettiv u li d-dimensjoni tal-ġeneru tiġi integrata fil-forums relevanti, bil-ħsieb li jintalbu l-opinjonijiet tan-nisa u jiġu integrati kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza tal-ġeneru fin-negozjar kollettiv; jirrimarka li d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv għandhom bla dubju potenzjal kbir bħala muturi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneru fuq il-post tax-xogħol;

o
o   o

16.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lis-sħab soċjali tal-UE, kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0005.
(2) Ftehim ta' kumpaniji transnazzjonali: realizzazzjoni tal-potenzjal tad-djalogu soċjali, Dokument ta' Ħidma tal- Kummissjoni 10.9.2012 SWD(2012) 264, p. 2

Avviż legali - Politika tal-privatezza