Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta` Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fl-UE (2012/2263(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 67 u 79 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 24 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli tagħha,
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, tas-6 ta’ Mejju 2010, dwar il-"Pjan ta' Azzjoni dwar Minorenni mhux Akkumpanjati (2010 – 2014)" (COM(2010)0213),
– wara li kkunsidra r-rapport tat-28 ta’ Settembru 2012 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, bit-titlu "Rapport intermedju dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar Minorenni mhux Akkumpanjati" (COM(2012)0554),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2010 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-"Pjan ta' Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma" (COM(2010)0171),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill ‘Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini – il-programm ta’ Stokkolma’(1),
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kontrihom,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tat-3 ta’ Ġunju 2010 dwar minorenni mhux akkumpanjati, adottati waqt it-3018-il laqgħa tiegħu,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(2),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI(3), u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, intitolata 'L-istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012–2016',
– wara li kkunsidra d-direttivi dwar l-asil, b’mod partikolari d-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija(4), id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas-27 ta' Jannar 2003 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-asil(5) u d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment(6),
– wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni għal riforma tal-istrumenti tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Asil (SEKA), b’mod partikolari l-proposta emendata għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-asil (tfassil mill-ġdid) (COM(2011)0320), il-proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali (tfassil mill-ġdid) (COM(2011)0319), u l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (tfassil mill-ġdid) (COM(2008)0820),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta' Settembru 2003 dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja(7),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali(8),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 779/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 programm speċifiku sabiex jipprevjeni u jikkumbatti l-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u sabiex jipproteġi l-vittmi u l-gruppi li jkunu f’riskju (il-Programm Daphne III) bħala parti mill-Programm Ġenerali ‘Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja’(9),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-23 ta' Frar 2011 bl-isem 'Evalwazzjoni tal-Ftehimiet ta' Riammissjoni tal-UE' (COM(2011)0076),
– wara li kkunsidra l-kontributi tal-Kunsill tal-Ewropa, u b’mod partikolari r-Riżoluzzjoni 1810 (2011) tal-Assemblea Parlamentari tiegħu bit-titlu ‘Il-problemi relatati mal-wasla, is-soġġorn u r-ritorn ta’ tfal mhux akkumpanjati fl-Ewropa’, ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tiegħu lill-Istati Membri dwar proġetti tal-ħajja favur minorenni migranti mhux akkumpanjati (CM/Rec(2007)9) u ‘l-Għoxrin Linja Gwida dwar ir-Ritorn Sfurzat’ tal-Kumitat tal-Ministri tiegħu (CM(2005)40),
– wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tat-tfal, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u speċjalment l-Artikolu 3 tagħha, u l-Kummenti Ġenerali tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, b’mod partikolari l-Kumment Ġenerali Nru 6 (2005) dwar it-trattament ta' tfal mhux akkumpanjati u separati barra l-pajjiż ta' oriġini tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida dwar il-Politiki u l-Proċeduri fit-Trattament tal-Minorenni Mhux Akkumpanjati li jfittxu Asil, ippubblikati mill-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-NU fl-1997,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 19 tal-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, adottata fl-1992,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU ta’ Diċembru 1993 dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, l-ewwel strument internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem marbut esklussivament mal-vjolenza kontra n-nisa,
– wara li kkunsidra l-Protokoll għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni, speċjalment ta' Nisa u Tfal, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0251/2013),
A. billi kull sena, eluf ta' tfal taħt it-tmintax-il sena li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew li huma apolidi, jaslu waħedhom fit-territorju tal-Unjoni Ewropea jew isibu ruħhom waħedhom wara l-wasla tagħhom;
B. billi l-kunflitti li għadhom għaddejjin f'diversi partijiet tad-dinja u l-kriżi ekonomika globali attwali wasslu għal żieda fl-għadd ta' minorenni mhux akkumpanjati;
C. billi r-raġunijiet għalfejn dawn it-tfal jaslu mhux akkumpanjati huma diversi: gwerer, vjolenza, ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom, xewqa ta’ riunifikazzjoni ma' membri tal-familja tagħhom, diżastri naturali, faqar, traffikar, sfruttament, eċċ.;
D. billi għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-tfal mhux akkumpanjati li jkunu vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, peress li dawn jeħtieġu assistenza u appoġġ speċifiċi minħabba s-sitwazzjoni tagħhom ta' vulnerabilità partikolari;
E. billi ħafna minorenni jaslu fl-UE għax qed jaħarbu żwiġijiet sfurzati, u billi l-UE trid taħdem iktar biex tikkumbatti dan il-fenomenu;
F. billi dawn il-minorenni min-natura tagħhom huma vulnerabbli ħafna u jeħtieġ jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom;
G. billi skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom obbligu li jħarsu d-drittijiet tat-tfal;
H. billi l-Programm ta’ Stokkolma poġġa l-ħarsien tal-minorenni mhux akkumpanjati f’livell prijoritarju;
I. billi l-akkoljenza u l-indukrar tal-minorenni mhux akkumpanjati jvarja ħafna bejn pajjiż u ieħor, u ma jeżisti ebda livell ekwivalenti jew effettiv ta' protezzjoni;
J. billi l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-protezzjoni ugwali tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti mhux akkumpanjati bniet u subien iridu jiġu żgurati, u billi trid tingħata attenzjoni speċjali lill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-bniet u l-provvediment ta' appoġġ adegwat u rimedji xierqa;
K. billi jeżistu diversi każijiet ta’ tfal li jisparixxu miċ-ċentri ta' akkomodazzjoni jew akkoljenza għal dawk li jfittxu l-asil;
Rakkomandazzjonijiet ġenerali
1. Ifakkar li l-minorenni mhux akkumpanjati huma l-ewwel u qabel kollox tfal li potenzjalment jinsabu fil-periklu, u li l-protezzjoni tat-tfal, u mhux il-politiki tal-immigrazzjoni, trid tkun il-prinċipju ewlieni għall-Istati Membri u l-UE meta jitrattaw ma’ dawn it-tfal. B'hekk ikunu qed jirrispettaw il-prinċipju fundamentali tal-aħjar interessi tat-tfal; ifakkar li kwalunkwe persuna taħt l-età ta' 18-il sena, bla eċċezzjoni, għandha titqies bħala tifel jew tifla, u għalhekk bħala minorenni; jindika li l-minorenni mhux akkumpanjati, u b’mod partikolari l-bniet, huma doppjament suxxettibbli għall-problemi u d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom minorenni oħra; josserva li huma aktar u aktar vulnerabbli billi l-ħtiġijiet tagħhom huma l-istess bħal dawk ta' minorenni oħrajn u ta' rifuġjati oħra, li għandhom esperjenzi simili bħal tagħhom; jenfasizza li l-bniet u n-nisa huma partikolarment vulnerabbli għall-ksur tad-drittijiet tagħhom matul il-proċess ta' migrazzjoni, u li l-bniet mhux akkumpanjati huma f'riskju partikolari peress li spiss ikunu l-miri prinċipali tal-isfruttament sesswali, l-abbuż u l-vjolenza; jirrimarka li l-awtoritajiet spiss jitrattaw lill-minorenni mhux akkumpanjati fl-UE bħala delinkwenti li jkunu kisru l-liġijiet tal-immigrazzjoni, u mhux bħala individwi li għandhom drittijiet minħabba l-età u ċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom;
2. Ifakkar ukoll li l-aħjar interessi tat-tfal, kif imħaddna fit-testi legali u fil-ġurisprudenza, għandhom jiġu qabel kull kunsiderazzjoni oħra, f'kull azzjoni meħuda fir-rigward tagħhom, kemm min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll mill-istituzzjonijiet privati; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-UE dwar l-aħjar interessi tat-tfal u li tipproponi linji gwida strateġiċi, imsejsa fuq l-aħjar prassi, il-ġurisprudenza u l-Kumment Ġenerali Nru 6 (2005) tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal li jirrigwarda t-trattament ta' tfal mhux akkumpanjati u separati barra l-pajjiż ta' oriġini tagħhom, u biex tivvaluta, abbażi ta’ sensiela ta’ indiċijiet u kriterji, x’jikkostitwixxi l-aħjar interessi ta’ tifel jew tifla; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta miżuri leġiżlattivi u mhumiex biex tkun żgurata l-protezzjoni adegwata tat-tfal u tal-minorenni mhux akkumpanjati, b'mod partikolari bl-għan li ttejjeb il-metodi ta’ tfittxija ta' soluzzjonijiet dejjiema;
3. Jikkundanna bil-qawwi l-lakuni eżistenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fi ħdan l-UE, u jiddenunzja l-fatt li l-minorenni sikwit jkunu suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ akkoljenza deplorabbli, u l-ħafna ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom f’ċerti Stati Membri;
4. Jenfasizza l-bżonn urġenti li l-UE u l-Istati Membri jfasslu rispons koerenti għall-protezzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tagħhom; jilqa’ lil dawk l-Istati Membri li għażlu li japplikaw il-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar il-provvediment ta' protezzjoni legali għat-tfal kontra l-agħar forom ta' sfruttament;
5. Jilqa’ l-adozzjoni mill-Kummissjoni Ewropea ta’ pjan ta’ azzjoni dwar il-minorenni mhux akkumpanjati 2010–2014; jiddispjaċih, madankollu, li l-approċċ tal-Kummissjoni mhux aktar imsejjes fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ta’ dawn il-minorenni, u jinnota li l-miżuri eżistenti mhumiex biżżejjed u li l-protezzjoni komprensiva tal-minorenni mhux akkumpanjati tirrikjedi aktar miżuri; ifakkar li wieħed mill-objettivi tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Minorenni mhux Akkumpanjati kien li l-UE u l-Istati Membri tagħha jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni u jintegraw il-kwistjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, biex b'hekk jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' ambjenti sikuri biex it-tfal ikun jistgħu jikbru fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta’ żvilupp ulterjuri tad-dimensjoni preventiva tal-politiki tal-UE fir-rigward tal-minorenni mhux akkumpanjati billi ssir enfasi akbar fuq l-isforzi relatati mal-eliminazzjoni tal-faqar, il-politiki tas-saħħa u x-xogħol, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni u r-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitti; iqis li l-UE trid tmur lil hinn mill-Pjan ta' Azzjoni propost mill-Kummissjoni sabiex id-drittijiet fundamentali tal-minorenni mhux akkumpanjati jissaħħu verament; jenfasizza, b'mod partikolari, il-bżonn li jissaħħaħ l-istatus ta' 'kustodju legali' fl-UE u l-pajjiżi sħab, u jemmen li huwa importanti ħafna li jitfassal pjan ta' monitoraġġ b'kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-oriġini u ma' kwalunkwe pajjiż ta' tranżitu sabiex jiżgura li t-tfal jiġu protetti b'mod xieraq wara li jirritornaw u wara li jiġu integrati mill-ġdid fil-pajjiż tal-oriġini;
6. Jiddispjaċih dwar il-frammentazzjoni tad-dispożizzjonijiet Ewropej dwar il-minorenni mhux akkumpanjati u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal manwal – indirizzat lill-Istati Membri u l-prattikanti kollha – li jiġbor fih dawn id-diversi bażijiet ġuridiċi, biex tkun faċilitata l-implimentazzjoni xierqa mill-Istati Membri u biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati;
7. Jiddeplora n-nuqqas ta’ statistiki uffiċjali affidabbli dwar il-minorenni mhux akkumpanjati; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jtejbu l-ġbir ta’ statistiki dwar il-minorenni mhux akkumpanjati, fosthom l-istatistiki dwar l-età u l-ġeneru, itejbu l-komparabilità tal-ġbir tad-data fl-Istati Membri kollha, ifasslu metodu koordinat għall-ġbir u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni f'kull Stat Membru, filwaqt li jiżguraw li d-data personali tiġi protetta, permezz ta’ pjattaformi li jiġbru flimkien lill-atturi kollha involuti fil-kwistjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati u lista ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali u biex jagħmlu użu aħjar tal-għodod li huma disponibbli diġà għall-ġbir tal-istatistiki fil-livell tal-UE, bħall-Eurostat, Frontex, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u n-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni; jenfasizza li l-iskop tal-ġbir ta’ data ta’ dan it-tip hu li s-sitwazzjoni tkun mifhuma aħjar, filwaqt li jittejbu l-protezzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati u r-rispons għall-ħtiġijiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u nongovernattivi biex jagħmlu sforzi addizzjonali fil-ġbir, il-monitoraġġ u l-iskambju ta’ data preċiża u mqassma skont il-ġeneru, biex ikollhom vista ġenerali komprensiva tal-għadd ta’ bniet minorenni mhux akkumpanjati u biex ikun jistgħu jiġu studjati l-bżonnijiet speċifiċi ta’ dan il-grupp, bil-ħsieb li jingħatalhom appoġġ u li jiġu implimentati miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati dawk il-ħtiġijiet, u biex jiskambjaw l-aħjar prassi bl-għan li jsir titjib;
8. Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri għandhom jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom mal-pajjiżi terzi ta’ oriġini u ta’ tranżitu fir-rigward tal-minorenni mhux akkumpanjati, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom u kwistjonijiet bħall-identifikazzjoni ta' soluzzjonijiet dejjiema, l-ittraċċar tal-familja, ir-ritorn u r-riammissjoni monitorjati meta dan ikun fl-aħjar interessi tat-tifel jew tifla, ir-restorazzjoni tar-rabtiet tal-familja u r-riintegrazzjoni; jitlob ukoll li titjieb il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu fir-rigward tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, b’mod partikolari t-traffikar tat-tfal u l-isfruttament tal-minorenni, il-prevenzjoni tal-immigrazzjoni irregolari u forom oħra ta’ vjolenza kontra n-nisa bħaż-żwieġ furzat, fosthom fil-kuntest tad-djalogi regolari li jsiru bejn l-UE u dawn l-istati u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw il-protezzjoni tat-tfal u l-kwistjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fil-politiki tal-iżvilupp u tal-kooperazzjoni; jenfasizza l-importanza ta' żvilupp koerenti tal-politiki tal-UE dwar l-immigrazzjoni, l-asil u d-drittijiet tat-tfal – fir-rigward tal-minorenni kemm fl-UE kif ukoll f’pajjiżi terzi - b'kunsiderazzjoni xierqa tal-impatt tagħhom fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; ifakkar l-obbligu tal-Koerenza tal-Politiki (PCD) minqux fit-Trattat ta' Lisbona; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-pajjiżi terzi jtejbu l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni tal-pubbliku fil-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ trasferiment u ta’ destinazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati dwar ir-riskji relatati mal-migrazzjoni tat-tfal, partikolarment dwar l-isfruttament tal-minorenni u l-kriminalità organizzata; jenfasizza li l-investigazzjonijiet tal-istorja personali u familjari huma importanti ħafna sabiex ikun aċċertat l-isfond tal-minorenni u sabiex jitfasslu pjanijiet speċifiċi għall-integrazzjoni tagħhom fil-pajjiż tal-wasla jew ir-riintegrazzjoni tagħhom fil-pajjiż ta’ oriġini;
9. Ifakkar li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin hi pass neċessarju u kruċjali, għax il-minorenni, speċjalment il-bniet, huma partikolarment konfrontati u vulnerabbli għal dan it-traffikar, il-vjolenza speċifika għall-ġeneru u l-isfruttament, b’mod partikolari l-isfruttament u l-abbużi tax-xogħol u sesswali; jenfasizza l-fatt li jridu jiġu stabbiliti mekkaniżmi effettivi għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, ir-rappurtar, ir-riferiment, l-investigazzjoni, it-trattament u s-segwitu ta’ inċidenti relatati ma' traffikar u l-sfruttament u l-abbuż tax-xogħol u sesswali, u li għandha tittieħed azzjoni fil-pajjiżi terzi biex jiġu trattati l-kawżi prinċipali tat-traffikar; jistieden, f’dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikunu viġilanti ħafna u jimplimentaw b'mod effettiv id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, id-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija u d-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità; jistieden ukoll lill-Istati Membru u l-UE biex isaħħu l-kooperazzjoni pulizjeska u ġudizzjarja u biex jikkooperaw mal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin biex jidentifikaw vittmi potenzjali, jissensibilizzaw lill-pubbliku u jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin; jilqa’, finalment, l-adozzjoni tal-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin (2012-2016), b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament tat-tfassil ta’ linji gwida dwar is-sistemi tal-protezzjoni tat-tfal u l-iskambju tal-aħjar prassi; ifakkar lill-Istati Membri fl-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li jitlob lill-istati jieħdu miżuri biex jikkumbattu t-trasferiment illeċitu tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu b'mod kollaborattiv ma' pajjiżi terzi biex jindirizzaw il-problema dejjem tikber tal-kuntrabandu illegali tat-tfal; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu passi legali kontra l-kuntrabandisti, u meta jkun possibbli b'sanzjonijiet xierqa u kommensurabbli; jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni ta' ħafna minorenni mhux akkumpanjati li jgħixu bil-moħbi fl-UE u huma partikolarment vulnerabbli għall-isfruttament u l-abbuż; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaħdmu flimkien u jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw il-protezzjoni u d-dinjità tagħhom;
10. Iqis li hija ħasra li l-protezzjoni tat-tfal hi sottofinanzjata b'mod sinifikanti u konsistenti meta din titqabbel ma' setturi umanitarji oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċifika lill-minorenni mhux akkumpanjati fil-Fond Ewropew għall-Migrazzjoni u l-Asil sabiex jingħataw garanziji fit-tul f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tat-tfal, u fosthom it-taqsimiet relatati mar-refuġjati, dawk li jfittxu l-asil, il-fruntieri esterni u r-ritorn, u fil-Fond Soċjali Ewropew, b'mod partikolari bil-għan li jiġu appoġġjati l-aktar reġjuni milquta; iqis li għandu jkun żgurat finanzjament adegwat fit-tul, b’mod partikolari għall-programmi mmirati lejn l-identifikazzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati, l-akkoljenza adegwata, il-protezzjoni, il-ħatra ta' kustodju legali, l-ittraċċar tal-familja, ir-risistemazzjoni u r-riintegrazzjoni, u t-taħriġ tal-gwardji u l-awtoritajiet tal-fruntieri;
Linji gwida strateġiċi
11. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal linji gwidi strateġiċi għall-Istati Membri li għandhom, abbażi tal-aħjar prassi, ikollhom il-forma ta’ standards minimi komuni u li jindirizzaw kull stadju tal-proċess, mill-wasla tal-minorenni fit-territorju Ewropew sakemm tinstab soluzzjoni dejjiema għalih/a, biex tkun żgurata protezzjoni adegwata għalih/a; jistieden lill-Istati Membri jadottaw strateġiji nazzjonali għall-minorenni mhux akkumpanjati, li jkunu msejsa fuq dawn il-linji gwida strateġiċi, u jaħtru punt ta’ kuntatt nazzjonali responsabbli għall-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri u l-azzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja s-sitwazzjoni u l-azzjonijiet meħuda fl-Istati Membri b’kooperazzjoni mal-grupp ta’ esperti eżistenti u tissottometti rapport annwali lill-Parlament u l-Kunsill;
12. Ifakkar li l-ebda tifel jew tifla ma jistgħu jiġu miċħuda aċċess għat-territorju tal-UE u jinsisti li l-Istati Membri jridu josservaw l-obbligi internazzjonali u Ewropej li japplikaw meta t-tfal ikunu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, mingħajr ebda restrizzjoni arbitrarja; ifakkar ukoll li l-ebda tifel jew tifla ma jistgħu jiġu mibgħuta lura permezz ta’ proċedura aċċellerata fil-fruntiera ta’ Stat Membru;
13. Jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw b’mod strett u mingħajr eċċezzjonijiet mal-obbligu fundamentali li minorenni ma jista’ qatt jiġi detenut; jiddeplora l-fatt li l-proposta emendata għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-asil ma projbixxietx id-detenzjoni ta' tfal mhux akkumpanjati li jfittxu l-asil, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw il-parametru referenzjarju ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali stabbilit mid-Direttiva; jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti, toqgħod attenta ħafna meta tapplika d-dispożizzjoijiet tad-dritt tal-UE dwar id-detenzjoni tal-minorenni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jqiegħdu lill-minorenni fi djar maħsuba speċifikament għat-tfal, filwaqt li jqisu l-età u l-ġeneru tagħhom;
14. Iqis li hija r-responsabilità ta’ kull Stat Membru li jidentifika l-minorenni mhux akkumpanjati; jistieden lill-Istati Membri jidderieġu lil dawn il-minorenni, immedjatament malli jaslu, lejn servizzi speċjalizzati bħas-servizzi soċjali u edukattivi, li jridu, min-naħa l-waħda, jivvalutaw iċ-ċirkostanzi individwali u l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni speċifiċi ta’ kull minorenni, b'mod partikolari n-nazzjonalità, l-edukazzjoni, l-isfond etniku, kulturali u lingwistiku u l-grad ta' vulnerabilità u, min-naħa l-oħra, jipprovdulhom immedjatament, b’lingwa u b’mezz li huma jifhmu, fejn meħtieġ permezz ta’ interpreti, l-informazzjoni kollha li jeħtieġu dwar id-drittijiet tagħhom, protezzjoni, opportunitajiet legal u ta’ assistenza, u l-proċeduri u l-implikazzjonijiet tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prassi dwar għodod adattati għat-tfal biex jagħtuhom idea ċara tal-proċeduri relevanti u d-drittijiet tagħhom; jistieden lill-Istati Membri, f’dan ir-rigward, biex jagħtu attenzjoni partikolari u jipprovdu arranġamenti speċjali f’termini ta’ identifikazzjoni, akkoljenza u protezzjoni lill-minorenni mhux akkumpanjati bi bżonnijiet speċifiċi ta' protezzjoni, u b’mod partikolari lill-minorenni mhux akkumpanjati li jkunu vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, filwaqt li jipprovdulhom l-assistenza u l-protezzjoni meħtieġa skont id-Direttiva 2011/36/UE;
15. Jiddeplora n-natura intrużiva u mhux adatta tat-tekniki mediċi utilizzati f’ċerti Stati Membri biex tiġi determinata l-età tal-minorenni, lijistgħu jikkawża trawma, u n-natura kontroversjali u l-marġnijiet kbar ta' żbalji ta’ wħud mill-metodi li huma bbażati fuq il-maturità tal-għadam jew il-mineralizzazzjoni tas-snien; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi, fil-linji gwida strateġiċi, standards komuni msejsa fuq l-aħjar prassi, fir-rigward tal-metodu biex tiġi vvalutata l-età, li għandu jikkonsisti f’valutazzjoni multidimensjonali u multidixxiplinarja, imwettqa b’mod xjentifiku, sikur, sensittiv għat-tfal, sensittiv għall-ġeneru u ġust, b’attenzjoni partikolari għall-bniet, u għandha ssir minn prattikanti u esperti indipendenti u kwalifikati; ifakkar li d-determinazzjoni tal-età għandha ssir bir-rispett dovut tad-drittijiet u tal-integrità fiżika tat-tfal, u tad-dinjità tal-bniedem, u li l-minorenni għandhom dejjem jingħataw il-benefiċċju tad-dubju; ifakkar ukoll li l-eżamijiet mediċi għandhom isiru biss wara li jkun intużaw metodi oħra ta’ valutazzjoni tal-età, u li għandu jkun possibbli li jsir appell kontra r-riżultati ta’ din il-valutazzjoni; jilqa’ l-ħidma tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil f’dan ir-rigward, li għandha tintuża bħala bażi ta’ kif għandhom jiġu trattati l-minorenni kollha;
16. Jistieden lill-Istati Membri, malli minorenni mhux akkumpanjat jasal jew tasal fit-territorju tagħhom u sakemm tinstab soluzzjoni dejjiema, biex jiżguraw li jinħatar kustodju jew persuna responsabbli li takkumpanja, tassisti u tirrappreżenta lill-minorenni fil-proċeduri kollha u li tippermetti lilu jew lilha jgawdi jew tgawdi d-drittijiet kollha tiegħu jew tagħha fil-proċeduri kollha, u jitlob li l-minorenni jiġu informati dwar il-ħatra tal-persuna responsabbli għalihom mingħajr ebda dewmien; jitlob, barra minn hekk, li din il-persuna jkollha taħriġ speċifiku fl-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-minorenni mhux akkumpanjati, il-protezzjoni tat-tfal u d-drittijiet tat-tfal, u l-liġi tal-asil u tal-migrazzjoni, u biex taġixxi b’indipendenza totali; jemmen li dawn il-persuni għandhom jirċievu taħriġ regolari u jkunu monitorjati b’mod regolari u indipendenti; jistieden lill-Kummissjoni biex fil-linji gwida strateġiċi tinkludi standards komuni, abbażi tal-l-aħjar prassi, fir-rigward tal-mandat, il-funzjonijiet, il-kwalifiki, il-ħiliet u t-taħriġ ta’ dawn il-persuni;
17. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-uffiċjali u l-persunal li jaħdmu għall-awtoritajiet li aktarx ikollhom kuntatt mal-minorenni mhux akkumpanjati, inklużi minorenni li jkunu sfaw vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, ikunu kwalifikati u mħarrġa, biex ikun jistgħu jidentifikaw każijiet ta’ dan it-tip u jitrattawhom kif jixraq, u li jipprovdulhom taħriġ adegwat dwar il-ħtiġijiet speċifiċi tal-minorenni mhux akkumpanjati u dwar id-drittijiet tat-tfal, l-imġiba u l-psikoloġija tat-tfal, u l-liġi tal-asil u tal-migrazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu taħriġ obbligatorju speċifiku għall-ġeneru għall-persunal li jilqgħu minorenni mhux akkumpanjati fid-djar ta’ kenn, dawk li jagħmlu l-intervisti, dawk li jieħdu deċiżjonijiet u r-rappreżentanti legali ta’ minorenni mhux akkumpanjati, u jiżguraw li l-pulizija u l-awtoritajiet legali fl-Istati Membri jattendu regolarment taħriġ speċifiku għall-ġeneru; jenfasizza li l-persuna inkarigata mill-minorenni għandha tinformahom u tagħtihom pariri, iżda din tista' biss tissupplimenta l-parir legali u ma tistax tissostitwih; jindika li indipendentement min-nazzjonalità tat-tfal, u jekk din in-nazzjonalità tkunx rikonoxxuta jew le, l-Istat Membru li jsibu ruħhom fih it-tfal mhux akkumpanjati jrid jaġixxi bħala l-kustodju tat-tfal u jipprovdilhom l-ogħla grad ta' protezzjoni;
18. Sabiex ikunu żgurati l-konsistenza u standards ugwali fil-protezzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fl-UE, iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu protezzjoni adegwata lill-minorenni mhux akkumpanjati, independentement mill-istatus tagħhom u bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li jgħoddu tat-tfal li jkollhom in-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ akkoljenza:
—
aċċess għal akkomodazzjoni xierqa: l-akkomodazzjoni għandha dejjem tinkludi kundizzjonijiet sanitarji adegwati, l-akkomodazzjoni ‘f’ċentru’ m’għandha qatt tkun f’ċentru magħluq, u fl-ewwel jiem, għandha tkun f’ċentru speċjalizzat tal-akkoljenza ta’ minorenni mhux akkumpanjati; wara din l-ewwel fażi, il-minorenni għandhom jiġu provduti b’akkomodazzjoni aktar stabbli; il-minorenni mhux akkumpanjati għandhom ikunu dejjem separati mill-adulti; iċ-ċentru għandu jissodisfa l-ħtiġijiet tal-minorenni u jkollu faċilitajiet xierqa; l-akkomodazzjoni f’familji ta’ akkoljenza u ‘f’unitajiet tal-għajxien’, u l-kondiviżjoni ta' akkomodazzjoni ma’ minorenni oħra li jkunu qraba jew ħbieb tal-minorenni mhux akkumpanjati għandha titħeġġeġ meta tkun xierqa u mixtieqa mill-minorenni;
—
irid ikun provdut lilhom appoġġ materjali, legali u psikoloġiku adegwat mill-mument li fih jiġu identifikati bħala minorenni mhux akkumpanjati;
—
id-dritt għall-edukazzjoni, taħriġ professjonali u pariri soċjoedukattivi, u aċċess immedjat għalih; il-possibilità li jattendu l-iskola fil-pajjiż ta’ akkoljenza għandha tiġi żgurata mingħajr dewmien; barra minn hekk, il-minorenni mhux akkumpanjati għandhom meta jkun possibbli jingħataw aċċess effettiv għall-korsijiet tal-lingwa, fil-lingwa relevanti tal-pajjiż ta’ akkoljenza, immedjatament wara l-wasla tagħhom fit-territorju ta' Stat Membru; L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tal-istudji preċedenti tat-tfal sabiex jippermettulhom aċċess għal edukazzjoni ulterjuri fl-Ewropa;
—
id-dritt għas-saħħa u aċċess effettiv għal kura medika bażika adegwata; barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jipprovdu kura medika u psikoloġika adegwata għall-minorenni li jkunu sfaw vittmi ta' tortura, abbuż sesswali jew forom oħra ta' vjolenza; L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll trattamenti speċjali skont il-ħtieġa (i.e. aċċess għas-servizzi ta' riabilitazzjoni) għall-minorenni li jkunu sfaw vittmi ta' xi forma ta' abbuż, sfruttament, tortura jew trattament krudili, inuman u degradanti, jew li jkunu milquta minn kunflitti armati;
—
aċċess għall-informazzjoni u użu tal-midja (ir-radju, it-televiżjoni, l-internet) sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom ta' komunikazzjoni;
—
id-dritt li jiddevertu, fosthom id-dritt li jilagħbu u li jieħdu sehem f'attivitajiet rikreattivi;
—
id-dritt tal-minorenni mhux akkumpanjati kollha ta’ użu u żvilupp kontinwi tal-identità u l-valuri tagħhom stess, inkluża l-lingwa materna tagħhom;
—
id-dritt li jimmanifestaw u jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom;
19. Ifakkar li l-proċeduri kollha għandhom ikunu adattati għall-minorenni, billi jitqiesu l-età, il-grad ta’ maturità u l-livell safejn jifhmu, u għandhom ikunu sensittivi għall-bżonnijiet tat-tfal, b'konformità mal-Linji Gwida tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Ġustizzja Adattata għat-Tfal, u jilqa' l-attivitajiet tal-Kummissjoni għall-promozzjoni ta' dawn il-linji gwida; il-fehmiet tal-minorenni għandhom jinstemgħu u jitqiesu f’kull pass tal-proċeduri, b’kooperazzjoni ma’ persuni kompetenti u imħarrġa bħal psikologi, assistenti soċjali u medjaturi kulturali;
20. Jilqa’ l-progress li sar fil-leġiżlazzjoni dwar l-asil u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu r-riformi leġiżlattivi u amministrattivi neċessarji sabiex jimplimentawh tali dispożizzjonijiet b'mod effettiv; ifakkar, madankollu, li l-politiki tal-UE dwar l-asil iridu jitrattaw lill-minorenni mhux akkumpanjati l-ewwel u qabel kollox bħala tfal, u jħeġġeġ lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex safejn ikun possibbli jeżentaw lill-minorenni mhux akkumpanjati minn proċeduri aċċellerati u minn proċeduri fil-fruntieri; ifakkar ukoll li l-Istat Membru responsabbli għal applikazzjoni għall-asil magħmula f’aktar minn Stat Membru wieħed minn minorenni mhux akkumpanjat, bla membri tal-familja tiegħu jew tagħha legalment preżenti fit-territorju tal-Istati Membr, hu l-Istat li fih il-minorenni jkun preżenti wara li jkun għamel applikazzjoni hemmhekk, u jistieden lill-Istati Membri jsegwu d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja; jenfasizza l-fatt li hu kruċjali, minħabba l-bżonnijiet speċifiċi tal-minorenni mhux akkumpanjati, li l-applikazzjonijiet għall-asil tagħhom jingħataw prijorità biex tkun tista' tittieħed deċiżjoni ġusta malajr kemm jista' jkun; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw is-sistemi tagħhom ta' asil bil-għan li jistabbilixxu qafas istituzzjonali armonizzat u sensittiv għat-tfal li jqis il-bżonnijiet speċjali u d-diffikultajiet differenti tal-minorenni mhux akkumpanjati, u speċjalment tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin;
21. Jisħaq li kwalunkwe deċiżjoni li tikkonċerna l-minorenni mhux akkumpanjati għandha tittieħed abbażi ta' valutazzjoni individwali u bir-rispett dovut tal-aħjar interessi tat-tifel jew tifla;
22. Jikkundanna s-sitwazzjonijiet prekarji ħafna li dawn il-minorenni jħabbtu wiċċhom magħhom, f’daqqa waħda, ġaladarba jkollhom l-età legali; jistieden lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prassi u jipprevedu proċeduri ta' assistenza għal dawn il-minorenni fit-tranżizzjoni tagħhom għall-ħajja adulta; ifaħħar il-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa f’dan ir-rigward, u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-linji gwida strateġiċi tagħha l-aħjar prassi għat-tfassil ta’ ‘proġetti tal-ħajja individwalizzati’ mħejjija għall-minorenni, u magħhom;
23. Jistieden lill-Istati Membri jiddefinixxu r-responsabilitajiet ta' kull sieħeb, b'mod partikolari l-awtoritajiet nazzjonali u lokali, is-servizzi ta’ assistenza soċjali, il-ħaddiema maż-żgħażagħ, il-familji u r-rappreżentanti legali, fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' proġetti tal-ħajja u biex jiżguraw il-koordinazzjoni tagħhom;
24. Jenfasizza bil-qawwi li l-għan aħħari, ġaladarba minorenni mhux akkumpanjat jasal jew tasal fit-territorju tal-UE, irid ikun li tinstab soluzzjoni dejjiema għalih jew għaliha, li tirrispetta l-aħjar interessi tiegħu jew tagħha; ifakkar li din it-tiftixa għal soluzzjoni għandha tibda billi jiġu studjati l-possibilitajiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, fl-UE u barra minnha, sakemm dan ikun fl-aħjar interessi tat-tifel jew tifla; jenfasizza li bħala prinċipju l-minorenni jista' jintalab jgħin fit-tfittxija għall-membri tal-familja tiegħu imma li m'għandu jkun hemm ebda obbligu li dan jikkoopera bħala fattur determinanti fil-kunsiderazzjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali; ifakkar li, f'każijiet fejn ikun hemm riskju għall-ħajja tal-minorenni jew tal-membri tal-familja, b'mod partikolari meta l-membri tal-familja jibqgħu fil-pajjiż ta' oriġini, il-ġbir, l-ipproċessar u t-trażmissjoni tal-informazzjoni dwar dawn il-persuni jridu jsiru fuq bażi kunfidenzjali sabiex ikun żgurat li ma tiġix ipperikolata l-ħajja ta' dawk ikkonċernati; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom kollha jtejbu l-kooperazzjoni, b’mod partikolari billi jneħħu l-ostakli burokratiċi kollha fil-qasam tal-ittraċċar u/jew riunifikazzjoni tal-familja u jikkondividu l-aħjar prassi; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, u b’mod speċjali l-Artikolu 10(3) tagħha;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi, fil-linji gwida strateġiċi tagħha, standards komuni, imsejsa fuq l-aħjar prassi, dwar il-kundizzjonijiet li jridu jintlaħqu biex minorenni jkun jista’ jiġi ritornat, b’mod konsistenti, b’rispett tal-aqwa interessi tat-tifel jew tifla u bbażati fuq l-Istudju Komparattiv dwar Prattiki fil-Qasam tar-Ritorn tal-Minorenni, ippubblikat mill-Kummissjoni fl-2011, li jinkludi lista’ ta’ kontroll u ġabra tal-aħjar prassi; itenni b’qawwa li l-ebda deċiżjoni ta’ ritorn ta’ minorenni ma tista’ tittieħed jekk ma tkunx fl-aħjar interessi tat-tifel jew tifla jew jekk din tipperikola l-ħajja, is-saħħa fiżika u mentali, il-benessri, is-sigurtà jew id-drittijiet fundamentali tal-minorenni jew tal-familja tiegħu, u li jridu jitqiesu u jiġu valutati għalkollox iċ-ċirkostanzi individwali ta’ kull minorenni (u tal-membri tal-familja tiegħu jew tagħha fil-każ ta' riunifikazzjoni tal-familja); ifakkar li deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tittieħed biss wara li jkunu ġie aċċertat li l-minorenni, se jgawdi, fil-pajjiż ta’ ritorn, dispożizzjoni sikuri, konkretti u adatti li jirrispettaw id-drittijiet tiegħu jew tagħha u assoċjati ma’ miżuri ta’ riintegrazzjoni fil-pajjiż ta’ ritorn; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għall-iżgurar ta’ ritorn sikur tat-tifel jew tifla, biex jistabbilixxu arranġamenti ta’ kooperazzjoni u monitoraġġ mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu u b’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet nongovernattivi lokali u internazzjonali, u biex jiżguraw il-protezzjoni u r-riintegrazzjoni tal-minorenni wara r-ritorn tagħhom; jinnota li tali arranġamenti huma element vitali tar-ritorn; jistieden lill-Kummissjoni biex fl-evalwazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tinsisti fuq l-impatt tagħha fuq il-minorenni mhux akkumpanjati, u b'mod partikolari l-Artikolu 10, l-Artikolu 14(1)(c) u l-Artikolu 17 tagħha; jistieden lill-Unjoni Ewropea timpenja ruħha li ttejjeb ir-reazzjoni tagħha bl-għan li jintemmu l-fatturi potenzjali li jħeġġu l-migrazzjoni, inkluż iż-żwieġ bikri u sfurzat, prattiki tradizzjonali dannużi bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili, u l-vjolenza sesswali fid-dinja kollha;
26. Jenfasizza l-fatt li l-integrazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjat fil-pajjiż ta' akkoljenza trid tkun iċċentrata fuq proġett tal-ħajja individwali, imfassal għall-minorenni u miegħu, b'rispett sħiħ tal-isfond etniku, reliġjuż, kulturali u lingwistiku tiegħu jew tagħha;
27. Jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu obbligu li l-awtoritajiet pubbliċi jieħdu azzjoni fir-rigward ta' minorenni mhux akkumpanjati li jisfgħu vittmi tat-talb ta’ flus fit-toroq; iqis li l-isfruttament tal-minorenni b'rabta mat-talb għall-flus fit-toroq għandu jiġi evitat akkost ta' kollox.
o o o
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa.