Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2013/2822(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton tat-30 ta’ Awwissu 2013 dwar is-sitwazzjoni f’Kivu tat-Tramuntana, u tas-7 ta’ Ġunju 2012 u tal-10 ta’ Lulju 2012 dwar is-sitwazzjoni fil-Kongo tal-Lvant,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE dwar is-sitwazzjoni ta' instabilità u nuqqas ta' sigurtà fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar u, b'mod partikolari, fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), adottata fil-laqgħa tagħha f'Paramaribo (is-Surinam) mis-27 sad-29 ta’ Novembru 2012,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2013 dwar ir-reġjun tal-Lagi l-Kbar, u tal-10 ta’ Diċembru 2012, tad-19 ta’ Novembru 2012 u tal-25 ta’ Ġunju 2012 dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant tar-RDK,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti nri 2053 (2012) dwar is-sitwazzjoni fir-RDK, 1925(2010), 1856 (2008) li tispeċifika l-mandat tal-missjoni tan-NU fir-RDK (Monusco) u 2098 (2013) li ġeddedt il-mandat tal-Monusco,
– wara li kkunsidra r-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-28 ta’ Ġunju 2013 dwar il-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo,
– wara li kkunsidra l-Istqarrija tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-25 ta’ Lulju 2013 dwar il-qagħda fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Africana (UA) dwar is-sitwazzjoni fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar, b'mod partikolari fil-parti tal-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) waqt it-393 laqgħa tiegħu li saret fit-28 ta’ Awwissu 2013,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kapijiet ta’ Stat u Gvern tal-istati membri tal-Konferenza Internazzjonali dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar (ICGRL) tas-6 ta’ Awwissu 2013 u tal-24 ta’ Novembru 2012 dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-RDK,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Pajjiżi Frankofoni (OIF) li ttieħdet waqt l-XIV-il Samit tal-Frankofonija tat-13 u l-14 ta’ Ottubru 2012 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Congo,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou ffirmat f'Ġunju 2000,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1325 (2000), 1820 (2008), 1888 (2009) u 1960 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3, u l-Protokoll II, tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949, li jipprojbixxu l-eżekuzzjoniijet sommarji, l-istupru, ir-reklutaġġ furzat u atroċitajiet oħra;
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989, li b'mod partikolari tipprojbixxi l-involviment tat-tfal fil-kunflitti armati,
– wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal rigward l-involviment tat-tfal fil-kunflitti armati, li ġie ratifikat mill-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li ġiet ratifikata mir-RDK fl-1982,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi minn Lulju li għadda sal-lum il-vjolenza fil-Lvant tal-Kongo qiegħda tiżdiet, fejn reġgħu bdew l-ostilitajiet bejn l-M23 u t-truppi tal-gvern, li rriżulta fit-telf ta’ eluf ta’ ħajjiet, ferimenti bla għadd inklużi attakki fuq il-persuni ċivili u fuq il-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti għaż-żamma tal-paċi; billi s-sitwazzjoni umanitarja għadha waħda kritika;
B. billi minħabba l-konflitt armat rikorrenti, ir-reġjun ta’ Kivu sofra atroċitajiet u vjolenza, inklużi s-sakkeġġ, il-vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru, ħtib, u reklutaġġ furzat tat-tfal minn gruppi armati, u vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, li għadhom ikunu kastig li jdgħajjef l-isforzi li qed jagħmlu l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-korpi reġjonali biex itemmu l-konflitt;
C. billi nqatel membru tal-persunal tan-NU għaż-żamma tal-paċi u 10 oħra ndarbu fit-28 ta' Awwissu 2013 waqt attakk fuq il-grupp ta’ ribelli M23 fil-għoljiet ta’ Kibati fit-Tramuntana ta’ Kivu waqt li Monusco appoġġjat il-Forzi Armati Kongoliżi (FARDC) fil-protezzjoni taż-żoni ta’ Goma popolati bin-nies ċivili;
D. billi aktar minn 2.7 miljun ruħ spustati internament (internally displaced people - IDPs) ġew imġiegħla jaħarbu minn darhom, inklużi aktar minn 1 miljun ruħ fl-2012 biss, u aktar minn 440 000 rifuġjat Kongoliż ħarbu lejn pajjiżi Afrikani oħra, fejn hemm madwar 6,4 miljun ruħ li jeħtieġu l-ikel u l-għajnuna ta' emerġenza li issa bil-kemm qed iżommu ħajjin f’kundizzjonijiet prekarji bħala riżultat tal-ġlied u l-vjolazzjonijiet rikorrenti kemm tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom kif ukoll tal-liġi umanitarja internazzjonali fil-Lvant tar-RDK;
E. billi n-nuqqas ta' taħrik il-qorti mir-RDK ta' dawk responsabbli għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u delitti tal-gwerra jippromwovi l-klima ta' impunità u jinkoraġġixxi t-twettiq ta' delitti ġodda;
F. billi n-negozjati bejn il-gruppi ribelli u l-Istat tar-RDK ilhom interrotti minn Mejju 2013; filwaqt li jfakkar li r-ribelli tal-M23 li ġew integrati fl-armata wara ftehim ta’ paċi tal-2000 irribellaw f’April 2012 u li l-M23 jikkostitwixxi wieħed mit-tużżana gruppi armati li qed jiġġieldu f’dan ir-reġjun għani fir-riżorsi;
G. billi s-7 samit tal-ICGLR beda fil-5 ta’ Settembru 2013 u talab li n-negozjati tal-paċi jinfetħu mill-ġdid u jiġu konklużi malajr;
H. billi r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2098 (2013) tat-28 ta’ Marzu 2013 estendiet sal-31 ta’ Marzu 2014 il-mandat tal-Monusco u ħolqot, fuq bażi eċċezzjonali, “brigata ta’ intervent” speċjalizzata fi ħdan il-forza eżistenti ta’ 19 815-il ruħ tal-operazzjoni;
I. billi fl-2012 l-istati membri tal-ICGLR varaw mekkaniżmu ta’ verifika konġunta (MVK), immirat biex jimmonitorja l-movimenti tat-truppi fil-Lvant tar-RDK u jiskjera l-Forza Internazzjonali Newtrali prevista;
J. billi l-grupp ta' esperti tan-NU ppubblika evidenza li torbot ir-Rwanda mar-ribelli, u l-Istati Uniti stieden lill-Kigali iwaqqaf l-appoġġ tiegħu; billi r-Rwanda ripetutement ċaħdet li kellha xi rabta mal-M23;
K. billi r-rikors għall-vjolenza sesswali u l-użu aktar mifrux tal-istupru bħala arma tal-gwerra għandhom konsegwenzi enormi, bħalma huma l-qerda fiżika u psikoloġika tal-vittmi, u għandhom jitqiesu bħala delitti tal-gwerra; billi l-awtoritajiet nazzjonali u l-komunità internazzjonali fil-biċċa l-kbira investew fit-tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja, speċjalment fuq in-naħa militari, u fuq l-inkoraġġiment tal-ftuħ ta’ inkjesti u prosekuzzjonijiet dwar il-vjolenza sesswali; billi l-proċessi tal-qorti saru iżda b’nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi, u f’ħafna każijiet dawk li jinstabu ħatja jkunu kapaċi jaħarbu u ftit li xejn isir biex il-vittmi jiġu kkumpensati;
L. billi huwa neċessarju li jiġu ttrattati l-konsegwenzi tal-kunflitt, b'mod partikolari permezz tad-demilitarizzazzjoni, ir-rieżami tal-governanza lokali, id-demobilizzazzjoni u r-reintegrazzjoni tal-ex ġellieda, ir-ripatrijazzjoni tar-rifuġjati, ir-risistemazzjoni ta' persuni li ġew spustati f'pajjiżhom stess, u l-implimentazzjoni ta' programmi vijabbli ta' żvilupp;
M. billi l-Unjoni Ewropea qed tikkontribwixxi għar-restawrazzjoni tas-setturi tal-ġustizzja u s-sigurtà (il-pulizija u l-armata) u qed tipprova ġġibhom jiffunzjonaw sew permezz tal-assistenza finanzjarja u teknika tagħha u billi tħarreġ il-persunal fi ħdan il-qafas tal-missjonijiet tal-EUSEC RD u tal-EUPOL RD;
N. billi l-kwistjoni tal-isfruttament illegali tar-riżorsi naturali tal-pajjiż, li wħud minnhom irnexxielhom jaslu f’pajjiżi oħra, hija waħda mill-fatturi li qed trewwaħ u tiggrava l-konflitt fir-RDK u tibqa’ għajn ta’ nuqqas ta’ sigurtà għar-reġjun kollu kemm hu;
O. billi l-qgħad li qed jiżdied, il-kriżi soċjali, il-kriżi tal-ikel, l-inadegwatezza tas-servizzi bażiċi, il-ftaqir tal-popolazzjoni u d-degradazzjoni ambjentali fir-RDK ukoll huma parzjalment responsabbli għall-instabilità tal-pajjiż u r-reġjun tal-Lagi l-Kbar;
P. billi fix-xhur riċenti ma kien hemm l-ebda progress fir-rigward tal-abbozz ta' liġi dwar il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ir-ripressjoni tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti fir-RDK żdiedet u ġew arrestati b'mod arbitrarju u intimidati; billi ma ttieħdu l-ebda passi sabiex dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;
Q. billi wara li fid-9 ta’ April 2013 reġa’ ssokta l-proċess tal-appell quddiem il-qorti militari suprema rigward il-qtil f’Ġunju 2010 ta’ Floribert Chebeya, direttur eżekuttiv tal-Vuċi ta’ dawk Mingħajr Vuċi (VSV) u membru tal-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija Kontra t-Tortura (OMCT), u Fidèle Bazana, membru tal-VSV, l-avukati tad-difiża Peter Ngomo Milambo, Emmanuel Ilunga Kabengele u Regine Sesepe irċevew theddidiet;
R. billi fis-7 ta’ Awwissu 2013, fir-raħal ta’ Kawakolo fit-Territorju ta’ Pweto, Provinċja ta’ Katanga, Godfrey Mutombo, membru tal-organizzazzjoni mhux governattiva Libertas, inqatel brutalment minn membri ta’ gruppi ribelli li kienu ilhom qed ixerrdu t-terrur f’xi villaġġi fit-tramuntana tal-provinċja sa mill-2011;
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-eskalazzjoni riċenti tal-vjolenza fil-Lvant tar-RDK, li għandha konsegwenzi politiċi, ekonomiċi, soċjali, umanitarji u ta’ sigurtà serji fir-RDK u fir-reġjun kollu li diġà huwa fraġli u volatili;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-aħħar tfaqqigħa tal-vjolenza fil-Lvant tar-RDK, speċjalment l-isparar indiskriminat mill-grupp armat M23, u gruppi armati oħra, b'mod partikolari l-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda (FDLR) li kkawżat imwiet, feriti u ħsara fost il-popolazzjoni ċivili; jikkundanna l-attakki mmirati mir-ribelli kontra l-MONUSCO, li qatlu għadd ta’ persuni, inkluża persuna mit-Tanzanija involuta fiż-żamma tal-paċi, u darbu għadd ta’ oħrajn; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati kollha jagħtu aċċess u protezzjoni lill-aġenziji umanitarji li qed jiġu jassistu lill-popolazzjoni ċivili li qed issofri;
3. Jitlob bi dritt il-waqfien immedjat tal-abbużi kollha li jsiru tad-drittijiet tal-bniedem inkluża l-vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneri mifruxa ma' kullimkien (riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1820 (2008) tad-19 ta’ Ġunju 2008), u r-reklutaġġ u l-użu sfortunat tat-tfal mill-forzi armati; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tar-RDK li qed isofri minħabba l-gwerra;
4. Jistieden b’enfasi lill-awtoritajiet rilevanti kollha jieħdu azzjoni immedjata biex imexxu investigazzjoni imparzjali u profonda tal-każijiet kollha imgħoddija u preżenti ta’ vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u jikkooperaw bis-sħiħ mal-Qorti Kriminali Internazzjonali; iħeġġeġ li tittieħed azzjoni biex jiġi żgurat li dawk li huma ħatja ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità, vjolenza sesswali kontra n-nisa u lieva ta’ suldati tfal jiġu rappurtati, identifikati, imħarrka u kkastigati skont id-dritt kriminali nazzjonali u internazzjonali;
5. Jikkundanna bil-qawwa s-suriet kollha ta’ appoġġ estern għall-grupp M23 u forzi oħra ta’ sfrattar fir-RDK u jitlob b'insistenza l-waqfien immedjat u permanenti ta' tali appoġġ;
6. Jappoġġja l-missjoni tal-brigata ta’ intervent tal-Monusco li intalbet tieħu azzjoni offensiva kontra l-gruppi armati, inkluż l-M23, ifaħħar il-passi attivi meħuda mill-Monusco biex timplimenta l-mandat tagħha, b'mod partikolari l-protezzjoni tan-nies ċivili, u jinkoraġġixxi l-kontinwazzjoni ta’ dawn l-isforzi; iħeġġeġ b'mod partikolari lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jieħdu l-azzjoni meħtieġa kollha skont ir-riżoluzzjoi 2098 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jipproteġi lill-persuni ċivili fil-Lvant tar-RDK;
7. Jitlob li ssir investigazzjoni bir-reqqa mill-Mekkaniżmu ta’ Verifika Konġunta Mwessgħa (MVKM) tas-sorsi tal-balal sparati u l-bombi mit-territorju tar-RDK li spiċċaw fir-Rwanda li hi l-pajjiż ġar; jitlob li jkun hemm trasparenza u regolarità akbar tar-rapporti tal-MVKM;
8. Jenfasizza li kwalunkwe intervent dirett mill-pajjiżi ġirien tar-RDK jista’ biss jaggrava s-sitwazzjoni; jistieden lill-atturi reġjonali kkonċernati kollha jeżerċitaw l-akbar trażżin possibbli u joqogħdu lura minn kwalunkwe atti jew dikjarazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni; jistieden lill-pajjiżi ġirien jiżguraw rispett sħiħ għas-sovranità tar-RDK u l-integrità territorjali tagħha;
9. jilqa’ l-isforzi tal-istati membri tal-ICGRL, l-UA u n-NU fil-passi u l-inizjattivi tagħhom immirati biex tinstab soluzzjoni politika dejjiema, strutturali u paċifika għall-kriżi; jitlob li jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet kollha li jinsabu fil-ftehim ta’ qafas għall-paċi, is-sigurtà u l-kooperazzjoni (PSK);
10. Jistieden lill-pajjiżi tal-Lagi l-Kbar, b'mod partikolari wara l-impenji li saru fi Frar 2013 fil-qafas tal-ftehimiet ta' Addis Ababa, biex jidħlu għall-promozzjoni tal-paċi, tal-istabilità u tas-sigurtà b'mod konġunt biex isaħħu l-iżvilupp ekonomiku reġjonali, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lir-rikonċiljazzjoni, lir-rispett għad-drittijet tal-bniedem, lill-ġlieda kontra l-impunità, lis-stabbiliment ta' sistema ġudizzjarja imparzjali u biex l-obbligu tal-għoti ta' rendikont mill-gvern ikun aħjar;
11. Jilqa’ t-taħditied ta’ Kampala għall-paċi fir-reġjun li saru fil-5 ta’ Settembru 2013 taħt l-awspiċi tal-President tal-ICGLR, il-President tal-Uganda Yoweri Museveni, jinkoraġġixxi lill-atturi kollha kkonċernati jipparteċipaw u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Kongoliżi jappoġġjaw id-djalogu bejn il-komunitajiet, b'mod partikolari dawk li huma milquta mill-konflitt;
12. Jistieden lill-UA u lill-pajjiżi tal-Lagi l-Kbar ikomplu jieħdu aktar passi sabiex jiġġieldu l-isfruttament illeċitu tar-riżorsi naturali u l-kummerċ tagħhom – waħda mir-raġunijiet għall-proliferazzjoni u t-traffikar tal-armi, li imbagħad hija waħda mill-fatturi maġġuri li qed irewħu u jaggravaw il-kunflitti fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar;
13. Jistieden lill-komunità internazzjonali, inklużi l-UE, l-UA u n-NU, tkompli tagħmel minn kollox sabiex tipprovdi għajnuna aktar ikkoordinata u effikaċi għan-nies fil-Lvant tar-RDK u tikkontribwixxi għall-isforzi sabiex tingħata reazzjoni għad-diżastru umanitarju;
14. Jilqa’ l-mobilizzazzjoni ta’ EUR 10 miljun addizzjonali mill-Kummissjoni biex titwassal l-għajnuna umanitarja li hi meħtieġa b’urġenza lil 2.5miljun ruħ fir-RDK, li jġib l-għajnuna ta’ emerġenza tal-UE lir-RDK u lir-reġjun tal-Lagi l-Kbar għas-somma ta’ EUR 71 miljun fl-2013, li jagħmel lill-UE l-akbar donatur umanitarju tal-pajjiż;
15. Jinsisti li l-Gvern tar-RDK ilesti għalkollox riformi tas-settur tas-sigurtà u jitlob li jsiru sforzi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali sabiex tiżdied l-awtorità tal-Istat u l-Istat tad-dritt fir-RDK, b’mod partikolari fl-oqsma tal-governanza u s-sigurtà, anki f’kooperazzjoni mill-qrib mal-missjoni għall-assistenza militari tal-Unjoni Ewropea (EUSEC) u l-missjoni ta' assistenza tal-pulizija tal-Unjoni (EUPOL), li għandhom jitkomplu sabiex jiġu kkonsolidati l-paċi u s-sigurtà kemm fil-pajjiż kif ukoll fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar;
16. Jinkoraġġixxi lill-Parlament, lis-Senat u lill-President tar-RDK, Joseph Kabila, jimplimentaw il-miżuri meħtieġa kollha biex jikkonsolidaw id-demokrazija u jiżguraw parteċipazzjoni ġenwina mill-forzi politiċi kollha li jesprimu r-rieda tan-nazzjon Kongoliż fil-governanza tal-pajjiż, abbażi ta’ regoli kostituzzjonali u ġuridiċi kif ukoll elezzjonijiet ħielsa u ġusti; u jfakkar li għandhom jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE tal-2011, jiġu implimentati r-riformi indispensabbli għaċ-ċiklu elettorali, inkluż billi jiggarantixxu li jsiru elezzjonijiet lokali;
17. Jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi jiggarantixxu fiċ-ċirkostanzi kollha l-integrità fiżika u psikoloġika tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jmexxu investigazzjoni fil-pront, bir-reqqa, imparzjali u trasparenti bil-għan li jiġu identifikati dawk kollha li huma responsabbli tat-theddid, l-attakki u l-qtil ta' għadd minn dawn id-difensuri;
18. Jenfasizza l-importanza tal-adozzjoni ta’ biċċiet ta’ leġiżlazzjoni li ilhom żmien mistennija, inkluża l-liġi dwar il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi dwar il-konformità tad-dritt nazzjonali mal-Istatut ta' Ruma;
19. Jirrakkomanda li waqt l-24 sessjoni tiegħu il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti jadotta riżoluzzjoni qawwija li tistabbilixxi mill-ġdid xi sura ta’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ li jikkonċerna s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK, u li titlob lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem iressaq rapport dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK;
20. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kongoliżi jiżguraw il-ħolqien effettiv ta' qorti mħallta speċjalizzata biex tgħin fil-ġlieda kontra l-impunità u tiġġudika lill-awturi tal-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali fir-RDK, inkluża l-vjolenza sesswali kontra n-nisa;
21. Iqis li l-aċċess u l-kontroll trasparenti fuq ir-riżorsi naturali tar-RDK u d-distribuzzjoni ekwa tar-riżorsi permezz tal-baġit tal-Istat huma indispensabbli għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż; jistieden, għaldaqstant, lill-Unjoni Afrikana u lill-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar jieħdu miżuri ulterjuri biex jiġġieldu l-isfruttament illeċitu tar-riżorsi naturali u n-negozju tagħhom, u lill-Unjoni Ewropea u l-komunità internazzjonali sħiħa biex isaħħu l-kooperazzjoni mar-RDK f'dan il-qasam;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar, lill-President, il-Prim Ministru u l-Parlament tar-RDK, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lir-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Assemblea Parlementari Konġunta AKP/UE.