Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2013 dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (2013/2823(RSP))
Il-Parlament Ewropew
– wara li kkunsidra l-ftehim ta' Libreville (Gabon) tal-11 ta' Jannar 2013 dwar ir-riżoluzzjoni tal-kriżi politika militari fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA), iffirmat taħt il-patroċinju tal-kapijiet ta’ stat u gvern tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali (ECCAS), li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għat-tmien il-kriżi fir-RĊA,
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-14 ta’ Awwissu 2013 dwar is-sitwazzjoni fir-RĊA, kif ukoll ir-rapporti tad-Direttur tal-Uffiċċju Integrat tan-Nazzjonijiet Uniti għall-konsolidazzjoni tal-paċi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (Binuca), tas-Sottosegretarju Ġenerali għall-affarijiet umanitarji u tas-Sottosegretarju Ġnerelai għad-drittijiet tal-bniedem;
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2088 (2013) tal-24 ta’ Jannar 2013, id-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà fuq ir-RĊA, u wara li talab il-Kunsill tas-Sigurtà jappoġġa l-operazzjoni l-ġdida mmexxija mill-Afrika,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill għall-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana tad-19 ta’ Lulju 2013 li tawtorizza t-tnedija tal-operazzjoni ta’ appoġġ tal-paċi mmexxija mill-Afrika mill-1 ta' Awwissu 2013;
– wara li kkunsidra s-samits straordinarji tal-Kapijiet ta’ Stat u Gvern tal-ECCAS li saru f’N’Djamena (Chad) fil-21 ta’ Diċembru 2012, fit-3 ta’ April 2013 u fit-18 ta’ April 2013, u d-deċiżjonijiet tagħhom li jistabbilixxu Kunsill Nazzjonali Tranżitorju (NTC) b’setgħat leġiżlattivi u kostitwenti u jadottaw pjan direzzjonali għall-proċess tranżitorju fir-RĊA,
– wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Grupp Internazzjonali ta’ Kuntatt tat-3 ta’ Mejju 2013 f’Brazzaville (il-Kongo), li vvalida l-pjan direzzjonali għat-tranżizzjoni u stabilixxa Fond Speċjali sabiex tiġi megħjuna r-RĊA,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-21 ta' Diċembru 2012, tal-1 u l-11 ta' Jannar 2013, tal-25 ta’ Marzu 2013, tal-21 ta’ April 2013 u tas-27 ta’ Awwissu 2013 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar ir-RĊA,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Diċembru 2012 tal-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili dwar it-tifqigħa ġdida ta' kunflitt fir-RĊA,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tad-19 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-RĊA,
– wara li kkunsidra l-istqarrijiet għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-27 ta' Diċembru 2012 u tal-4 u l-11 ta' Jannar 2013 dwar ir-RĊA,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon tas-26 ta’ Diċembru 2012 fejn kkundanna l-attakki tar-ribelli u ħeġġeġ lill-partijiet kollha jimxu mad-deċiżjonijiet meħuda mill-ECCAS f’N'Djamena fl-21 ta’ Diċembru 2012, u tal-5 ta’ Awwissu 2013 fejn talab it-tmiem tal-impunità għall-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-RĊA, inkluża l-kunsiderazzjoni ta’ sanzjonijiet,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta’ April 2013 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navanethem Pillay,fejn talbet għat-tmiem tal-vjolenza u għall-istabbiliment mill-ġdid tal-istat ta’ dritt fil-pajjiż,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-12. tad-19 u tal-31 ta Diċembru 2012 tal-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, Nkosazana Dlamini-Zuma, dwar is-sitwazzjoni fir-RĊA,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou rivedut,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Jannar 2013 dwar is-sitwazzjoni fir-RĊA(1),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi wara r-rebħa militari tal-koalizzjoni Séléka fl-24 ta’ Marzu 2013 u t-teħid tal-poter minnha, ċerti elementi fiha wettqu għadd ta’ atroċitajiet, stupri, delitti, vjolenzi fiżiċi, serq, sakkeġġi u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem, kemm fil-belt kif ukoll fil-provinċji, u evitaw kull kontroll;
B. billi fl-20 ta’ Awwissu 2013, operazzjoni ta’ diżarm immexxija mis-Séléka f’Boy-Rabé, żona dominata mis-segwaċi tal-eks President François Bozizé, waslet għall-qtil ta’ 11-il persuna, u tużżani ġew feriti u kien hemm ukoll sakkeġġi;
C. billi fit-28 ta' Awwissu 2013 aktar minn 5,000 abitanti ta' Bangui ħarbu lejn l-arjuport internazzjonali principali tar-Repubblika Centru-Afrikana sabiex jaħarbu minn eks ġellieda ribelli li kienu qed jagħmlu rajds u okkupaw it-tarmak għal madwar 18-il siegħa;
D. billi għad hemm ir-riskju ta’ repetizzjoni tal-ostilitajiet bl-armi min-naħa ta’ dawk li kienu l-Forzi Armati Ċentru Afrikani li jiffavorixxu l-president mejjet François Bozizé u billi l-istrumentalizzazzjoni tat-tensjonijiet interreliġjużi ġġib tagħha riskji;
E. billi fl-4 ta’ Settembru 2013, il-prosekutur tal-Bangui Tribunal talab għal sentenza ta’ 10 snin priġunerija għall-24 eks ribelli Séléka li tressqu quddiem il-qrati fl-ewwel proċess li ttratta l-abbużi mwettqa fir-RĊA;
F. billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jirrappreżenta element essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou;
G. billi n-nuqqas ta' proċedimenti kontra dawk responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem u delitti tal-gwerra quddiem il-qrati jippromwovi klima ta' impunità u jinkoraġġixxi t-twettiq ta' delitti ġodda;
H. billi fis-7 ta’ Awwissu 2013 l-prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) tat it-tieni twissija tagħha li d-delitti mwettqa fir-Repubblika Ċentru-Afrikana jistgħu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-QKI u li l-uffiċċju tagħha se jipproċedi jekk dan ikun neċessarju;
I. billi dawn il-vjolenzi jwasslu għal spustamenti ġodda tal-popolazzjoni u li, skont l-istima tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Ġħajnuna Umanitarja, terz tal-popolazzjoni telaq minn daru u qed isofri minn malnutrizzjoni, li 1,6 miljun persuna għandhom bżonn kbir ta’ għajnuna, u 200 000 minnhom għandhom bżonn kura tas-saħħa, 484 000 jinsabu f’sitwazzjoni ta’ nuqqas enormi ta’ ikel, 206 000 persuna huma spustati u 60 000 sabu refuġju fil-pajjiżi viċini; barra minn hekk, 650 000 tifel/tifla mhux qed imorru l-iskola minħabba l-fatt li l-iskejjel qed jiġu okkupati minn gruppi armati u billi 3 500 tifel/tifla ġew reklutati mill-forzi u l-gruppi armati;
J. billi fi-21 ta’ Awwissu 2013, l-awtoritajiet tal-Kamerun għalqu temporanjament il-fruntiera mar-RĊA u wara li ddikkjaraw li r-ribelli Séléka attakkaw belt mal-fruntiera Toktoyo u qatlu uffiċjal mill-Kamerun responsbbli mill-fruntiera billi minkejja l-fatt li l-fruntiera reġgħat infetħet, sewwieqa tat-trakkijiet jibqgħu eżitanti dwar id-dħul fir-RĊA minħabba d-deterjorament tal-kundizzjonijiet ta’ siġurtà,
K. Billi r-RĊA hija kkonfrontata bi sfidi soċjali u ekonomiċi peress li ġew sakkeġġati u distrutti s-setturi pubbliċi u privati, u dan ippreġudika b’mod serju l-amministrazzjoni u l-fibra ekonomika tal-pajjiż u ħoloq taqbil soċjali; billi sar serq fuq skala massiva fl-isptarijiet ukoll, u dan ħoloq sitwazzjoni tas-saħħa diżastruża fil-pajjiż;
L. billi il-Ftehim Libreville jibqa’ l-bażi għal ftehim tranżitorju; billi mat-tmiem tat-tranżizzjoni ta’ 18-il xhar, elezzjonijiet ħielsa, demokratiċi, trasparenti u regolari għandhom jiġu organizzati, iżda il-Kap ta’ Stat, il-Prim Ministru, il-Membri tal-Gvern Tranżitorju u l-Membri tal-Uffiċċju tal-NTC ma jistgħux jipparteċipaw;
M. billi s-samit tal-ECCAS tat-3 ta’ April 2013 stabbilixxiet il-NTC u billi fit-18 ta’ April 2013 adottat pjan direzzjonali għall-kompożizzjoni u l-funzjonament tiehħu;
N. billi ġie stabbilit Grupp Internazzjonali ta’ Kuntatt dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana f’Mejju 2013 sabiex jikkoordina l-azzjoni reġjonali, l-azzjoni mifruxa mal-kontinent u l-azzjoni internazzjonali sabiex tinsab soluzzjoni dejjiema għall-problemi rikurrenti tal-pajjiż;
O. billi l-Unjoni Ewropea hija involuta f’djalogu politiku regolari mar-RĊA, taħt il-Ftehim ta’ Cotonou, u tibqa’ d-donatur prinċipali tal-fondi tal-pajjiż u li hija ddeċidiet fit-8 ta’ Lulju 2013 li żżid bi EUR 8 miljun l-għajnuna umanitarja tagħha, u b’hekk issa din tammonta għal EUR 20 miljun; billi din l-għajnuna tal-UE mhux se tkun biżżejjed u sħab oħra internazzjonali għandhom jinvolvu ruħhom;
P. billi r-RĊA iffaċċjat deċennji ta' instabbiltà u inkwiet politiku mindu saret indipendenti fl-1960; billi, minkejja l-fatt li l-pajjiż fih ħafna riżorsi naturali (injam, deheb, djamanti, uranju, eċċ.), ir-RĊA hija kklassifikata biss fil-179 post minn 187 pajjiż fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-NU u, billi madwar 70 % tal-popolajzzoni tagħha jgħixu taħt il-linja tal-faqar, għadha wieħed mill-ifqar pajjiżi fid-dinja;
1. Jikkundanna t-teħid ta’ poter mhux kostituzzjonali mill-forza armata tal-Koalizzjoni Séléka fl-24 ta’ Marzu 2013;
2. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni fir-RĊA li hija kkaratterizzata minn nuqqas komplet tal-osservanzzjoni tal-liġi u nuqqas komplet tal-ordni u l-assenza tal-istat ta’ dritt; jikkundanna l-vjolenza riċenti li kompliet telimina anki l-aktar servizzi bażiċi fil-pajjiż u għarrqet sitwazzjoni umanitarja diġà ħażina li qed taffettwa l-popolazzjoni kollha;
3. Jappella lill-awtoritajiet tar-RĊA sabiex jieħdu miżuri konkreti sabiex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili, iwaqqfu r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal minn gruppi armati, u jerġgħu jistabbilixxu s-sigurtà u l-ordni pubblika kif ukoll is-servizzi bażiċi tal-elettriku u l-ilma;
4. Jikkundanna bis-sħiħ il-ksur serju tad-dritt umanitarju u l-ksur enormi tad-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari minn elementi tas-Séléka, inklużi l-qtil extraġudizzjarju, l-eżekuzzjonijiet sommarji, l-għajbien infurzat, l-arresti u d-detenzjoni arbitrarji, it-tortura, il-vjolenza sesswali u l-vjolenza sessista u r-reklutaġġ ta’ suldati tfal;
5. Jappella lill-awtoritajiet tar-RĊA u l-partijiet interessati kollha jindirizzaw il-kawżi strutturali tal-kriżijiet rikurrenti tal-pajjiż u jaħdmu flimkien sabiex jimplimentaw il-Ftehim Libreville, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tat-trażizzjoni fil-pajjiż sabiex jerġa’ jkun hemm ordni kostituzzjonali bl-għan li jkun hemm paċi dejjiema u jinkisbu soluzzjonijiet demokratiċi;
6. Jappella lis-sħab internazzjonali sabiex isostnu bis-sħiħ l-isforzi komuni tagħhom, fl-oqsma tas-sigurtà, tal-għajuna umanitarja u tal-bini tal-istat ta’ dritt; iħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jeżamina b’mod urġenti t-talba ta’ appoġġ mill-Unjoni Afrikana sabiex jiġu ffinanzjati 3 600 membri tal-persunal ċivili u militari tal-missjoni taż-żamma tal-paċi fir-RĊA;
7. Jappoġġa t-tranżizzjoni kurrenti mill-Missjoni għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi fir-RĊA (Micopax) għall-Missjoni ta’ Appoġġ Internazzjonali Mmexxija mill-Afrika fir-RĊA (AFISM-CAR), li l-mandat tagħha għandu jiġi eżerċitat taħt l-awspiċju tan-NU;
8. ilqa’ d-deċiżjoni tal-Kapijiet ta’ Stat tal-ECCAS li jżiedu b’mod sinifikanti d-daqs tal-Forza Multinazzjonali Ċentru-Afrikana (FOMAC) u li jadottaw mandat ta’ missjoni adattat li jikkontribwixxi għas-sigurtà tar-RĊA; jinsab imħasseb fl-istess ħin dwar il-fatt li għakemm 1 300 truppi tal-ECCAS intbagħtu lejn ir-R, dawn ma kinux kapaċi jipprevjenu l-pajjiż milli jidħol fi stat ta’ anarkija; jirrimarka li s-sitwazzjoni li dejjem qed tmur għall-agħar fir-RĊA tista’ twassal għal instabbiltà reġjonali;
9. Jappella sabiex l-atturi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità, vjolenza sesswali kontra n-nisa u r-reklutaġġ ta’ suldati tfal jiġu rappurtati, identifikati, imħarrka u puniti skont id-dritt kriminali nazzjonali u internazzjonali; jirrimarka f’dan ir-rigward li s-sitwazzjoni fir-RĊA diġà tressqet quddiem il-QKI u li, skont l-istatut tal-Qorti, ma hemmx perjodu ta’ preskrizzjoni għall-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra;
10. Jilqa’ d-deċiżjoni tar-RĊA li tniedi programm sabiex jinġarbu l-armi mhux awtorizzati bħala rispons għall-vjolenza u d-delitti żgħar fin-nazzjon li huwa kronikament instabbli; iħeġġeġ lill-gvern jagħmel din il-miżuri obbligatorja;
11. Jieħu nota tal-istabbiliment ta’ kumitat konġunt ta’ inkjesta fuq l-atroċitajiet imwettqa mit-teħid ta' poter mis-Séléka u jappella lill-partijiet li huma parti minn din l-entità biex jaħdmu flimkien sabiex tiġi promossa r-rikonċilazzjoni nazzjonali;
12. Jikkunsidra neċessarju, barra minn hekk, li jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-kunflitti, b’mod partikolari permezz ta’ riforma tal-forzi armati u l-forzi ta’ sigurtà, id-dimilitarizzazzjoni, id-demobilizzazzjoni u r-riintegrazzjoni tal-eks ġellieda, ir-ripatrijazzjoni tar-refuġjati, ir-ritorn ta’ persuni spustati internament lejn djarhom u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ żvilupp vjabbli;
13. Jinsisti li soluzzjoni politika komprensiva, inkluża d-distribuzzjoni ekwa ta’ dħul mill-baġit tal-istat hija vitali sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-kriżi u titwettaq it-triq għall-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun; jappella lis-Segretarju Ġenerali tan-NU sabiex jistabbilixxi panel ta’ esperti ħalli jiġi eżaminat l-isfruttar tar-riżorsi agrikoli u minerali tar-RĊA bl-għan li jiġi stabbilit qafas legali li jippermetti li r-riżorsi tal-pajjiż tgawdi minnhom il-popolazzjoni tiegħu;
14. Jilqa l-appoġġ akbar tal-UE għall-indirizzar tal-kriżi umanitarja fir-RĊA u jappella lill-UE u l-Istati Membri tagħha, bħala donaturi prinċipali lill-pajjiż, sabiex isaħħu l-koordinazzjoni tagħhom mad-donaturi u l-istituzzjonijiet internazzjonali l-oħra sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet umanitarji urġenti b’mod xieraq u tittaffa s-sofferenza tal-poplu tar-RĊA; jitlob li ssir laqgħa internazzjonali dwar ir-RĊA fil-marġni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fi New York f’Settembru 2013;
15. Jitlob l-intensifikazzjoni tal-operazzjonijiet internazzjonali, bil-kunsens tar-RĊA, sabiex jiġu arrestati membri tal-Lord’s Resistance Army, sabiex tintemm il-qerda mwettqa minn dan il-grupp kriminali;
16. Jitlob lill-awtoritajiet tar-RĊA jissodisfaw l-obbligi stabbilit fl-Istatut ta’ Ruma tal-QKI, li l-pajjiż tagħhom iffirmat;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-ECCAS, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.