Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2138(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0294/2013

Testi mressqa :

A7-0294/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/10/2013 - 9.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0392

Testi adottati
PDF 315kWORD 65k
It-Tlieta, 8 ta' Ottubru 2013 - Strasburgu
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: (EGF/2011/025 IT/Lombardija - Italja)
P7_TA(2013)0392A7-0294/2013
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2011/025 IT/Lombardia mill-Italja) (COM(2013)0470 – C7-0206/2013 – 2013/2138(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0470 – C7-0206/2013),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (FII tas-17 ta’ Mejju 2006)(1), u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ir-Regolament FEG)(2),

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 28 tal-FII tas-17 ta’ Mejju 2006,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0294/2013),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex jingħata appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija u biex jiġu megħjuna jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twessa' għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2011 biex jinkludi sostenn għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali;

C.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli malajr u b’mod effiċjenti kemm jista’ jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta’ Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-FEG;

D.  billi l-Italja ressqet l-applikazzjoni EGF/2011/025 IT/Lombardia għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għall-529 sensja fil-Lombardia, b'480 ħaddiem fil-mira tal-miżuri kofinanzjati mill-FEG, matul il-perjodu ta' referenza mill-20 ta’ Marzu 2011 sal-20 ta’ Diċembru 2011;

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li l-Italja hi għalhekk intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament;

2.  Jinnota b'dispjaċir li l-awtoritajiet Taljani ressqu l-applikazzjoni għall-kontribuzzjoni finanzjarja FEG fit-30 ta' Diċembru 2011, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fit-28 ta' Ġunju 2013; jiddispjaċih dwar il-perjodu ta’ evalwazzjoni twil ta’ 18-il xahar;

3.  Jinnota li l-Lombardia, ir-reġjun bl-akbar prosperità fl-Italja li jipproduċi 20 % tal-PDG Taljan, għandu bżonn jindirizza sfidi strutturali prinċipali aggravati mill-kriżi ekonomika u finanzjarja; jilqa' l-fatt li għat-tieni darba, il-Lombardia qed tagħmel użu mill-għajnuna tal-FEG sabiex titratta d-diffikultajiet ekonomiċi u soċjali;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Taljani jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-appoġġ mill-FEG u jinkoraġġixxu n-numru massimu ta' ħaddiema jipparteċipaw fil-miżuri; ifakkar li l-ewwel interventi tal-FEG fl-Italja kienu kkaratterizzati minn rata relattivament baxxa ta' implimentazzjoni tal-baġit l-aktar minħabba rati ta' parteċipazzjoni baxxi;

5.  Jenfasizza li l-Kummissjoni diġà rrikonoxxiet l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq is-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni(ICT) u li l-FEG appoġġa ħaddiema li ngħataw is-sensja f'dan is-settur (każijiet: EGF/2011/016 IT/Agile u EGF/2010/012 NL/Noord Holland);

6.  Jinnota li s-settur Taljan tal-ICT ilu jbati minn kompetizzjoni qawwija minn pajjiżi bi prezzijiet baxxi għal dawn l-aħħar għaxar snin; jirrikonoxxi l-ħtieġa li s-settur jerġa' jiġi organizzat mill-ġdid minħabba l-ħolqien rapidu ta' teknoloġiji ġodda bħall-cloud computing, tipi differenti ta' servizzi elettroniċi, netwerks soċjali li ilhom rikonoxxuti bħala sfida għal għadd ta' snin; jinnota li d-distakk diġitali bejn l-Italja u pajjiżi Ewropej ewlenin kif ukoll pajjiżi oħra fid-dinja twessa' aktar minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku kkawżat mill-kriżi; jinnota li dawk l-iżviluppi kollha wasslu għat-tnaqqis fil-persunal fis-settur tal-ICT fin-negozji Taljani mill-2009;

7.  Jilqa' pożittivament il-fatt li, biex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Taljani ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tal-miżuri personalizzati fl-1 ta' Marzu 2012, ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

8.  Jinnota li sabiex l-impatt soċjali tas-sensji fis-settur tal-ICT ikun limitat, ġew użati b'mod estensiv xbieki ta' sigurtà soċjali bħall-fond għall-kumpens tal-pagi (CIG) li pprovdew benefiċċji finanzjarji lill-ħaddiema bħala kumpens għall-pagamenti tas-salarji; jinnota b'sodisfazzjoni li l-awtoritajiet Taljani ma talbu l-ebda appoġġ tal-FEG biex jiffinanzjaw l-allowances għas-sussistenza;

9.  Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi kofinanzjat, jinkludi miżuri għall-integrazzjoni mill-ġdid ta' 480 ħaddiem lura f'impjieg, bħal tekniki tal-intervisti, it-tfassil ta' profili ta' ħiliet, id-definizzjoni tal-perkors, il-monitoraġġ, il-koordinazzjoni u l-ġestjoni tal-pjan ta' intervent personali, tutoring u gwida dwar ix-xogħol, l-esplorazzjoni ta' opportunitajiet ta' xogħol ma' impjegaturi ġodda, it-tqabbil ta' ħiliet mal-impjiegi, servizz ta' mentoring matul l-ewwel fażi ta' impjieg ġdidu pariri u appoġġ għal impjieg indipendenti, tutoring u appoġġ matul l-apprendistat;

10.  Jinnota li miżuri ta' taħriġ u taħriġ mill-ġdid mhumiex inklużi fil-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati minħabba l-fatt li dawk il-miżuri se jkunu ffinanzjati permezz ta' sorsi reġjonali;

11.  Jilqa' l-fatt li s-sħab soċjali, u partikolarment trejdjunjins fil-livell lokali (CGIL, CISL, UIL, CISAL)(3), ġew ikkonsultati dwar it-tfassil tal-miżuri tal-pakkett koordinat tal-FEG; li politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni se jiġu applikati matul id-diversi fażijiet tal-implimentazzjoni tal-FEG u aċċess għalih;

12.  Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda wkoll għall-ambjent kummerċjali reali;

13.  Jinnota li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, jinkludi miżuri relatati mal-parir dwar il-karrieri u l-ippjanar, mentoring, tqabbil ta' ħiliet u xogħol kif ukoll appoġġ għall-impjieg indipendenti u l-apprendistat;

14.  Jinnota li l-informazzjoni mogħtija dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq li l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex ikun żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkun hemm l-ebda duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

15.  Jitlob li l-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi neċessarji biex itejbu l-arranġamenti proċedurali sabiex jaċċeleraw il-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bl-għan li tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni għall-FEG flimkien mal-proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG; jittama li jiġi integrat aktar titjib proċedurali u li jinkisbu effiċjenza, trasparenza u viżibilità akbar tal-FEG;

16.  Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jappoġġa l-integrazzjoni mill-ġdid f'impjieg stabbli ta' ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg sostenibbli u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma l-kompetenza tal-kumpaniji skont id-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas ma għandha tissostitwixxi l-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

17.  Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq fil-Kunsill dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tar-regolament FEG, għall-perjodu 2014-2020, il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, li jippermetti l-għoti ta' assistenza finanzjarja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali apparti lil dawk li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba bidliet fix-xejriet kummerċjali dinjija;

18.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(2) ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
(3) CGIL (Confederazione generale italiana del lavoro), CISL (Confederazione italiana sindacati lavoratori), UIL (Unione italiana del lavoro), CISAL (Confederazione Italiana Sindacati Autonomi Lavoratori).


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2011/025 IT/Lombardia mill-Italja)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2013/526/UE.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza