Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (l-applikazzjoni EGF/2012/008 IT/De Tomaso Automobili mill-Italja) (COM(2013)0469 – C7-0207/2013 – 2013/2139(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0469 – C7‑0207/2013),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,
– ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2),
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0292/2013),
A. billi l-Unjoni stabbilixxiet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex jingħata appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji u biex jiġu megħjuna jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol;
B. billi l-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twessa' għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta' Mejju 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali;
C. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-FEG;
D. billi l-Italja ressqet l-applikazzjoni EGF/2012/008 IT/De Tomaso Automobili għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għall-1 030 sensja fil-kumpanija De Tomaso Automobili S.p.A. b'1 010 ħaddiema destinatarji ta' miżuri kofinanzjati mill-FEG, matul il-perjodu ta' referenza mill-5 ta' Lulju 2012 sat-28 ta' Awwissu 2012;
E. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament FEG;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament FEG ġew sodisfatti u li, għalhekk, l-Italja hi intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Taljani ressqu l-applikazzjoni għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fil-5 ta' Novembru 2012 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni Ewropea fit-28 ta' Ġunju 2013; jilqa' l-perjodu ta' valutazzjoni relattivament rapidu ta' 7 xhur;
3. Jinnota li l-1 030 sensja f'De Tomaso Automobili S.p.A., manifattur awtomobilistiku fl-Italja, kienu kkawżati minn bidliet fit-tendenzi ġeografiċi ta' konsum, b'mod partikolari t-tkabbir rapidu fis-swieq Asjatiċi li l-produtturi tal-Unjoni huma anqas kapaċi jibbenefikaw minnu, peress li tradizzjonalment il-pożizzjoni tagħhom f'dawn is-swieq hi anqas tajba milli fi mkejjen oħra, flimkien mat-tnaqqis fid-disponibilità tal-kreditu li segwa l-kriżi ekonomika u finanzjarja u li qiegħed piż żejjed fuq l-impriża, li ma setgħatx issib soluzzjoni li trendi qligħ u daħlet fi proċedimenti ta' likwidazzjoni f'April 2012;
4. Jenfasizza li l-Kummissjoni diġà rrikonoxxiet l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq is-settur awtomobilistiku u li dan is-settur kellu l-akbar numru ta' applikazzjonijiet (16) għall-appoġġ tal-FEG, fejn 7 minnhom huma bbażati fuq globalizzazzjoni marbuta man-negozju(3);
5. Jistieden lill-awtoritajiet Taljani jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-appoġġ mill-FEG u jinkoraġġixxu n-numru massimu ta' ħaddiema jipparteċipaw fil-miżuri; ifakkar li l-ewwel interventi tal-FEG fl-Italja batew minn rata relattivament baxxa ta' implimentazzjoni tal-baġit, l-aktar minħabba r-rati ta' parteċipazzjoni baxxi;
6. Jenfasizza l-fatt li s-sensji minn De Tomaso Automobili huma mifruxin fir-reġjuni tal-Pjemonte u t-Toskana, u b'mod partikolari fil-provinċji ta' Turin u Livorno, fejn kienu jinsabu l-impjanti ta' produzzjoni ta' De Tomaso Automobili S.p.A.;
7. Jilqa' pożittivament il-fatt li, biex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Taljani ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tal-miżuri personalizzati fil-15 ta' Jannar 2013, ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;
8. Jinnota li s-sensji kienu koperti mill-fond għall-kumpens tal-pagi (CIG), xibka tas-sigurtà soċjali Taljana, li pprovda benefiċċji finanzjarji lill-ħaddiema bħala kumpens għall-pagamenti tas-salarji; jinnota li l-awtoritajiet Taljani talbu l-appoġġ tal-FEG sabiex jiffinanzjaw allowances għas-sussistenza, li għandhom madankollu valur addizzjonali għall-pagamenti tas-siġurtà soċjali normalment previsti fid-dritt Taljan dwar ix-xogħol għall-persuni qiegħda;
9. Ifakkar li fil-futur il-FEG għandu jkun primarjament allokat għat-taħriġ u t-tiftix ta' impjieg kif ukoll għall-programmi ta' orjentazzjoni professjonali, u li l-kontribut finanzjarju tiegħu għall-allowances għandu dejjem ikun ta' natura addizzjonali u b'mod parallel ma' dak previst fid-dritt nazzjonali jew fil-ftehimiet kollettivi għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja; ifakkar f'dan il-kuntest il-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali Nru 7/2013 dwar il-FEG li 'Terz tal-finanzjament mill-FEG jikkumpensa l-iskemi nazzjonali ta' appoġġ għall-introjtu tal-ħaddiema, mingħajr l-ebda valur miżjud tal-UE' u r-rakkomandazzjoni li tali miżuri għandhom ikunu limitati fil-futur;
10. Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi kofinanzjat jinkludi miżuri għall-integrazzjoni mill-ġdid ta' 1 010 ħaddiema f'pożizzjoni ta' impjieg, bħal gwida vokazzjonali, għajnuna għar-rikollokament u t-tiftix ta' xogħol, taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali, miżuri ta' akkumpanjament lejn il-ħolqien ta' negozju, kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju, benefiċċji għall-impjegar, allowance għat-tiftix ta' xogħol, kontribuzzjonijiet lejn spejjeż speċjali, bħall-kontribuzzjoni għal min jieħu ħsieb persuni dipendenti u l-kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar;
11. Jilqa' pożittivament il-fatt li s-sħab soċjali, u b'mod partikolari t-trade unions fil-livell lokali, ġew ikkonsultati dwar id-disinn tal-miżuri tal-pakkett koordinat tal-FEG; jinnota li politika ta' parità bejn in-nisa u l-irġiel, kif ukoll il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni se jiġu applikati matul id-diversi fażijiet tal-implimentazzjoni tal-FEG u fl-aċċess għalih;
12. Jilqa' l-fatt li s-sħab soċjali kienu kkonsultati dwar it-tfassil tal-pakkett; jilqa' l-fatt li kumitat tat-tmexxija se jissorvelja l-implimentazzjoni tal-pakkett;
13. Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda wkoll għall-ambjent kummerċjali reali;
14. Jistieden lill-Istati Membri biex f'applikazzjonijiet futuri jinkludu l-informazzjoni li ġejja dwar il-miżuri ta' taħriġ biex ikunu appoġġati mill-FEG: it-tipi ta' taħriġ provdut, f'liema setturi ta' taħriġ huwa pprovdut, jekk l-offerta tissodisfax il-bżonnijiet previsti f’termini ta’ ħiliet fir-reġjun/lokalità u jekk hix allinjata mal-prospetti ekonomiċi futuri tar-reġjun;
15. Jikkonstata li l-informazzjoni mogħtija dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha b'mod li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u jiġi garantit li ma tkun tista' sseħħ l-ebda duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;
16. Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi neċessarji biex itejbu l-arranġamenti proċedurali sabiex tiġi aċċelerata l-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bil-għan li tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni għall-FEG flimkien mal-proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG; jittama li fir-Regolament il-ġdid dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014–2020) jiġi integrat titjib proċedurali ulterjuri, u li jinkisbu aktar effiċjenza, trasparenza u viżibilità tal-FEG;
17. Jisħaq fuq il-fatt li, bi qbil mal-Artikolu 6 tar-Regolament FEG, għandu jiġi żgurat li l-FEG jappoġġa r-riintegrazzjoni f'impjieg stabbli tal-ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg sostenibbli u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG m'għandha tieħu post la tal-azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas tal-miżuri għar-ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi;
18. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
19. Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq fil-Kunsill dwar ir-riintroduzzjoni fir-Regolament FEG, għall-perjodu 2014-2020, tal-kriterju tal-mobilizzazzjoni minħabba l-kriżi, li jippermetti l-provvista ta' għajnuna finanzjarja għall-ħaddiema li jingħataw is-sensja b'riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, minbarra dawk li jitilfu l-impjieg b'riżultat ta' bidliet fl-andament tal-kummerċ globali;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
EGF/2012/008 De Tomaso Automobili (is-suġġett ta' din il-proposta għal deċiżjoni), EGF/2012/005 Saab Automotive (COM(2012)0622), EGF/2009/013 Karmann (COM(2010)0007), EGF/2008/004 Castilla y Leon Aragon (COM(2009)0150), EGF/2008/002 Delphi (COM(2008)0547), EGF/2007/010 Lisboa Alentejo (COM(2008)0094), EGF/2007/001 PSA Suppliers (COM(2007)0415).
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b’konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (l-applikazzjoni EGF/2012/008 IT/De Tomaso Automobili mill-Italja)
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2013/514/UE.)