Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar ‘It-titjib tad-dritt internazzjonali privat: regoli dwar il-ġurisdizzjoni applikabbli għall-impjieg’ (2013/2023(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 12, 15, 16, 27, 28, 30, 31 u 33 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 45, 81 u 146 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea 18/02(1) , C-341/05(2) u C-438/05(3),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0291/2013),
A. billi r-reviżjoni tar-Regolament Brussell I(4) kien suċċess kbir, billi daħħlet titjib imdaqqas għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza f’materji ċivili u kummerċjali fl-Unjoni Ewropea;
B. billi l-kamp ta' applikazzjoni ta' dik il-proċedura ta' riformulazzjoni ma kienx jinkludi ċerti kwestjonijiet tad-dritt tax-xogħol;
C. billi l-Ftehima Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001(5) tiddisponi li t-teknika tar-riformulazzjoni tintuża għal atti li jkunu emendati ta’ sikwit;
D. billi hu importanti li tkun żgurata l-koerenza bejn ir-regoli li jiggvernaw il-ġurisdizzjoni f’kwistjoni u r-regoli li jiggvernaw id-dritt applikabbli għal kwistjoni;
E. billi hu ta’ tħassib maġġuri għad-dritt internazzjonali privat f’livell Ewropew li jkun hemm il-prevenzjoni tat-tiftix tal-aħjar ġurisdizzjoni - l-aktar meta dan jista' jwassal għad-detriment tal-parti li tkun l-aktar dgħajfa, bħalma huma l-impjegati b'mod partikolari - u biex ikun żgurat li tkun magħrufa bil-quddiem bl-akbar livell possibbli ta' preċiżjoni l-ġurisdizzjoni;
F. billi, bħala prinċipju ġenerali, il-qorti li jkollha l-eqreb ness mal-kawża ta’ azzjoni hi dik li għandu jkollha ġurisdizzjoni;
G. billi għadd ta’ kawżi Ewropej ta’ profil għoli fuq il-ġurisdizzjoni u d-dritt applikabbli b’rabta mal-kuntratti ta’ impjieg individwali u ma’ azzjoni industrijali wasslu għal biżgħat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-dritt tax-xogħol jistgħu jisfaw imminati mir-regoli Ewropej li jistgħu jwasslu, f’ċerti każijiet, li d-dritt ta’ Stat Membru wieħed jiġi applikat mill-qorti ta’ Stat Membru ieħor(6);
H. billi, invista tal-importanza ewlenija tad-dritt tax-xogħol għall-identitajiet kostituzzjonali u poltiċi tal-Istati Membri, hu importanti li d-dritt Ewropew jirrispetta t-tradizzjonijiet nazzjonali f’dan il-kamp;
I. billi hu wkoll fl-interess tal-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja li tallinja kemm jista' jkun ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni mar-regoli dwar id-dritt applikabbli;
J. billi jidher li hu xieraq li jkun ivvalutat jekk hemm ħtieġa ta' bidliet fir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni fil-kamp tad-dritt tax-xogħol;
K. billi, b’mod partikolari, f’dak li għandu x’jaqsam mal-azzjoni industrijali, il-qrati tal-Istat Membru jekk l-azzjoni industrijali ttieħdet jew se tittieħed għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni;
L. billi, f'dak li għandu x’jaqsam mal-kuntratti ta’ impjieg individwali, għandu jkun żgurat, sa kemm hu mixtieq, li l-qrati tal-Istat Membru li jkollu l-eqreb ness mar-relazzjoni tal-impjieg għandhom ikollhom ġurisdizzjoni;
2. Iqis li l-kwestjonijiet ta' dritt tax-xogħol għandha tkun indirizzata ulterjorment mill-Kummissjoni għall-fini ta' rieżami possibbli fil-futur;
3. Jinnota li wieħed mill-prinċipji ewlenin tad-dritt internazzjonali privat dwar il-ġurisdizzjoni huwa l-protezzjoni tal-parti l-aktar dgħajfa u li l-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiem huwa stipulat fir-regoli ta' ġurisdizzjoni attwali;
4. Jinnota li l-ħaddiema huma ġeneralment protetti sew mir-regoli ta' ġurisdizzjoni, f’materji ta’ impjieg, meta jkunu konvenuti f'kawżi mressqa mill-impjegaturi tagħhom permezz tal-kriterji ta’ ġurisdizzjoni esklużivi stabbiliti fir-Regolament Brussell I;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-qafas ġuridiku kurrenti skont ir-Regolament Brussell I iqisx suffiċjentement l-ispeċifiċitajiet tal-azzjonijiet fis-settur tal-impjiegi;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari għall-kwestjonijiet li ġejjin:
(a)
jekk f’dak li għandu x’jaqsam mar-responsabilità ta’ ħaddiem jew ta’ impjegat, jew ta’ organizzazzjoni li tirrappreżenta l-interessi professjonali tal-ħaddiema jew tal-impjegati, għad-danni kkawżati minn azzjoni industrijali, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Brussell I kif riformulat jirreferix għal-lok fejn se ttieħed l-azzjoni industrijali jew fejn tkun ittieħdet l-istess azzjoni, u jekk l-allinjament mal-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma II ikunx necessarju;
(b)
Jekk, fil-każijiet fejn l-impjegat ifittex lil min iħaddmu, il-klawżola standard sekondarja li tkun tapplika fejn ma jkunx hemm lok abitwali tax-xogħol għandha tinbidlilha d-diċitura għal-lok tan-negozju li minnu l-impjegat jirċievi jew ikun irċieva l-istruzzjonijiet kwotidjani aktar milli l-lok tan-negozju fejn ġie ingaġġat;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
Sentenza tal-Qorti (is-Sitt Kamra) tal-5 ta’ Frar 2004 fil-kawża C-18/02, Danmarks Rederiforening, inrappreżentanza ta’ DFDS Torline A/S v LO Landsorganisationen i Sverige, inrappreżentanza ta’ SEKO Sjöfolk Facket för Service och Kommunikation, ECR 2004 p. I-01417.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Diċembru 2007 fil-Kawża C-341/05, Laval un Partneri Ltd v Svenska Byggnadsarbetareförbundet, Svenska Byggnadsarbetareförbundets avdelning 1, Byggettan and Svenska Elektrikerförbundet, ECR 2007 p. I-11767.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-11 ta’ Diċembru 2007 fil-Kawża Case C-438/05, International Transport Workers’ Federation and Finnish Seamen’s Union v Viking Line ABP and OÜ Viking Line Eesti, ECR 2007 p. I-10779.
Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).
Il-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru 2001 fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali, (ĠU C 77, 28.3.2002, p. 1).
Ara, b’mod partikolari, iċ-ċirkostanzi marbutin mal-Kawża Case C-438/05, International Transport Workers’ Federation and Finnish Seamen’s Union v Viking Line ABP and OÜ Viking Line Eesti, ECR 2007 p. I-10779.