Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2086(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0288/2013

Testi mressqa :

A7-0288/2013

Dibattiti :

PV 07/10/2013 - 25
CRE 07/10/2013 - 25

Votazzjonijiet :

PV 08/10/2013 - 9.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0403

Testi adottati
PDF 292kWORD 59k
It-Tlieta, 8 ta' Ottubru 2013 - Strasburgu
Ir-restrizzjonijiet tas-sajd u l-ibħra ġuriżdizzjonali fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed – mezzi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti
P7_TA(2013)0403A7-0288/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar ir-restrizzjonijiet tas-sajd u l-ibħra ġuriżdizzjonali fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed – mezzi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti (2011/2086(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (UNCLOS),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-1995 għall-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 rigward il-konservazzjoni u l-immaniġġjar ta’ stokkiijiet transżonali tal-ħut u ta’ stokkijiet ta’ ħut migratorju ħafna,

–  wara li kkunsidra l-kodiċi ta' kondotta għal sajd responsabbli tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), adottat f’Ottubru 1995 mill-Konferenza tal-FAO,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Baħar l-Iswed kontra t-Tniġġis, iffirmata f’Bukarest f’April 1992,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Baħar u r-Reġjun Kostali tal-Mediterran u tal-Protokolli tagħha, iffirmata f’Barċellona fi Frar 1976 u emendata f’Barċellona f’Ġunju 1995,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni Strateġiku għall-Protezzjoni Ambjentali u r-Riabilitazzjoni tal-Baħar l-Iswed, adottat f’Sofija f’April 2009,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija Marina)(1),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar spazjali marittimu u għall-ġestjoni integrata tal-kosta (COM(2013)0133),

–  wara li kkunsidra [il-Parti VII dwar il-Politika Esterna] tar-Regolament (UE) Nru .../2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ [...] dwar il-Politika Komuni tas-Sajd,(2)

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed(3),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2011 dwar il-ġestjoni attwali u futura tas-sajd fil-Baħar l-Iswed(4),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd(5),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta' Ottubru 2007 bl-isem ‘Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea’ (COM(2007)0575),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-Politika Marittima Integrata (IMP) – Evalwazzjoni tal-progress li sar u sfidi ġodda(6),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Settembru 2009 bl-isem "Lejn Politika Marittima Integrata għal governanza aħjar fil-Mediterran" (COM(2009)0466),

–  wara li kkunsidra l-Politika Ewropea tal-Viċinat u Strumenti relatati ta’ finanzjament;

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2010 dwar “Għarfien dwar il-Baħar 2020 – dejta u osservazzjoni yal-baħar għat-tkabbir intelliġenti u sostenibbli (COM(2010)0461),

–  wara li kkunsidra l-Programm ENPI ta' kooperazzjoni transkonfinali "Baċir Marittimu tal-Mediterran" 2007-2013, adottat mill-Kummissjoni fl-14 ta' Awwissu 2008,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-13 ta’ Settembru 2012 dwar “It-Tkabbir Blu – Opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu” (COM(2012)0494),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0288/2013),

A.  billi sal-2025 l-iżvilupp urban fil-Mediterran jista’ jilħaq livell ta’ 60 %, b’terz tal-popolazzjoni kkonċentrata f’żoni kostali, u b’hekk tirdoppja d-domanda għall-ilma u r-riżorsi tas-sajd;

B.  billi l-Baħar Mediterran għandu sehem ta’ 30 % tat-traffiku marittimu dinji;

C.  billi l-Mediterran u l-Baħar l-Iswed għandhom karatteristiċi speċifiċi minn perspettiva oċeanografika, mill-perspettiva tas-sajd, mill-perspettiva ambjentali u dik soċjoekonomika;

D.  billi l-ġestjoni taż-żoni marittimi u kostali hija kumplessa u tinvolvi awtoritajiet privati u pubbliċi varji;

E.  billi l-baċini tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed għandhom rata baxxa ta’ tiġdid tal-ilma (80-90 sena u 140 sena rispettivament) u għalhekk huma estremament sensittivi għat-tniġġis marittimu;

F.  billi madwar 75 % tal-istokkijiet tal-ħut fil-Baħar Mediterran huma sfruttati żżejjed;

G.  billi sistemi legali li jirregolaw l-aċċess minn bastimenti għal attivajiet tas-sajd nazzjonali jvarjaw skont in-nazzjonalità tal-bastiment;

1.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar kompetizzjoni akbar għal inqas stokkijiet u riżorsi tal-baħar, li twassal għall-ħolqien ta’ tensjoni reġjonali u possibbilment tilwim bejn l-istati kostali dwar iż-żoni marittimi; Jitlob, f’dan il-kuntest, sforzi akbar fil-livelli reġjonali, nazzjonali u tal-UE favur it-tisħiħ tar-regolazzjoni tal-aċċess għar-riżorsi;

2.  Iħeġġeġ lill-istati littorali kollha jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex iwaqqfu gradwalment is-sajd żejjed fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, hekk kif it-tnaqqis fl-istokkijiet tal-ħut iżid il-potenzjal ta’ konflitti f’din iż-żona;

3.  Jemmen bil-qawwa li riżoluzzjoni paċifika tat-tilwimiet rigward iż-żoni marittimi u d-delimitazzjoni ta’ fruntieri marittimi, f’konformità mad-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri u l-pajjiżi terzi skont id-dritt tal-UE u d-dritt internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-dritt tal-Baħar, hija element essenzjali ta’ governanza tajba tal-oċeani;

4.  Jemmen li l-ġestjoni tal-baħar fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed teħtieġ grad ogħla ta’ koeżjoni u kooperazzjoni politika fost l-istati kostali kkonċernati; jissottolinja r-rwol importanti tal-kooperazzjoni bilaterali u tal-ftehimiet internazzjonali, billi l-biċċa l-kbira tal-istati tal-Baħar l-Iswed u tal-Mediterran mhumiex membri tal-UE u għalhekk mhumiex suġġetti għal-leġiżlazzjoni Komunitarja;

5.  Jilqa’ r-rwol tal-Kummissjoni fil-promozzjoni ta’ djalogu aktar solidu u strutturat ma’ stati li mhumiex membri tal-UE u li għandhom kosta mal-Mediterran u l-Baħar l-Iswed għall-ġestjoni ta’ stokkijiet maqsuma f’dawn il-baċini; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tintensifika l-isforzi tagħha għal dan l-iskop billi ssegwi approċċ reġjonali;

6.  Jemmen li l-ġestjoni tal-baħar fir-reġjun tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed tippreżenta opportunitajiet għal relazzjonijiet internazzjonali u għal governanza effettiva tar-reġjun;

7.  Jenfasizza li l-kompetizzjoni għal livelli aktar baxxi ta’ stokkijiet tal-ħut u riżorsi tal-baħar tista’ ssir sors ta’ tilwim ma’ pajjiżi terzi; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jiżguraw monitoraġġ, kontroll, sigurtà u sikurezza tal-ilmijiet kostali u territorjali, iż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi (EEZs), il-blata kontinentali u l-infrastruttura marittima u r-riżorsi tal-baħar; jinnota li l-UE għandha żżomm profil politiku għoli f'dan ir-rigward u tfittex li tipprekludi nuqqas ta' ftehim internazzjonali;

8.  Iħeġġeġ lill-UE tuża r-riżorsi diplomatiċi tagħha biex tippromwovi d-djalogu bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi sabiex tiżgura li japprezzaw il-prinċipji tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-UE u biex timmonitorja l-konformità mar-regoli tagħha; Jenfasizza li l-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE, b’mod partikolari, għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-politika tas-sajd tal-UE kif ukoll il-liġijiet relevanti tal-UE u dawk internazzjonali li japplikaw għall-attivitajiet tas-sajd;

9.  Jinnota li mill-21 stat Mediterran, tlieta la ffirmaw u lanqas irratifikaw l-UNCLOS; jitlob lill-Kummissjoni tħeġġeġ lil dawn il-pajjiżi, b’mod partikolari il-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE, isiru partijiet fil-konvenzjoni u biex jimplimentaw il-UNCLOS bħala parti integrali tal-qafas regolatorju tal-UE għall-affarijiet marittimi;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi terzi jiżviluppaw approċċ reġjonali favur il-konservazzjoni tal-ħut u s-sajd fl-ilmijiet tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed, filwaqt li jikkunsidraw id-dimensjoni transkonfinali tas-sajd u n-natura migratorja ta’ ċerti speċijiet; jenfasizza, f’dan ir-rigward, ir-rwol sinifikanti tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) biex tiżgura sitwazzjoni ugwali għal kulħadd u bħala forum reġjonali biex tiżgura sajd sostenibbli fil-Baħar l-Iswed;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa ta’ ħarsien ambjentali u żvilupp sostenibbli f’dawn il-baċini, u ta’ sforzi msaħħa lejn governanza u kontroll tal-baħar, skont id-dritt internazzjonali, b’mod partikolari il-UNCLOS, bħala mezz biex jingħata kontribut għal protezzjoni ambjentali msaħħa tal-ispazju kostali u tal-baħar;

12.  Jemmen li l-Politika Marittima Integrata, u b’mod partikolari l-ippjanar spazjali marittimu, jista’ jkollhom rwol ċentrali fil-prevenzjoni tal-konflitti bejn l-Istati Membri tal-UE kif ukoll pajjiżi terzi;

13.  Iħeġġeġ l-implimentazzjoni, min-naħa tal-Istati Membri, tal-ġestjoni integrata taż-żoni kostali u tal-ippjanar spazjali marittimu (fir-rigward tal-produzzjoni ta' enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta, it-tqegħid ta' kejbils u tubi taħt il-baħar, it-trasport marittimu, is-sajd u l-akkwakultura, il-ħolqien ta' żoni ta' ripopolazzjoni), fil-qafas tal-istrateġija għal Tkabbir Blu, fil-kuntest tal-konvenzjonijiet eżistenti ma' pajjiżi ġirien, inklużi pajjiżi terzi, li jużaw l-istess baħar reġjonali;

14.  Jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta’ żoni marittimi, b’mod partikolari ż-żoni ekonomiċi esklussivi u ż-żoni marittimi protetti, li mhux biss itejjeb il-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-attivitajiet tas-sajd lil hinn mill-ibħra territorjali, iżda jippromwovi wkoll ir-riżorsi sostenibbli tal-attivitajiet tas-sajd, jiffaċilita l-kontroll u l-ġlieda kontra l-IUU (sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat), kif ukoll itejjeb il-ġestjoni tal-baħar ġewwa dawn il-baċini; jenfasizza l-bżonn li l-UE tipprovdi gwida, koordinazzjoni u appoġġ adegwati lill-Istati Membri f’dan ir-rigward;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis iżjed dawn il-kwistjonijiet bil-ħsieb li tiżgura l-koerenza fl-oqsma tal-politika tal-UE rilevanti, b'mod partikolari l-Politika Komuni tas-Sajd u l-Politika Marittima Integrata, u tippromwovi din il-koerenza u kundizzjonijiet ekwi, kemm fl-UE kif ukoll ma’ pajjiżi sħab tal-viċinat, permezz ta’ kooperazzjoni u djalogu mtejbin

16.  Jenfasizza l-importanza tal-valutazzjonijiet tal-istokkijiet u jitlob kooperazzjoni msaħħa bejn l-istituti xjentifiċi fiż-żewġ baċini, inkluż l-iskambju ta’ data xjentifika u l-qsim ta’ informazzjoni; jemmen li l-UE għandha tippromwovi, tistimula u tiffaċilita l-kooperazzjoni u l-ħidma konġunta bejn it-timijiet xjentifiċi tal-UE u l-kontroparti tagħhom fil-pajjiżi l-oħra involuti li mhumiex stati membri; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-inizjattiva “Għarfien dwar il-Baħar 2020”, li għandha l-għan li tagħmel id-data dwar l-ambjent tal-baħar disponibbli għal numru kbir ta’ partijiet potenzjalment interessati, inklużi korpi pubbliċi, industrijali, edukattivi u ta’ riċerka u s-soċjetà ċivili;

17.  Jitlob sistema msaħħa ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza ta’ attivitajiet tas-sajd f’perspettiva integrata għat-titjib tal-konservazzjoni tal-ekosistema fiż-żewġ baċini, f’konformità mad-dritt tal-UE u d-dritt internazzjonali, partikolarment il-UNCLOS, u b’hekk jingħata kontribut lill-isfruttament sostenibbli fuq żmien twil tal-istokkijiet tal-ħut u lill-ġlieda kontra s-sajd IUU b’mod aktar effiċjenti;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.
(2) Ara d-dokument tal-Kunsill Nru...
(3) ĠU C 136 E, 11.5.2012, p. 81.
(4) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 37.
(5) Testi adottati, P7_TA(2012)0461.
(6) ĠU C 70E, 8.3.2012, p. 70.

Avviż legali - Politika tal-privatezza