Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2013 dwar il-konklużjoni ta' ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizju tar-responsabbiltà demokratika u tas-superviżjoni tal-eżerċizju tal-kompiti mogħtija lill-BĊE fl-ambitu tal-mekkaniżmu superviżorju uniku (2013/2198(ACI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-President tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizju tar-responsabbiltà demokratika u tas-superviżjoni tal-eżerċizju tal-kompiti mogħtija lill-Bank Ċentrali Ewropew fil-kwadru tal-mekkaniżmu superviżorju uniku,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 127(6), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 284(3), u l-Artikolu 295,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fit-12 ta' Settembru 2013 rigward l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill li jagħti kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu(1) u r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, kif ukoll l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali dwar proposta għal tali regolament(2),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew u tal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta' Settembru 2013, waqt il-votazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-adozzjoni tal-proposta għal regolament tal-Kunsill li jagħti kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu(3),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 127(1) u 46(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0302/2013),
1. Japprova l-konklużjoni tal-ftehim anness hawn taħt u, waqt li jqis il-kontenut tal-ftehim, jiddeċiedi li jehmżu mar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-ftehim flimkien mal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi d-deċiżjoni preżenti, flimkien mal-anness, lill-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-parlamenti nazzjonali.
Ara l-anness għar-riżolużżjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-proposta għal tali regolament (Testi adottati, P7_TA(2013)0372).
ANNESS
Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizzju tar-responsabbiltà demokratika u tas-superviżjoni tal-eżerċizzju tal-kompiti mogħtija lill-BĊE fil-qafas tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-ftehim interistituzzjonali kif ippubblikat fil-ĠU L 320 tat-30 ta' Novembru 2013, p. 1.)