Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2013 dwar relazzjonijiet kummerċjali UE-Tajwan (2013/2675(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-Istrateġija Ewropa 2020(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jistabbilixxu, rispettivament, li “Fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja l-Unjoni għandha [...] tikkontribwixxi [...] għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali” u li “L-Unjoni għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha”.
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) fl-2009(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2012 dwar ir-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u standards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2009 dwar it-tisħiħ tar-rwol tal-SMEs Ewropej fil-kummerċ internazzjonali(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-impatt tal-iffalsifikar fuq il-kummerċ internazzjonali(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2008 dwar il-kummerċ fis-servizzi(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2008 dwar il-kummerċ ta' materja prima u ta' prodotti bażiċi(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2008 dwar l-istrateġija tal-UE li tassigura l-aċċess għas-swieq għall-kumpaniji Ewropej(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2007 dwar l-Ewropa Globali – l-aspetti esterni tal-kompetittività(11),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2005 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE, iċ-Ċina u t-Tajwan u dwar is-sigurtà fil-Lvant Imbiegħed(12),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija – Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020" (COM(2010)0612),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "L-Ewropa Globali: kompetizzjoni dinjija. Kontribut lill-istrateġija tal-UE għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi' (COM(2006)0567),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-ostakoli għall-kummerċ u l-investiment 2013, ippubblikat fit-28 ta' Frar 2013 (COM(2013)0103),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u t-Tajwan (O‑000093/2013 – B7‑0509/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, stabbilita permezz tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), hi l-aktar qafas xieraq biex ikun hemm kummerċ dinji miftuħ u ġust; billi hu essenzjali, madankollu, li wieħed jifhem li l-ftehimiet bilaterali huma wkoll parti mill-istess pakkett ta' għodda komuni dwar ir-relazzjonijiet internazzjonali;
B. billi l-UE tibqa' kompletament impenjata li tilħaq eżitu bilanċjat u ġust għall-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha (DDA) bħala l-approċċ preferut, u billi l-progress b'mod parallel mal-ftehimiet ta' kummerċ bilaterali ma' pajjiżi industrijalizzati oħra hu alternattiva valida oħra;
C. billi l-ammont totali ta' kummerċ bilaterali bejn l-UE u t-Tajwan żdied b'aktar minn tnax-il darba fl-aħħar għoxrin sena, filwaqt li qabeż l-EUR 40 biljun fl-2011;
D. billi t-Tajwan hu s-seba' l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE fl-Asja u t-tlieta w għoxrin l-akbar sieħeb kummerċjali fid-dinja;
E. billi fl-2010 l-UE kellha 31,5 % tal-fluss ta' investiment dirett barrani (FDI) u 21 % tal-istokks tal-FDI fit-Tajwan, u kienet l-akbar investitur barrani fil-pajjiż;
F. billi r-relazzjonijiet kummerċjali globali bejn l-UE u t-Tajwan attwalment qed jirrendu ferm anqas mill-potenzjal tagħhom;
G. billi kummerċ miftuħ u ġust hu mezz b'saħħtu biex jinħoloq aktar tkabbir u benessri, billi jibni fuq il-vantaġġi kumparattivi ta' kull ekonomija u fuq is-sinerġiji potenzjali li joħorġu minn integrazzjoni ekonomika akbar u minn inputs ġodda f'ekonomiji bbażati fuq l-għarfien;
H. billi d-dazji diġà jinsabu f'livelli ġeneralment baxxi bejn iż-żewġ sieħba kummerċjali; billi l-UE u t-Tajwan għandhom djalogu regolari u strutturat li jindirizza l-kummerċ u l-kwistjonijiet ta' investiment ta' interess u ta' tħassib komuni; billi, f'dan il-qafas, erba' gruppi ta' ħidma tekniċi ġew stabbiliti biex jittrattaw kwistjonijiet relatati mal-IPR-, TBT- u SPS u mas-settur farmaċewtiku;
I. billi, minkejja t-tariffi relattivament baxxi, il-volum tal-kummerċ bilaterali bejn l-UE u t-Tajwan huwa aktar baxx mill-ammont ta' skambji kummerċjali li l-UE għandha mas-sħab kummerċjali ewlenin l-oħra tagħha;
J. billi l-industrija tal-ICT hi settur ta' valur miżjud għoli u sors ta' tkabbir kemm fl-UE u kemm fit-Tajwan, speċjalment fir-rigward ta' żvilupp akbar ta' prodotti u servizzi intelliġenti;
K. billi l-UE u t-Tajwan jistgħu japprofondixxu aktar ir-relazzjonijiet ekonomiċi tagħhom b'mod li jkunu ġenwinament ta' benefiċċju reċiproku, anke sabiex ikunu indirizzati sfidi soċjetali komuni;
L. billi t-Tajwan ilu membru sħiħ tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) sa mill-2002 u hu wkoll membru sħiħ tal-Kooperazzjoni Ekonomika Asja-Paċifiku (APEC) u tal-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp;
M. billi l-adeżjoni tat-Tajwan mal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA) tad-WTO f'Lulju 2009 kien pass sostanzjali u pożittiv, li ppermetthielu li mhux biss jibbenefika minn ftuħ reċiproku tas-swieq tal-GPA imma wkoll li jtejjeb l-effiċjenza fis-suq intern tiegħu;
N. billi t-Tajwan u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina (PRC) adottaw approċċ kostruttiv li kkontribbwixxa għall-konklużjoni ta’ 19-il ftehim iffirmati bejn il-Fondazzjoni għall-Iskambju fl-Istrett – għat-Tajwan – u l-Assoċjazzjoni għar-Relazzjonijiet fl-Istrett tat-Tajwan – għall-PRC; billi dawn il-ftehimiet jinkludu l-Ftehim Qafas għall-Kooperazzjoni Ekonomika (ECFA) Cross-Straits u l-Ftehim dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali (IPR) iffirmati fid-29 ta’ Ġunju 2010 kif ukoll il-Ftehim dwar l-Investiment u l-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni Doganali ffirmati fid-9 ta’ Awwissu 2012;
O. billi alternattivi kostruttivi oħra wasslu lit-Tajwan jikkonkludi 31 Ftehim Bilaterali ta' Investiment (BIAs) ma' pajjiżi terzi, inkluż il-Ġappun fit-22 ta' Settembru 2011, u Ftehim ta' Kooperazzjoni Ekonomika man-New Zealand fl-10 ta' Lulju 2013, li jerġa' jibda taħditiet dwar Ftehim Qafas dwar il-Kummerċ u l-Investiment (TIFA) mal-Istati Uniti fl-10 ta' Marzu 2013, u sabiex qiegħed attwalment jinnegozja ftehim ta' investiment mar-Repubblika tal-Korea kif ukoll ftehim ta' kummerċ ħieles ma' Singapor (ASTEP);
P. billi l-Uffiċċju ta' Rappreżentanza Ekonomika u Kulturali ta' Tajpei fl-Istati Uniti u l-Istitut Amerikan fit-Tajwan qablu dwar Dikjarazzjonijiet Konġunti rigward Prinċipji għall-Investiment Internazzjonali u s-servizzi tal-ICT; billi, bl-istess mod, it-Tajwan ikkonkluda ftehimiet komprensivi dwar it-taxxa tad-dħul ma' 25 pajjiż, inkluż ma' disa' Stati Membri tal-UE;
Q. billi rabtiet ekonomiċi iktar mill-qrib mat-Tajwan ma jikkontradixxu bl-ebda mod il-politika tal-UE dwar ''Ċina waħda'', fid-dawl tal-fatt li ċ-Ċina u t-Tajwan ingħaqdu rispettivament mal-Kooperazzjoni Ekonomika Asja-Paċifiku (APEC) fl-1991, u ngħaqdu mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fl-2002;
1. Iqis li s-sistema kummerċjali multilaterali, inkorporata fid-WTO, tibqa' bil-bosta l-aktar qafas effettiv biex jintlaħaq il-kummerċ miftuħ u ġust fid-dinja kollha; jemmen li l-UE u t-Tajwan għandhom jikkontribwixxu għall-progress tan-negozjati kummerċjali multilaterali;
2. Iqis li, waqt li l-UE qiegħda taħdem fuq l-aġġornament tar-relazzjonijiet ekonomiċi tagħha maċ-Ċina, għandha tikkunsidra l-possibbiltà li tagħmel l-istess mat-Tajwan sabiex b'mod konsistenti ssegwi t-triq li tagħti appoġġ lis-sistema demokratika tat-Tajwan, il-pluraliżmu soċjali u r-rekord tajjeb tat-Tajwan fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;
3. Iqis, għaldaqstant, li l-UE għandha tirrispondi wkoll b’mod pożittiv għar-rieda tat-Tajwan li jnedi negozjati paralleli għal ftehimiet bilaterali dwar il-ħarsien tal-investiment u l-aċċess għas-suq sabiex tkompli tissaħħaħ iċ-ċertezza legali tal-investimenti, u jiżdiedu l-volum u l-kwalità tal-flussi ta’ investiment;
4. Jemmen li d-deċiżjoni li jinbdew dawn in-negozjati mat-Tajwan għandha tkun ibbażata fuq raġunijiet ekonomiċi, u m’għandhiex tkun interkonnessa mal-evalwazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina;
5. Jenfasizza li l-Parlament huwa favur ftehimiet dwar il-ħarsien tal-investiment u l-aċċess għas-suq mat-Tajwan, li jwasslu għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet ekonomiċi eżistenti bejn l-UE u t-Tajwan;
6. Iqis li l-ftehimiet bejn l-UE u t-Tajwan dwar il-ħarsien tal-investiment u l-aċċess għas-suq għandhom il-potenzjal reali sabiex iwasslu għal sitwazzjoni pożittiva għaż-żewġ naħat, li tkun ta' benefiċċju għaż-żewġ ekonomiji;
7. Jinnota li kwalunkwe ftehim għandu jikkunsidra kif xieraq l-SMEs u jtejjeb il-ħila tagħhom li jinvestu barra l-pajjiż;
8. Ifakkar ukoll li l-UE u t-Tajwan diġà għandhom relazzjoni ekonomika integrata tajjeb, dazji doganali baxxi fuq iż-żewġ naħat u djalogu strutturat tajjeb, fejn iż-żewġ partijiet jiltaqgħu b’mod regolari sabiex isolvu kwistjonijiet bilaterali dwar il-kummerċ u l-investiment;
9. Jenfasizza li l-ftehim għandu jinkludi impenn qawwi min-naħa tal-partijiet favur żvilupp sostenibbli u inklużiv fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali fir-rigward tal-investimenti;
10. Jenfasizza li l-ftehimiet ta’ investiment konklużi mill-UE għandhom jirrispettaw il-kapaċità għal intervent pubbliku, b’mod partikolari meta jkunu qed jiġu segwiti objettivi ta’ politika pubblika bħall-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà, id-drittijiet tal-ħaddiema u l-konsumaturi, is-saħħa u s-sikurezza pubblika u d-diversità kulturali; jitlob sabiex klawsoli speċifiċi dwar dawn l-objettivi jkunu inklużi fil-ftehim;
11. Jirrakkomanda li, fir-rigward tal-aċċess għas-suq, iż-żewġ partijiet jitħallew jeskludi ċerti setturi mill-impenji ta' liberazzjoni tagħhom sabiex jipproteġu interessi strateġiċi nazzjonali;
12. Itenni t-talba tiegħu li tiġi inkluża klawsola effettiva dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji u klawsoli effikaċi fil-qasam soċjali u dak ambjentali;
13. Jenfasizza li l-ftehim għandu jobbliga lill-investituri barranin fl-UE josservaw l-istandards soċjali u r-rekwiżiti tad-djalogu soċjali Ewropej;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tibda taħditiet dwar tali ftehimiet bejn l-UE u t-Tajwan;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern Tajwaniż u lill-Yuan Leġiżlattiv.