Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/0108(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0305/2013

Testi mressqa :

A7-0305/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/10/2013 - 9.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0415

Testi adottati
PDF 210kWORD 20k
Il-Ħamis, 10 ta' Ottubru 2013 - Strasburgu
Il-parteċipazzjoni tal-Ġordan fil-programmi tal-Unjoni ***
P7_TA(2013)0415A7-0305/2013

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta' Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan fil-programmi tal-Unjoni (12138/2012 – C7-0008/2013 – 2012/0108(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (12138/2012),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta' Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan fil-programmi tal-Unjoni (12135/2012),

–  wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 217 flimkien mat-tieni subparagrafu, punt (a) tal-Artikolu 218(6) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0008/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0305/2013),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-protokol;

2.  Jenfasizza l-importanza li jitkomplew jiġu promossi l-kooperazzjoni u d-djalogu mill-qrib mar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat kif ukoll li jsir aktar progress fid-djalogu politiku u ekonomiku bejn l-Unjoni u l-Ġordan;

3.  Ifakkar li, skont stimi mill-awtoritajiet tal-Ġordan, iżjed minn 500 000 rifuġjat mis-Sirja fittxew rifuġju fil-Ġordan u li l-kriżi Sirjana qed ikollha konsegwenzi gravi fuq l-ekonomija u fuq il-baġit tal-Ġordan minħabba r-riżorsi finanzjarji meħtieġa sabiex tingħata assistenza umanitarja lir-rifuġjati; jiddispjaċih tal-fatt, madankollu, li minn Awwissu 2012 il-fruntiera tal-Ġordan ingħalqet lir-rifuġjati Palestinjani li jkunu ġejjin mis-Sirja;

4.  Jenfasizza għalhekk l-importanza li jingħata sostenn finanzjarju, tekniku u umanitarju adegwat lil-Ġordan;

5.  Jesprimi apprezzament kbir għall-impenn muri mill-M.T. ir-Re Abdullah II tal-Ġordan fil-promozzjoni ta' proċess ta' riformi estensiv ħafna għall-benefiċċju tal-Ġordan u tal-poplu tiegħu; jenfasizza l-importanza li jinkisbu riżultati sostenibbli permezz ta' dawn ir-riformi, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġustizzja soċjali;

6.  Jilqa' pożittivament u jsostni wkoll ir-rwol proattiv u kostruttiv ta' medjazzjoni li żvolġa l-Ġordan, fl-ambitu tal-isforzi mmirati biex jinstabu soluzzjonijiet dejjiema għad-diversi kunflitti fil-Lvant Nofsani;

7.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan.

Avviż legali - Politika tal-privatezza