Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2586(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0433/2013

Testi mressqa :

B7-0433/2013

Dibattiti :

PV 09/10/2013 - 20
CRE 09/10/2013 - 20

Votazzjonijiet :

PV 10/10/2013 - 9.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0419

Testi adottati
PDF 216kWORD 22k
Il-Ħamis, 10 ta' Ottubru 2013 - Strasburgu
It-tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali fil-qasam tal-infurzar tal-liġi fl-UE
P7_TA(2013)0419B7-0433/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali fil-qasam tal-infurzar tal-liġi fl-UE: l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Prüm u l-Mudell Ewropew ta' Skambju ta' Informazzjoni (EIXM) (2013/2586(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2012 dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni għall-infurzar tal-liġi fl-UE: il-mudell Ewropew għall-Iskambju tal-Informazzjoni (EIXM) (COM(2012)0735),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2012 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (id-“Deċiżjoni ta’ Prüm”) (COM(2012)0732),

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Stokkolma, l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna u l-Istrateġija ta' Ġestjoni tal-Informazzjoni għas-sigurtà interna tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2012 dwar l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 87 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar l-infurzar transkonfinali tal-liġi fl-UE permezz tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Prüm u l-Mudell Ewropew għall-Iskambju ta' Informazzjoni (EIXM) (O-000067/2013 – B7–0501/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) u l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Programm ta’ Stokkolma għaraf il-ħtieġa għal aktar koerenza u konsolidazzjoni fis-sett ta' għodod disponibbli għall-ġbir, l-ipproċessar u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-UE sabiex titjieb is-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE;

B.  billi l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna irrakkomandat l-iżvilupp ta' mudell komprensiv għall-iskambju ta' informazzjoni;

C.  billi l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-attivitajiet kriminali bejn il-fruntieri hu l-bażi għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi fl-UE u hu partikolarment rilevanti f'zona mingħajr kontrolli interni tal-fruntieri; billi l-kriminalità transkonfinali qed tiżdied fl-UE, u b'hekk qed tqiegħed aktar enfasi fuq il-ħtieġa ta' skambju effiċjenti u sigur ta' informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi li jirrispetta l-protezzjoni tad-data u d-drittijiet fundamentali;

1.  Jinnota li l-Komunikazzjonijiet wiżnu l-istrumenti, il-kanali u l-għodod transkonfinali differenti eżistenti għall-iskambju ta' informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi fl-UE; jemmen li l-'panorama' attwali tal-istrumenti, il-kanali u l-għodod differenti hi kkumplikata u mferrxa, u twassal għal użu ineffiċjenti tal-istrumenti u superviżjoni demokratika inadegwata fil-livell tal-UE, kif ukoll f'xi każijiet għal twessigħ tal-funzjoni u tal-aċċess ('function and access creep');

2.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq eżerċizzju ta' mmappjar tal-leġiżazzjoni tal-UE u nazzjonali, inklużi ftehimiet internazzjonali (bilaterali), li jirregolaw l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi; jaqbel mal-Kummissjoni li hija meħtieġa statistika aktar rilevanti biex jitkejjel il-valur reali tal-istrumenti u jitlob li ssir evalwazzjoni indipendenti u esterna tal-istrumenti eżistenti għall-iskambju ta' informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi fl-UE sabiex jiġi vvalutat l-impatt tagħhom li jista' jitkejjel;

3.  Jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni li jkun razzjonalizzat l-użu tal-istrumenti u l-kanali eżistenti (bħalma hu l-użu awtomatiku tal-kanal tal-Europol u l-ħolqien ta' Punti Uniċi ta' Kuntatt nazzjonali integrati) u jittejbu t-taħriġ u l-kuxjenza dwar l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni; huwa ddiżappuntat, madankollu, li l-Kummissjoni ma ħejjietx viżjoni aktar ambizzjuża li tħares lejn il-futur, kif intalab fil-Programm ta' Stokkolma u fl-Istrateġija ta' Sigurtà Interna, li tista' tkun il-punt tat-tluq għal dibattitu politiku dwar kif tissawwar u tkun ottimizzata l-kondiviżjoni tad-data dwar l-infurzar tal-liġi fl-UE, filwaqt li jkun iggarantit livell robust ta’ protezzjoni tad-data u privatezza; iħeġġeġ bil-kbir lill-Kummissjoni biex tressaq din il-viżjoni u tistabbilixxi qafas imħejji tajjeb għall-iskambju ta' informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi fl-UE li jkun imsejjes fuq prinċipji bħalma huma n-neċessità, il-kwalità, il-proporzjonalità, l-effiċjenza u r-responsabilità politika u jkun jinkludi valutazzjoni xierqa tal-prinċipju tad-disponibilità u l-kunċett tal-konformità trasversali;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tistudja l-possibilità li jiġu awtomatizzati l-proċessi manwali għall-implimentazzjoni tal-istrumenti eżistenti sabiex tiġi żgurata effikaċja akbar skont il-prinċipji stabbiliti fl-istudju tad-DAPIX imwettaq minn xi Stati Membri, u tipprevedi l-implimentazzjoni ta' format universali tal-iskambju ta' informazzjoni biex jiġi aċċelerat l-ipproċessar tat-talbiet approvati;

5.  Jirrimarka li l-istrumenti differenti ta' skambju ta' informazzjoni transkofinali dwar l-infurzar tal-liġi, inkluż l-għoti ta' aċċess transkonfinali għall-bażijiet ta' data nazzjonali, iwasslu għal reġim ta' protezzjoni tad-data mferrex u mhux ċar, li hu ta' spiss imsejjes fuq l-iżgħar denominatur komuni u jsegwi approċċ frammentat; f'dan ir-rigward, itenni l-pożizzjoni tiegħu li d-Direttiva proposta dwar il-Protezzjoni tad-Data għandha tkun adottata malajr kemm jista' jkun;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, bil-għan li tikkonsolida u ttejjeb is-sistema ta' skambju ta' informazzjoni, tieħu miżuri maħsuba biex jirfdu sistema effettiva li sservi wkoll biex tkun żgurata l-protezzjoni tad-data, kif imsemmi fl-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), billi tuża l-qafas ta' referenza pprovdut mill-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Europol u li jħassar id-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI;

7.  Jieħu nota tal-fatt li għal grupp dejjem jikber ta' Stati Membri, Prüm saret għodda ta' rutina fil-kooperazzjoni bejn il-pulizija u fl-investigazzjonijiet kriminali transkonfinali; jiddeplora d-dewmien konsiderevoli fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Prüm f'diversi Stati Membri; jaqbel mal-Kummissjoni li ma għandux jitqies aktar żvilupp tal-istrument qabel ma tkun inkisbet implimentazzjoni sħiħa; jistieden lill-Istati Membri kkonċernati jimplimentaw id-Deċiżjoni ta' Prüm bis-sħiħ u kif xieraq sabiex ikun jista' jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tagħha;

8.  Jirrimarka li d-Deċiżjoni ta' Prüm ġiet adottata skont dak li kien it-tielet pilastru u li l-implimentazzjoni tagħha hija nieqsa mis-superviżjoni u l-kontroll demokratiċi xierqa mill-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni tressaq malajr il-proposti li jġibu lill-istrumenti ta' kooperazzjoni transkonfinali bejn il-pulizija adottati skont dak li kien it-tielet pilastru – bħalma huma d-Deċiżjoni ta' Prüm u l-Inizjattiva Svediża – fil-qafas ġuridiku tat-Trattat ta' Lisbona;

9.  Jirrimarka li t-taħriġ tal-pulizija Ewropea għandu jgħin biex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn il-pulizija u b'hekk isaħħaħ l-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni transkonfinali, u għaldaqstant jeħtieġ ikun preservat u msaħħaħ;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza