Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2012 (2013/2013(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TEU)
– wara li kkunsidra l-Artikoli 24, 227, 228, 258 u 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 202(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0299/2013),
A. billi, soġġett għal Protokoll 30 tat-Trattat, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea saret legalment vinkolanti mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona; ; billi l-istess Trattat jistabbilixxi wkoll il-bażi legali għall-UE biex taderixxi mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll tintroduċi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropea;
B. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu d-dmir li jagħmel reviżjoni kostanti u, fejn hu possibbli, itejjeb ir-rwol tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp ta’ prinċipji demokratiċi, bħal ma hija l-parteċipazzjoni miżjuda taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u ż-żieda fit-trasparenza u responsabilità; billi fl-attività regolari tiegħu, il-Kumitat jaħdem mill-qrib mal-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-Ombudsman Ewropew u korpi oħra sabiex jiżgura li l-liġi tal-UE tkun għal kollox rispettata kemm fil-prattika kif ukoll fl-ispirtu;
C. billi fl-2012 il-Kumitat għall-Petizzjonijiet irreġistra 1986 petizzjoni, li l-maġġorparti tagħhom jirreferu għat-temi tad-drittijiet fundamentali, l-ambjent, is-suq intern u l-kriżi ekonomika u soċjali; billi 1406 petizzjonijiet ġew iddikjarati ammissibbli, u minn dawk 853 tressqu quddiem il-Kummissjoni għal aktar investigazzjoni skont l-Artikoli 258 u 260 tat-Trattat, u 580 petizzjoni ġew dikjarati inammissibbli; billi s-suġġetti ta' mill-inqas 5 petizzjonijiet imressqa fl-2012 tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikoli 258 u 260 tat-Trattat; billi s-Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-308/07 iċċarat li anke d-deċiżjonijiet proċedurali tal-Parlament fi kwistjonijiet tal-petizzjonijiet huma soġġetti għal reviżjoni legali; billi, fir-rigward tal-analiżi statistika li tinsab f’dan ir-rapport, l-ogħla numru ta’ petizzjonijiet jirreferi għall-każijiet fl-UE kollha (27.3 %), segwit mill-każijiet Spanjoli (15.0 %), Ġermaniżi (12.5 %) u Taljani (8.6 %);
D. billi, fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, il-Kumitat ta ħafna attenzjoni fl-2012 lid-drittijiet tal-persuni b’diżabilitajiet, drittijiet tat-tfal, drittijiet tal-konsumaturi, drittijiet ta’ proprjetà, drittijiet ta’ moviment liberu mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta’ kwalunkwe kriterju, il-ħarsien tal-libertà tal-espressjoni u l-privatezza, u d-dritt għall-aċċess għad-dokumenti u t-tagħrif, id-drittijiet relatati mal-libertà ta’ assoċjazzjoni politika u industrijali; billi s-sitwazzjoni tal-kriżi ekonomika qanqlet għadd ta’ petizzjonijiet dwar problemi soċjali, bħall-akkomodazzjoni, l-impjieg u prattiki ħżiena fis-settur bankarju fir-rigward ta' min ifaddal;
E. billi l-petizzjonijiet sottomessi miċ-ċittadini jagħtu evidenza li hemm diskriminazzjoni persistenti kontra ċittadini bħala riżultat tad-diżabilità, l-appartenenza għal grupp ta’ minoranza jew etniku, il-ġeneru, l-età jew l-orjentament sesswali;
F. billi l-inizjattivi tal-UE għat-taqbida kontra d-diskriminazzjoni, bħalma kien l-Qafas tal-UE dwar l-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma, iridu jiġu adottati minnufih fl-istrateġiji nazzjonali u jiġu rieżaminati u monitorjati kontinwament fid-dawl tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali li qed jevolvu;
G. billi, b’rabta mal-ħarsien tal-ambjent, it-theddid tat-tniġġis u tal-prattiki ambjentali ħżiena qatt ma jistgħu jissemmew biżżejjed, minħabba fir-riskji dejjiema għall-bijodiversità u l-ekosistemi, kif ukoll ir-riskji għas-saħħa pubblika, li kollha kemm huma jibqgħu jippersistu fit-tul u huma ta’ sikwit ta’ periklu għall-ħajja; billi fir-rigward tal-bijodiversità xi Stati Membri għadhom ma stabbilewx it-totalità taż-żoni ta’ protezzjoni minimi ta’ Natura 2000 u lanqas implimentaw bis-sħiħ il-protezzjoni effettiva tagħhom; billi jitqiesu l-miri tal-ġlieda kontra t-tniġġis u t-tibdil fil-klima; billi fl-2012 il-Kumitat ta ħafna attenzjoni għall-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart u l-ilma, kif ukoll għall-valutazzjoni tal-impatt tal-proġetti u l-attivitajiet fuq l-ambjent u fuq is-saħħa pubblika;
H. billi titqies il-ħtieġa li jiġu ppreservati r-riżorsi naturali sabiex jiġu evitati r-riskji dwar il-futur tal-pjaneta; billi titqies il-ħtieġa li jiġu ppreservati r-riżorsi naturali sabiex jiġu evitati r-riskji dwar il-futur tal-pjaneta;
I. billi fil-kwistjoni dwar il-ġestjoni tal-iskart, iż-żjara fl-Italja għas-sejbien tal-fatti enfasizzat il-ħtieġa urġenti għall-awtoritajiet Taljani kollha involuti biex isibu soluzzjoni sostenibbli għall-ħtiġijiet tal-ġestjoni tal-iskart fil-provinċja ta’ Ruma biex jiġi żgurat ir-rispett għas-saħħa u d-dinjità taċ-ċittadini; billi, minkejja t-tmiem tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza fil-belt ta’ Napli, għad baqa’ ħafna sfidi għal approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-iskart fir-reġjun ta’ Campania mal-ġerarkija tal-iskart stabbilita fid-Direttiva 2008/98/KE (Id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Iskart) u s-sentenza tal-QĠUE ta’ Marzu 2010;
J. billi, minkejja li l-Kummissjoni ma tistax tivverifika l-konformità mal-liġi Ewropea qabel ma tittieħed deċiżjoni finali mill-awtoritajiet nazzjonali, huwa importanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjonijiet ambjentali, li minn stadju bikri jiġi vverifikat li l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali japplikaw b’mod korrett ir-rekwiżiti proċedurali relevanti kollha skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea, u anke li japplikaw il-prinċipju tal-prekawzjoni;
K. billi l-ħidma tal-kumitat wasslet biex l-ilma jiġi ddikjarat bħala beni pubbliku mill-Parlament; billi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Id-Dritt għall-Ilma” kienet l-ewwel waħda li laħqet il-miljun firma ta’ ċittadini Ewropej;
L. billi għandhom jiġu evitati telfiet ulterjuri irreparabbli fil-bijodiversità, partikolarment f'siti maħtura bħala siti ta' Natura 2000; billi l-Istati Membri ħadu l-impenn li jiżguraw il-protezzjoni taż-żoni speċjali ta' konservazzjoni skont id-Direttiva 92/43/KEE (id-Direttiva dwar il-Ħabitats) u d-Direttiva 79/409/KEE (id-Direttiva dwar l-Għasafar);
M. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar industrija tal-azzar ġdida sostenibbli u kompetittiva, abbażi ta' petizzjoni rċevuta(1), il-Parlament appoġġa l-prinċipju ta' "min iniġġes, iħallas";
N. billi minkejja l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, tal-aħħar donnha riluttanti li tagħti tagħrif mill-ewwel dwar in-natura tad-deliberi tagħha, kif ukoll dwar id-deċiżjonijiet meħuda, fi proċedimenti ta’ ksur relatati mal-petizzjonijiet u marbutin mal-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali; billi dan hu għajn ewlieni ta’ preokkupazzjoni minħabba fil-ħsara u l-qirda irreversibbli li jistgħu jkunu inflitti fuq l-ekosistemi tagħna u saħħitna; billi l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jipprovdu aktar informazzjoni u jkunu aktar trasparenti fir-relazzjonijiet tagħhom maċ-ċittadini Ewropej;
O. billi l-2013 inħatret bħala s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini, u huma sewwasew iċ-ċittadini u r-residenti tal-UE, individwalment jew f’tisħib ma’ oħrajn, li huma f’qagħda tajba biex jivvalutaw l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni Ewropea kif inhi applikata, u biex jidentifikaw lakuni possibbli li jistgħu jimpedixxu l-implementazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni u l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet; billi jitqies il-kontenut tal-“Aġenda tal-Konsumatur Ewropew sabiex jissaħħu l-fiduċja u t-tkabbir”; billi rekwiżit bażiku għal dan huwa l-provvista prattikabbli liċ-ċittadini tal-informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni Ewropea;
P. billi, għal dik ir-raġuni, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet ta ħafna ħin u għamel sforz kbir fl-2012 għad-diskussjoni ta’ tifsir iċ-ċittadinanza Ewropea, li hi tassew marbuta mill-qrib mal-libertà tal-moviment u tar-residenza totali fl-UE, kif definit fil-Parti III TFUE, iżda wkoll tikkonċerna ammont ta’ drittijiet oħra u hija ta’ benefiċċju għal kull ċittadin li ma jitlaqx mill-pajjiż nattiv tiegħu; billi l-petizzjonijiet jagħtu xhieda li ċ-ċittadini u r-residenti tal-Unjoni għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ xkiel mifrux u tanġibbli għall-eżerċizzju partikolarment ta’ drittijiethom bejn il-fruntieri, sitwazzjoni din li għandha impatt dirett u ta’ kuljum fuq ħajjet eluf ta’ familji u l-benessri tagħhom;
Q. billi l-proċess tal-petizzjonijiet jista’ jikkumplimenta strumenti oħra Ewropej li huma disponibbli għaċ-ċittadini, bħall- possibilità li jippreżentaw l-ilmenti lill-Ombudsman Ewropew jew lill-Kummissjoni; billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jaħdem id f’id mal-Ombudsman Ewropew, kumitati parlamentari oħra tal-Parlament, korpi u aġenti u netwerks Ewropej, kif ukoll mal-Istati Membri;
R. billi l-proċess tal-petizzjonijiet jista’, u għandu, jibqa’ komplementari għal mekkaniżmi oħra ta’ rimedju disponibbli għaċ-ċittadini, bħalma hi l-preżentazzjoni tal-ilmenti mal-Kummissjoni jew l-Ombudsman Ewropew; filwaqt li SOLVIT, b’mod partikolari, hu għodda importanti li jista’ jintuża miċ-ċittadini tal-UE ħalli jinstabu soluzzjonijiet malajr għall-problemi kkawżati mill-applikazzjoni ħażina tad-dritt tas-suq intern min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi; billi għandhom isiru avvanzi f’azzjonijiet kollettivi ta’ riżoluzzjoni ta’ ilmenti mill-konsumaturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom; billi l-portal web singolu ‘Ħaddem drittijietek' fih tagħrif siewi għaċ-ċittadini li jixtiequ jdaħħlu ilment dwar l-applikazzjoni tajba tad-dritt tal-UE;
S. billi l-qasam ta’ azzjoni, u l-modus operandi, tad-dritt għal petizzjoni mogħti liċ-ċittadini u r-residenti kollha tal-UE, skont it-termini tat-Trattat, ivarjaw minn rimedji oħra disponibbli għaċ-ċittadini, bħal pereżempju t-tressiq ta’ lmenti lill-Kummissjoni jew lill-Ombudsman;
T. billi jeħtieġ li tikber il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea bl-għan li tissaħħaħ il-leġittimità u r-responsabbiltà tagħha;
U. billi strument ġdid għal demokrazija parteċipattiva, l-’Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej’, daħal fis-seħħ nhar l-1 ta’ April 2012 u ġie iskritt total ta’ sittax-il (16) inizjattiva matul il-kors tas-sena; billi tqajjem tħassib rilevanti minn inizjaturi differenti tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej dwar l-ostakli tekniċi li ltaqgħu magħhom għall-ġbir attwali tal-firem; billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet se jkollu rwol primordjali fl-organizzazzjoni tas-smigħ pubbliku għall-inizjattivi li jirnexxu;
V. billi għadu evidenti li hemm kemm nuqqas ta’ tagħrif kjarament strutturat u ampjament pubbliċizzat, kif ukoll nuqqas ta’ kuxjenza fost iċ-ċittadini tal-UE dwar drittijiethom; billi dawn jikkostitwixxu xkiel deċiżiv għall-eżerċizzjoni taċ-ċittadini attiva tal-UE; billi, b'rabta ma' dan, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw b'mod iktar komprensiv mal-obbligu tagħhom li jipprovdu informazzjoni u jrawmu s-sensibilizzazzjoni;
W. billi ċ-ċittadini u r-residenti Ewropej huma leġittimament intitolati li jistennew li l-kwestjonijiet li jqajmu mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistgħu jsibu soluzzjoni mingħajr dewmien żejjed fi ħdan il-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, li huma jistennew minnu li jirrispetta d-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni, u b’mod partikolari li l-Membri tal-kumitat jiddefendu l-ambjent naturali, is-saħħa, il-moviment ħieles, id-dinjità u l-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-petizzjonant; billi l-effiċjenza tal-ħidma tal-kumitat hija, fil-parti l-kbira tagħha, ir-riżultat tar-ritmu tal-operazzjonijiet u r-reqqa tas-Segretarjat, u dan jista’ jkompli jitjieb b’mod partikolari billi jiġi ottimizzat it-tul ta’ żmien tal-proċess tal-petizzjonijiet, kif ukoll permezz ta’ sistematizzazzjoni tal-proċeduri għall-valutazzjoni tagħhom; billi, minħabba n-numru dejjem jikber ta’ petizzjonijiet riċevuti kull sena, għandhom jiġu ddedikati aktar riżorsi u ħin għal-laqgħat tal-kumitat għal dan l-iskop; billi għandha tiġi enfasizzata l-ħtieġa ta’ kontinwità fl-ipproċessar tal-petizzjonijiet waqt il-perjodi differenti tal-leġiżlaturi u l-konsegwentement bidla tal-persunal wkoll; billi jitqiesu l-petizzjonijiet numerużi li tqajmu fir-rigward tal-vittmi tal-Frankiżmu u tat-tfal misruqa fi Spanja;
X. billi ċerti petizzjonijiet għadhom pendenti bejn il-Kummissjoni, il-Parlament, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u l-awtoritajiet nazzjonali mingħajr ma nstabet soluzzjoni, u b’mod li ħallew lill-petizzjonanti f’qagħdiet inċerti mingħajr ħjiel ta’ konklużjoni;
Y. billi kien hemm żieda konsiderevoli fl-għadd ta’ petizzjonijiet b'rabta mal-ksur tal-prinċipji tad-drittijiet demokratiċi fundamentali u l-istat tad-dritt protetti mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fl-Istati Membri, u dan juri li ċ-ċittadini Ewropej qed ikollhom aktar fiduċja fl-istituzzjonijiet Komunitarji sabiex jitħarsu d-drittijiet fundamentali tagħhom;
Z. billi individwi u komunitajiet lokali, kif ukoll għaqdiet volontarji u negozji, qegħdin f’pożizzjoni tajba biex jivvalutaw l-effettività tal-leġiżlazzjoni Ewropea ta’ kif tapplika għalihom, u biex jissenjalaw lakuni possibbli li jeħtieġu li jiġu analizzati sabiex tkun żgurata implimentazzjoni aħjar, iktar uniformi u kumparabbli tal-liġi tal-UE fl-Istati Membri kollha;
1. Jieħu nota li l-petizzjonijiet riċevuti fl-2012 miċ-ċittadini u r-residenti tal-Unjoni Ewropea jiffokaw fuq l-allegat ksur tad-Dritt tal-UE fl-oqsma tad-drittijiet fundamentali, l-ambjent, is-suq intern u d-drittijiet ta’ proprjetà; iqis li l-petizzjonijiet jagħtu xhieda li għad hemm ħafna każijiet spissi u mifruxin ta’ traspożizzjoni inkompleta tad-dritt tal-UE jew ta’ applikazzjoni ħażina tiegħu;
2. Jinnota li d-drittijiet fundamentali għadhom suġġett ewlieni tal-petizzjonijiet sottomessi, l-aktar billi jqanqlu kwistjonijiet marbutin mad-drittijiet tal-persuni b’diżabilitajiet, id-drittijiet tat-tfal, drittijiet ta’ proprjetà, id-dritt tal-libertà tal-moviment, inkluża l-portabbiltà ta’ benefiċċji soċjali mingħajr ebda forma ta’ diskriminazzjoni fuq l-ebda bażi, il-ħarsien tal-libertà tal-espressjoni u l-privatezza, il-libertà tal-assoċjazzjoni, u d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti u għat-tagħrif; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b’mod korrett u jirrispettaw dawk id-drittijiet kif iddelineati fit-Trattati u jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri neċessarji ħalli tobbliga lill-Istati Membri non-ottemperanti ħalli ma jħallux aktar l-avarija bejn il-liġijiet nazzjonali u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE; iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lid-dritt għall-memorja storika u d-drittijiet għall-verità, il-ġustizzja u r-rimedju għal familji li batew taħt id-dittatorjat ta' Franco, kif ukoll id-dritt tat-tfal sekwestrati fi Spanja li jkunu jafu l-identità tal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom;
3. Jemmen li gwida interattiva, aċċessibbli fuq is-sit tal-internet tal-Parlament Ewropew, bi qbil ma' dik fuq is-sit tal-internet tal-Ombudsman Ewropew, tista’ tnaqqas l-għadd ta’petizzjonijiet imressqa dwar suġġetti li ma jaqgħux fl-ambitu tal-attività tal-UE;
4. Jikkonferma lir-rwol ewlieni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet li jidentifika rimedji mhux ġudizzjarji għaċ-ċittadini, li permezz tagħhom joħroġ fid-deher il-mod kif in-nies tal-Ewropa jaraw l-Unjoni Ewropea, u wara jippermetti konklużjonijiet rigward jekk fil-fatt il-leġiżlazzjoni Ewropea tagħtix ir-riżultat mistenni u tirrispondix għal dak li jistennew in-nies mill-Unjoni;
5. Jitlob lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex jeżamina l-effetti tal-ġurisprudenza ERT tal-QĠUE fuq l-affidabbiltà tal-petizzjonijiet, li anke f'każijiet purament ta' liġi nazzjonali, tagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni livell ogħla ta' protezzjoni f'każ li sentenza tal-qorti nazzjonali jkollha effetti fuq l-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE; Jitlob li ssir investigazzjoni dwar l-ostakli li jeżistu attwalment għaċ-ċittadini tal-Unjoni sabiex dawn jiksbu interpretazzjoni affidabbli tal-leġiżlazzjoni Ewropea f'każijiet li jinsabu quddiem qrati nazzjonali permezz tal-applikazzjoni għal sentenza preliminari mill-Qorti;
6. Jitlob li, sabiex tittejjeb il-ħidma tal-kumitat, issir proċedura skont il-missjonijiet għal ġbir ta’ informazzjoni li, fuq naħa waħda, tiżgura d-dritt li kull membru tal-missjoni għal ġbir ta’ informazzjoni jista’ jippreżenta l-fatti skont il-fehma tiegħu, u fuq in-naħa l-oħra tiżgura li kull membru tal-kumitat ikollu l-opportunità li jipparteċipa fit-teħid tad-deċiżjonijiet fid-dawl tal-konklużjonijiet li jittieħdu mill-kumitat għall-Petizzjonijiet;
7. Huwa deċiż li l-proċedura tal-petizzjonijiet għandha tiġi organizzata b’mod iktar effiċjenti, trasparenti, imparzjali u b’mod li jiġu rrispettati d-drittijiet parteċipatorji tal-membri tal-PETI b’tali mod, li t-trattament tal-petizzjonijiet ikun jista’ jiflaħ għar-reviżjonijiet ġudizzjarji anke fil-passi proċedurali;
8. Jiġbed l-attenzjoni għad-diskriminazzjoni persistenti kontra ċittadini abbażi tar-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-appartenenza għal grupp ta’ minoranza, l-età jew l-orjentament sesswali tagħhom; iwissi, b’mod partikolari, li l-popolazzjoni Roma fil-pajjiżi tal-UE għadha tħabbat wiċċha max-xkiel għall-inklużjoni; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiffaċilita l-kooperazzjoni intergovernattivi f’dan il-qasam, ħalli tagħti finanzjament adegwat għall-implementazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-inklużjoni tar-Roma, u għall-monitoraġġ attiv ta’ jekk dawn l-istrateġiji jkunux qed jiġu implementati b’mod effettiv fl-Istati Membri;
9. Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ bi proposta għal leġiżlazzjoni ħalli fl-aħħar jissolvew il-problemi marbutin mar-rikonoxximent reċiproku min-naħa tal-Istati Membri tad-dokumenti tal-istat ċivili u l-effetti tagħhom u konsegwentement fl-istess waqt tirrispetta, fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, it-tradizzjoni politika komunitarja tal-Istati Membri individwali;
10. Itenni t-talbiet preċedenti li għamel lill-Istati Membri sabiex jiżguraw il-moviment liberu għaċ-ċittadini kollha tal-UE u tal-familji tagħhom, mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentament sesswali jew tan-nazzjonalità tagħhom; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jimplimentaw b’mod sħiħ id-drittijiet mogħtija skont l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38/KE, mhux biss lill-konjuġi ta’ sess differenti, imma wkoll lil sieħeb/sieħba reġistrati, membru li jgħix fl-istess dar jew sieħeb/sieħba li magħha/miegħu ċittadin tal-UE għandu/ha relazzjoni stabbli u attestata b’mod xieraq, inklużi koppji tal-istess sess, fuq bażi tal-prinċipji tar-rikonoxximent reċiproku, l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni, id-dinjità, ir-rispett tal-ħajja privata u tal-familja; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, tiżgura li d-Direttiva tiġi applikata strettament u eventwalment riveduta għal dan l-iskop, jekk ikun hemm bżonn, u biex tibda proċeduri ta’ ksur tat-Trattat kontra l-Istati Membri li ma japplikawh, jekk dan ikun meħtieġ;
11. Josserva li l-ambjent għadu tema ewlenija oħra tal-petizzjonijiet, u jagħti xhieda li l-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri ripetutament ma żgurawx la l-preżervazzjoni tal-bijodiversità, ir-riżorsi naturali u l-ekosistemi, u lanqas li l-ogħla standards tas-saħħa pubblika jkunu ggarantiti; jirrimarka, b’mod partikolari, l-għadd kbir ta’ petizzjonijiet imressqin dwar il-ġestjoni tal-iskart, dwar l-ilma, il-perikli potenzjali tal-enerġija nukleari u l-inġinerija ġenetika, dwar l-ispeċijiet protetti u dwar il-valutazzjoni tal-impatt tal-proġetti u tal-attivitajiet fuq l-ambjent u fuq is-saħħa pubblika, bħall-estrazzjoni tal-gass tax-shale permezz tat-tkissir idrawliku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-qafas leġiżlattiv dwar l-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u, b’mod speċifiku, l-implementazzjoni korretta tiegħu; jiddispjaċih li xi Stati Membri, minkejja l-isforzi tagħhom, ma rnexxielhomx isibu soluzzjonijiet sostenibbli għall-problemi marbutin mal-ġestjoni tal-iskart;
12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tieħu l-miżuri xierqa sabiex l-Istati Membri jintegraw il-kunsiderazzjoni tal-ilma bħala ġid komuni; iqis li l-prinċipju ta’ prekawzjoni għandu jiġi applikat b’mod strett fl-użu tal-bijoteknoloġija u n-nanoteknoloġija fil-prodotti li jistgħu jaffettwaw serjament saħħet il-konsumaturi;
13. Jistenna li d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, li tirrevedi d-Direttiva 2011/92/UE, mhux biss ser tissaħħaħ bil-provvediment ta’ parametri aktar ċari iżda, fuq kollox, se tiġi implimentata b’mod xieraq mill-Istati Membri,
14. Jemmen li b’urġenza għandhom jiġu żviluppati proċeduri għall-petizzjonijiet, fejn il-missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni jkunu possibbli wkoll fil-ħin twil ta’ mingħajr laqgħat waqt l-elezzjonijiet tal-Ewropa u saħansitra, jekk in-natura tal-petizzjoni tippermetti dan, waqt il-ħin li fih ma jsirux laqgħat fis-sajf (pereżempju f’Damüls, fejn il-perjodu ta’ missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni kien illimitat għax-xhur tas-sajf);
15. Jilqa’ t-tmiem tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza fil-belt ta’ Napli u l-inizjattivi l-ġodda dwar il-ġestjoni tal-iskart u jistenna li l-isfidi persistenti fir-reġjun ta’ Campania se jiġu indirizzati kif xieraq, jiġifieri permezz ta’ impjant tal-immaniġġjar tal-iskart reġjonali u komprensiv skont id-Direttiva Qafas dwar il-ġerarkija tal-iskart tal-UE u s-sentenza tal-QĠUE tal-2010; għad għandu tħassib serju dwar l-approċċ għall-ġestjoni tal-iskart fir-reġjun ta’ Lazio, partikolarment is-segwitu wara l-għeluq tal-miżbla Malagrotta;
16. Jinnota, barra minn hekk, li ċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea jkomplu jiffaċċjaw ostakli fis-suq intern, l-aktar huma u jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom bħala individwi, fornituri u konsumaturi ta’ oġġetti u servizzi u bħala ħaddiema, bħal, pereżempju, il-każ ta’ ħaddiema Rumeni u Bulgari li jkomplu jiffaċċjaw restrizzjonijiet fuq is-suq tax-xogħol f’xi Stati Membri; jindika, b’mod partikolari, li l-kooperazzjoni u effikaċja ġudizzjarja bejn il-fruntieri għadha qasam ta’ tħassib primarju; jikkonludi, kollox ma’ kollox, li l-kooperazzjoni u l-armonizzazzjoni msaħħin bejn il-fruntieri jkunu ta' benefiċċju kbir għall-ħarsien ta' drittijiet iċ-ċittadini u l-istimolu ekonomiku;
17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex tiffaċilita l-aċċess tal-konsumaturi għat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, bil-garanziji xierqa ta’ sigurtà u trasparenza, u b’mod partikolari, tiffaċilita l-aċċessibilità tal-websajts tal-korpi tas-settur pubbliku;
18. Jindika l-isforzi magħmulin minn dan il-Kumitat għal biex titwassal it-talba ta’ bosta ċittadini għal qafas legali tal-UE li jkun joffri ħarsien isħaħ u titjib fil-benessri tal-annimali, inklużi dawk domestiċi u dawk li jiġġerrew fit-toroq;
19. Jisħaq dwar l-importanza tal-ħolqien tal-Grupp ta’ Ħidma Spanjol għal-Liġi Kostiera, li tista’ sservi bħala preċedent għal esperjenzi simili oħra, li kien qed jistudja mill-qrib il-petizzjonijiet relattivi u l-modifika tal-liġi; itenni s-siwi tal-kuntatt dirett mal-awtoritajiet nazzjonali Spanjoli f’dan is-sens u jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta’ aktar kooperazzjoni msaħħa ħalli jinstab ekwilibriju aħjar bejn id-drittijiet ta’ proprjetà u l-funzjoni soċjali tagħhom, u soluzzjonijiet imtejba meta l-għan aħħari tal-ħarsien tal-ambjent ikun jirrikjedi esproprjazzjoni; jesprimi l-biżgħat tiegħu li l-liġi l-ġdida tal-kosta approvata mill-Parlament Spanjol mhix qed jirnexxielha ssolvi t-tħassib tal-petizzjonanti, u lanqas hemm pjanijiet għal aktar protezzjoni ambjentali taż-żoni kostali fi Spanja;
20. Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi rregolata b’mod effettiv il-protezzjoni tal-kosta, iżda jinnota li l-liġi kostiera mhix koerenti mal-objettivi mfittxija, peress li qiegħda taffettwa l-patrimonju storiku u l-popolazzjoni tradizzjonali, u qed ikollha impatt negattiv fuq l-abitanti ta’ bliet kostali żgħar li dejjem għexu b’mod sostenibbli mal-baħar u l-ekosistemi tiegħu;
21. Jilqa’ l-konklużjonijiet tal-Kumitat miż-żjara għas-sejbien tal-fatti f’Berlin dwar kwistjonijiet taż-żgħażagħ u l-benessri tal-familja, l-aktar fil-każijiet ta’ kustodja bejn il-fruntieri; jinnota, b’danakollu, abbażi tal-fluss dieħel b’mod kontinwu ta’ petizzjonijiet ta’ din ix-xorta, li hu ċar li l-kwistjoni tal-każijiet ta’ kustodja transkonfinali għadha għaddejja, u li każijiet simili tressqu għall-attenzjoni tal-Kumitat ukoll minn Stati Membri oħrajn, l-aktar id-Danimarka; jagħraf ukoll li fir-rigward tad-Danimarka , każijiet tal-barranin li jgħixu fil-pajjiżhuma kkonċernati wkoll , f’liema pajjiżisir il-ħtif tat-tfal (anke minn barra l-pajjiż);
22. Huwa tal-fehma li hemm rabta diretta bejn il-governanza aħjar u l-mekkaniżmi aktar effiċjenti ta’ rimedju minn banda, u t-trasparenza u l-aċċess għat-tagħrif mill-banda l-oħra skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001;
23. Jikkunsidra l-importanza li tittejjeb il-kooperazzjoni mal-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, fuq bażi ta’ reċiproċità, u, fejn hu meħtieġ, li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jiġu inkoraġġiti sabiex jittrasponu u japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-UE bi trasparenza sħiħa; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni tal-Kummissjoni mal-Istati Membri u jiddeplora d-dewmien żejjed min-naħa ta’ ċerti Stati Membri fir-rigward tal-traspożizzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-ambjent;
24. Jiġbed l-attenzjoni, f’dan is-sens, għall-Ewrobarometru tal-opinjoni pubblika li jindika li huma biss 36% taċ-ċittadini tal-UE li jqisu lilhom infushom infurmati tajjeb dwar drittijiet u 24% biss dawk li jħossuhom infurmati tajjeb dwar x’jistgħu jagħmlu jekk drittijiethom ma jkunux rispettati; jisħaq, għalhekk, dwar il-ħtieġa urġenti ta’ aċċess imtejjeb għat-tagħrif u għal distinzjoni aktar ċara bejn il-funzjonijiet tal-varji istituzzjonijiet nazzjonali u Ewropej, ħalli l-petizzjonijiet u l-ilmenti jiġu indirizzati mill-korpi t-tajbin;
25. Jitlob b’mod speċifiku lill-Kummissjoni tagħmel lill-portal web "Eżerċita drittijietek" eħfef biex jintuża mill-utenti u tqanqal kuxjenza fost iċ-ċittadini tal-UE dwar l-eżistenza ta' dak il-portal;
26. Hu determinat li jħaddem portal web għall-petizzjonijiet li jkun aktar prattiku u aktar viżibbli sa tmiem l-2013, ħalli jiffaċilita l-aċċess għall-proċess tal-petizzjonijiet u jagħti tagħrif siewi dwar il-petizzjonijiet, it-tixrid pubbliku tiegħu u approċċ interattiv għall-proċess tal-petizzjonijiet kif ukoll dwar mekkaniżmi oħrajn ta’ rimedju; jitlob li d-dritt ta’ petizzjoni jingħata aktar viżibilità fil-homepage tal-websajt tal-Parlament;
27. Jagħmel enfasti li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, flimkien ma’ istituzzjonijiet, korpi u strumenti oħrajn bħalma hi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, l-Ombudsman Ewropew, il-Kummissjoni, u l-kumitati ta’ inkjesta, għandhom rwol importanti u kjarament definit bħala punti ta’ kuntatt għal kull ċittadin individwali; inoltre jissottolinja li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irid jissokta jkun punt ta’ riferiment għaċ-ċittadini li drittijiethom qed ikunu allegatament miksurin;
28. Jilqa’ l-koperazzjoni kostruttiva bejn il-Kumitat u l-Ombudsman Ewropew, bħal pereżempju fil-każ tar-Rapport Speċjali tal-Ombudsman dwar l-Ajruport ta’ Vjenna, f’dak li għandu x’jaqsam mal-applikazzjoni xierqa tad-Direttiva dwar l-Impatt Ambjentali; jappoġġa l-attivitajiet tal-Ombudsman li jirrigwardaw każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-UE; jistenna li dan il-kompitu jitkompla fuq il-bażi ta’ indipendenza sħiħa, kif kien il-każ sa issa;
29. Jiddikjara li c-ċittadini tal-Unjoni, mhux kollha għandhom Ombudsman fil-livell nazzjonali li gġandu setgħat wiesgħa, u dan ifisser li ċ-ċittadini tal-Unjoni mhux kollha għnadhom l-istess possibilitajiet ta’ rimedji; jemmen li permezz ta’ Ombudsman nazzjonali f’kull Stat Membru, in-netwerk Ewropew tal-Ombudsman jista’ jagħti għajnuna mhux negliġibbli lill-Ombudsman Ewropew;
30. Jilqa’ l-koperazzjoni kontinwata mal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżami tal-petizzjonijiet fil-qasam tal-applikazzjoni tad-Dritt tal-UE mill-Istati Membri; jisħaq, b’danakollu, li l-Kumitat jistenna li jinżamm infurmat tajjeb u minnufih dwar l-iżvilupp konċernanti l-proċedimenti ta’ ksur; jitlob lill-Kummissjoni tagħti kundiserazzjoni ndaqs lill-petizzjonijiet u lmenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-funzjonament tal-proċedimenti ta’ ksur; jitlob, barra minn hekk, lill-Kummissjoni illi lill-Kumitat tagħtih ukoll id-dettalji u l-analiżi statistika għall-ilmenti kollha li tkun qed tinvestiga; jenfasizza li, biex id-dritt ta’ petizzjoni jiġi rrispettat b’mod sħiħ, hija fundamentali l-analiżi bir-reqqa u t-tweġiba mill-Kummissjoni meta dawn jintalbu, fejn tiġi pprovduta valutazzjoni mhux biss dwar il-kwistjonijiet formali jew proċedurali iżda wkoll dwar il-kontenut essenzjali tas-suġġett;
31. Jagħmel enfasi li l-aċċess għat-tagħrif miżmum mill-istituzzjonijiet tal-UE, kif speċifikat mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, hu ta’ interess primarju għaċ-ċittadini li jkunu jridu jifhmu aħjar il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, b'mod partikolari meta jkun jittratta proġetti b'impatt fuq l-ambjent; huwa tal-fehma li li aċċess akbar għall-informazzjoni dwar il-fajls ta’ investigazzjoni u ta’ ksur jista’ jingħata mill-Kummissjoni mingħajr ma jiġi pperikolat l-għan tal-investigazzjoni u li interess pubbliku prevalenti jista’ jiġġustifika l-aċċess għal dawn il-fajls, partikularment fil-każijiet fejn id-drittijiet fundamentali, is-saħħa tal-bniedem u l-ħarsien tal-ambjent kontra ħsara irreparabbli jew fejn il-proċedimenti jkunu għaddejjin dwar diskriminazzjoni kontra minoranza jew vjolazzjonijiet tad-dinjità tal-bniedem, jistgħu jkunu f’riskju sakemm il-ħarsien ta’ sigrieti kummerċjali u informazzjoni sensittiva relatata ma' każijiet fil-qrati, każijiet relatati mal-kompetizzjoni u l-fajls tal-persunal jiġu salvagwardjati;
32. Jitlob għal approċċ ta’ prekawzjoni u prevenzjoni mill-Kummissjoni meta tivvaluta proġetti b’impatt negattiv potenzjali fuq l-ambjent jew is-saħħa pubblika, f’kooperazzjoni bikrija mal-Istati Membri kkonċernati; jinnota l-possibbiltà ta’ miżuri ta’ inibizzjoni li għandhom jiġu stabbiliti waqt id-deliberi f’każijiet fejn hija antiċipata ħsara irriversibbli;
33. Jieħu nota, b’mod partikolari, tal-kontribut siewi tan-netwerk SOLVIT fil-kxif u r-riżoluzzjoni tal-kwestjonijiet marbutin mal-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni interna tas-suq; jikoraġġixxi t-titjib ta’ din l-għodda tal-UE billi jkun żgurat li l-Istati Membri jagħtu persunal adegwat liċ-Ċentri Nazzjonali ta’ SOLVIT; għandhom jiġu żviluppati wkoll l-azzjonijiet kollettivi ta’ riżoluzzjoni tal-kunflitti mill-konsumaturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom;
34. Jissottolinja li, kif ikkonfermat mis-Servizz Legali fl-Opinjoni tiegħu tad-29 ta’ Frar 2012, l-oqsma ta’ attività tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, kif jinsabu fit-Trattat, huma usa’ mill-mera somma tal-kompetenzi eżerċitati mill-Unjoni; iqis ukoll l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Parlament li l-Parlament huwa intitolat li jadotta deċiżjonijiet amministrattivi interni li għandhom l-għan li jistabbilixxu proċedura għall-ipproċessar ta’ sottomissjonijiet miċ-ċittadini; jiddispjaċih f’dan ir-rigward bin-nuqqas mis-servizz xieraq tal-Parlament li jsegwi r-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet 2011(2),; finalment, jieħu nota tad-deċiżjoni legali mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Kawża T-280/09), li tispeċifika li petizzjoni għandha titfassal b’mod ċar u preċiż b’tali mod li tinftiehem sew, fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 227 tat-TFUE;
35. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu u japplikaw l-leġiżlazzjoni tal-UE bi trasparenza sħiħa u, b’dak l-objettiv miżmum amment, iqis li hu indispensabbli li titjieb il-koperazzjoni bikrija tal-Kummissjoni mal-parlament u l-gvernijiet tal-Istati Membri, fuq bażi reċiproka;
36. Jiddeplora l-ostakli burokratiċi li jikkonċernaw l-inizzjattivi taċ-ċittadini Ewropej minħabba nuqqas ta’ appoġġ tal-informatika ; jiddispjaċih l-aktar li jeżisti kuntrast tant kbir f’tali strument f’idejn iċ-ċittadini bejn l-amministrazzjonijiet u l-proċessi ta’ funzjonament differenti tal-Istati Membri ;
37. Jilqa’ s-Sena taċ-Ċittadinanza Ewropea fl-2013; jistieden lill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha kemm tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-Istati Membri li jtejbu u jikkommunikaw b’mod iktar sħiħ is-servizz tagħhom liċ-ċittadini u r-residenti Ewropej matul din is-sena, fid-dawl tal-prinċipji li jinsabu fit-Trattati u l-fatti rivelati f’dan ir-rapport;
38. Jinnota li l-mekkaniżmu tal-petizzjonijiet mhux biss servizz, imma dritt għaċ-ċittadini u residenti Ewropej kollha; jieħu l-impenn li jagħmel il-proċedura tal-petizzjonijiet aktar effiċjenti, trasparenti u imparzjali, filwaqt li jinżammu d-drittijiet parteċipattivi tal-Membri tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, ħalli t-trattament tal-petizzjonijiet jgħaddi mill-eżami ġudizzjarju wkoll f’livell ta’ proċedura;
39. Jagħmel enfasi fuq ir-rwol essenzjali taż-żjarat għas-sejbien tal-fatti fil-proċedura tal-petizzjonijiet, mhux biss bħala dritt parlamentari ta’ parteċipazzjoni, imma wkoll bħala obbligu relattiv għall-petizzjonanti; jafferma mill-ġdid, kif ġa ngħad fir-rapport preċedenti tal-Kumitat, il-ħtieġa għal regoli ta' proċedura aktar preċiżi u bil-miktub b’rabta mal-preparazzjoni, l-implementazzjoni u l-valutazzjoni taż-żjarat, billi jkun żgurat min-naħa l-waħda li l-membri kollha taż-żjara għas-sejbien tal-fatti jkollhom id-dritt jippreżentaw il-fatti mill-puntodivista tagħhom filwaqt li, min-naħa l-oħra, ikun iggarantit lill-Membri kollha tal-Kumitat li jipparteċipaw fil-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu redatti mill-Kumitat dwar il-Petizzjonijiet;
41. Iqis l-organizzazzjoni tas-smigħ pubbliku bħala mezz utli għall-istudju fil-fond tal-kwistjonijiet imqanqlin mill-petizzjonanti; jixtieq jiġbed l-attenzjoni, pereżempju, għas-smigħ pubbliku li sar dwar l-esplorazzjoni u l-isfruttament ta’ sorsi mhux konvenzjonali tal-enerġija, li ħa nota tat-tħassib imqanqal f’dan ir-rigward miċ-ċittadini tal-UE permezz tal-petizzjonijiet tagħhom; jirrikonoxxi d-dritt tal-Istati Membri li jagħżlu t-taħlita tal-enerġija tagħhom u l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni aħjar fl-UE, fil-kisba tat-tliet għanijiet tal-politika tal-enerġija kollha kemm hi tal-UE, jiġifieri l-kompetittività, is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-provvista;
42. Jistenna b’ħerqa l-organizzazzjoni tas-smigħ pubbliku għall-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej li jkunu rnexxew, flimkien mal-Kumitat leġiżlattiv responsabbli skont ir-Regola 197A tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew; jafferma mill-ġdid it-twemmin tiegħu li din l-għodda l-ġdida se ssaħħaħ l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-Unjoni u tagħti tifsir lin-nozzjoni taċ-ċittadinanza Ewropea;
43. Madankollu, huwa mħasseb dwar l-ostakli tekniċi u burokratiċi għaċ-ċittadini mmanifestati fl-ewwel xhur tal-applikazzjoni prattika tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej; għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħseb serjament biex tressaq reviżjoni deskritta skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011;
44. Jenfasizza l-ħtieġa għal reviżjoni regolari tal-qagħda preżenti fir-rigward tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej, bil-għan li tittejjeb il-proċedura u tippermetti li jinstabu soluzzjonijiet effikaċi malajr kemm jista’ jkun malajr għal kwalunkwe ostaklu f’kull stadju tal-proċedura;
45. Jemmen li r-rwol u r-responsabilitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet ikunu mwettqin l-aħjar, u l-viżibilità, l-effiċjenza, ir-responsabilità politika u t-trasparenza tiegħu mtejbin l-aħjar, bit-titjib tal-mezzi tiegħu biex iressaq il-kwestjonijiet ta’ importanza liċ-ċittadini Ewropej quddiem il-plenarja, u jgħolli l-livell tal-abilitajiet tiegħu li jsejjaħ ix-xhieda, imexxi l-investigazzjonijiet u jorganizza smigħ;
46. Jiddeċiedi li jikkunsidra kemm titqies xierqa l-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura sabiex jiġu implementati dawn ir-rekwiżiti formali għall-proċedura tal-petizzjonijiet imsemmijin aktar ’il fuq dwar iż-żjarat għas-sejbien tal-fatti u r-riżoluzzjonijiet tal-plenarja skont l-Artikolu 202 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu;
47. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-kumitati għall-petizzjonijiet tagħhom u lill-ombudsmen tagħhom jew lil entitajiet simili kompetenti.