Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2872(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0449/2013

Dibattiti :

PV 10/10/2013 - 15.1
CRE 10/10/2013 - 15.1

Votazzjonijiet :

PV 10/10/2013 - 16.1

Testi adottati :

P7_TA(2013)0422

Testi adottati
PDF 306kWORD 27k
Il-Ħamis, 10 ta' Ottubru 2013 - Strasburgu
Każijiet reċenti ta' vjolenza u persekuzzjoni kontra Nsara, partikolarment f'Maaloula (Sirja) u Peshawar (Pakistan) u l-każ tal-Pastor Saeed Abedini (Iran)
P7_TA(2013)0422RC-B7-0449/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar każijiet reċenti ta' vjolenza u persekuzzjoni kontra Nsara, partikolarment f'Maaloula (Sirja) u Peshawar (Pakistan) u l-każ tal-Pastor Saeed Abedini (Iran) (2013/2872(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar ġrajjiet serji li jikkompromettu l-eżistenza ta' komunitajiet Kristjani u dik ta' komunitajiet reliġjużi oħra(1), tal-21 ta' Jannar 2010 dwar l-attakki reċenti fuq komunitajiet Insara(2), tas-6 ta' Mejju 2010 dwar l-atroċitajiet tal-massa f'Jos, fin-Niġerja(3), tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-libertà reliġjuża fil-Pakistan(4), tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-Iraq: il-piena kapitali (speċifikament il-każ ta' Tariq Aziz) u l-attakki kontra l-komunitajiet Insara(5), tal-20 ta' Jannar 2011 dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża(6), tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu u s-Sirja, b'mod partikolari dik tal-Komunitajiet Insara(7), u tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-Rapport Annwali tal-2011 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni(8),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2013 dwar l-abbozz ta' Linji gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin(9),

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Settembru 2013 ta' Catherine Ashton, Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà /  Viċi President tal-Kummissjoni, li tikkundanna l-attakk fuq il-komunità Nisranija f'Peshawar, il-Pakistan,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2011 dwar l-intolleranza, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza abbażi tar-reliġjon jew it-twemmin, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2009 li jissottolinjaw l-importanza strateġika tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u li tiġi miġġielda l-intolleranza reliġjuża,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea ripetutament esprimiet l-impenn tagħha favur il-libertà tar-reliġjon, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tal-ħsieb, u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom dmir li jiggarantixxu dawn il-libertajiet madwar id-dinja kollha; billi l-mexxejja politiċi u reliġjużi għandhom id-dmir f'kull livell li jiġġieldu kontra l-estremiżmu u jippromwovu r-rispett reċiproku bejn l-individwi u l-gruppi reliġjużi; billi l-iżvilupp tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-libertajiet ċivili huwa l-bażi komuni li fuqha l-Unjoni Ewropea tibni r-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi, u ġie previst mill-klawżola dwar id-demokrazija fil-ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi terzi;

B.  billi, skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikolari, l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; billi dan id-dritt jinkludi l-libertà li wieħed jidbel ir-reliġjon jew it-twemmin, u l-libertà li b'mod individwali jew f'komunità ma' oħrajn u fil-pubbliku jew fil-privat, jimmanifesta r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu bil-qima, it-tagħlim, il-prattika u l-osservanza; billi skont il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin tkopri t-twemmin kollu, inkluż it-twemmin teistiku, nonteistiku u ateistiku;

C.  billi bosta riżoluzzjonijiet tal-UNHRC jistiednu "lill-Istati kollha biex, fi ħdan il-qafas legali nazzjonali tagħhom, f'konformità ma' strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, jieħdu l-miżuri kollha f'lokhom ħalli jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni, l-intolleranza, u l-atti ta' vjolenza, intimidazzjoni u ġegħil motivati mill-intolleranza reliġjuża, inklużi attakki fuq il-postijiet reliġjużi, u biex jinkoraġġixxu l-fehim, it-tolleranza u r-rispett fi kwistjonijiet rigward il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin";

D.  billi skont diversi rapporti, ir-repressjoni tal-gvernijiet u l-ostilità soċjali kontra individwi u gruppi li jappartjenu għal reliġjonijiet jew twemmin differenti qed jiżdiedu, b'mod partikolari fil-Pakistan, fil-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija u f'partijiet tal-Afrika; billi f'xi każijiet is-sitwazzjoni li qed jaffaċċjaw il-komunitajiet Insara hija tali li tipperikola l-eżistenza tagħhom fil-ġejjieni u, jekk kellhom jgħibu, dan jimplika t-telf ta' parti sinifikanti mill-wirt reliġjuż tal-pajjiżi kkonċernati;

Maaloula, is-Sirja

E.  billi fl-4 ta' Settembru 2013, militanti minn Jabhat al-Nusra, grupp b'rabtiet ma' al-Qaeda, nedew attakk fuq ir-raħal Sirjan ta' Maaloula;

F.  billi Maaloula hija simbolu tal-preżenza Nisranija fis-Sirja u ospitat lil komunitajiet reliġjużi differenti li għal sekli għexu f'koeżistenza paċifika; billi f'Settembru ta' kull sena Sirjani ta' kull reliġjon ipparteċipaw fil-festival ta' Jum is-Salib f'dan ir-raħal; billi Maaloula hija waħda mit-tlett irħula fil-pajjiż fejn l-Aramajk għadu mitkellem mill-popolazzjoni lokali;

G.  billi l-attakki vjolenti f'Maaloula huma l-ewwel attakki li kellhom fil-mira tagħhom speċifikament lill-komunità Nisranija mill-bidu tal-kriżi vjolenti fis-Sirja; billi tal-anqas erba' persuni – Michael Thaalab, Antoine Thaalab, Sarkis Zakem u Zaki Jabra – inqatlu f'dan il-ġlied filwaqt li oħrajn – Shadi Thaalab, Jihad Thaalab, Moussa Shannis, Ghassan Shannis, Daoud Milaneh u Atef Kalloumeh – inħatfu jew għebu; billi minn mindu beda l-ġlied fir-raħal, il-biċċa l-kbira tal-5 000 resident tagħha ħarbu lejn irħula tal-viċinat jew lejn Damasku; billi avvenimenti f'Maaloula huma evidenza tas-settarjanizzazzjoni ulterjuri tal-kunflitt Sirjan;

H.  billi l-Kunvent ta' Santa Tekla (Mar Takla) storikament ospita lil sorijiet u orfni kemm tar-reliġjon Nisranija kif ukoll ta' dik Musulmana; billi madwar 40 soru u orfni baqgħu f'Maaloula minkejja l-ġlied kbir u jinsabu maqbudin fil-kunvent f'kundizzjonijiet li qed jiddeterjoraw minħabba n-nuqqas ta' ilma u provvisti oħra;

Peshawar, il-Pakistan

I.  billi fit-22 ta' Settembru 2013, f'attakk bomba suwiċida doppju fuq il-Knisja tal-Qaddisin Kollha f'Kohati Gate, subborg ta' Peshawar, tal-anqas 82 ruħ inqatlu u aktar minn 120 indarbu;

J.  billi l-grupp Iżlamist Jundullah b'rabtiet ma' Tehrik-i-Talibaan Pakistan assuma r-responsabbiltà għall-attakk, u qal li se jissokta bl-attakki fuq l-Insara u fuq dawk li mhumiex Musulmani għaliex huma għedewwa tal-Iżlam u li mhuwiex se jieqaf sakemm jieqfu l-attakki bid-drones Amerikani fil-Pakistan; billi Tehrik-i-Talibaan Pakistan ċaħad kull involviment fl-isplużjoni u kull rabta ma' Jundullah;

K.  billi l-Prim Ministru tal-Pakistan, Nawaz Sharif, ikkundanna l-attakk, u qal li l-attakki fuq persuni innoċenti huma kontra t-tagħlim tal-Iżlam;

L.  billi l-Insara, li jirrappreżentaw madwar 1.6 % tal-popolazzjoni fir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan, ibatu minħabba preġudizzju u attakki sporadiċi ta' vjolenza tal-massa;

M.  billi l-biċċa l-kbira tal-Insara Pakistani kellhom eżistenza prekarja, spiss imbeżża' minħabba allegazzjonijiet ta' dagħa, suġġett li jista' jwassal għal tifqigħat ta' vjolenza pubblika;

N.  billi fid-9 ta' Marzu 2013, Musulmani f'Lahore taw in-nar lil aktar minn 150 dar Nisranija u lil żewġ knejjes b'reazzjoni għal allegazzjoni ta' dagħa;

O.  billi l-liġijiet tal-Pakistan dwar id-dagħa jagħmluha diffiċli biex minoranzi reliġjużi jesprimu ruħhom liberament jew li jorganizzaw attivitajiet reliġjużi fil-beraħ;

Il-każ tal-Pastor Saeed Abedini, l-Iran

P.  billi Saeed Abedini, pastor Iranjan-Amerikan li ilu l-ħabs fl-Iran mis-26 ta' Settembru 2012, ġie kkundannat fis-27 ta' Jannar 2013 minn qorti rivoluzzjonarja fl-Iran għal perjodu ta' tmien snin fil-ħabs fuq l-akkużi li fixkel is-sigurtà nazzjonali permezz tal-ħolqien ta' netwerk ta' knejjes Insara fi djar privati; billi huwa rrappurtat li Saeed Abedini sofra abbużi fiżiċi u psikoloġiċi fil-ħabs;

Q.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran isostni li l-Insara m'għandhomx jaffaċċjaw sanzjonijiet talli jimmanifestaw u jipprattikaw il-fidi tagħhom, u għalhekk jibqa' mħasseb dwar rapporti li l-Insara qed jiġu arrestati u pproċessati fuq il-bażi ta' reati ta' sigurtà nazzjonali miktubin b'mod vag talli jeżerċitaw it-twemmin tagħhom;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki reċenti kontra l-Insara u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi; jesprimi għal darb'oħra t-tħassib profond tiegħu dwar il-proliferazzjoni ta' episodji ta' intolleranza u repressjoni, u dwar attakki vjolenti kontra komunitajiet Insara, partikolarment fil-pajjiżi tal-Afrika, tal-Ażja u tal-Lvant Nofsani; iħeġġeġ lill-gvernijiet ikkonċernati biex jiżguraw li dawk li wettqu dawn ir-reati u dawk il-persuni kollha responsabbli għall-attakki, kif ukoll għal atti vjolenti oħra kontra l-Insara jew kontra minoranzi reliġjużi oħra, jinġiebu quddiem il-ġustizzja u jingħataw proċess ġust;

2.  Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' diskriminazzjoni u intolleranza abbażi tar-reliġjon u t-twemmin u atti ta' vjolenza kontra kull komunità reliġjuża; jenfasizza mill-ġdid li d-dritt tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem;

3.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-eżodu tal-Insara minn diversi pajjiżi, b'mod speċjali mill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani, f'dawn l-aħħar snin;

Maaloula, is-Sirja

4.  Jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni attwali li qed jaffaċċjaw l-Insara fis-Sirja; jikkundanna l-azzjonijiet ta' Jabhat al-Nusra u l-militanti assoċjati f'Maaloula u ż-żoni tal-madwar; jinnota li sal-lum l-Insara u l-Musulmani għexu flimkien b'mod paċifiku f'dan il-villaġġ, anke matul il-kunflitt, u qabel li l-villaġġ irid jibqa' post ta' paċi; jirrikonoxxi li l-attakk fuq Maaloula huwa biss aspett wieħed tal-gwerra ċivili Sirjana;

5.  Jenfasizza li l-monasterji ta' Maaloula jridu jiġu protetti sabiex jiġu ppreservati l-ħajja, l-attivitajiet reliġjużi u t-teżori arkitettoniċi, u biex l-Insara u l-Musulmani jkunu jistgħu jgħixu flimkien fil-paċi;

6.  Jitlob għal appoġġ u għajnuna umanitarja immedjati għas-sorijiet u l-orfni maqbudin fil-Kunvent ta' Santa Tekla (Mar Takla); jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jippermettu l-aċċess għall-kunvent lill-gruppi umanitarji;

7.  Jinsab imħasseb dwar il-konsegwenzi ta' dawn l-attakki u r-riskji possibbli għall-komunità Nisranija; huwa konxju mill-fatt li l-Insara u komunitajiet oħra qed jinqabdu bejn iż-żewġ naħat u qed jiġu sfurzati biex iżommu ma' naħa jew oħra fi gwerra li tkompli tissetterjanizza;

8.  Jenfasizza li l-atturi kollha għandhom id-dmir li jipproteġu l-minoranzi differenti kollha preżenti fis-Sirja, inklużi x-Xiti, l-Alawiti, il-Kurdi, id-Drużi u l-Insara;

Peshawar, il-Pakistan

9.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakk fuq il-Knisja tal-Qaddisin Kollha f'Peshawar u l-attakki terroristiċi reċenti l-oħrajn;

10.  Jilqa' l-kundanna ġenerali tal-attakki mill-atturi u s-sezzjonijiet politiċi tas-soċjetà ċivili tal-Pakistan;

11.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan biex jagħmel kull ma jista' biex iressaq il-qorti lill-awturi tal-attakk fuq il-Knisja tal-Qaddisin Kollha f'Peshawar; jitlob għal azzjoni aktar b'saħħitha ħalli tiġi żgurata l-protezzjoni taċ-ċittadini Pakistani kollha – irrispettivament mir-reliġjon jew mit-twemmin tagħhom – u ħalli l-gruppi u l-individwi responsabbli kollha għat-tixwix u t-twettiq ta' atti ta' terrur jitressqu l-qorti;

12.  Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex jieħu azzjoni ħalli jipproteġi l-vittmi ta' vjolenza tal-massa motivata mir-reliġjon, biex jindirizza b'mod attiv l-ostilità reliġjuża mill-atturi tas-soċjetà, biex jiġġieled kontra l-intolleranza reliġjuża, l-atti ta' vjolenza u l-intimidazzjoni, u biex jaġixxi kontra l-perċezzjoni tal-impunità;

13.  Jinsab imħasseb sew dwar il-periklu dejjem jikber għall-Insara fil-Pakistan, meta titqies iż-żieda reċenti fl-attakki fuq dawn il-minoranzi, bħall-persekuzzjoni tal-mijiet ta' Nsara mill-fanatiċi Islamisti f'Marzu f'Lahore minħabba l-allegazzjonijiet ta' dagħa kontra l-Iżlam;

14.  Jinsab imħasseb sew dwar is-sitwazzjoni ġenerali li qed jaffaċċjaw il-minoranzi reliġjużi fil-Pakistan u speċjalment il-knejjes Insara, li rċevew theddid mit-Taliban u minn gruppi estremisti oħra;

15.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu li l-liġijiet kontroversjali kontra d-dagħa jistgħu jintużaw ħażin u jistgħu jaffettwaw in-nies ta' kull tip ta' fidi fil-Pakistan; jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu li l-użu tal-liġijiet tad-dagħa, li kienu pubblikament opposti mill-mejjet ex Ministru Shahbaz Bhattiand u mill-mejjet ex Gvernatur Salman Taseer, qiegħed attwalment jiżdied biex jolqot l-Insara fil-Pakistan;

16.  Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex iwettaq rieżami dettaljat tal-liġijiet tad-dagħa u l-applikazzjoni attwali tagħhom, b'mod partikolari it-Taqsimiet 295 B u C tal-Kodiċi Penali, li jippreskrivu s-sentenzi obbligatorji ta' għomor il-ħabs (295 B u C) jew anki l-piena tal-mewt (295 C) għal atti allegati ta' dagħa;

17.  Ifakkar li l-libertà tar-reliġjon u d-drittijiet tal-minoranzi huma ggarantiti mill-kostituzzjoni tal-Pakistan; iħeġġeġ lill-Pakistani kollha biex jaħdmu flimkien biex jippromwovu u jiżguraw it-tolleranza u l-fehim reċiproku;

18.  Jilqa' l-miżuri meħuda fl-interess tal-minoranzi reliġjużi mill-Gvern tal-Pakistan minn Novembru 2008 'l hawn, bħalma huwa t-twaqqif ta' kwota ta' ħamsa fil-mija għall-minoranzi fis-settur tal-impjiegi federali, ir-rikonoxximent tal-vaganzi pubbliċi mhux Musulmani u d-dikjarazzjoni ta' Jum Nazzjonali tal-Minoranzi;

Il-każ tal-Pastor Saeed Abedini, l-Iran

19.  Jinsab imħasseb sew dwar id-destin tal-Pastor Saeed Abedini, li ilu l-ħabs għal aktar minn sena u ġie kkundannat għal tmien snin ħabs fl-Iran fuq akkużi relatati mat-twemmin reliġjuż tiegħu;

20.  Jistieden lill-Gvern tal-Iran biex jiskaġuna u jeħles minnufih lil Saeed Abedini u lill-individwi l-oħra kollha miżmuma jew akkużati abbażi tar-reliġjon tagħhom;

21.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Iran biex jieħu passi ħalli jiżgura li jintwera r-rispett sħiħ għad-dritt tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, fosthom billi jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni u l-prattiki tiegħu jikkonformaw għalkollox mal-Artikolu 18 tal-ICCPR; jirrimarka li dan jeħtieġ ukoll li d-dritt ta' kull min ibiddel ir-reliġjon tiegħu jew tagħha, jekk huwa jew hija tagħżel li jagħmel/tagħmel dan, jiġi garantit b'mod sħiħ u inkundizzjonat;

22.  Jilqa' d-diskors ta' moderazzjoni u tolleranza mill-President il-ġdid tal-Iran, Hassan Rouhani; jemmen li l-UE għandha tniedi djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Iran;

23.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea biex jagħtu aktar attenzjoni għas-suġġett tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u għas-sitwazzjoni tal-komunitajiet reliġjużi, inklużi l-Insara, fil-ftehimiet u fl-arranġamenti ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, kif ukoll fir-rapporti dwar id-drittijiet tal-bniedem;

24.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill fl-24 ta' Ġunju 2013 tal-Linji gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ dawn il-linji gwida u jużaw bis-sħiħ kwalunkwe għodda u suġġeriment li jinsabu fihom;

25.  Jappoġġa l-inizjattivi kollha li għandhom l-għan li jippromwovu d-djalogu u r-rispett reċiproku bejn il-komunitajiet; jistieden lill-awtoritajiet reliġjużi kollha jippromwovu t-tolleranza u jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u r-radikalizzazzjoni vjolenti u estremista;

o
o   o

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-UN Women, lill-Gvern tas-Sirja, lill-Kunsill Nazzjonali tas-Sirja, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Pakistan, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Iran.

(1) ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 474.
(2) ĠU C 305 E, 11.11.2010, p. 7.
(3) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 143.
(4) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 147.
(5) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 115.
(6) ĠU C 136 E, 11.5.2012, p. 53.
(7) ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 108.
(8) Testi adottati, P7_TA(2012)0503.
(9) Testi adottati, P7_TA(2013)0279.

Avviż legali - Politika tal-privatezza