Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2874(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0446/2013

Dibattiti :

PV 10/10/2013 - 15.3
CRE 10/10/2013 - 15.3

Votazzjonijiet :

PV 10/10/2013 - 16.3
CRE 10/10/2013 - 16.3

Testi adottati :

P7_TA(2013)0424

Testi adottati
PDF 296kWORD 24k
Il-Ħamis, 10 ta' Ottubru 2013 - Strasburgu
Il-vjolenza reċenti fl-Iraq
P7_TA(2013)0424RC-B7-0446/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar il-vjolenza reċenti fl-Iraq (2013/2874(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq, b'mod partikolari dik tal-14 ta' Marzu 2013 dwar "l-Iraq: il-qagħda mwiegħra tal-gruppi ta' minornza, partikolarment it-Turkmen Iraqini"(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq(2),

–  wara li kkunsidra d-Dokument Strateġiku Konġunt tal-Kummissjonigħall-Iraq (2011-2013),

–  wara li kkunsidra r-"Rapport dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Iraq: minn Jannar sa Ġunju 2012", ippreżentat b'mod konġunt mill-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iraq (UNAMI) u l-Uffiċċju tan-NU tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem fid-19 ta' Diċembru 2012,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Lvant Nofsani tal-Grupp ta' Kriżi Internazzjonali Nru 144 tal-14 ta' Awwissu 2013, bit-titolu "Make or Break: Iraq’s Sunnis and the State",

–  wara li kkunsidra ċ-ċifri ta' diżgrazzji tan-NU għal Settembru, li nħarġu fl-1 ta' Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' Lulju 2013 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon, li jħeġġeġ lill-mexxejja jiġbdu lill-Iraq "lura mix-xifer",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' Settembru 2013 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon dwar il-ġrajjiet traġiċi fil-Kamp ta' Ashraf li qatlu 52 persuna,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1981 dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u d-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew it-Twemmin,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Iraq hu firmatarju tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-5 ta’ Settembru 2013 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, dwar il-vjolenza reċenti fl-Iraq,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

A.  billi l-Iraq għadu qed jaffaċċja sfidi politiċi, tas-sigurtà u soċjoekonomiċi serji, u billi x-xena politika tiegħu hija frammentata immens u kkaratterizzata mill-vjolenza u l-politika tas-setet, għad-detriment serju tal-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu tal-Iraq għall-paċi, il-prosperità u għal tranżizzjoni ġenwina għad-demokrazija;

B.  billi, skont iċ-ċifri tad-diżgrazzji ppubblikati mill-UNAMI, b'kollox kienu 979 iċ-ċittadini Iraqini li nqatlu, u 2 133 oħra sfaw midruba, f'atti ta' terroriżmu u vjolenza f'Settembru 2013; billi Bagdad kien il-governorat li ntlaqat bl-agħar mod f'Settembru 2013, fejn kien hemm 1 429 vittma ċivili (418 maqtula u 1011 midruba), segwit minn Ninewa, Diyala, Salahuddin u Anbar; billi Kirkuk, Erbil, Babil, Wasit, Dhi-Qar u Basra wkoll irrapportaw imwiet;

C.  billi l-impatt tal-vjolenza fuq il-popolazzjoni ċivili baqa' qawwi b'mod inkwetanti u għadu qed jikber, hekk kif inqatlu sa 5 000 persuna u sa 10 000 sfaw midruba sa mill-bidu tal-2013, li huwa l-ogħla numru f'dawn l-aħħar ħames snin;

D.  billi l-problemi soċjali u ekonomiċi – faqar mifrux, rata tal-qgħad għolja, staġnar ekonomiku, degradazzjoni ambjentali u nuqqas ta' servizzi pubbliċi bażiċi – qed ikomplu jaffettwaw parti kbira mill-popolazzjoni; billi għadd ta' protesti paċifiċi favur aktar drittijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi għadhom qed jirriżultaw f'repressjoni sistematika ħafna mill-forzi tas-sigurtà, li qed titwettaq b'impunità;

E.  billi l-kostituzzjoni Iraqina tiggarantixxi l-ugwaljanza quddiem il-liġi għaċ-ċittadini kollha, flimkien mad-"drittijiet amministrattivi, politiċi, kulturali u edukattivi tad-diversi nazzjonalitajiet";

F.  billi l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq, u b'mod partikolari l-klawżola tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem, jenfasizza li d-djalogu politiku bejn l-UE u l-Iraq għandu jiffoka fuq id-drittijiet tal-bniedem u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti reċenti ta' terroriżmu u l-vjolenza intensifikata bejn is-setet, li ġġib magħha l-periklu li l-pajjiż jerġa' jaqa' lura għal konflitti bejn is-setet u jiġġeneraw biża' ta' konflitti aktar mifruxa bejn is-setet fir-reġjun kollu; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li għalkemm il-vjolenza sseħħ abbażi ta' setet, il-kawżi tagħha huma aktar politiċi milli reliġjużi;

2.  Jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji u l-ħbieb ta' dawk li mietu jew li sfaw midruba;

3.  Jikkundanna l-attakki reċenti li saru f'dawn id-dati: it-3 ta' Settembru 2013, meta nqatlu mill-inqas 60 persuna, prinċipalment fid-distretti tax-Xiti ta' Bagdad; il-15 ta' Settembru 2013 meta nqatlu aktar minn 40 persuna fi splużjonijiet fl-Iraq, l-aktar dawk li kellhom fil-mira żoni tax-Xiti; il-21 ta' Settembru 2013, meta nqatlu mill-inqas 60 persuna waqt funeral f'SadrCity, Bagdad; it-30 ta' Settembru 2013, meta mietu 54 persuna minħabba splużjonijiet minn karozza bomba l-aktar f'żoni tax-Xiti ta' Bagdad; il-5 ta' Ottubru 2013, meta nqatlu mill-inqas 51 persuna u aktar minn 70 persuna sfaw midruba f'attakk suwiċida f'Bagdad li kellu fil-mira pellegrini Xiti fid-distrett ta' al-Adhamiya, filwaqt li mill-inqas 12-il persuna nqatlu u mill-inqas 25 oħrajn sfaw midruba waqt attakk suwiċida f'kafetterija f'Balad, fit-Tramuntana ta' Bagdad; is-6 ta' Ottubru 2013, meta mill-inqas 12-il tifel u tifla ta' bejn is-sitta u t-tnax-il sena nqatlu, u ħafna aktar tfal sfaw midruba minħabba attakk suwiċida maġenb l-iskola primarja tal-villaġġ tax-Xiti Turkmen ta' Qabak; is-7 ta' Ottubru 2013, meta nqatlu mill-inqas 22 persuna f'mewġa ġdida ta' splużjonijiet f'Bagdad; u t-8 ta' Ottubru 2013, meta nqatlu mill-inqas 9 persuni minħabba karozza bomba f'Bagdad u attakki fuq il-forzi tas-sigurtà fit-Tramuntana tal-pajjiż;

4.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakk fuq il-Kamp Ashraf tal-1 ta' Settembru 2013 mill-forzi tal-Iraq, li ħalla 52 refuġjat Iraqi mejta u wassal għas-sekwestru ta' 7 residenti, inklużi 6 nisa li, kif iddikjarat mill-Viċi-President/Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, huwa mifhum li qed jinżammu Bagdad, u jitlob għall-ħelsien immedjat u mhux kondizzjonat tagħhom; jesprimi l-appoġġ tiegħu għax-xogħol tal-UNAMI, li qed tipprova tirriloka madwar 3 000 resident barra mill-Iraq;

5.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-mewġa ġdida ta' instabbiltà u jistieden lill-mexxejja politiċi kollha fl-Iraq, mill-isfondi etniċi u reliġjużi kollha, jaħdmu flimkien biex itemmu l-vjolenza bejn is-setet u n-nuqqas ta' fiduċja u joħolqu għaqda fost il-poplu tal-Iraq;

6.  Jistieden kemm lill-Gvern tal-Iraq kif ukoll lill-gvernijiet reġjonali biex jikkundannaw l-attakki u jiffaċilitaw l-investigazzjoni internazzjonali indipendenti sħiħa u mgħaġġla dwar l-attakki terroristi reċenti fir-reġjun, u jistieden lill-Gvern tal-Iraq jikkoopera bis-sħiħ f'dik l-investigazzjoni biex iressaq lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;

7.  Jinsab imħasseb dwar l-effetti konsegwenzjali li qed iġarrab l-Iraq minħabba l-vjolenza mill-konflitt fis-Sirja, fejn ribelli ġiħadisti b'rabtiet mal-Istat Islamiku tal-Iraq, grupp militanti Sunni li jinkludi diversi movimenti, inkluż l-al-Qaeda, kisbu prominenza;

8.  Jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, lil mexxejja politiċi, reliġjużi u ċivili u lill-forzi tas-sigurtà biex jibdew jaħdmu flimkien sabiex itemmu t-tixrid ta' demm u jiżguraw li ċ-ċittadini kollha tal-Iraq iħossuhom protetti b'mod ugwali;

9.  Jistieden lill-Gvern tal-Iraq u lill-mexxejja politiċi kollha jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprovdu sigurtà u protezzjoni għall-persuni kollha fl-Iraq u b'mod partikolari għall-membri ta' minoranzi vulnerabbli; jistieden lill-Gvern tal-Iraq jiżgura li l-forzi tas-sigurtà jikkonformaw mal-istat tad-dritt u mal-istandards internazzjonali;

10.  Jistieden lill-Komunità Internazzjonali u lill-UE jappoġġaw lill-Gvern tal-Iraq billi jippromwovu inizjattivi għal djalogu nazzjonali, il-konsolidament tal-istat tad-dritt u l-forniment ta' servizzi bażiċi, bl-għan li joħolqu Iraq sikur, stabbli, unifikat, prosperu u demokratiku, fejn jiġu mħarsa d-drittijiet tal-bniedem u dawk politiċi ta' kulħadd;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Iraq, biex peress li s-sitwazzjoni ta' sigurtà kompliet taggrava l-problemi għall-aktar gruppi vulnerabbli bħan-nisa, iż-żgħażagħ jew l-attivisti tad-drittijiet fundamentali, inklużi l-membri tat-trade unions, jieħdu azzjoni urġenti biex jallokaw aktar riżorsi għal programmi u jtejbu s-sitwazzjoni;

12.  Iħeġġeġ id-djalogu reliġjuż bejn ir-reliġjużi Sunni u dawk Xiti bħala għodda meħtieġa għar-riżoluzzjoni tal-konflitti; iqis li t-taħditiet reċenti bejn l-Istati Uniti u l-Iran iservu wkoll bħala opportunità għall-Iraq biex jaġixxi bħala pont, peress li huwa wieħed mill-ftit pajjiżi li għandu relazzjonijiet b'saħħithom mat-tnejn li huma; jitlob lill-mexxejja Iranjani jaħdmu b'mod kostruttiv fl-istabbilizzazzjoni tar-reġjun;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Testi adottati P7_TA(2013)0101.
(2) Testi adottati P7_TA(2013)0022.

Avviż legali - Politika tal-privatezza