Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2041(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0314/2013

Testi mressqa :

A7-0314/2013

Dibattiti :

PV 21/10/2013 - 19
CRE 21/10/2013 - 19

Votazzjonijiet :

PV 22/10/2013 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0433

Testi adottati
PDF 360kWORD 43k
It-Tlieta, 22 ta' Ottubru 2013 - Strasburgu
Reviżjoni tal-Edukazzjoni
P7_TA(2013)0433A7-0314/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar Reviżjoni tal-Edukazzjoni ((2013/2041(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Novembru 2012 bit-titolu “Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar” (COM(2012)0669)

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2012 bit-titolu “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013” (COM(2012)0750),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2013 dwar l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ – risposta għal “Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar” u l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2011 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi “ERASMUS GĦAL KULĦADD” – Il-Programm tal-Unjoni għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, iż-Żgħażagħ u l-Isport (COM(2011)0788),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Settembru 2012 dwar Abbozz 2012 tar-Rapport Konġunt tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (Strateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ 2010-2018) (COM(2012)0495), u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni korrispondenti (SWD(2012)0256),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2012 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ f’Ewropa 2020 – il-kontribut tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-irkupru ekonomiku, it-tkabbir u l-impjiegi(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011 bit-titolu “L-Edukazzjoni u t-Taħriġ f’Ewropa intelliġenti, sostenibbli u inklussiva” (COM(2011)0902),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 dwar ‘Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ(2),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2011 dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti(3),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020)(4),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim mhux formali u informali(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Diċembru 2011 dwar l-indirizzar tat-tluq bikri mill-iskola(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar it-tagħlim fl-ewwel snin tat-tfulija fl-Unjoni Ewropea(7),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar “Żgħażagħ Attivi: qafas biex jittejbu s-sistemi Ewropej ta’ edukazzjoni u taħriġ”(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Mejju 2010 dwar il-kompetenzi ewlenin għal dinja li qed tinbidel: L-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ 2010(9),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar l-għoti ta’ tagħlim tul il-ħajja għat-tagħrif, il-kreattività u l-innovazzjoni – l-implimentazzjoni tal-“Programm ta’ ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010”(10),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-12 ta' April 2013 dwar il-Ħsieb mill-Ġdid tal-Edukazzjoni(11):

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0314/2013),

A.  billi waħda mill-miri ewlenin ta’ Ewropa 2020 hija li l-proporzjon ta’ studenti li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien jitnaqqas għal anqas minn 10 % u li l-proporzjon tal-ġenerazzjoni żagħżugħa b’lawrja universitarja jew b’taħriġ professjonali xieraq jiżdied għal tal-anqas 40 %;

B.  billi l-Qafas Strateġiku tal-2020 għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET2020) jinkludi punti ta’ riferiment dwar tal-anqas 95 % tat-tfal li għandhom bejn erba’ snin u l-età obbligatorja għall-edukazzjoni primarja li jipparteċipaw f’edukazzjoni tat-tfulija bikrija; fuq il-proporzjon ta’ tfal li għandhom 15-il sena u li m’għandhomx abilitajiet suffiċjenti fil-qari, il-matematika u x-xjenza li huwa anqas minn 15 %; medja ta' mill-inqas 15 % tal-adulti (ta’ bejn 25 u 64 sena) għandhom jipparteċipaw fit-tagħlim tul il-ħajja;

C.  billi l-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-mobilità huma waħda mill-prijoritajiet il-kbar tal-UE u billi l-mira Ewropea, sas-sena 2020, hija li 20 % tal-gradwati Ewropej ikunu qattgħu xi żmien barra minn pajjiżhom matul l-istudji universitarji tagħhom; billi l-mobilità tal-istudenti, l-għalliema, u l-impjegati tal-intrapriżi taqdi rwol bażiku fil-ħolqien taż-Żona Ewropea;

D.  billi l-programmi ta’ mobilità għaż-żgħażagħ għall-perjodu 20142020 għandhom jipprovdu opportunitajiet ġenwini għall-akkwist ta’ għarfien u ħiliet ġodda, b’hekk jgħinu biex jiżdiedu r-rati ta’ impjiegi fost iż-żgħażagħ;

E.  billi fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 tagħha, il-Kummissjoni tistieden għall-promozzjoni tat-tkabbir u l-kompetittività u l-indirizzar tal-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi b’investiment tajjeb fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

F.  billi f’Marzu 2013, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ li għandhom sa 25 sena fl-UE kienet ta’ 23.5 %, filwaqt li fl-istess ħin aktar minn żewġ miljun opportunità ta’ xogħol kellhom jibqgħu battala; billi f’diversi Stati Membri, in-numru ta’ persuni qiegħda u ż-żmien tal-qgħad qed jiżdiedu, u t-tlaqqigħ fis-suq tax-xogħol qed isir anqas effiċjenti;

G.  billi l-kriżi ekonomika persistenti u l-miżuri ta’ awsterità bil-għan ta’ konsolidament fiskali f’diversi Stati Membri huma ta' pressjoni kbira fuq iċ-ċittadini tal-UE minħabba fil-qgħad, esklużjoni soċjali u faqar; billi l-impatt tal-kriżi, b’mod partikolari fuq iż-żgħażagħ, qed iwassal f’każijiet estremi għal episodji ta' nuqqas ta’ ikel sustanzjuż jew problemi ta’ saħħa mentali; billi speċjalment f'dak l-Istati membri b'ekonomiji aktar fraġli, it-tnaqqis fil-baġit tal-edukazzjoni għamilha aktar diffiċli li jkun hemm aċċess u mmina l-istandards tat-tagħlim;

H.  billi l-kriżi u l-politiki ta’ awsterità qed ikollhom impatt negattiv dirett fuq il-prospetti taż-żgħażagħ biex jiksbu aċċess għal, u jibqgħu fl-edukazzjoni u l-impjieg; billi l-infiq fl-edukazzjoni jikkostitwixxi investiment fil-futur u għalhekk għandu jiġi protett b’miżuri ta’ awsterità;

I.  billi ż-żgħażagħ jiffaċċjaw diffikultajiet kulma jmur qed jikbru fit-tranżizzjoni tagħhom mill-edukazzjoni għax-xogħol u n-nuqqas ta' interazzjoni formali bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol ikabbar ir-riskju ta' aktar qgħad; billi taħriġ vokazzjonali ta’ kwalità għolja huwa dipendenti fuq kooperazzjoni mill-qrib bejn is-settur pubbliku u dak privat, bi grad għoli ta’ involviment minn imsieħba soċjali;

J.  billi l-edukazzjoni u t-taħriġ aċċessibbli, flessibbli u ta’ kwalità għolja għandhom impatt kruċjali fuq l-iżvilupp u l-progress personali taż-żgħażagħ, u jippromwovu wkoll iċ-ċittadinanza attiva u l-benessri tagħhom kif ukoll il-kapaċitajiet tagħhom li jintegraw ruħhom fis-soċjetà u fid-dinja tax-xogħol; billi l-problemi ekonomiċi u soċjali qed iżidu l-Ewroxettiċiżmu fost iċ-ċittadini;

K.  billi l-bullying fl-iskejjel idgħajjef il-benessri taż-żgħażagħ, u jwassal għal nuqqas ta’ riżultati u tluq bikri mill-iskola;

L.  billi riżorsi edukattivi miftuħa jtejbu l-kwalità, l-aċċessibbiltà u l-ugwaljanza tal-edukazzjoni u jiffaċilitaw proċess ta’ tagħlim interattiv, kreattiv, flessibbli u personalizzat permezz tal-użu tal-ICT u teknoloġiji ġodda; billi edukazzjoni miftuħa ssaħħaħ l-impjegabbiltà sostenibbli billi tappoġġja t-tagħlim tul il-ħajja;

M.  billi, minkejja l-livelli għoljin b’mod kumplessiv tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, ċerti setturi bħall-ICT u s-setturi tal-kura tas-saħħa għandhom diffikultà li qed tiżdied biex jimlew l-opportunitajiet ta’ xogħol battala b’persunal bi kwalifiki; billi f’xi Stati Membri tista’ tiġi osservata diskrepanza li qed tikber bejn il-kwalifiki tal-gradwati u r-rekwiżiti tal-ħiliet tas-suq tax-xogħol;

N.  billi l-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol jinbidlu b'ħeffa; billi hu neċessarju li jkun hemm aspirazzjoni għal edukazzjoni ta' kwalità u żvilupp individwali, u għal eżami mill-qrib tat-tendenzi fil-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol għalbiex ikun hemm adattazzjoni u modernizzazzjoni tal-kurrikuli edukattivi u ta' taħriġ ħalli tiġi sodisfatta l-ħtieġa li jingħata l-essenzjal ta' għarfien bażiku u strateġiji ta' tagħlim għal matul il-ħajja; billi tibdil tal-mudelli ta’ tagħlim differenti għandu jiġi akkumpanjat minn tibdil tax-xogħol tal-għalliema f’termini ta’ kom petenzi, stat u karrieri, pereżempju;

O.  billi l-ħiliet, it-teknoloġiji u l-impjiegi jinbidlu b’mod rapidu u billi l-individwi jesperjenzaw diversi trasformazzjonijiet teknoloġiċi matul il-ħajja professjonali tagħhom, huwa importanti li kulħadd ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu pedament ta’ għarfien bażiku b’saħħtu biżżejjed biex ikun jista’ jadatta għal dan it-tibdil;

P.  billi l-istimulazzjoni tat-tkabbir ekonomiku, il-produttività u l-integrazzjoni fil-livell nazzjonali wrew li għandhom impatt enormi fuq iż-żieda u l-ħolqien tal-impjiegi, il-kwalità tagħhom u l-integrazzjoni aħjar taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

Osservazzjonijiet ġenerali

1.  Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-enfasi qawwija tagħha fuq il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ permezz tal-investiment fil-ħiliet, l-istedina għall-immodernizzar tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja kif ukoll il-promozzjoni ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (ETV) ta’ livell dinji, toroq ta’ tagħlim aktar flessibbli, inkluż permezz tal-inklużjoni tal-OER, tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u l-involviment tal-imsieħba soċjali fit-tfassil tagħhom; jilqa’ barra minn hekk l-azzjonijiet li jindirizzaw in-nuqqas ta’ għalliema u edukaturi kkwalifikati kif xieraq permezz ta’ reklutaġġ, żamma u appoġġ professjonali tal-għalliema aktar effettivi;

2.  Iqis ir-rwol tal-edukazzjoni bħala ħafna aktar usa’ milli tissodisfa biss il-miri ekonomiċi tal-istrateġiji Ewropej u nazzjonali; f’din il-perspettiva, jirriafferma l-missjoni ewlenija tal-edukazzjoni li tipprepara l-individwi għall-ħajja kif ukoll biex ikunu ċittadini attivi f’soċjetajiet dejjem aktar kumplessi;

3.  Jinnota li, minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja, ħafna familji m’għadhomx jistgħu jaffordjaw li jħallsu għal edukazzjoni għolja, fatt li wassal għal żieda fir-rati ta’ persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien f’dan il-livell; iqis li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu d-dritt tal-persuni kollha għal edukazzjoni b’xejn, universali u ta’ kwalità għolja, irrispettivament mis-sitwazzjoni ekonomika tagħhom;

4.  Ifakkar li żieda fil-kompetenzi fil-lingwi tikkontribwixxi biex titħeġġeġ il-mobilità u jitjiebu l-impjegabbiltà, l-għarfien ta’ kulturi oħra u r-relazzjonijiet interkulturali;

5.  Jirrikonoxxi li ħiliet tal-lingwa dgħajfa jikkostitwixxu ostakolu prinċipali għall-moviment liberu tal-ħaddiema u l-kompetittività internazzjonali tal-intrapriżi fl-Unjoni, b’mod partikolari f’żoni fejn iċ-ċittadini Ewropej jgħixu qrib il-fruntiera ta’ pajjiż ġar b’lingwa differenti; ifakkar li t-tagħlim tal-lingwi huwa meqjus ħafna aktar effettiv f’età żgħira;

6.  Jinsisti li l-mobilità tal-istudenti għandha tiġi żgurata, bil-ħsieb li jitwessa’ l-għarfien tal-istudenti fil-lingwi u l-ħiliet ta’ komunikazzjoni, li huwa prerekwiżit għall-adattament tagħhom fis-suq tax-xogħol komuni fl-UE;

7.  Jitlob li jkun hemm approċċ ħolistika għall-edukazzjoni u t-taħriġ li jkun jindirizza kemm l-aspetti akkademiċi kemm dawk vokazzjonali u jfakkar li l-missjoni usa' tal-edukazzjoni għandha tkun rikonoxxuta f'dak li għandu x'jaqsam mal-akkrexximent u l-iżvilupp personali; jistieden għal approċċ olistiku għall-edukazzjoni u t-taħriġ, u jenfasizza r-rwol importanti tat-tagħlim mhux formali u informali bħala parti mill-istrateġija kumplessiva ta’ tagħlim tul il-ħajja bil-għan ta’ soċjetà tal-għarfien soċjalment inklużiva b’individwi sodi u ċittadini attivi; ifakkar li r-realizzazzjoni ta' strateġija bħal din se jiddependi mil-livell ta’ indipendenza li ż-żgħażagħ tagħna jista’ jkollhom;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jħaddmu benchmarking konsistenti b’mudelli rilevanti Ewropej tal-aqwa prattika fis-settur tal-edukazzjoni u l-impjieg;

9.  Ifakkar li l-miri u l-objettivi għoljin li impenjat ruħha favur tagħhom l-UE skont l-Istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri r-realizzjoni ta' tkabbir intelliġenti, inklussiv u favur l-ambjent, il-ħolqien ta' Unjoni Ewropea f'saħħitha u innovattiva, u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u livell ogħla ta' solidarjetà, filwaqt ukoll li tħejji liċ-ċittadini għal ħajja ta' suċċess u sodisfaċenti; ifakkar fil-mira prijoritarja li jintlaħaq it-3 % tal-PDG f’investimenti għar-riċerka u l-iżvilupp;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-infiq pubbliku fl-edukazzjoni, it-taħriġ, ir-riċerka u l-innovazzjoni; ifakkar li t-tnaqqis fil-baġit f'dawn l-oqsma se jkollu impatt negattiv fuq l-edukazzjoni, u li l-investiment f'dawn l-oqsma hu essezjali għall-irkupru ekonomiku u l-kompetittività globali tal-Unjoni u għall-progress li għandu jsir fil-ksib tal-objettivi tal-Ewropa 2020;

11.  Jappoġġja bil-qawwa l-monitoraġġ tas-sitwazzjonijiet nazzjonali u t-tnedija ta’ dibattitu fil-livell tal-Unjoni mal-partijiet interessati relevanti dwar l-effiċjenza u l-benefiċċji tal-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ; Jenfasizza li l-edukazzjoni tiżgura żvilupp sostenibbli li għandu jibqa’ prijorità irrispettivament mill-kriżi attwali;

12.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, tal-orjentament sesswali, tal-identità tal-ġeneru, tad-diżabilità, tar-reliġjon jew twemmin, u tal-età fil-qasam tal-edukazzjoni; iħeġġeġ lill-Kunsill jadotta minnufih id-direttiva orizzontali ta' kontra d-diskriminazzjoni li hi ċentrali għall-garanzija tal-ugwaljanza ġenwina u tat-taqbida kontra l-diskriminazzjoni, inkluż fl-iskola;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-ugwaljanza tal-aċċess għall-edukazzjoni u jipproponu miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-istudenti billi jagħtu attenzjoni partikolari lill-membri ta’ gruppi vulnerabbli, b’mod partikolari dawk li telqu mill-iskola, li jinsabu bla xogħol jew li mhux qed isegwu taħriġ;

14.  Jitlob li jiġu stabbiliti miżuri konkreti sabiex titjieb ir-rabta tal-edukazzjoni u t-taħriġ mal-qasam tax-xogħol biex tinkiseb kompetittività u jiġu antiċipati l-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol; Jagħmel enfasi fuq l-importanza tal-politiki territorjali li jappoġġjaw l-istabbiliment ta’ inkubaturi ta’ innovazzjoni reġjonali li jgħaqqdu flimkien intrapriżi kreattivi, universitajiet, investituri u istituzzjonijiet kulturali biex jippromwovu l-edukazzjoni u t-taħriġ;

15.  Jirrakkomanda li l-edukazzjoni u x-xjenza jkunu inklużi bħala oqsma ta’ prijorità fid-dokumenti ta’ strateġija tal-Istati Membri għall-perjodu ta’ programmazzjoni 20142020, bil-ħsieb ta’ forniment tar-riżorsi għall-iżvilupp ta’ dawk l-oqsma, l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda ta’ edukazzjoni, inkluż it-taħriġ tal-għalliema, u ż-żieda tal-istandards tat-tagħlim;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu għal għaqda aktar mill-qrib bejn l-isfidi ta’ politika strateġiċi ewlenin identifikati matul is-Semestru Ewropew u l-attivitajiet tal-Metodi Miftuħa ta’ Kooperazzjoni (MMK) li jimmiraw li jappoġġaw lill-Istati Membri jiżguraw edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja u aċċessibbli anki fi żminijiet ta’ limitazzjonijiet fiskali;

Iż-żgħażagħ – investiment għall-futur

17.  Ifakkar li ż-żgħażagħ għandhom potenzjal kbir u rwol kruċjali biex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020 għall-edukazzjoni u l-impjiegi; ifakkar lill-Istati Membri dwar ir-rabta mill-qrib li hemm bejn it-tluq bikri mill-iskola, in-nuqqas ta’ ħiliet relatati mal-impjiegi u l-qgħad fost iż-żgħażagħ; ifakkar ukoll li l-edukazzjoni u l-indukrar tat-tfulija bikrija jqiegħdu s-sisien tat-tagħlim u l-iżvilupp futur taż-żgħażagħ, li madankollu għandhom ikunu pprovduti esklussivament b’mezzi ta’ logħob u mhux b’metodi akkademiċi u l-istampar tan-noti;

18.  Jenfasizza li ż-żgħażagħ huma s-segment tas-soċjetà l-aktar vulnerabbli; jenfasizza l-importanza li ż-żgħażagħ jiġu rikonoxxuti bħala grupp ta’ prijorità fil-viżjoni soċjali tal-Unjoni u jenfasizza l-importanza li tiġi msaħħa l-mobilità taż-żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu politiki kontra l-bullying biex inaqqsu t-tluq bikri mill-iskola u jiżguraw aċċess ġenwin għall-edukazzjoni għal kulħadd;

19.  Jistieden għal rikonoxximent u involviment tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tas-soċjetà ċivili fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ tagħlim tul il-ħajja; jenfasizza r-rwol taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala produtturi edukattivi kumplimentari għal tagħlim mhux formali u informali u opportunitajiet ta’ volontarjat, billi jikkontribwixxu biex l-istudenti u ż-żgħażagħ jiżviluppaw kemm ħiliet trasversali kif ukoll kompetenzi personali, bħal ħsieb kritiku, sens ta’ inizjattiva, ipproċessar tal-informazzjoni u soluzzjoni tal-problemi, xogħol f’tim u komunikazzjoni, u fiduċja fihom infushom u tmexxija;

20.  Jitlob ir-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba miż-żgħażagħ matul l-istudji tagħhom f’universitajiet barra mill-pajjiż, b’mod partikolari dawk il-kwalifiki miksuba fil-kuntest tal-programm Erasmus;

21.  Jistieden biex l-istudenti u l-organizzazzjonijiet tagħhom jiġu involuti fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-edukazzjoni, u li t-tagħlim jiġi bbażat fuq djalogu strutturat mal-istudenti fit-tfassil tal-kurrikuli u l-metodi li jrawmu approċċ ta’ tagħlim tul il-ħajja;

22.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-attrazzjoni u jtejbu tal-VET għas-suq tax-xogħol, billi jagħmilha parti integranti mis-sistema edukattiva u jiżgura l-kwalità tagħha; jitlob li jkun hemm fokus isħaħ fuq l-akkwiżizzjoni tal-ħiliet bażiċi permezz tat-taħriġ formali u informali minn età bikrija, imma wkoll fost iż-żgħażagħ, u fuq il-ħiliet trasversali, b'mod partikolari permezz tal-introduzzjoni tat-taħriġ imprenditorjali u ICT, b'kooperazzjoni mas-settur tan-negozju, u bit-tisħiħ tal-kreattività ħalli jkunu megħjuna iż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol u jtejbu l-potenzjal tagħhom li jkunu impjegati, kif ukoll jiġu żviluppati l-opportunitajiet li jibdew in-negozju tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa għall-Istati Membri li jipprovdu mekkaniżmi ta’ appoġġ għal negozji li jfallu u jeliminaw il-burokrazija;

23.  Jirrikonoxxi l-importanza li jiġu żviluppati u implimentati sistemi edukattivi ta’ intraprenditorija madwar l-Ewropa; jissottolinja li l-aċċess tal-istudenti għall-edukazzjoni tal-intraprenditorija jvarja u ħafna drabi jiġi ddeterminat fil-livell istituzzjonali; għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, b'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet edukattivi, jinkludu elementi tal-edukazzjoni tal-intraprenditorija fil-kontenut tal-kurrikulu fl-edukazzjoni bażika, it-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja; iqis li għandu jkun hemm enfasi speċjali fuq li jingħelbu d-disparitajiet u d-differenzi sostanzjali fl-iżvilupp tagħhom, kif muri mill-istħarriġ tal-2008 dwar l-imprenditorija fl-edukazzjoni għolja u kkonfermat fis-simpożju ta’ livell għoli ta’ Budapest tal-2011;

24.  Jaċċentwa li aktar tagħrif u ħiliet huma essenzjali; jisħaq dwar il-ħtieġa li titjiebu l-attrattività u l-valur tas-suġġetti STEM (ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika) fl-ekudazzjoni kif ukoll l-oqsma li fihom nuqqasijiet prevedibbli ta' impjiegi u li jkunu jirrikjedu numru kulma akbar ta' ħaddiema kwalifikati fis-snin li ġejjin u li għandhom mnejn jiżguraw impjiegi ta' kwalità u sostenibbli (pereżempju, l-ekonomija l-ħadra, is-servizzi tan-negozju, l-ICT, il-kura tas-saħħa, u l-edukazzjoni); l-għarfien li s-suġġetti STEM huma ta' importanza estrema fl-għajnuna lil aktar żgħażagħ biex isibu impjieg fi żmien ta' kriżi, jitlob ukoll il-bilanċ it-tajjeb bejn il-ksib tal-għarfien teoriku u l-ħiliet prattiċi matul l-istudji, mingħajr ma jiġi traskurat l-istudju tax-xjenzi soċjali;

25.  Jitlob lill-Istati Membri jagħtu wkoll edukazzjoni aktar effiċjenti b'fokus fuq il-ħiliet trasversali, il-ħiliet lingwistiċi u l-ħiliet imprenditorjali, ħalli jinkiseb livell ogħla ta' impjegabilità fl-UE kollha; Jistieden lill-Istati Membri jedukaw iċ-ċittadini tagħhom dwar il-jeddijiet taċ-ċittadini tal-UE, il-jeddijiet ċiviċi u l-impenji, u dwar kif huma jistgħu jibbenefikaw mill-jedd tagħhom għal-libertà tal-moviment fl-UE; jisħaq li, bl-għan li jiġu żviluppati ċ-ċittadinanza attiva u l-integrazzjoni soċjali, għandha tingħata wkoll biżżejjed attenzjoni lix-xjenzi umani matul l-edukazzjoni;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-kurrikulu u l-programmi ta’ taħriġ jiġu kkunsidrati f’termini ta’ kompetenzi li jinbidlu, li jistgħu jiġu ttrasferiti u interdixxiplinarji kif ukoll li jiġu żviluppati r-rabtiet bejn it-taħriġ; ifakkar li għandu jingħata enfasi speċjali lit-tagħlim ta’ dak il-kontenut u dawk is-suġġetti li fihom l-istatistiki nazzjonali u internazzjonali jsibu nuqqas fl-Istati Membri individwali;

27.  Jenfasizza l-ħtieġa ta’ enfasi fuq ir-rabta bejn l-edukazzjoni, l-aspettattivi taż-żgħażagħ u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol biex tiġi żgurata għalihom tranżizzjoni mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol aktar faċli u ta’ kwalità bil-għan li tiġi żgurata wkoll l-awtonomija tagħhom taż-żgħażagħ;

28.  Jenfasizza l-importanza tal-appoġġ għaż-żgħażagħ, b’mod speċjali dawk barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs), permezz tal-promozzjoni ta’ skemi ta’ taħriġ u apprendistati ta’ kwalità, programmi edukattivi li jagħtu ċans ieħor, tagħlim doppju stabbilit tajjeb u tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol kif ukoll miżuri speċifiċi li jrawmu l-aċċess għall-edukazzjoni għolja u l-integrazzjoni attiva tagħhom fl-edukazzjoni u x-xogħol; iqis li dawn huma passi importanti fit-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għall-ħajja professjonali kif ukoll biex jitbaxxew ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri li jżidu l-parteċipazzjoni tal-impjegati u ta' persuni qiegħda f'orjentament ġdid vokazzjonali u fi programmi ta' taħriġ mill-ġdid sabiex inaqqsu r-riskji tal-qgħad speċjalment tal-qgħad fuq perjodu twil għal dik it-taqsima tal-ħaddiema li l-attivitajiet professjonali tagħhom huma inqas u inqas mitluba;

30.  Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lil min iħaddem joffru aktar kollokamenti ta’ apprendistat ta’ kwalità, jiżviluppaw kriterji ta’ kwalità ċari bil-għan li jiġu evitati l-abbużi u jiffaċilitaw il-proċeduri amministrattivi għall-intrapriżi li joffru opportunitajiet ta’ xogħol jew taħriġ għaż-żgħażagħ sabiex titjieb it-triq tal-karriera tagħhom;

31.  Ifakkar lill-Istati Membri dwar ir-rwol tal-programmi tal-UE fil-promozzjoni tal-edukazzjoni, il-mobilità, il-ħiliet tal-lingwa, iċ-ċittadinanza attiva, il-valuri Ewropej, l-għarfien kulturali u ħiliet oħra importanti li kollha jikkontribwixxu għal impjegabbiltà aħjar u jsaħħu l-fehim interkulturali taż-żgħażagħ; jenfasizza l-ħtieġa ta’ aktar appoġġ min-naħa tagħhom fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-perjodu 2014-2020, b’enfasi fuq il-mobilità tat-tagħlim, il-kooperazzjoni u r-riforma politika;

32.  Jiġbed l-attenzjoni għall-valur miżjud tal-esperjenza barra mill-pajjiż biex tgħin liż-żgħażagħ li jitilqu mill-iskola kmieni u dawk mingħajr kwalifiki edukattivi biex isibu impjiegi; iqis li l-programm Erasmus + huwa qafas eċċellenti sabiex il-persuni f’din il-kategorija, ukoll ikunu jistgħu jirċievu parti mit-taħriġ vokazzjonali tagħhom barra minn pajjiżhom;

33.  Jilqa' l-fokus imġedded fuq il-ksib tar-rikonoxximent awtomatiku tal-lawriji akkademiċi paragunabbli u l-objettiv li l-istudenti kollha jitqiegħdu fuq l-istess livell, irrispettivament mil-lok fejn ikunu ngħataw il-kwalifika; jistieden lill-Istati Membri, f'dan is-sens, li jkattru l-isforzi tagħhom dwar ir-rikonoxximent tal-lawriji akkademiċi;

34.  Jenfasizza d-diffikultà biex wieħed jidħol fis-suq tax-xogħol wara li jlesti mill-istudji u l-perjodu twil ta’ qgħad u ta’ inattività sfurzata, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kriżi attwali; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu politiki ta’ akkumpanjament meħtieġa biex jagħmlu tajjeb għal dawn in-nuqqasijiet;

35.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu fil-mekkaniżmi tal-attivazzjoni bikrija tas-suq tax-xogħol u tal-iskemi tax-xogħol, joffru l-esperjenza lavorattiva u jippromwovu l-opportunitajiet tal-impjiegi, jistabbilixxu ċentri aħjar ta' gwida u ta' servizzi tal-karriera maħluqin għall-ħtiġiet u jagħtu taħriġ jew korsijiet ta' aġġornament għaż-żgħażagħ li jkunu tilfu l-impjieg jew li jkunu lestew l-edukazzjoni formali, sabiex jippermettulhom ikunu indipendenti, jgħixu ħajja awtonoma u jiżguraw żvilupp professjonali;

36.  Jistieden lill-Istati Membri jimplementaw malajr il-Garanzija Ewropea taż-Żgħażagħ, it-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol, l-apprentistati u l-mudelli ta' tagħlim doppju li huma faċilment aċċessibbli u orjentati lejn il-karrieri, ħalli jagħtu kondizzjonijiet xierqa ta' xogħol li jkollhom komponent f'saħħtu ta' tagħlim u jkunu assoċjati ma' proċess ta' kwalifika, u li jaħdmu mar-reġjuni ħalli jiżguraw li l-Inizjattiva għall-Impjiegi għaż-Żgħażagħ tkun verament komplementari u addizzjonali għall-azzjonijiet reġjonali u nazzjonali ġa eżistenti għat-taqbida kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ; ifakkar li dawn it-tipi ta’ impjieg temporanju għandhom iservu ta’ tranżizzjoni lejn xogħol permanenti; jitlob ukoll għall-użu ta' strumenti ta' finanzjament tal-politika ta' koeżjoni bħala miżura ta' appoġġ;

37.  Jenfasizza li l-Iskema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ ma tistax tissostitwixxi l-isforzi u r-riformi strutturali li f’ċerti Stati Membri għandhom jagħmlu s-sistemi edukattivi u s-swieq tax-xogħol kompetenti għall-isfidi tal-futur;

38.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwaqqfu t-tnaqqis fl-infiq għall-appoġġ għall-impjiegi u l-edukazzjoni taż-żgħażagħ; jenfasizza li l-fondi u l-istrumenti mis-sistema ta’ garanzija għandhom jintużaw preferibbilment għal dan l-għan; iqis li l-Istati Membri għandhom jużaw ukoll ir-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni bħala miżura ta’ sostenn, u li dawn ir-riżorsi għandhom ikunu mmirati speċifikament għal proġetti li jsostnu l-impjiegi għaż-żgħażagħ u l-edukazzjoni;

39.  Jitlob li jkun hemm approċċ integrat li jaħkem il-possibilitajiet finanzjarji offruti mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE), mill-Fond tal-Koeżjoni u mill-għejun nazzjonali ta' finanzjament għall-ksib tat-tkabbir intelliġenti; jisħaq dwar ir-rwol tal-FSE biex ikun appoġġjat l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja; għalhekk, jitlob bil-qawwa li jkun salvagwardat is-sehem minimu globali għall-FSE ta’ 25 % tal-baġit allokat għall-politika ta' koeżjoni; iqis ukoll importanti li l-Istati Membri jżidu l-għarfien tal-istituzzjonijiet edukattivi tagħhom dwar opportunitajiet ta' fondi tal-UE oħra għal skopijiet edukattivi;

40.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-għalliema jifhmu aktar il-kompetenzi ewlenin, bħat-tekniki tat-tagħlim dwar kif titgħallem, il-kompetenzi soċjali u ċiviċi, it-teħid ta’ inizjattivi, il-kuxjenza kulturali u l-ħila li wieħed jesprimu lilu nnifsu; ifakkar għalhekk l-importanza tal-investiment fit-taħriġ tul il-ħajja għall-għalliema;

41.  Ifakkar li huwa fil-livell sottonazzjonali li tista’ tinġabar l-aktar informazzjoni preċiża u opportuna dwar is-swieq tax-xogħol reġjonali u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol sinifikanti fl-identifikazzjoni ta’ nuqqas fil-ħiliet filwaqt li jipprovdu programmi ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ taħriġ vokazzjonali xierqa u jagħtu inċentivi għall-investiment biex jissodisfaw id-domanda lokali;

42.  Jenfasizza li f'ħafna żoni remoti u reġjuni mikro żvantaġġati, l-istudenti għandhom problemi kbar biex fiżikament jilħqu l-iskejjel, u dan qed iwassal għal żieda kunsidervoli fir-rati ta' tluq kmieni mill-iskola; jistieden lill-Istati Membri, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika ħażina ferm li qed tolqot lill-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej, biex jieħdu passi konkreti ħalli jegħlbu dawn it-tip ta' ostakli;

43.  Jilqa’ wkoll il-ħolqien tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati; jistieden lill-Istati Membri jinkludu l-prattiki vokazzjonali fir-riformi u l-azzjonijiet tagħhom bħala parti mill-pjanijiet għat-twassil tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u għall-mobilitazzjoni tal-finanzjament Ewropew u nazzjonali għal dan il-fini;

Enfasi qawwija fuq is-sħubiji

44.  Jenfasizza l-fatt li sħubijiet sodi jużaw is-sinerġiji bejn ir-riżorsi finanzjarji u umani u jikkontribwixxu għall-kondiviżjoni tal-ispiża tat-tagħlim tul il-ħajja li hija importanti b’mod partikolari fi żminijiet ta’ awsterità, u li tgħin biex twaqqaf it-tnaqqis fl-investiment pubbliku fl-impjieg u l-edukazzjoni taż-żgħażagħ ; ifakkar li s-sħubijiet ukoll għandhom impatt pożittiv fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ billi jikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità u l-aċċessibilità tagħhom, filwaqt li fl-istess ħin iżommu l-integrità u l-indipendenza tal-istituzzjonijiet edukattivi;

45.  Jistieden għat-tisħiħ tad-djalogu soċjali u ċivili dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Unjoni u għat-tisħiħ tar-rwol tal-imsieħba soċjali fit-tfassil tal-politika;

46.  Iqis l-inkoraġġiment tas-sħubiji pubbliċi-privati bħala pass importanti lejn l-iżgurar ta’ responsabbiltà maqsuma għall-iżvilupp tal-edukazzjoni u tal-karriera, bl-għan li jgħinu lil persuni gradwati jadattaw aktar malajr għar-rekwiżiti tal-industrija u s-suq u jiżguraw li riżorsi addizzjonali jkunu disponibbli għall-aġġornament tal-proċess tal-edukazzjoni bi tweġiba għall-bidla teknoloġika;

47.  Jirrileva li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2012 jisimha 'Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar' ma tispeċifika l-ebda miżura ta’ implimentazzjoni konkreta għall-kooperazzjoni bejn is-settur tal-edukazzjoni u l-imsieħba soċjali u tan-negozju differenti; jistieden lill-Kummissjoni titlob b’mod attiv għal appoġġ u inizjattivi kif ukoll forom oħra ta’ kooperazzjoni mas-settur privat fit-titjib tal-edukazzjoni sabiex l-istudenti jiġu ppreparati aħjar għat-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol;

48.  Jitlob lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni u l-isħubijiet bejn in-negozji u s-settur tal-edukazzjoni fil-livelli kollha, inklużi s-sħab soċjali u min iħaddem, u l-istudenti u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-ippjanar tal-kurrikuli, il-għoti ta' gwida u l-għoti ta' edukazzjoni, taħriġ u speċjalizzazjoni, b'gamma ta' kurrikuli li jissodisfaw aħjar id-domandi tas-suq tax-xogħol u jikkontribwixxu għas-sejbien ta' soluzzjoni sostenibbli għall-problema tal-avariji bejn il-ħiliet; jistieden ukoll għat-tisħiħ tad-djalogu soċjali u ċivili dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Unjoni u għat-tisħiħ tar-rwol tal-imsieħba soċjali fit-tfassil tal-politika;

49.  Jilqa’ l-Alleanza tal-Għarfien u l-Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali inklużi fil-proposta tal-Kummissjoni dwar il-programm pluriennali l-ġdid fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ, u l-isport; iqis li dawn l-alleanzi huma mezzi innovattivi u sostenibbli ta' kif jikber il-kapital uman;

50.  Jenfasizza r-responsabbiltà maqsuma tal-atturi differenti fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja bħall-istituzzjonijiet edukattivi, l-awtoritajiet pubbliċi, l-intrapriżi kif ukoll l-individwi responsabbli għal ħajjithom stess;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jikkunsidraw b’attenzjoni il-kunċett tal-qsim tal-ispejjeż bħala mod ta’ finanzjament għall-edukazzjoni; iwissi li kwalunkwe mekkaniżmu ta’ qsim tal-ispejjeż m’għandux jitħaddem għad-detriment tal-individwi; l-ekwità u l-aċċess universali jridu jingħataw prijorità f'kull riforma tas-sistemi tal-edukazzjoni u ta' taħriġ;

52.  Jistieden għal aktar kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-fornituri, is-settur tan-negozju, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet ċivili u l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u s-servizzi għall-impjiegi għall-iskambju tal-aħjar prattiki u l-promozzjoni tas-sħubijiet u għall-ħidma favur l-għoti ta' pjazzamenti, stages u apprentistati ta' kwalità bħala l-mezz effettiv biex jiġu indirizzati l-opportunitajiet ta’ xogħol battala u l-integrazzjoni sostenibbli tal-persuni fit-tranżizzjoni ta’ impjieg mill-edukazzjoni għax-xogħol; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kompatibilità ta’ dawn il-prattiki mal-miżuri u l-inizjattivi meħuda fil-livell tal-UE; jistieden ukoll l-użu tal-programmi u l-fondi Ewropej differenti b’mod partikolari l-fondi reġjonali;

53.  Iqis li huwa vitali li tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-kombinament tal-investiment pubbliku u privat fl-edukazzjoni u t-taħriġ; jenfasizza fl-istess ħin il-ħtieġa ta’ salvagwardja kontra effetti sekondarji mhux mixtieqa possibbli bħal tfixkil għall-aċċess ta’ gruppi żvantaġġati soċjoekonomikament għall-edukazzjoni u t-taħriġ;

Il-perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja

54.  Jinnota l-bidliet demografiċi fl-Unjoni, bħalma hi l-popolazzjoni li qed tixjieħ, ir-rati baxxi ta' twelid, kif ukoll il-ħarba tal-imħuħ u l-ħarba tal-kapital uman; jinnota, b'konsegwenza ta' hekk, il-ħtieġa tal-ksib ta' ħiliet u kompetenzi ġodda matul il-ħajja ħalli jkun hemm il-possibilità ta' ffaċċjar tal-isfidi ppreżentati mill-ekonomija dinijija u r-risposta għar-rekwiżiti l-ġodda tas-suq tax-xogħol;

55.  Jinnota l-importanza tar-rikonoxximent tal-edukazzjoni bħala jedd tal-bniedem, li kulħadd għandu jkollu aċċess għaliha, li timmira għall-iżvilupp personali u soċjali u ksib ta’ ħiliet għall-ħajja; iħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu l-aċċess miftuħ għall-materjali edukattivi u xjentifiċi bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż għall-edukazzjoni u r-riċerka, b’mod partikolari fid-dawl tat-tnaqqis fil-baġit riċenti f’dawn l-oqsma madwar l-Unjoni kollha;

56.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-kooperazzjoni u s-sinerġiji fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, b’mod partikolari biex jitwessa’ l-aċċess għat-tagħlim u biex jiġi adattat u mmodernizzat il-kurrikulu tal-istituzzjonijiet edukattivi, pereżempju permezz tal-possibilitajiet li jevolvu b’mod rapidu tat-tagħlim diġitali u l-“Open Educational Resources” (riżorsi edukattivi miftuħa), sabiex jiġu indirizzati l-aspirazzjonjiet taż-żgħażagħ u l-isfidi l-ġodda tad-dinja tal-lum;

57.  Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni mħabbra bit-titolu "Il-Ftuħ tal-Edukazzjoni', immirata lejn it-titjib fl-effiċjenza, l-aċċessibbiltà u l-ugwaljanza fl-edukazzjoni, it-taħriġ u s-sistemi ta' taħriġ billi ssaħħaħ l-integrazzjoni tal-ICT u teknoloġiji ġodda fl-edukazzjoni u t-taħriġ; jistieden lill-Istati Membri kollha jinkoraġġixxu l-inizjattivi ħalli jiftħu l-edukazzjoni għal kulħadd;

58.  Jinnota bi tħassib id-diverġenza wiesgħa fl-għarfien u r-riżorsi tal-ICT disponibbli fl-iskejjel u fl-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja bejn u fi ħdan l-Istati Membri; jenfasizza li l-użu tal-infrastruttura u l-għarfien tal-ICT għandu jiġi integrat fis-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ kollha biex l-istudenti jkunu mgħammra bl-aħjar mod għall-era diġitali possibbli;

59.  Ifakkar fl-importanza tal-għalliem ta' kwalità għolja u tal-edukazzjoni ta' dawk li jħarrġu li jeħtieġ li jkunu kkomplementati mill-mobilità u t-taħriġ professjonali tal-istaff edukattiv matul id-durata tal-karriera tagħhom; jaċċentwa l-fatt li l-għażla, it-taħriġ, inkluż it-taħriġ in-service, tal-għalliema huma essenzjali sabiex tiġi żgurata l-kwalità globali tas-sistema edukattiva;

60.  Jisħaq dwar il-ħtieġa ta' metodi u kontenut innovattivi tat-tagħlim li jkunu jgħallmu lill-għalliema l-approċċi għall-edukazzjoni ('tgħallem kif tgħallem'), li jieħdu wkoll inkonsiderazzjoni dawk li jridu jitgħallmu minn gruppi soċjali vulnerabbli jew dawk bi bżonnijiet edukattivi speċjali; jinnota, b'mod partikolari, il-bidliet rapidi fl-ICT, il-media diġitali u l-edukazzjoni imprenditorjali; jaċċentwa r-rwol importanti tal-edukaturi l-oħrajn (pereżempju, il-ħaddiema fost iż-żgħażagħ, l-edukaturi tal-adulti, il-konsulenti tal-karriera u l-ġenituri) u l-kooperazzjoni prezzjuża tagħhom b'rispons għan-natura tinbidel tal-edukazzjoni;

61.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu fit-tagħlim tul il-ħajja għall-għalliema, sabiex isostnu l-iżvilupp professjonali u personali tagħhom, u wkoll jippromovu l-istatus finanzjarju tal-għalliema u jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom; jisħaq, barra minn hekk, dwar il-vantaġġi possibbli tal-ksib tal-esperjenza tat-tagħlim f'pajjiż Ewropew ieħor;

62.  Jitlob li għandha tiġi vvalutata l-figura tal-għalliem u li tingħata r-rikonoxximent meħtieġ sabiex titjieb il-kwalità tat-tagħlim għall-istudenti;

63.  Jenfasizza l-importanza li jiġu introdotti kriterji uniformi u oġġettivi għall-valutazzjoni tal-effettività u l-effiċjenza tax-xogħol tal-għalliema u tal-influwenza tagħhom fuq ir-riżultati akkademiċi tal-istudenti u fuq l-iżvilupp personali tagħhom;

64.  Jenfasizza l-importanza ta’ toroq tat-tagħlim individwalizzati sabiex l-individwi jiġu megħjuna jaġġornaw u jtejbu l-ħiliet produttivi, soċjali u ekonomiċi tagħhom matul ħajjithom; iqis li l-coaching, tutoring u mentoring individwali huma mezzi ta' trasmissjoni tal-għarfien u l-għarfien espert lill-mentees, kif ukoll ta' individwazzjoni tal-punti personali f'saħħithom tagħhom u tal-kompetenzi rikjesti, f'dak li għandu x'jaqsam mal-professjoni speċifika;

65.  Iqis il-ħtieġa li jitwessa’ l-aċċess għat-tagħlim bħala prijorità ewlenija għall-Unjoni, b’enfasi ċara fuq dawk li m’għandhomx livell suffiċjenti ta’ ħiliet bażiċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu miżuri speċifiċi fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju lil persuni bi sfond soċjoekonomiku aktar baxx biex jiżguraw li kulħadd ikollu l-possibbiltà li jilħaq l-ogħla livell possibbli ta’ edukazzjoni u biex jiżguraw ukoll li jintlaħqu l-ħtiġijiet u l-benessri tal-istudenti;

66.  Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu li s-sistema edukattiva tindirizza l-ħtiġiet tal-istudenti potenzjali kollha matul il-perjodu tal-istudji tagħhom, ħalli jkattru u jissalvagwardjaw sistema inklussiva u integrata ta' edukazzjoni u ta' taħriġ u joffru arranġamenti ta' appoġġ u arranġamenti mfassla apposta, kif ukoll perkorsi individwalizzati dwar il-ħtiġijiet differenti ta' studenti, speċjalment ta' membri ta' gruppi soċjali vulnerabbli li jinsabu f'riskju li ma jipparteċipawx jew li jkunu esklużi, bħar-Roma u minoritajiet oħra, il-migranti, u dawk b'diżabbiltajiet mentali u/jew fiżiċi u bi ħtiġiet edukattivi speċjali;

67.  Jisħaq dwar il-ħtieġa tar-razzjonalizzazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-aktar fl-oqsma tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija, u tal-matematika (STEM), fejn in-nisa huma altament sottorappreżentati, ħalli tingħeleb is-segregazzjoni okkupazzjonali u d-diskriminazzjoni fis-salarji, u tkun eliminata d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru u l-orjentament sesswali fl-edukazzjoni, u jitlob li jkun hemm politiki li jiġbdu u jiżguraw l-inklużjoni soċjali tal-aktar gruppi vulnerabbli u żvantaġġati, inklużi n-nies li huma ixjeħ, fit-tagħlim; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, f'dan is-sens, li jdaħħlu miżuri speċifiċi fil-forma ta' assistenza prattika, appoġġ finanzjarju jew taħriġ ulterjuri;

68.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu firxa wiesgħa ta' strutturi ta' appoġġ, bħal boroż ta' studju, għotjiet, self lill-istudenti b'termini favorevoli, assistenza fit-tutoring, mentoring u networking għal studenti żvantaġġati matul l-istudji tagħhom biex jiġi evitat tluq bikri mill-edukazzjoni sekondarja u terzjarja, u fil-livell terzjarju jiġu megħjuna jaċċessaw il-programm Erasmus, li fih, ir-rati ta' parteċipazzjoni attwali għal studenti li ġejjin minn familji b'introjtu baxx huma aktar baxxi mill-medja, kif ukoll jippromovu l-aċċess għall-internships fil-kummerċ, fl-amministrazzjoni pubblika u fil-midja sabiex jippermettulhom li jkollhom esperjenza ta' xogħol xierqa u network ta' appoġġ għas-suċċess futur fl-impjieg tagħhom, u wkoll biex jintegraw l-opinjonijiet speċfiċi tagħhom fil-kultura istituzzjonali;

69.  Jinsisti li għandu jiġi adottat approċċ immirat għat-taħriġ vokazzjonali ta’ tfal bi bżonnijiet edukattivi speċjali u ta’ tfal u adulti b’diżabilitajiet, bil-ħsieb li jitwessa’ l-aċċess għall-edukazzjoni, li jingħata appoġġ lill-familji tagħhom u li jippermettilhom li jilħqu l-potenzjali tagħhom;

70.  Iqis li l-Istati Membri kollha għandhom jagħmlu sforz biex inaqqsu r-rati tat-tluq bikri mill-iskola, billi jniedu programmi ta' edukazzjoni bikrija tat-tfal, programmi ta' żvilupp u ta' kura ta' kwalità għolja li huma xierqa għall-età tagħhom, li jkopru l-perjodu kollu tat-tfulija bikrija mit-twelid sal-età ta' sitt snin, u li jiggarantixxu aċċess ugwali għat-tfal kollha b'hekk jilħqu l-miri ewlenin tal-UE 2020 bl-għan li jaqgħu taħt l-10 %;

71.  Ifakkar ukoll li, l-għoti ta' firxa wiesgħa ta' attivitajiet extra-kurrikulari u l-impenn tal-ġenituri fil-proċess edukattiv, huma kollha miżuri vitali li jindirizzaw l-inugwaljanzi li jirriżultaw mill-iżvantaġġ tat-tfulija, li jevitaw li studenti żvantaġġati jkunu edukati fi skejjel speċjali u segregati, u li jżommu milli l-faqar u l-esklużjoni soċjali jkomplu jikbru mal-ġenerazzjonijiet, u dan jista' jkun sorveljat bl-involviment tal-partijiet interessati kollha, bħal NGOs stabbiliti lokalment;

72.  Jikkondividi t-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-livelli baxxi u allarmanti ta' parteċipazzjoni fit-tagħlim tal-adulti f'ħafna Stati Membri b'medja tal-UE ta' 8.9 %; jisħaq, għalhekk, dwar il-ħtieġa ta' fokus fuq l-adulti b'ħiliet baxxi u dwar ir-rwol li għandhom l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-adulti biex jiġu integrati dawn il-gruppi, kif ukoll tal-iffokar dwar it-tagħlim interġenerazzjonali; ifakkar fl-opportunitajiet li t-tagħlim diġitali u l-OER jistgħu jġibu f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ; ifakkar fl-importanza tal-promozzjoni tal-litteriżmu diġitali u l-aċċess għall-ICT u l-użu tal-istess mill-gruppi kollha ta' kull età fil-popolazzjoni;

73.  Jistieden lill-Istati Membri, għall-iskop tas-solidarjetà soċjali u biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi, jippromovu l-attivitajiet volontarji għal etajiet kollha, u jħeġġiġhom jippromovu korsijiet ta' tħariġ meħtieġa mis-setturi tal-kura u s-setturi tal-appoġġ;

74.  Jenfasizza l-possibbiltajiet offruti mill-MOOCs (Massive Open Online Courses) (Korsijiet Massivi Miftuħa Online) f’termini ta’ aċċessibilità għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal kulħadd, li jippermettu modi aktar flessibbli u kreattivi ta’ tagħlim, jippromwovu l-ugwaljanza tal-istudenti kollha u f’termini ta’ tnaqqis fl-ispejjeż tal-edukazzjoni min-naħa tal-istudenti kif ukoll min-naħa tal-universitajiet;

75.  Jirrikonoxxi l-fatt li biex jitkissru l-preġudizzji li jipprevjenu lill-istudenti milli jaqbdu toroq edukattivi bħal dawn li jistgħu jiġu meqjusa bħala toroq li ma jwasslux għal karrieri u pożizzjonijiet għolja rikonoxxuti fis-soċjetà; b’mod partikolari biex tiżdied l-attrattività tat-tagħlim fit-taħriġ vokazzjonali, kif ukoll l-edukazzjoni informali; jenfasizza inoltre li fi żminijiet ta’ ħafna qgħad fost iż-żgħażagħ, l-istudenti għandhom jiġu infurmati b’mod attiv dwar il-perspettivi tal-impjieg realistiċi li l-għażliet edukattivi tagħhom se jwasslu għalihom; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, jippromovu programmi li jipprovdu gwida vokazzjonali u appoġġ għall-istudenti fl-għażla tal-karriera;

76.  Iqis l-implimentazzjoni ta’ gwida vokazzjonali u sistemi ta’ żvilupp tal-karrieri li jimmarkaw pass importanti fit-tmexxija taż-żgħażagħ fit-triq it-tajba tal-edukazzjoni u l-karriera, u li dan se jżid il-motivazzjoni tagħhom għall-istudju u t-taħriġ vokazzjonali;

77.  Jappoġġa bil-qawwa l-ħolqien ta’ żona Ewropea tal-ħiliet u l-kwalifiki sabiex tintlaħaq it-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba fl-ETV jew fl-edukazzjoni għolja; fejn xieraq, jipproponi li r-rikonoxximent jiġi estiż ukoll għal kwalifiki miksuba barra mis-sistema ta’ edukazzjoni u taħriġ formali, li jista’ jitqies bħala għodda għall-għoti ta’ setgħa, il-parteċipazzjoni demokratika, l-inklużjoni soċjali u bħala triq li tinvolvi jew iġġib lura individwi fis-suq tax-xogħol;

78.  Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni fil-ħin u rappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-inizjattivi fil-ħin bil-għan li jitjieb ir-rikonoxximent transkonfinali tal-kwalifiki fl-Unjoni, b’mod partikolari l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, is-Sistema Ewropea tat-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS) u s-Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET);

79.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw qafas komparattiv li jikkonċerna l-lawrji universitarji u jipprovdi punt ta’ referenza dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet miksuba taħt is-sistemi edukattivi;

80.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, bl-involviment tal-partijiet interessati relevanti, jimmonitorjaw u jevalwaw b'mod regolari jekk is-sistema tal-edukazzjoni u l-programmi irnexxilhomx jilħqu lill-membri tal-gruppi soċjali vulnerabbli, jekk irnexxilhomx jissalvagwardaw aċċess ugwali għal edukazzjoni inklużiva u ta' kwalità fil-livelli kollha u jekk il-ħiliet provduti mill-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom fil-fatt żidux il-kapaċità għall-impjieg, għall-integrazzjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva tal-istudenti; jistieden ukoll lill-Istati Membri jaġixxu fuq rakkommandazzjonijiet relatati mal-edukazzjoni fis-Semestru Ewropew u fuq rakkomandazzjonijiet oħra tal-Kummissjoni malajr kemm jista' jkun;

81.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja jekk l-Istati Membri ħadux il-passi meħtieġa biex jirriformaw is-sistemi tal-edukazzjoni tagħhom ħalli jintlaħqu l-għanijiet imsemmija hawn fuq;

o
o   o

82.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 393, 19.12.2012, p. 5.
(2) ĠU C 135, 26.5.2010, p. 2.
(3) ĠU C 372, 20.12.2011, p. 1.
(4) ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
(5) ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
(6) ĠU C 165 E, 11.6.2013, p. 7.
(7) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 89.
(8) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 77.
(9) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 8.
(10) ĠU C 45 E, 23.2.2010, p. 33.
(11) ĠU C 139, 17.5.2013, p. 51.

Avviż legali - Politika tal-privatezza