Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2122(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0311/2013

Testi mressqa :

A7-0311/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 22/10/2013 - 8.9
CRE 22/10/2013 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0436

Testi adottati
PDF 228kWORD 30k
It-Tlieta, 22 ta' Ottubru 2013 - Strasburgu
Prattiki ta' reklamar qarrieqi
P7_TA(2013)0436A7-0311/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar prattiki ta' reklamar qarrieqi (2013/2122(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-protezzjoni ta' negozji kontra prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni u biex jiġi garantit infurzar effettiv (COM(2012)0702),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (verżjoni kodifikata)(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali)(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi ("ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi")(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar il-kumpaniji ta' direttorju qarrieqa(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2009 dwar it-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u tad-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-kumpaniji ta' direttorju qarrieqa(7),

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titlu 'Misleading practices of "directory companies" in the context of current and future internal market legislation aimed at the protection of consumers and SMEs' (Prattiki qarrieqa ta' "kumpaniji ta' direttorju" fil-kuntest ta' leġiżlazzjoni tas-suq intern attwali u futura mmirata lejn il-ħarsien tal-konsumaturi u l-SMEs), ikkummissjonat mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tiegħu(8),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tad-19 ta' April 2013 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titlu 'Il-protezzjoni ta' negozji kontra prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni u biex jiġi garantit infurzar effettiv – Analiżi tad-Direttiva 2006/14/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv' (COM(2012)0702)(9),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0311/2013),

A.  billi l-prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni jistgħu jieħdu ħafna forom, u l-aktar prominenti fosthom huma direttorji tan-negozji, formoli ta' pagament, offerti diżonesti ta' ismijiet ta' dominji tal-internet u tal-protezzjoni ta' marki kummerċjali u skemi qarrieqa ta' 'opportunità ta' negozju', 'xogħol mid-dar' jew 'profitt immedjat';

B.  billi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2006/114/KE bħalissa huwa relatat ma' reklamar qarrieqi u komparattiv u l-konsegwenzi ta' dan fuq il-kompetizzjoni ġusta fis-suq intern;

C.  billi hemm domanda ċara min-negozji, speċjalment SMEs u mikrointrapriżi, għal protezzjoni aħjar u għal azzjoni effettiva kontra prattiki qarrieqa f'kuntest bejn in-negozji, li, madankollu, taqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE;

D.  billi l-livell ta' telf finanzjarju fl-UE li ġej minn prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni mhuwiex magħruf, iżda abbażi ta' ċerta statistika nazzjonali jista' jiġi stmat f'biljuni ta' euro kull sena;

E.  billi prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni jikkawżaw falliment tas-suq u distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, itellfu l-ħila tan-negozji li jagħmlu għażliet infurmati, u għalhekk effiċjenti;

F.  billi l-SMEs, u b'mod partikolari n-negozji żgħar u mikro, huma l-vittmi ewlenin ta' prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni, għalkemm dawn il-kumpaniji huma mutur ewlieni ta' tkabbir fl-Ewropa; billi l-iskejjel, il-knejjes, l-isptarijiet, l-NGOs, u l-muniċipalitajiet u awtoritajiet pubbliċi oħra wkoll qed ikunu fil-mira;

G.  billi l-Parlament ripetutament esprima t-tħassib tiegħu dwar il-problema ta' prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni, li ta' spiss huma ta' natura transkonfinali, u stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iżidu l-isforzi tagħhom f'termini ta' sensibilizzazzjoni, tisħiħ tal-kooperazzjoni, infurzar u leġiżlazzjoni;

H.  billi prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni jħallu l-effetti tagħhom fuq il-konsumaturi, li jridu, bħala riżultat, iħallsu aktar għal prodotti u servizzi;

I.  billi dawn il-prattiki mhumiex rappurtati biżżejjed, minħabba li l-vittmi ta' prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni sikwit iħossuhom jistħu u joqogħdu lura milli jirrapportaw prattiki bħal dawn lill-awtoritajiet tal-infurzar jew jikkonformaw mat-talbiet għal ħlas; billi fid-dawl ta' dan huwa importanti ħafna li dawk l-awtoritajiet jiffaċilitaw ir-rapportar u jagħtu biżżejjed prijorità lil dawn il-każijiet;

J.  billi xi Stati Membri implimentaw d-Direttivi 2005/29/KE u 2006/114/KE b'mod differenti, u dan iwassal għal differenzi sinifikanti bejn dispożizzjonijiet nazzjonali f'dawk l-oqsma; billi dawn id-differenzi jikkontribwixxu għal frammentazzjoni fis-suq u joħolqu inċertezzi fl-infurzar legali ta' regoli tal-UE li jikkonċernaw in-negozji, b'mod speċjali f’kuntest transkonfinali;

K.  billi negozjanti diżonesti jisfruttaw id-differenzi kbar li jeżistu fil-livelli ta' protezzjoni fl-Istati Membri, u huma l-Awstrija u l-Belġju biss li daħħlu projbizzjoni speċifika fuq skemi ta' direttorju qarrieqa fil-leġiżlazzjoni tagħhom, filwaqt li l-Pajjiżi l-Baxxi fil-preżent qegħdin iħejju liġi simili;

L.  billi huwa essenzjali li jiġi applikat approċċ koerenti, li jsib bilanċ bejn il-prevenzjoni u l-kastig; billi sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet legali ċari li jindirizzaw il-problema, l-awtoritajiet ta' infurzar se jibqgħu titubanti li jaġixxu;

M.  billi fil-preżent huwa diffiċli ħafna li n-negozjanti diżonesti jiġu rintraċċati u kkastigati, peress li sikwit huma jibagħtu l-fatturi minn pajjiż għal ieħor filwaqt li l-kont tal-bank tagħhom ikun f'pajjiż ieħor terz, u dan jagħmilha diffiċli li jiġu rintraċċati t-trasferimenti tal-flus;

N.  billi, minħabba l-iskala żgħira u r-riżorsi limitati tagħhom, ħafna drabi mhuwiex fattibbli għall-SMEs, u b'mod partikolari għall-mikrointrapriżi, li b'mod individwali jibdew kontestazzjoni legali kontra negozjanti diżonesti stabbiliti f'ġurisdizzjoni differenti;

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, iżda jenfasizza li hemm bżonn ta' sforz addizzjonali, b'mod speċjali fir-rigward tal-infurzar;

2.  Huwa mħasseb profondament dwar l-impatt negattiv tal-prattiki ta' kummerċjalizzazzjoni żleali, qarrieqa u inġusti fuq it-tkabbir ekonomiku, l-aktar fuq l-SMEs, u fuq il-kompetizzjoni ġusta fis-suq intern, speċjalment fl-Istati Membri li huma anqas żviluppati u l-aktar milquta mill-kriżi finanzjarja;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiċċara l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2006/114/KE sabiex ikun hemm protezzjoni aħjar għal negozji kontra prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni;

Il-prevenzjoni u l-informazzjoni

4.  Jenfasizza li hemm bżonn ta' skambju aħjar ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri kollha joħolqu jew jassenjaw punt fokali nazzjonali fejn in-negozji u vittmi oħra ta' prattiki qarrieqa jkunu jistgħu jirrapportawhom, u fejn huma jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni dwar ir-rimedji ġudizzjarji u extraġudizzjarji disponibbli, kif ukoll għajnuna u kompetenzi fir-rigward tal-prevenzjoni u ta' kif jiġu affrontati d-diversi forom ta' frodi; iqis li kull punt fokali għandu jżomm bażi ta' dejta li tirreġistra t-tipi kollha ta' prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni u tinkludi eżempji faċli biex jinftehmu; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-koordinament ta' skambju ta' informazzjoni mingħajr ostakli mill-bażijiet ta’ dejta nazzjonali, fost l-oħrajn billi jiġi ffaċilitat it-twaqqif ta' sistema ta' twissija rapida li tidentifika prattiki ġodda, filwaqt li tqis il-limitazzjonijiet bġitarji;

5.  Jemmen li l-punti fokali nazzjonali għandhom jiżvolġu rwol attiv fil-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, iċ-ċittadini u n-negozji, u għandhom jaħdmu flimkien sabiex iwissu lil xulxin dwar prattiki qarrieqa ġodda u jassistu l-SMEs fis-soluzzjoni ta' tilwim transkonfinali billi jipprovdu informazzjoni dwar ir-rimedji ġudizzjarji u extraġudizzjarji disponibbli lill-kumpaniji ffrodati; jemmen li dawn il-punti fokali nazzjonali għandhom ikunu responsabbli li jikkomunikaw is-sejbiet ġenerali tagħhom lill-pubbliku tal-Istat Membru kkonċernat fuq bażi regolari;

6.  Jistieden lill-organizzazzjonijiet kummerċjali nazzjonali kif ukoll internazzjonali, u b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-SMEs, biex jaħdmu mill-qrib mal-punti fokali nazzjonali; F'dan ir-rigward, jilqa' wkoll il-kooperazzjoni pubblika-privata;

7.  Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni tistudja l-possibilità li tintroduċi, abbażi ta’ kriterji vvalidati, lista sewda madwar l-UE ta' prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni, u, jekk hu prattikabbli, ta' kumpaniji li ripetutament ġew ikkundannati fuq tali prattiki; jirrakkomanda li tali lista sewda għandha tkun koerenti ma' dik li diġà teżisti skont id-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali, għandha tkun eżawrjenti, u għandha tinkludi definizzjonijiet ċari ta' prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni;

8.  Jistieden lill-Europol jassumi rwol aktar attiv fl-indirizzar ta' dawn il-forom ta' frodi billi jiġbor informazzjoni dwar forom transkonfinali ta' prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni u billi janalizza l-istrutturi li hemm wara l-kumpaniji involuti, u anke jipprovdi mekkaniżmi għal skambji rapidi ta' informazzjoni aġġornata dwar dawn il-prattiki u l-istrutturi bejn l-awtoritajiet ta' infurzar nazzjonali;

9.  Jenfasizza l-bżonn li l-awtoritajiet ta' infurzar nazzjonali jaħdmu aktar mill-qrib flimkien ma' fornituri li s-servizzi tagħhom ikunu ntużaw minn dawk li jwettqu prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni, bħall-banek, il-kumpaniji tat-telefon, l-aġenziji tas-servizzi postali u tal-ġbir, b'mod partikolari billi jsaħħu l-iskambju ta' informazzjoni, sabiex jgħinu biex iwaqqfu kumpaniji diżonesti milli joperaw;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex flimkien jippromwovu inizjattivi li jedukaw u jinfurmaw l-intrapriżi kollha u jippromwovu skambji tal-aħjar prattika bejniethom, u b'hekk jiżguraw li huma konxji tal-perikli;

L-infurzar u l-prosekuzzjoni

11.  Jenfasizza l-fatt li d-differenzi li jeżistu fil-livelli ta' protezzjoni u l-mekkaniżmi ta' eżekuzzjoni pubblika fost l-Istati Membri huma ta' ostaklu għall-kampanji ta' reklamar li għaddejjin min-naħa għall-oħra tal-fruntieri nazzjonali, u li dan iwassal għal inċertezzi ġuridiċi u operattivi kbar għan-negozji;

12.  Jinnota bi tħassib li l-awtoritajiet investigattivi f'għadd ta' Stati Membri huma neqsin ħafna mir-rieda li jaffrontaw każijiet ta' prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni minħabba n-nuqqas ta' ċarezza tad-dispożizzjonijiet eżistenti, u li huma m'għandhomx fiduċja li l-piż tal-provi jista' jiġi stabbilit b'mod adegwat; jenfasizza l-bżonn li l-gvern ikun proattiv fl-indirizzar tar-reati finanzjarji u ekonomiċi;

13.  Jenfasizza li l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni hemm bżonn jitjiebu; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, tfassal linji gwida għall-korpi ta' infurzar nazzjonali dwar l-aħjar prattiki għall-korpi ta' infurzar nazzjonali fir-rigward tal-prijoritajiet għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kapaċità u l-kompetenzi tal-awtoritajiet investigattivi u ġudizzjarji rilevanti;

14.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu introdotti pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, filwaqt li jfakkar li sanzjonijiet jista' jkollhom effett preventiv;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi netwerk ta' kooperazzjoni reċiproka bejn korpi ta' infurzar nazzjonali sabiex titjieb l-implimentazzjoni tad-Direttiva f'każijiet transkonfinali;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni tevalwa r-rakkomandazzjoni tal-Parlament għal estensjoni parzjali tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali billi l-Anness I (il-lista sewda) tibda tkopri l-kuntratti minn negozju għal negozju (B2B), b'mod parallel mal-kunsiderazzjoni ta' rieżami possibbli tad-Direttiva 2006/114/KE sabiex tivvaluta jekk dan jirriżultax f'approċċ aktar koerenti peress li testendi l-kunċett ta' prattiki kummerċjali żleali, flimkien mal-lista sewda, għal relazzjonijiet B2B;

17.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi definizzjoni aktar ċara tal-prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni; f'dan ir-rigward, jitlob lill-Kummissjoni ddaħħal definizzjonijiet addizzjonali għall-prattiki ta' azzjoni legali ekoloġiċi ('green claim');

18.  Jitlob lill-Kummissjoni teżamina, bħala prijorità, kif kundanni għall-użu ta' prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni serji u ripetuti jistgħu jaffettwaw l-eliġibilità tal-kumpaniji kkonċernati biex jieħdu sehem fi proċeduri ta' akkwist tal-UE u/jew jirċievu fondi mill-UE;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet tat-taxxa tagħhom jikkooperaw mill-qrib mal-punti fokali nazzjonali billi jispezzjonaw attivament lil dawk il-kumpaniji li ġew irrapportati li jużaw tekniki ta' kummerċjalizzazzjoni qarrieqa;

20.  Jenfasizza l-bżonn ta' rwol aktar proattiv għall-organizzazzjonijiet responsabbli mir-reġistrazzjoni tal-kumpaniji, bħalma huma l-kmamar tal-kummerċ, bil-għan li tiġi identifikata l-imġieba suspettuża u jiġu evitati prattiki frodulenti;

21.  Jiġbed l-attenzjoni, b'mod partikolari, għar-rwol li jiżvolġu l-aġenziji frodulenti tal-ġbir tad-dejn li ma jaħsbuhiex darbtejn li jagħmlu pressjoni fuq in-negozji biex iħallsu fatturi li jafu li huma frodulenti jew setgħu kienu jafu li kienu frodulenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu mezzi ta' kif jikkontrollaw aħjar tali aġenziji, kemm qabel kif ukoll wara t-twaqqif formali tagħhom, kif ukoll biex iqisu l-possibbiltà li jiġi introdott rekwiżit obbligatorju għal aġenziji ta' ġbir tad-dejn sabiex jirrappurtaw prattiki qarrieqa;

22.  Jinnota bi tħassib li l-proċessi ta' riżoluzzjoni tat-tilwim irriżultaw ineffiċjenti, twal u għalja, u li ma joffru l-ebda garanzija ta' kumpens adegwat u fil-ħin għall-ħsara kkawżata; jenfasizza l-ħtieġa li tissolva din is-sitwazzjoni sabiex il-vittmi jkunu jistgħu jirċievu kumpens ġust; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu, fejn applikabbli, liġijiet nazzjonali li jagħmluha possibbli għall-vittmi ta' prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni li jaġixxu b'mod kollettiv f'kawża kontra kumpanija diżonesta, skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2013)3539 ippubblikata reċentement, u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2013)0401; jenfasizza li, sabiex tkun evitata litigazzjoni abbużiva, il-vittmi għandhom ikunu rappreżentati minn entità kwalifikata, kif imsemmi fid-dokumenti tal-Kummissjoni;

Il-kooperazzjoni internazzjonali lil hinn mill-UE

23.  Jenfasizza li l-prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni jikkostitwixxu problema internazzjonali li testendi lil hinn mill-Istati Membri individwali, kif ukoll mill-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, ifittxu kooperazzjoni internazzjonali fuq din il-materja, kemm ma' pajjiżi terzi kif ukoll mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni żżid l-involviment tagħha fil-Grupp ta' Ħidma Internazzjonali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Massa, li jikkonsisti f'aġenziji tal-infurzar tal-liġi, regolatorji, u tal-konsumatur fl-Istati Uniti, l-Awstralja, il-Belġju, il-Kanada, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Niġerja, u r-Renju Unit, u jinkludi wkoll lill-Europol;

o
o   o

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21.
(2) ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.
(3) ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.
(4) ĠU L 166, 11.6.1998, p. 51.
(5) ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 128.
(6) ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 26.
(7) ĠU C 45 E, 23.2.2010, p. 17.
(8) IP/A/IMCO/ST/2008-06.
(9) INT/675 - CES1233-2013_00_00_TRA_PA.

Avviż legali - Politika tal-privatezza