Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar l-għarfien dwar il-baħar 2020: L-immappjar ta’ qiegħ il-baħar għall-promozzjoni ta' sajd sostenibbli (2013/2101(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Awwissu 2012 bit-titolu ‘Għarfien dwar il-Baħar 2020 – mill-immappjar ta’ qiegħ il-baħar għat-tbassir oċeaniku’ (COM(2012)0473),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Settembru 2010 bit-titolu ‘Għarfien dwar il-Baħar 2020 – dejta u osservazzjoni tal-baħar għat-tkabbir intelliġenti u sostenibbli (COM(2010)0461),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal-25 ta' Frar 2008 dwar it-twaqqif ta' qafas Komunitarju għall-ġbir, l-immaniġġjar u l-użu ta' data fis-settur tas-sajd u dwar l-appoġġ għall-parir xjentifiku rigward il-politika komuni tas-sajd,
– Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-12 ta' Marzu 2013 għal direttiva li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar spazjali marittimu u għall-ġestjoni integrata tal-kosta (COM(2013)0133),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2012 bit-titolu ‘Tkabbir Blu – opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-setturi tal-baħar u dak marittimu' (COM(2012)0494),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar l-istabbilizzazzjoni ta' qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ambjentali tal-baħar (Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima) (Direttiva 2008/56/KE),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (Direttiva 2007/2/KE),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (Direttiva 2003/98/KE),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Lulju 2012 intitolata "Lejn aċċess aħjar għall-informazzjoni xjentifika: Jingħataw spinta l-benefiċċji tal-investimenti pubbliċi fir-riċerka’ (COM(2012)0401),
– wara li kkunsidra li r-rakkomandazzjoni 2012/417/UE tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Lulju 2012 dwar l-aċċess għal u l-preservazzjoni tal-informazzjoni xjentifika ,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni 2002/413/KEtal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2002 rigward l-implimentazzjoni ta' Amministrazzjoni Integrata taż-Żona Kostali fl-Ewropa,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-11 ta' Settembru 2012 bit-titolu ‘Il-progress tal-Politika Marittima Integrata tal-UE’ (COM(2012)0491),
– Wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tad-29 ta' Awwissu 2012 dwar l-evalwazzjoni interim tan-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni u d-Dejta tal-Ibħra (SWD(2012)0250),
– wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2012 bit-titolu ‘Roadmap for a European marine observation and data network’ (Pjan Direzzjonali għal Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni u d-Dejta tal-Ibħra) (Ares(2012)275043),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-8 ta' Settembru 2010 dwar l-evalwazzjoni tal-impatt tan-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni u d-Dejta tal-Ibħra (SEC(2010)0998),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu: ‘Europa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2010 dwar ir-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika dwar infrastruttura tad-dejta tal-ibħra (SEC(2010)0073),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-politika marittima integrata u l-2973 laqgħa (Affarijiet Ġenerali u Kunsill għar-Relazzjonijiet Esterni) tas-16 ta' Novembru 2009,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ottubru 2009 bit-titolu ‘Konklużjonijiet mill-Konsultazzjoni dwar Politika Marittima Ewropea’ (COM(2009)0540),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-7 ta' April 2009 bit-titolu "Building a European marine knowledge infrastructure: Roadmap for a European marine observation and data network"(SEC(2009)0499),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Settembru 2008 bit-titolu "Strateġija Ewropea għar-Riċerka tal-Baħar u dik Marittima: Qafas koerenti ta’ Żona Ewropea ta’ Riċerka b’appoġġ ta’ użu sostenibbli tal-oċeani u l-ibħra” (COM(2008)0534), u r-Riżoluzzjoni tad-19 ta' Frar 2009 dwar ir-riċerka applikata b'rabta mal-politika komuni tas-sajd(1),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2007 dwar politika marittima integrata għall-Unjoni Ewropea (COM(2007)0575),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A7-0295/2013),
A. billi l-għarfien tal-ambjent marittimu huwa fundamentali għall-promozzjoni, l-iżvilupp u l-espansjoni tal-'Ekonomija Blu', li tirrappreżenta d-dimensjoni marittima tal-Istrateġija Ewropa 2020, li tgħaqqad fiha għarfien u innovazzjoni teknika, użu sostenibbli tar-riżorsi, kompetittività u ħolqien tal-impjiegi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;
B. billi l-għarfien tal-qasam marittimu huwa essenzjali biex tiżdied u titjieb l-informazzjoni b'rabta mal-ekosistemi u l-inċidenzi antropiċi fuq il-qasam marittimu, billi jippermetti protezzjoni tajba tal-ambjent, użu razzjonali u ambjentalment sostenibbli fit-tul tar-riżorsi u tkabbir ekwilibrat u sostenibbli tal-utilizzazzjonijiet u tal-attivitajiet tal-bniedem li jsiru b'rabta mal-baħar;
C. billi d-data eżistenti dwar l-ambjent marittimu bħalissa tinsab f'bosta korpi differenti b'mod mifrux u frammentat; Billi huwa fundamentali li tiġi żgurata disponibilità u faċilità ta' aċċess għar-riżerva vasta ta' data eżistenti dwar l-ambjent marittimu fl-Ewropa, sabiex jiġu massimizzati r-riżorsi u jiġu promossi l-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi fis-setturi tal-baħar u marittimi;
D. billi s-settur tas-sajd jikkostitiwixxi waħda mill-attivitajiet tal-bniedem ewlenin li jsiru fl-ambjent marittimu, jikkontribwixxi għad-disponibilità tal-provvisti tal-ikel u huwa ta' importanza enormi, speċjalment għall-komunitajiet kostali, u jikkostitwixxi għalhekk element determinanti tal-Politika Marittima Integrata; Billi għandu jitfakkar li l-attivitajiet ta' sajd spiss għandhom impatti negattivi sinifikanti fuq l-ekosistemi tal-baħar, minħabba l-varjetà u l-kwantità tal-istokkijiet ta' ħut li jinqabdu; Billi s-sajd huwa wkoll l-iktar settur affettwat mill-bosta użi u attivitajiet li jsiru fl-ambjent marittimu, bħat-trasport marittimu u t-turiżmu, l-iżvilupp tal-bliet u tal-kosti, it-tniġġis tal-ibħra, l-industriji estrattivi u l-enerġiji rinnovabbli, li l-impatti tagħhom jistgħu jingħaqdu ma' dawk dovuti għall-attivitajiet ta' sajd;
E. billi hemm diversità kbira fost l-ibħra Ewropej, b'varjazzjonijiet fil-flotot tas-sajd u t-tipi ta' sajd li jsiru mid-diversi Stati Membri; Billi r-rikonoxximent u l-apprezzament ta' din id-diversità u tal-karatteristiċi speċifiċi jiddependu ħafna mill-informazzjoni disponibbli fir-rigward tal-attività tas-sajd;
F. billi hemm tendenza ta' żieda mhux biss fl-użu ta' teknoloġiji tal-informazzjoni marbuta mas-settur tas-sajd - li żied l-aċċessibilità u t-trasparenza tal-informazzjoni - iżda wkoll ta' kompjuterizzazzjoni tal-ġbir tad-data u sistemi ta' trasferiment fl-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali u fl-organizzazzjonijiet tal-produtturi; Iqis għalhekk li mhemmx dubju li żieda fid-disponibilità tal-informazzjoni dwar l-attività ta' sajd tista' twassal għal proċess ta' tħeġġiġ ta' prattiki ta' sajd iktar sostenibbli, mhux biss f'termini ambjentali iżda wkoll ekonomiċi u soċjali;
G. billi jitqies il-bżonn li ssir identifikazzjoni u delimitazzjoni taż-żoni sensittivi fuq il-pjan bijoġeografiku u jiġu stabbiliti żoni ta' rkupru tal-istokkijiet tal-ħut u żoni tal-baħar protetti sabiex jiġu żgurati l-protezzjoni u l-preservazzjoni effettivi tal-ekosistemi marittimi vulnerabbli kontra l-prattiki ta' sajd li jagħmlu ħsara; billi jfakkar li iktar ma jkun hemm informazzjoni mtejba dwar l-ambjent marittimu u l-attività ta' sajd, iktar jiġu mifhuma, aċċettati u applikati l-miżuri mtejba ta' protezzjoni tal-ekosistemi u ta' ġestjoni tal-piskeriji u ippjanar tal-ispazju marittimu;
H. Billi l-inizjattiva Għarfien dwar il-Baħar 2020 fetħet skambju ta' ideat dwar dan is-suġġett u wettqet konsultazzjoni pubblika biex jinstemgħu opinjonijiet fir-rigward tal-opportunitajiet u l-isfidi provduti mill-aċċess għal informazzjoni dwar il-monitoraġġ marittimu fl-Ewropa; Billi tintlaqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippubblika l-Green Paper "Għarfien dwar il-Baħar 2020: mill-immappjar ta' qiegħ il-baħar għat-tbassir oċeaniku";
I. Billi jeħtieġ li, bi qbil mar-regoli stabbiliti, jiġi rilaxxat il-potenzjal tal-ammont kbir ta' data dwar l-ambjent marittimu li nġabret u nħażnet minn bosta korpi pubbliċi u privati fil-livell Ewropew, u li din issir disponibbli u aċċessibbli għall-utenti potenzjali, biex b'hekk jiġi enfasizzat il-bżonn ta' ċaqliq ta' paradigma b'rabta mal-ġbir u mal-użu, sabiex is-sistema attwali li taħtha jsiru bosta ġabriet ta' data għal użi speċifiċi u singoli tiġi sostitwita b'mudell li jippermetti li d-data tinġabar u ssir disponibbli għal bosta użi;
J. Billi disponibilità ikbar u faċilità ta' aċċess għad-data se jippromwovu l-użu ta' din id-data fi studji multidixxiplinari u jħeġġu l-ħolqien ta' sħubiji intersettorjali, b'mod partikolari bejn is-settur pubbliku u dak privat, u b'hekk tiġi provduta massa ta' data b'kapaċità u b'utilità ferm ikbar mis-somma tal-partijiet tagħha;
K. Billi din l-inizjattiva hija bbażata fuq strateġija interdixxiplinari li tintegra u torbot l-attivitajiet kollha ta' osservazzjoni tal-ibħra li qed isiru bħalissa fl-UE; Billi jenfasizza l-utilità u l-vantaġġi ta' aċċess għal bosta forom ta' data permezz ta' pjattaforma diġitali bi dħul uniku li tipprovdi data dwar l-ambjent marittimu;
L. Billi l-importanza enormi u d-diversità tas-settur tas-sajd, bħala attività marittima anċestrali u tradizzjonali, tiġġustifika bis-sħiħ l-inklużjoni ta' informazzjoni dwar il-ġestjoni u l-użu tas-sajd fost id-data li għandha tiġi mmappjata u ssir disponibbli skont l-inizjattiva Għarfien dwar il-Baħar 2020;
M. billi, biex tiġi appoġġata l-ġestjoni tal-politika komuni dwar is-sajd (PKS), l-UE, mill-2001, tiffinanzja l-ġbir tad-data b'rabta mas-settur tas-sajd u t-tixrid tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri; billi jfakkar li s-sajd tal-UE huwa ġestit permezz ta' pjanijiet ta' ġestjoni pluriennali u mmexxija permezz ta' approċċi ta' prekawzjoni u ekosistemiku bl-għan li jiġi minimizzat l-impatt tal-attività tas-sajd fuq l-ekosistemi marittimi, strateġija li timplika riċerka multidixxiplinari u li teħtieġ il-ġbir ta' ħafna data xjentifika dwar l-istokkijiet tal-ħut;
N. Billi r-riforma tal-PKS li qed issir bħalissa iżżid l-obbligi tal-Istati Membri f'termini ta' ġbir ta' data ambjentali, bijoloġika, teknika u soċjoekonomika dwar l-attività ta' sajd, fil-kuntest tal-Qafas għall-Ġbir tad-Data dwar is-sajd, li għandu jiġi allokat iktar fondi għall-perjodu 2014-2020 skont il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS);
Sorsi ta' informazzjoni u tipi ta' data
1. Jenfasizza l-eżistenza ta' bosta organiżmi pubbliċi u privati li jżommu data dwar l-attività ta' sajd fl-UE li għandhom jiġu integrati fl-immappjar diġitali b'riżoluzzjoni multipla ta’ qiegħ il-baħar disponibbli għall-pubbliku;
2. Jenfasizza li, biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom lill-UE taħt il-Qafas għall-Ġbir tad-Data, l-Istati Membri għandhom jiġbru u jittrażmettu data li tikkostitwixxi sors eċċellenti ta' informazzjoni dwar l-attività ta' sajd, u li dan l-ammont kbir ta' informazzjoni jinġabar miċ-Ċentru Komuni ta' Riċerka (JRC) u huwa soġġett għall-valutazzjoni tal-esperti tal-gruppi ta' ħidma tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF); iżid jgħid li d-data miġbura mill-Istati Membri skont il-qafas għall-ġbir tad-data fis-settur tas-sajd tintuża mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) biex jipprovdi informazzjoni xjentifika dwar ir-riżorsi u pariri għall-ġestjoni tal-pixkeriji;
3. Jenfasizza l-ammont konsiderevoli ta' data ġġenerata mill-flotta mgħammra b'Sistema ta' Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS) bis-satellita, li l-użu tagħha jkun utli ferm biex jitfasslu mapep tal-attività tas-sajd; ifakkar fl-importanza tad-data VMS fil-każ ta' sajd imħallat; jenfasizza r-rilevanza ta' integrazzjoni u ta' mmappjar tal-informazzjoni supplimentari, partikolarment tad-data rreġistrata fil-gazzetti tas-sajd elettroniċi jew fuq karta, ir-reġistri ta' osservaturi tas-sajd abbord u d-data tal-kampanji ta' monitoraġġ tar-riżorsi tal-ħut;
4. Ifakkar li ċerti organizzazzjonijiet tal-produtturi (OP), speċjalment dawk tas-sajd industrijali, iżommu data dwar l-attività tas-sajd li għandha tikkompleta l-informazzjoni disponibbli bħalissa; iżid jgħid li, fil-każ tas-sajd kostali u artiġjanali - attività li għaliha l-informazzjoni hija pjuttost limitata - għandu jitħeġġeġ il-ġbir ta' data mill-flotta nnifisha, bl-użu ta' bastimenti bħala pjattaformi ta' ġbir tad-data ta' monitoraġġ tas-sajd, eventwalment permezz tal-installazzjoni fil-bastimenti b'apparat sempliċi ta' monitoraġġ 'live' flimkien ma' sistemi GPS/GPRS; jinnota wkoll li parti kbira ħafna mid-data dwar is-sajd tinkiseb fil-kuntest ta' proġetti ta' riċerka;
5. Jenfasizza l-utilità li jsiru disponibbli l-mapep tat-tqassim spazjali tal-flotta tas-sajd, tal-isforz tas-sajd u tal-għamla u l-volum tal-qbid, billi dan jippermetti lill-utenti potenzjali li jaċċedu għal informazzjoni b'rabta maż-żoni soġġetti għal intensità ikbar ta' sajd, u għall-ispeċijiet tal-ħut u l-volum tal-qbid f'żona partikolari, fost parametri oħra; fost l-informazzjoni kollha li għandha tiġi inkluża f'dan it-tip ta' mapep hemm id-data b'rabta mat-tipoloġija tal-flotta (peż. in-nazzjonalità, il-port tal-irmiġġ, l'età, it-tul, it-tunnellaġġ, is-saħħa, l-ekwipaġġ), l-isforz tas-sajd (peż. in-numru ta' vjaġġi jew ta' jiem tas-sajd, in-numru u l-karatteristiċi ta' rkaptu) u l-qbid (peż. l-ispeċijiet mira, l-ispeċijiet aċċessorji, ir-rifjuti, it-toqol, il-valur); jenfasizza barra minn hekk li l-provvista ta' data VMS tippermetti t-tqassim spazjali tal-flotta u t-tqabbil ta' din l-informazzjoni mad-data tal-gazzetti tas-sajd, li jippermetti l-valutazzjoni tat-tqassim spazjali tal-qbid;
6. Jemmen li l-immappjar separat tad-data skont it-tip ta' attività ta' sajd, bħas-sajd fuq skala żgħira, is-sajd tradizzjonali u s-sajd industrijali, jipprovdi idea iktar realistika tad-diversità tas-settur tas-sajd; Jenfasizza wkoll li jekk l-indikaturi soċjoekonomiċi b'rabta mas-sajd (eż. età u taħriġ tal-membri tal-ekwipaġġ) isiru disponibbli, jistgħu jgħinu biex tingħata deskrizzjoni iktar dettaljata tas-settur;
Kif ikunu promossi l-ksib u d-disponibilità tad-data
7. Jirrikonoxxi li bosta persuni għandhom interess leġittimu fl-aċċess għal informazzjoni b'rabta mal-attività tas-sajd u l-istat ta' konservazzjoni u l-isfruttament tar-riżorsi; Jappoġġa għalhekk il-ħolqien ta' mekkaniżmi li jipprovdu aċċess faċli għal data rilevanti dwar is-sajd, b'kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti u b'livelli differenti ta' aċċess, u filwaqt li jiġu żgurati livelli adegwati ta' kunfidenzjalità tal-informazzjoni u tal-interessi kummerċjali;
8. Ifakkar li l-ġbir ta' data u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ħut huma ffinanzjati mill-UE u mill-Istati Membri u li dawn jistgħu jkunu aċċessibbli għall-utenti potenzjali u l-pubbliku ġenerali; jappoġġa l-fatt li d-data l-oħra miksuba permezz ta' fondi pubbliċi (mill-UE jew l-Istati Membri) għandha wkoll tkun aċċessibbli u disponibbli għall-pubbliku, filwaqt li l-aċċess għal data dwar il-ħut miksuba permezz ta' fondi privati u li ma fihiex informazzjoni kummerċjalment sensittiva tinkiseb bil-kundizzjoni li dan jiġi awtorizzat mill-organiżmi li jżommu l-informazzjoni;
9. Jirrimarka li t-taqsima tar-Regolament li tistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-PKS li tittratta d-dejta u l-informazzjoni li fiha artikoli mmirati speċifikament għall-protezzjoni ta’ dejta personali u l-kunfidenzjalità ta’ sigriet professjonali u kummerċjali; Jenfasizza wkoll li r-Regolament t’hawn fuq jgħid b’mod espliċitu li d-dejta dwar is-sajd li l-kollezzjoni, l-iskambju u l-iżvelar tagħha jippreġudika l-protezzjoni tal-privatezza u l-integrità tal-individwu jew l-interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluż il-proprjetà intellettwali, hija soġġetta għar-regoli applikabbli dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali u kummerċjali;
10. Jafferma li dan se jkun il-każ ukoll għad-data dwar il-ħut li tiġi minn proġetti ta' riċerka u li huwa għalhekk normali li l-informazzjoni miksuba fil-kuntest ta' proġetti xjentifiċi żviluppati permezz ta' finanzjament jew kofinanzjament pubbliku (UE jew Stati Membri) tkun aċċessibbli u titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti potenzjali u l-pubbliku ġenerali, fir-rispett tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu speċifikati bil-quddiem fil-proġetti; jenfasizza li ċerti tipi ta' data dwar il-ħut huma dovuti speċifikament għall-ħolqien u l-użu ta' mudelli, prototipi jew apparat sperimentali, b'tali mod li l-użu tagħhom ikun partikolarment sensittiv;
11. Jenfasizza l-eżistenza ta’ komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni u rakkomandazzjonijiet dwar l-aċċess għal u t-tixrid u l-preservazzjoni ta’ informazzjoni xjentifika, li jistqarru li l-iżvelar tad-dejta ta’ riċerka għandu jikkonforma mar-regoli nazzjonali Ewropej dwar il-protezzjoni tad-dejta; jirrimarka wkoll li dawn d-dokumenti jirreferu għall-ħtieġa li jiġu salvagwardati l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-iżvelar tad-dejta u r-restrizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw mar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali, il-privatezza, is-segretezza kummerċjali, l-interessi kummerċjali leġittimi u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;
12. Iqis li, indipendentement mill-fatt li d-data tinżamm minn organiżmi pubbliċi jew tinkiseb permezz ta' fondi pubbliċi jew privati, jaqbel dejjem li jissemma l-organiżmu responsabbli mill-ġbir, l-ipproċessar u l-komunikazzjoni tal-informazzjoni; jafferma barra minn hekk li, f'każ fejn il-komunikazzjoni tal-informazzjoni jista' jkollha konsegwenzi fil-livell tal-kompetittività, il-kompetizzjoni jew id-dħul finanzjarju tal-organizzazzjonijiet li jżommu l-informazzjoni, huma biss il-prodotti tad-data u d-data aggregata li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u mhux id-data netta jew ipproċessata; Huwa tal-fehma li, fir-rigward ta' każijiet bħal dawn, jekk isir riferiment għas-sors tad-data, il-persuni interessati jkunu jistgħu jikkuntattjaw lid-detenturi tal-informazzjoni oriġinali u jitolbuhom aċċess għad-data iktar dettaljata jew għad-data netta;
13. Iqis li meta jkun qed isir l-immappjar u d-data dwar il-movimenti u l-operazzjonijiet tal-flotta tas-sajd issir disponibbli, b'mod partikolari informazzjoni miksuba minn rapporti VMS, gazzetti tas-sajd, u gazzetti miżmuma minn osservaturi abbord, għandhom jittieħdu miżuri biex tiġi protetta l-kunfidenzjalità u jiġu salvagwardati l-interessi kummerċjali, b'konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli f'dan il-kuntest; Jenfasizza li dan jista' jsir permess ta' omissjoni ta' informazzjoni individwali, bħall-ismijiet tal-bastimenti u l-marki tar-reġistrazzjoni, it-tixrid ta' data aggregata, possibilment skont iż-żona, it-taqsima tal-flotta jew it-tip ta' ekwipaġġ tas-sajd, u billi jitħalla biżżejjed żmien bejn il-ġbir tad-data u l-mument meta l-mappa tas-sajd issir disponibbli; Jirrimarka madankollu li jekk id-data tiġi aggregata fuq bażi wisq wiesa' u l-iskali spazjali u ż-żminijiet ikunu twal wisq, il-livell ta' dettall u l-preċiżjoni tal-informazzjoni ma jibqgħux b'saħħithom;
14. Iqis illi, meta data dwar il-ħut tinżamm minn organiżmi pubbliċi tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tfassal sett standard komprensiv ta' parametri li għandhom jinxterdu, li tiġi imposta skadenza bejn il-ġbir, l-ipproċessar u l-komunikazzjoni tal-informazzjoni, u li jitħeġġeġ it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' din l-informazzjoni sabiex il-persuni interessati ewlenin ikunu jistgħu jikkonsultawha; iqis li jeħtieġ li jiġi previst sett minimu ta' parametri ta' komunikazzjoni obbligatorja, kif ukoll komunikazzjoni u qsim tad-data ekwivalenti, sabiex l-Istati Membri kollha jkollhom l-istess tip ta' informazzjoni dwar is-sajd;
15. Iqis li, meta data dwar l-attività tas-sajd tinkiseb fil-kuntest ta' proġetti ta' riċerka ffinanzjati jew soġġetti għal kofinanzjament mill-UE jew mill-Istati Membri, għandha titqies klawsola li tipprevedi l-obbligu ta' komunikazzjoni tad-data wara l-finalizzazzjoni tal-proġett u bi qbil mal-kalendarju prestabbilit;
16. Iqis li meta d-data tkun inkisbet minn proġetti ta' riċerka, ir-riċerkaturi kkonċernati għandhom jingħataw żmien raġonevoli biex jippubblikaw l-istudji tagħhom; Huwa tal-fehma li, skont approċċ appoġġat fl-inizjattiva Orizzont 2020, din ir-restrizzjoni tista' tingħeleb billi tiġi stabbilita moratorja li tippermetti żmien għall-pubblikazzjoni; Iqis ukoll li d-data għandha tiġi komunikata fi żmien qasir kemm jista' jkun u li l-moratorja għalhekk m'għandhiex tkun itwal minn tliet snin, sabiex jiġi żgurat li d-data ma ssirx inutli u biex jittieħed benefiċċju sħiħ mit-tixrid tagħha;
Kif għandha tinġabar u titqassam id-data b'mod effettiv
17. Jinnota li d-data għandha tkun b'saħħitha u affidabbli, il-kwalità tagħha għandha tkun standardizzata, verifikata u ċċekkjata, kemm jekk tkun ġejja mill-bażijiet tad-data tal-Istati Membri kif ukoll minn proġetti ta' riċerka dwar is-sajd;
18. Iqis li huwa essenzjali li jiġu stabbiliti protokolli/mudelli komuni, armonizzati u ttestjati fi strateġiji ta' teħid ta' kampjuni, u li jiġu stabbiliti proċeduri ta' ġbir u ta' ipproċessar tad-data u l-format li fih għandha tiġi komunikata l-informazzjoni, peress li dan kollu huwa essenzjali biex id-data dwar is-sajd tkun paragunabbli u interoperabbli; Jinnota li l-mudell tal-Qafas għall-Ġbir tad-Data jista' jintuża għal dan l-għan;
19. Jinnota li l-forma li fiha tiġi komunikata d-data dwar is-sajd tista' tvarja skont il-kumplessità tagħha u li jeħtieġ li jiġi determinat liema tipi ta' data jistgħu jsiru disponibbli bħala data netta, f'forma ipproċessata jew bħala prodotti tad-data; Jirrimarka li l-iktar parametri bażiċi/sempliċi jistgħu jiġu komunikati f'forma ta' data netta, filwaqt li parametri iktar kumplessi/speċifiċi li jeħtieġu analiżi u interpretazzjoni speċjalizzata għandhom jiġu fornuti fil-forma ta' data ipproċessata jew prodotti tad-data; Jinnota li huwa importanti li jiġu speċifikati t-tipi ta' informazzjoni dwar is-sajd disponibbli għall-utenti potenzjali, billi ssir distinzjoni bejn id-data netta, id-data ipproċessata, il-prodotti tad-data u bejn il-parametri miksuba permezz ta' kejl u dawk li jirriżultaw minn mudelli;
20. Jirrimarka li f'ċerti każijiet, jekk id-data kkomunikata jkollha wisq dettall u r-riżoluzzjoni tal-immappjar tkun għolja wisq, l-isforz tas-sajd jista' jiġi kkonċentrat b'mod mhux mixtieq fuq riżorsi speċifiċi u ħabitats marittimi vulnerabbli; Iqis għalhekk li meta informazzjoni bħal din tiġi komunikata, għandhom ukoll jittieħdu passi għall-protezzjoni u l-monitoraġġ tar-riżorsi u l-ħabitats ikkonċernati; Isostni wkoll li informazzjoni sensittiva dwar it-tqassim spazjali ta' speċijiet marittimi rari jew perikolati għandha tinżamm biex dawn jiġu protetti;
21. Jafferma li ġbir u provvista effikaċi tad-data jeħtieġu koordinazzjoni tajba min-naħa tal-Kummissjoni u sforz ta' artikolazzjoni u ta' kooperazzjoni fil-livell tal-Istati Membri; jenfasizza li l-koordinazzjoni mill-Kummissjoni hija essenzjali għat-twaqqif ta' objettivi prijoritarji, għat-titjib tar-rapport bejn l-ispiża u l-effikaċja matul il-ġbir, tal-ipproċessar u l-provvista tad-data, kif ukoll tal-iżvilupp ta' sinerġiji bejn l-Istati Membri;
22. Jenfasizza li, meta titqies id-diversità tas-sistemi ta' ġbir tad-data u tal-volum u t-tip ta' data miġbura mid-diversi organiżmi pubbliċi u privati li jżommu l-informazzjoni dwar il-ħut, l-artikolazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri huma essenzjali biex tiġi garantita l-armonizzazzjoni tal-varjetà, tal-kwantità u tal-format tad-data; jenfasizza li l-effikaċja tal-artikolazzjoni u tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għandha tkun soġġetta għal valutazzjonijiet regolari min-naħa tal-Kummissjoni;
23. Jirrakkomanda l-impożizzjoni lill-Istati Membri ta' definizzjoni tal-organiżmu nazzjonali responsabbli mill-ġbir, il-kompilazzjoni, l-ipproċessar, il-kontroll tal-kwalità, l-artikolazzjoni u t-trażmissjoni tad-data li għandha tiddaħħal fi pjattaforma komuni ta' aċċess għall-informazzjoni dwar il-ħut; jenfasizza li huwa possibbli li għal dan l-għan, fil-livell tal-Istati Membri, jinħoloq organiżmu speċifiku ffinanzjat mill-fondi Komunitarji u kkoordinat mill-Kummissjoni;
Kif jittieħdu l-benefiċċji mill-ipproċessar u l-interpretazzjoni tad-data
24. Jirrimarka li biex jittieħed benefiċċju massimu minn din l-inizjattiva, il-governanza u l-mudell operattiv għandhom jippermettu l-ġbir, ipproċessar, interpretazzjoni u komunikazzjoni meħtieġa tad-data dwar is-sajd u jiżguraw il-parteċipazzjoni u l-involviment ġenwin tal-Istati Membri, tad-dinja xjentifika u tal-komunitajiet lokali;
25. Isostni li, fir-rigward tal-governanza u tal-operazzjoni, in-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni u d-Dejta tal-Ibħra (EMODnet) għandu jingħata status permanenti; Huwa tal-fehma li, fir-rigward tal-inkorporazzjoni tad-data li mbagħad issir disponibbli fuq din il-pjattaforma, ikun tajjeb li jittieħed benefiċċju mill-esperjenza miksuba fl-iżvilupp tal-kunċett EMODnet, billi jiġi inkluż l-gruppi speċjalisti stabbiliti u li qed jaħdmu b'dan l-iskop u portali tematiċi b'rabta mal-ibħra (idrografija, ġeoloġija, fiżika, kimika, bijoloġija, ħabitats u attivitajiet tal-bniedem);
26. Huwa tal-fehma li, meta titqies l-importanza tas-settur tas-sajd, id-data dwar is-sajd preferibbilment għandha ssir grupp speċifiku addizzjonali fi ħdan il-pjattaforma EMODnet jew inkella tiġi integrata fil-portal tematiku li għadu kemm inħoloq għall-"attivitajiet tal-bniedem", biex b'hekk ikun possibbli l-aċċess għal kontenut ġenerali b'varjetà usa';
27. Iqis li l-pjattaforma EMODnet għandha tkun ikkoordinata mas-Servizz Marittimu tal-programm Ewropew ta monitoraġġ tad-dinja (Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà - GMES), biex tiġi pprovduta kemm informazzjoni kemm jista' jkun u biex id-data dwar is-sajd tkun tista' tintrabat mad-data tal-monitoraġġ mis-satellita GMES li tiffoka fuq parametri ambjentali;
28. Iqis li inizjattiva ambizzjuża bħall-"Għarfien dwar il-Baħar 2020", ta' daqs enormi u bbażata fuq approċċ multidixxiplinari b'input fil-forma mixtieqa pprovduta mill-informazzjoni dwar is-sajd, timplika ħtieġa għal pjan ta' azzjoni speċifiku li jistabbilixxi l-għanijiet fit-tul u fuq żmien medju, abbażi ta' sforz ikkoordinat mill-Ue u mill-Istati Membri;
29. Isostni li l-implimentazzjoni u s-suċċess ta' proġetti ta' dan it-tip jiddependu minn finanzjament sostanzjali għall-kontinwità u l-prevedibilità fuq żmien twil; Jitlob biex il-provvista ta' data dwar is-sajd adegwata biex tiġi inkluża fl-immappjar diġitali b'riżoluzzjoni multipla ta’ qiegħ il-baħar tirċievi l-inkoraġġiment u l-appoġġ meħtieġa min-naħa tal-UE; Jirrimarka li, biex tiġi prodotta informazzjoni dwar is-sajd, se jkun hemm bżonn li jingħaqdu s-sorsi kollha ta' finanzjament disponibbli fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali, u jinnota li l-FEMS jgħaqqad ġo fih l-appoġġ meħtieġ għal kull mezz tekniku użat għat-twaqqif u t-tħaddim tal-EMODnet;
o o o
30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sajd u l-Akkwakultura, lill-kunsilli konsultattivi reġjonali u lill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd.