Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat: ħidma favur sħubija aktar b'saħħitha. Il-pożizzjoni tal-PE dwar ir-rapporti ta’ progress 2012. (2013/2621(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2003 dwar 'Ewropa Usa' - Viċinat: Qafas Ġdid għar-Relazzjonijiet mal-Ġirien tagħna tal-Lvant u n-Nofsinhar' (COM(2003)0104), tat-12 ta' Mejju 2004 intitolat 'Politika Ewropea tal-Viċinat - Karta ta' Strateġija' (COM(2004)0373, tal-4 ta' Diċembru 2006 dwar 'It-Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat' (COM(2006)0726), tal-5 ta' Diċembru 2007 dwar 'Politika Ewropea tal-Viċinat b'Saħħitha' (COM(2007)0774), tat-3 ta' Diċembru 2008 dwar 'Is-Sħubija tal-Lvant' (COM(2008)0823), tal-20 ta' Mejju 2008 intitolat 'Il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran' (COM(2008)0319), tat-12 ta' Mejju 2010 dwar 'Analiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat' (COM(2010)0207) u tal-24 ta' Mejju 2011 dwar 'Djalogu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran' (COM(2011)0292),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet Konġunti tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-20 ta' Marzu 2013 dwar 'Il-Politika Ewropea tal-Viċinat: Naħdmu lejn Sħubija aktar b'Saħħitha' (JOIN(2013) 0004), tal-25 ta' Mejju 2011 dwar 'Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni' (COM(2011)0303) u tat-8 ta' Marzu 2011 dwar 'Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran' (COM(2011)0200),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea għas-26 ta' Lulju 2010, l-20 ta' Ġunju 2011 u t-22 ta' Lulju 2013 tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin/Kummerċ tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta' Settembru 2011 u tal-Kunsill Ewropew tas-7 ta' Frar 2013,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet Konġunti tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-15 ta' Mejju 2012, intitolat 'Is-Sħubija tal-Lvant: Pjan direzzjonali għas-Summit tal-Ħarifa 2013' (JOIN(2012)0013) u 'Inwasslu Politika Ewropea tal-Viċinat ġdida' (JOIN(2012)0014) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal konġunti li jakkumpanjawhom tal-20 ta' Marzu 2013 ('Rapporti reġjonali', SWD(2013)0085 u 0086),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument ta' Viċinat u Sħubija(1)
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Barċellona adottata fil-Konferenza Ewro-Mediterranja tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin, li saret f'Barċellona fis-27 u t-28 ta' Novembru 1995, li stabbiliet is-Sħubija Ewro-Mediterranja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit ta' Pariġi għall-Mediterran, li saret fit-13 ta' Lulju 2008,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 għall-Unjoni għall-Mediterran(2),
– wara li kkunsidra s-Sħubija ta' Deauville mnedija mill-G8 fil-laqgħa tal-mexxejja f'Deauville f'Mejju 2011, li tiegħu l-UE hija membru,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tas-Summit ta' Praga għas-Sħubija tal-Lvant tas-7 ta' Mejju 2009 u s-Summit ta' Varsavja għas-Sħubija tal-Lvant tad-29 u t-30 ta' Settembru 2011,
– wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta tal-laqgħa għas-Sħubija tal-Lvant tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin fi Brussell, fit-23 ta' Lulju 2012,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/424/PESK tat-18 ta' Lulju 2011 li taħtar lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tal-Mediterran tan-Nofsinhar (3)u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/518/PESK tal-25 ta' Awwissu 2011 li taħtar lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Ġeorġja(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' April 2011 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat ‒ id-Dimensjoni tal-Lvant(5) u dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat ‒ id-Dimensjoni tan-Nofsinhar(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2011 għall-Politika Ewropea tal-Viċinat(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013 dwar l-irkupru tal-assi fil-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fi tranżizzjoni(8),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-politika tal-UE lejn il-Bjelorussja(9),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja(10),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar l-istrateġija dwar il-libertà diġitali fil-politika estera tal-UE(11),
– wara li kkunsidra l-Att Kostitwenti tal-Assemblea Parlamentari Euronest tat-3 ta' Mejju 2011(12),
– wara li kkunsidra l-konlużjonijiet tas-Summit tal-Parlamenti Ewro-Mediterranji (Marsilja, 6-7 ta' April 2013) u l-konklużjonijiet tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran u l-Assemblea Parlamentari Euronest,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonjiet tiegħu li fihom ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament għall-Kunsill, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Armenja(13), il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Azerbajġan(14), il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova(15), il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja(16), u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina(17),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet 2006/356/KE, 2005/690/KE, 2004/635/KE, 2002/357/KE, 2000/384/KE, 2000/204/KE u 98/238/KE rigward il-konklużjoni ta' Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Libaniża, ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija, ir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, l-Istat tal-Iżrael, ir-Renju tal-Marokk u r-Repubblika tat-Tuneżija rispettivament,
– wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta tas-Sħubija tal-Lvant tal-Ministri Barranin tal-Grupp Visegrad, l-Irlanda u l-Litwanja, maħruġa fi Krakovja fis-17 ta' Mejju 2013,
– wara li kkunsidra r-relazzjonijiet tal-UE fit-tul mal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Ewropa u r-rabtiet storiċi, ekonomiċi, politiċi u soċjali li ħafna Stati Membri tal-UE mal-pajjiżi ta' dan ir-reġjun, u l-impenn tal-UE biex jinżammu l-iżjed rabtiet mill-qrib possibbli billi jingħata l-appoġġ meħtieġ, f’koerenza mal-PEV usa’,
– wara li kkunsidra l-fatt li d-deċiżjonijiet tas-Summit ta' Vilnjus dwar is-Sħubija tal-Lvant jistgħu jkunu kruċjali għall-futur tas-Sħubija tal-Lvant, u huwa għalhekk li huwa importanti li tinżamm perspettiva fit-tul, li testendi lil hinn mis-Summit u tiżgura politika ta' segwitu ambizzjuża għar-reġun,
– wara li kkunsidra Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni (AAs) mhumiex għan fihom infushom iżda strument għall-promozzjoni tar-riforma profonda u sostenibbli, trasformazzjoni sistematika u allinjament aktar mill-qrib mal-Unjoni u l-valuri u l-istandards fundaturi tagħha; billi l-implimentazzjoni xierqa u f'waqtha tagħhom hija għaldaqstant kriterju prevalenti fil-valutazzjoni tas-sitwazzjoni fil-pajjiżi relevanti;
B. billi l-Politika Ewropea tal-Viċinat għandha ssaħħaħ is-sħubija bejn l-UE u l-pajjiżi u s-soċjetajiet tal-viċinat, sabiex tibni u tikkonsolida demokraziji b'saħħithom, issegwi t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u tiġġestixxi r-rabtiet transkonfinali;
C. billi r-relazzjoni privileġġjata mal-ġirien tal-Ewropa fi ħdan il-PEV hija mibnija fuq l-impenn reċiproku għal valuri komuni (id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, il-prinċipji tal-ekonomija tas-suq u l-iżvilupp sostenibbli); billi wara r-reviżjoni tal-PEV, għandu jkun hemm fokus qawwi fuq il-promozzjoni ta’ demokrazija profonda u sostenibbli, akkumpanjata minn żvilupp ekonomiku inklussiv;
D. billi d-demokrazija li tiffunzjona, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt huma pilastri fundamentali tas-sħubija tal-UE mal-ġirien tagħha; billi l-bini ta’ demokrazija profonda u sostenibbli jeħtieġ impenn b’saħħtu u dejjiemi min-naħa tal-gvernijiet favur elezzjonijiet liberi u ġusti, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, espressjoni u għaqda u stampa u midja liberi, l-istat tad-dritt amministrat minn ġudikatura indipendenti u d-dritt għal proċess ġust, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni; ir-riforma fis-settur tas-sigurtà u l-infurzar tal-liġi (inkluż il-pulizija) u l-istabbiliment ta’ kontroll demokratiku fuq il-forzi armati u tas-sigurtà;
E. billi l-politika esterna tal-Unjoni għandha tkun konsistenti, speċjalment mal-politiki interni tagħha, u għandha tevita standards doppji; billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja ma tistax tiġġustifika kwalunkwe tnaqqis tal-involviment tal-Unjoni fil-Viċinat;
F. billi l-movimenti tal-massa fid-dinja Għarbija jikkostitwixxu stadju importanti fl-istorja moderna tal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Ewropa u fl-istorja tar-relazzjonijiet tagħhom mal-UE u l-implimentazzjoni li għadha għaddejja ta' approċċ differenzjat ibbażat fuq il-prinċipju ta' assistenza b'mod konformi mal-andament u l-progress ('aktar għal aktar' u 'inqas għal inqas') fil-pajjiżi msieħba għandu jkun ivvalutat regolarment f'rapporti tal-progress skont kriterji speċifiċi u stmati u abbażi tal-ħtiġijiet tagħhom; billi l-applikazzjoni inkonsistenti jew noneżistenti tal-prinċipju 'aktar għal aktar' jista' jkollha riżultat bil-maqlub ta' dak mixtieq u tista' xxekkel il-proċess kollu, kif ukoll l-influwenza u l-kredibilità tal-Unjoni;
G. billi d-demostrazzjonijiet popolari paċifiċi li seħħu fid-dinja Għarbija fl-2011 kienu appell għal dinjità, esprimew aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi u talbu b'saħħa għal riformi istituzzjonali, politiċi u soċjali mmirati lejn il-kisba tad-demokrazija ġenwina, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u n-nepotiżmu, l-iżgurar tar-rispett tal-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali aħjar; billi, sentejn wara, iċ-ċittadini ta' bosta pajjiżi tal-Mediterran għadhom qed jaffaċċjaw il-vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bażiċi tagħhom u tal-libertajiet fundamentali, diffikultajiet ekonomiċi u kunflitti;
H. billi l-valutazzjoni tal-progress tal-pajjiżi msieħba fir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, il-proċess demokratiku u l-implimentazzjoni tal-istat tad-dritt, kif ukoll ir-riformi sostenibbli ekonomiċi u tas-settur pubbliku, teħtieġ tkun ibbażata fuq prinċipji komuni ġenerali u rekwiżiti speċifiċi mfassla apposta għal kull pajjiż, abbażi ta’ indikaturi u punti ta’ riferiment effettivi, ċari, trasparenti, oġġettivi u li jistgħu jitkejlu u tikkunsidra l-progress ġenerali u l-livell ta' impenn għar-riforma;
I. billi r-rispett u l-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem (b’mod partikolari d-drittijiet tat-tfal, in-nisa u l-minoranzi), il-ġustizzja u l-istat tad-dritt, il-libertajiet fundamentali (inkluż il-libertà tal-kelma, il-kuxjenza, ir-reliġjon jew it-twemmin u l-assoċjazzjoni), il-midja libera u indipendenti (inkluż l-aċċess mhux ristrett għall-informazzjoni, il-komunikazzjoni u l-internet), it-tisħiħ tas-soċjetà ċivili, tas-sigurtà (inkluż ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt u r-relazzjonijiet tajba mal-ġirien), l-istabbiltà demokratika, il-prosperità, it-tqassim ġust tad-dħul, il-ġid u l-opportunitajiet, il-koeżjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-promozzjoni ta’ governanza tajba u l-iżvilupp sostenibbli huma l-prinċipji u l-għanijiet li fuqhom hi msejsa l-UE u li jridu dejjem jikkostitwixxu valuri komuni fil-qalba tal-PEV;
J. billi r-rispett għall-fundamentali tad-demokrazija huwa linja ħamra li jeħtieġ ma jinqabiżx u kundizzjoni bażika għal assoċjazzjoni eqreb tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant mal-UE; billi ċ-ċaħda taċ-ċittadini mid-dritt leġittimu tagħhom għall-għażla ta’ gvern permezz tal-applikazzjoni ta’ ġustizzja selettiva, detenzjoni ta' qabel il-proċess, l-arrest ta' opponenti politiċi u n-nuqqas li jitwettqu elezzjonijiet liberu u ġusti jikkompromettu dawk il-prinċipji fundamentali;
K. billi l-mira tal-PEV hija li tistabbilixxi żona ta’ prosperità u ta’ relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien, ibbażata fuq il-valuri tal-Unjoni u kkaratterizzata minn relazzjonijiet reġjonali mill-qrib u paċifiċi, li tippromwovi demokrazija sostenibbli, l-istat tad-dritt, ir-riformi ekonomiċi u politiċi, l-ekonomija tas-suq soċjali sostenibbli fil-pajjiżi tal-viċinat tal-UE u li toħloq ċirku ta' ħbieb tal-Unjoni u relazzjonijiet ta' ħbieb ma' xulxin; billi, għaldaqstant, il-kontribut għas-sigurtà, is-solidarjetà u l-prosperità taż-żewġ naħat għandu jkun il-prinċipju aħħari ta’ gwida għall-valutazzjoni tal-progress; jikkundanna, f’dan ir-rigward, l-effetti negattivi tal-politiki tal-fruntiera magħluqa fiż-żona tal-Viċinat tal-UE, u b’mod partikolari bejn il-pajjiżi kandidati tas-Sħubija tal-Lvant u tal-UE;
L. billi d-dimensjoni multilaterali tal-PEV hija opportunità unika biex jingħaqdu flimkien il-pajjiżi u l-partijiet interessati kollha tar-reġjun biex jinkiseb progress u fehim tanġibbli b’xogħol fuq proġetti konkreti fuq livell tekniku; Billi l-assembleji parlamentari EURONEST u EUROMED joffru opportunità oħra fuq livell politiku sabiex joħolqu u japprofondixxu l-fehim reċiproku li jgħin l-iżvilupp tad-demokraziji ż-żgħar f’dawn ir-reġjuni; Billi l-Konferenza tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP) u l-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) għandhom rwol importanti fit-tisħiħ tad-demokrazija permezz ta' kooperazzjoni ekonomika, soċjali u territorjali;
M. billi l-libertà tal-istampa u tal-midja, kif ukoll il-libertajiet diġitali, jinsabu taħt pressjoni kontinwa f’ħafna mill-pajjiżi tal-PEV; billi d-dritt tal-libertà tal-espressjoni huwa dritt universali tal-bniedem, li jinsab fil-bażi tad-demokrazija u huwa essenzjali għat-twettiq ta' drittijiet oħra; billi d-drittijiet u l-libertajiet universali jeħtieġu protezzjoni ndaqs kemm online kif ukoll offline;
N. billi l-UE rrevediet il-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2011 sabiex tipprovdi iżjed appoġġ lill-pajjiżi msieħba u tibni demokrazija profonda u sostenibbli u tappoġġja l-iżvilupp ekonomiku inklussiv; billi l-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE u b’mod speċjali l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat għandhom jappoġġjaw l-għanijiet tal-Politika ta’ Viċinat; billi huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti rabtiet b’saħħithom u ċari bejn il-qafas tal-politika u l-appoġġ li jingħata b’dawn l-istrumenti;
O. billi l-progress mhux sodisfaċenti li sar minn bosta pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (SL) jista’ jirriżulta minn dinamiċi bil-mod jew noneżistenti tal-bidla politika u soċjali fil-pajjiżi msieħba, mill-għeja tal-Unjoni mal-PEV u li mhijiex toffri perspettiva Ewropea stimulanti biżżejjed għall-imsieħba Ewropej minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja, kif ukoll minħabba l-pressjoni tar-Russja u l-offerta ta’ kompetizzjoni tagħha għall-integrazzjoni mal-Unjoni Ewroasjatika;
P. billi s-Summit ta’ Vilnjus huwa stadju importanti fl-evoluzzjoni tas-Sħubija tal-Lvant u test ewlieni tal-kapaċità tal-politika tal-viċinat tal-UE li twassal riżultati tanġibbli;
Q. billi filwaqt li l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni (AAs) huma r-riżultat tad-direzzjoni bilaterali tas-SL, id-direzzjoni multilaterali tibqa’ dimensjoni kruċjali fl-iżvilupp ta’ kooperazzjoni reġjonali tajba bbażata fuq relazzjonijiet tal-viċinat tajba; billi f’dan ir-rigward, huwa deplorabbli li s-SL tilqa’ numru ta’ kwistjonijiet territorjali mhux solvuti, li għandhom jiġu solvuti; billi l-Parlament jissottoskrivi bis-sħiħ il-prinċipji tas-sovranità, l-integrità territorjali u d-dritt għall-awtodeterminazzjoni tan-nazzjonijiet;
R. billi, f’dan ir-rigward, l-UE għandu jkollha rwol iżjed attiv fis-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti inkluż dawk iffriżati li attwalment jirrappreżentaw ostaklu li ma jistax jingħeleb għall-iżvilupp sħiħ tar-relazzjonijiet tal-viċinat tajba u tal-kooperazzjoni reġjonali fil-pajjiżi msieħba tal-Lvant u tan-Nofsinhar;
S. billi l-Assemblea Parlamentari tas-Sħubija tal-Lvant (EURONEST) tibqa’ element ewlieni fl-iżvilupp tad-dimensjoni demokratika u parlamentari tas-SL, li tippermetti l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fil-metodi tal-ħidma parlamentari u tikkostitwixxi pjattaforma kruċjali li tressaq lill-imsieħba tal-Lvant eqreb lejn l-UE u biex jilħqu liċ-ċittadini;
1. Jilqa’ l-pubblikazzjoni tar-rapporti ta’ progress 2012 għall-pajjiżi tan-Nofsinhar u l-Lvant tal-PEV, iżda jiddispjaċih li, fil-maġġoranza tal-każijiet, ir-rapporti kif ukoll l-avvenimenti li segwew jirrappreżentaw stampa mħallta ta’ progress, staġnar u rigressjoni u jiddeskrivu s-sitwazzjoni nazzjonali mingħajr ma jevalwaw il-programmi mwettqa mill-Unjoni jew jagħmlu rakkomandazzjonijiet konkreti fir-rigward tal-allokazzjoni tal-fondi taħt l-istrumenti esterni tal-UE jew l-għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-influwenza tagħha fuq it-tfassil tal-politika fil-pajjiżi msieħba; huwa tal-fehma li dawk ir-rapporti għandhom jivvalutaw ukoll tendenzi billi jinkludu data fir-rigward tas-snin ta' qabel;
2. Jenfasizza li skont l-Artikoli 8 u 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), il-pajjiżi kollha Ewropej, inkluż dawk koperti mis-SL, għandhom il-possibbiltà fit-tul li japplikaw għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea;
3. Jemmen bis-saħħa li l-Parlament għandu jkun kompletament involut fl-implimentazzjoni tal-PEV il-ġdida u fl-aġġustament tal-appoġġ finanzjarju tal-UE, speċjalment permezz ta' atti delegati, u għandu jinżamm regolarment infurmat fir-rigward tal-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi fil-pajjiżi msieħba u l-aġġustamenti li jirriżultaw; jiddeplora l-fatt li mhuwiex dejjem ikkonsultat meta jsir it-tfassil tal-pjanijiet ta' azzjoni jew infurmat dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet; jikkunsidra li r-riżoluzzjonijiet tiegħu jikkostitwixxu parti integrali mill-qafas tal-politika tal-PEV u jitlob li l-MEPs jingħataw status ta’ osservatur biex jieħdu sehem fil-laqgħat tas-sottokumitati tal-politika u d-drittijiet tal-bniedem;
4. Jiddispjaċih li l-progress li sar mill-pajjiżi msieħba mhux dejjem qabel mal-għanijiet stabbiliti mal-UE; jitlob għall-evalwazzjoni konkreta tal-effettività tal-PEV riveduta; jitlob għal iżjed sforzi biex jintużaw l-istrumenti u l-politiki kollha disponibbli għall-Unjoni b’mod koerenti taħt l-umbrella tal-PEV; jitlob għall-implimentazzjoni konsistenti tal-approċċi bbażati fuq l-inċentiv u differenzjati u tal-prinċipju ta’ 'aktar għal aktar' li huwa l-pedament tal-PEV riveduta; jitlob, jekk meħtieġ, għal 'inqas għal inqas' għal dawk il-pajjiżi tal-PEV li ma jagħmlux biżżejjed sforzi biex jibnu demokrazija profonda u sostenibbli u biex iwettqu r-riformi miftiehma; jenfasizza li l-appoġġ bażi tal-Unjoni għandu jirrifletti wkoll il-ħtiġijiet tal-imsieħba f’termini ta’ żvilupp;
5. Jenfasizza r-rwol importanti li għandha s-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-tranżizzjoni u r-riforma u fid-djalogu politiku fil-pajjiżi tal-Viċinat; jistieden lill-UE ssaħħaħ il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tal-Viċinat u tipprovdiha bl-appoġġ permezz ta’ firxa ta’ strumenti differenti ta’ finanzjament;
6. Jikkunsidra li appoġġ għall-proċessi demokratiċi ta' tranżizzjoni għandhom jiffukaw fuq l-iżvilupp tal-kapaċità istituzzjonali tal-istituzzjonijiet demokratiċi, fuq l-appoġġ għall-partijiet demokratiċi politiċi u s-soċjetà ċivili u d-drittijiet tan-nisa u tal-minoranzi, u fuq it-tkomplija tat-tiswir tal-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fis-soċjetajiet tal-pajjiżi msieħba, b'mod partikolari l-libertà tal-assoċjazzjoni, l-espressjoni, l-assemblea u l-libertà tal-istampa u l-midja; jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri biex itejbu s-sħubijiet bejn id-diversi organizzazzjonijiet u setturi tas-soċjetà sabiex jgħaddulhom is-sjieda tal-proċess tal-viċinat Ewropew; jafferma mill-ġdid li dan għandu jitwettaq, inter alia, bil-ħolqien ta’ rabtiet orizzontali bejn l-atturi differenti tas-soċjetà abbażi tas-sħubijiet ta’ ġemellaġġ bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (NGOs, trejdjunjins, organizzazzjonijiet tan-negozju, midja, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ eċċ.) u proġetti ta' ġemellaġġ ma' awtoritajiet nazzjonali u amministrazzjonijiet (speċjalment fis-settur tal-edukazzjoni);
7. Iqis li għandha ssir analiżi xierqa bejn is-sessi matul ir-rapporti ta’ progress; jenfasizza l-ħtieġa li jitqiegħed iżjed fokus fuq it-tisħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema u tat-trejdjunjins, l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-kollaborazzjoni u d-djalogu mal-NGOs, it-trejdjunjins u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili fil-PEV riveduta;
8. Jinsisti fuq ir-rispett tad-drittijiet universali tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali bħala prinċipju fundatur tal-politika esterna tal-UE; iqis li l-appoġġ għas-soċjetajiet ċivili huwa l-qofol tal-PEV riveduta u konsegwentement, jirrakkomanda li l-assistenza għas-soċjetajiet ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, tiffaċċja l-isfidi u li tiġi stabbilita koordinazzjoni mill-qrib mal-Fondi Ewropej għad-Demokrazija f’dan ir-rigward;
9. Jenfasizza li l-NGOs ewlenin stabbilixxew pjattaformi komuni kemm għall-Unjoni għall-Mediterran u għas-Sħubija tal-Lvant; huwa tal-fehma li għandhom isiru konsultazzjonijiet xierqa u fil-ħin ma' dawn il-fora tas-soċjetà ċivili fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-PEV;
10. Jemmen li l-istrutturi multilaterali tal-PEV għandhom ikunu kkonsolidati u żviluppati skont linji aktar strateġiċi; isostni li, minħabba ċ-ċentralità tal-'multilateraliżmu effettiv' fil-politika barranija tal-Unjoni, il-Kummissjoni u s-SEAE għandhom iqisu l-possibbiltà tad-direzzjoni multilaterali tal-PEV biex isservi bħala qafas għall-organizzazzjoni ta’ relazzjonijiet politiċi fl-Ewropa usa’;
11. Jistieden lill-Unjoni biex issaħħaħ il-viżibilità ta' proġetti ffinanzjati jew appoġjati mill-PEV fil-pajjiżi msieħba u biex tinvolvi ruħha b'mod aktar attiv fis-soċjetà fit-titjib tal-immaġni u l-aċċettazzjoni tal-Unjoni fost iċ-ċittadini fil-pajjiżi tal-PEV, jiġifieri permezz tal-użu tal-kampanji tal-midja u billi jintwera l-valur addizzjonali tal-kooperazzjoni mal-UE;
12. Jiddispjaċih għat-tnaqqis sostanzjali li sar lill-Intestatura 4 fil-QFP 2014-2030 meta kkumparat mal-proposta oriġinali mill-Kummissjoni; jenfasizza li l-finanzjament ambizzjuż tas-Sħubija tal-Lvant huwa kruċjali għal iżjed progress fir-riformi, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki kif ukoll għall-kisba u/jew iż-żamma ta’ demokraziji li jiffunzjonaw kompletament fil-viċinat tal-Lvant tal-UE, li huwa fl-interess vitali tal-UE; jemmen ukoll li għandu jinżamm il-bilanċ attwali bejn il-partijiet tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-PEV, b’rispett sħiħ għall-prinċipji tad-differenzazzjoni u l-approċċ imfassal apposta li ġew applikati s'issa; jinsisti li l-awtoritajiet baġitarji rilevanti għandhom jiġu aġġornati b’mod regolari dwar l-indikaturi u l-linji gwida li jiffurmaw il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-appoġġ għall-baġit u li l-Parlament Ewropew għandu jiġi involut fil-proċess tal-attribuzzjoni jew l-irtirar tal-allokazzjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-prinċipji 'aktar għal aktar' u 'inqas għal inqas';
13. Jenfasizza li l-libertà tal-espressjoni, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-midja huma pedamenti tad-demokrazija; jenfasizza għaldaqstant l-importanza tal-appoġġ tal-UE għal servizzi tal-midja pubblika indipendenti, sostenibbli u responsabbli li jipprovdu kontenut ta' kwalità, pluralistiku u divers, filwaqt li jiġi mfakkar li midja pubblika libera u indipendenti dejjem tiżvolġi rwol kruċjali fir-rigward tal-approfondiment tad-demokrazija, fil-massimizzazzjoni tal-involviment tas-soċjetà ċivili fl-affarijiet pubbliċi u fl-għoti ta' setgħa liċ-ċittadini fit-triq għad-demokrazija;
14. Jirrikonoxxi l-importanza kruċjali tal-elezzjonijiet liberi u ġusti għat-tranżizzjoni lejn id-demokrazija u jenfasizza r-rwol tal-midja indipendenti, b’mod partikolari l-midja għas-servizz pubbliku, għall-andament trasparenti, kredibbli u demokratiku tal-proċess elettorali; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jkomplu u fejn possibbli jirrinforzaw l-appoġġ tagħhom għall-andament demokratiku tal-elezzjonijiet li jmiss fil-pajjiżi msieħba, inkluż it-tisħiħ tal-libertà tal-midja u l-pluraliżmu;
Is-Sħubija tal-Lvant
15. Jirrakkomanda li l-Unjoni għandha: (a) issaħħaħ l-applikazzjoni għall-prinċipju aktar għal aktar u tistimula kompetizzjoni pożittiva u kooperazzjoni fost il-pajjiżi msieħba, li tesprimi l-appoġġ meħtieġ għall-istati tas-SL li qed jaffaċċjaw pressjoni minn pajjiżi terzi fl-implimentazzjoni tal-acquis communautaire; (b) tapplika approċċ fuq żewġ binarji, billi tkun eżiġenti mal-gvernijiet tas-SL filwaqt li tkun miftuħa, ġeneruża u impenjata lejn iċ-ċittadini tal-pajjiżi msieħba; (c) tinkoraġġixxi lil dawk iċ-ċittadini biex javvanzaw il-valuri li fuqhom hija bbażata l-UE ‒ jiġifieri id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali ‒ permezz tal-impenn tagħhom biex jippromwovuhom u b'hekk jagħmluhom is-sors ewlieni tat-trasformazzjoni tal-forza normattiva; (d) tfassal strateġija twila għall-promozzjoni tal-valuri Ewropej li jinkludu bidliet interni u l-aspirazzjonijiet ta' dawn is-soċjetajiet għal-libertà u l-prosperità; (e) tiddiċentralizza s-SL billi tinvolviha u toffri s-sjieda tagħha lil atturi pubbliċi fuq iż-żewġ naħat permezz ta' sħubijiet orizzontali u b'ġemellaġġ, flimkien ma' aktar mobilità, kuntatti bejn il-popli, il-faċilitazzjoni tal-viża u l-prospett ta' sistema mingħajr viża, f'liema każ l-approċċ tal-ġirien l-ewwel għandu jkun applikat; u (f) tibda jew tiffirma l-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u timmira lejn id-dħul fis-seħħ tagħhom bla dewmien, l-ewwel fuq bażi proviżorja mbagħad totali, qabel it-tmiem tal-mandat attwali tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea, sakemm il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti meħtieġa huma milħuqa; (g) tevita li tuża l-forza jew it-theddid li tuża l-forza fis-soluzzjoni tat-tilwim fir-reġjun, billi tenfasizza li l-uniku mod possibbli kif jissolvew il-kunflitti fir-reġjun huwa permezz tan-negozjati fil-formati aċċettati internazzjonalment, abbażi tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali;
16. Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li l-okkupazzjoni minn pajjiż wieħed tas-Sħubija tal-Lvant tat-territorju ta’ pajjiż ieħor tikser il-prinċipji fundamentali u l-objettivi tas-Sħubija tal-Lvant u li r-riżoluzzjoni tal-kunflitt Nagorno-Karabakh għandha tkun f'konformità mar-riżoluzzjonijiet 822, 853, 874 u 884 tal-1993 u l-Prinċipji Bażiċi tal-Grupp Minsk tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, stabbiliti fid-dikjarazzjoni konġunta tal-Aquila tal-10 ta’ Lulju 2009;
17. Jiddeplora l-fatt li hekk kif qed joqrob is-Summit tas-Sħubija tal-Lvant ta’ Vilnjus, qed jiżdiedu t-tipi differenti ta’ pressjoni fuq pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; iqis li din il-pressjoni mhix aċċettabbli u jitlob lir-Russja tastjeni mill-proċeduri li jidhru biċ-ċar li qed jiksru l-prinċipji ta’ Ħelsinki; jenfasizza bil-qawwa li l-għażliet liberi tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant m’għandhomx iwassluhom biex iġorru l-konsegwenzi bħall-miżuri kummerċjali, il-politika tal-viża, il-mobilità tal-ħaddiema, l-interferenza fil-kunflitti ffriżati, u oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jittrattaw l-iżviluppi deplorabbli lil hinn mid-dimensjoni purament kummerċjali, jaġixxu u jiddefendu l-Imsieħba tal-Unjins biex jibagħtu messaġġ qawwi ta’ appoġġ lill-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant fl-aspirazzjonijiet u l-għażliet Ewropej tagħhom; jenfasizza madankollu li l-Ftehemiet ta' Assoċjazzjoni (AAs) u l-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTAs) huma pjan ta' azzjoni għal rifromi li huma ta' benefiċċju għal kulħadd;
18. Jibqa’ impenjat li jiżviluppa iżjed l-Assemblea Parlamentari Euronest bħala l-forum importanti għall-kooperazzjoni interparlamentari multilaterali mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; jiddeplora t-tnaqqis propost fil-linji baġitarji tal-PEV għall-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, hekk kif dawn il-linji baġitarji għandhom l-għan li jagħtu appoġġ iżjed mill-qrib lill-azzjonijiet u jkunu relatati ma’ proġetti ta’ bini tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;
19. Jisħaq li t-tneħħija tal-ħtiġijiet tal-visa tkun ġest sinifikanti lejn il-popli tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u b’mod ġenwin tgħinhom jersqu aktar viċin l-Istati Membri tal-UE;
20. Iqis il-pubblikazzjoni tal-Pjan Direzzjonali tas-Sħubija tal-Lvant 2012-2013 bħala l-ewwel pass lejn l-iżvilupp ta’ għodda ta’ monitoraġġ aħjar; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lis-SEAE jiżviluppaw iżjed mekkaniżmi ta’ segwitu xierqa, li kapaċi jivvalutaw l-andament u l-kisbiet tal-pajjiżi tal-PEV u jistabbilixxu objettivi ċari u miżurabbli;
21. Jirrakkomanda li l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant għandhom: (a) jibbilanċjaw mill-ġdid u jirduppjaw l-isforzi tagħhom lejn it-twettiq ta' kriterji politiċi, legali u ekonomiċi; (b) iħaddnu fis-soċjetajiet tagħhom il-valuri fundamentali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; (c) ikomplu jsaħħu l-bidla fis-soċjetà, il-proċessi tar-riforma u t-titjib sistematiku fil-livell tal-istandards pubbliċi u l-amministrazzjoni, bl-integrazzjoni Ewropea kkunsidrata bħala għażla strateġika fit-tul u mhux sempliċiment sforz ekonomiku u amministrattiv; (d) jagħlqu d-distakk bejn l-azzjoni retorika u prattika; (e) jagħtu aktar attenzjoni lill-istruttura multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant u jitgħallmu permezz tal-aħjar prattiki; (f) japplikaw għall-kunflitti reġjonali l-ispirtu u l-lezzjonijiet meħudin mill-esperjenza storika tal-integrazzjoni Ewropea u jsaħħu l-kooperazzjoni reġjonali, politika u ekonomika bejniethom minħabba li kwistjonijiet bilaterali għandhom jiġu solvuti paċifikament u r-relazzjonijiet tajba mal-ġirien u l-kooperazzjoni reġjonali huma elementi fundamentali fis-Sħubija tal-Lvant; (g) jinvolvu liċ-ċittadini u jimpenjaw lil atturi pubbliċi fi sħubijiet orizzontali u b’ġemellaġġ ma’ pajjiżi oħra mill-Unjoni, u jimpenjaw ruħhom mas-soċjetajiet ċivili u l-ġenerazzjoni aktar żagħżugħa bħala fattur għal bidla; (h) jevitaw li tintuża l-forza jew it-theddid li tintuża l-forza fis-soluzzjoni tat-tilwim fir-reġjun, b'enfasi fuq il-fatt li l-uniku mod possibbli kif jissolvew il-kunflitti fir-reġjun huwa permezz tan-negozjati fil-formati aċċettati internazzjonalment, abbażi tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali;
22. Huwa mħasseb dwar l-azzjonijiet tar-Russja mfassla biex ikunu ta’ deterrent għall-pajjiżi msieħba fl-assoċjazzjoni politika u ekonomika tagħhom mal-UE; jerġa’ jafferma d-dritt sovran ta’ kull stat li jagħżel alleanzi politiċi u kummerċjali; jemmen, barra minn hekk, li l-integrazzjoni progressiva ta’ pajjiżi msieħba mal-UE hija kompletament konsistenti mal-intenzjoni tagħhom ta’ relazzjonijiet kordjali mar-Russja; jirrifjuta l-perċezzjoni ta’ logħba fejn il-gwadann ta’ naħa jissarraf f’telf għan-naħa l-oħra bħala l-paradigma għar-relazzjonijiet tal-UE u r-Russja mal-pajjiżi msieħba;
23. Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li nistinkaw għall-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali, meħtieġa għall-kisba tal-għanijiet tas-Sħubija tal-Lvant, anke fil-kuntest ta' iżjed integrazzjoni mal-UE; iħeġġeġ iżjed sforzi fil-progress lejn ir-rikonċiljazzjoni tal-kunflitti territorjali fil-Ġeorġja, l-Azerbajġan, l-Armenja u l-Moldova;
24. Ifakkar li l-impenn lejn l-AAs u l-DCFTAs jipprekludi kwalunkwe forma oħra simultanja ta’ parteċipazzjoni fl-unjoni doganali;
25. Jistieden lill-Istati Membri u lill-imsieħba tal-Ewropa tal-Lvant jirrevedu l-politiki tagħhom dwar l-esportazzjoni tal-armi fir-reġjun bil-ħsieb li jintlaħqu ftehimiet dwar id-diżarm u d-demilitarizzazzjoni fiż-żoni tal-kunflitt; jistieden lir-Russja tirrispetta l-ftehimiet b’mod kostruttiv, tirrispetta bis-sħiħ is-sovranità tal-pajjiżi tar-reġjun u tevita kwalunkwe azzjoni li tista’ tipperikola l-istabbiltà reġjonali;
26. Jenfasizza li l-UE u l-imsieħba tal-Ewropa tal-Lvant jaffaċċjaw sfidi politiċi komuni fir-rigward tal-iżgurar ta’ provvista ta’ enerġija affidabbli u sikura; ifakkar li l-kooperazzjoni għas-sigurtà tal-enerġija hija identifikata b’mod ċar bħala prijorità skont is-Sħubija tal-Lvant u l-PEV għall-perjodu 2014-2020; jistenna li t-tielet Summit tas-Sħubija tal-Lvant isir f’Vilnjus biex jipprovdi impetu għall-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-enerġija u biex iżid is-sigurtà tal-enerġija fuq iż-żewġ naħat;
27. Ifakkar li t-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija jistabbilixxi l-bażi biex jiġi stabbilit suq tal-enerġija reġjonali integrat kompletament li huwa favur it-tkabbir, l-investiment u qafas regolatorju stabbli; jirrakkomanda għal dan il-għan l-estensjoni tat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija lil hinn mill-2016, filwaqt li jadatta t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu għall-isfidi tal-ġejjieni, inkluż bl-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll legali biex jittrattaw l-implimentazzjoni defiċenti tal-acquis kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ solidarjetà; jilqa’ l-applikazzjoni tal-Ġeorġja biex tingħaqad fil-Komunità tal-Enerġija, li jsir it-tielet pajjiż tas-Sħubija tal-Lvant li ngħaqad, wara l-Ukraina u l-Moldova; jitlob għal iżjed espansjoni tal-Komunità tal-Enerġija permezz tal-PEV f’konformità mal-objettivi tal-Komunità tal-Enerġija abbażi tal-interess reċiproku; jenfasizza li l-integrazzjoni regolatorja għandha tkun konformi mal-investimenti komuni fil-kapaċità tal-interkonnessjoni u l-infrastruttura kif ukoll fl-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u t-teknoloġiji ġodda; jenfasizza l-importanza ewlenija ta’ iżjed diversifikazzjoni fil-provvista u r-rotot tat-transitu;
28. Jitlob biex tiddaħħal klawsola dwar is-sigurtà tal-enerġija f’kull ftehim mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant biex jiġi ggarantit rispett sħiħ lejn il-liġijiet tas-suq intern tal-enerġija tal-UE kif ukoll l-inklużjoni ta’ Mekkaniżmu ta’ Twissija Bikrija f’dawn il-ftehimiet biex tiġi ggarantita evalwazzjoni bikrija tar-riskji u l-problemi potenzjali relatati mat-transitu u l-provvista tal-enerġija minn pajjiżi terzi kif ukoll jiġi stabbilit qafas komuni għall-assistenza reċiproka, is-solidarjetà u s-soluzzjoni tat-tilwim;
L-Armenja
29. Jirrikonoxxi l-progress li sar fi standards demokratiċi u fit-twettiq tar-rekwiżiti tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, iżda jirrikonoxxi li l-preżenza tad-defiċenzi persistenti fil-qasam tad-demokrazija għad trid tiġi indirizzata; jirrikonoxxi li għandu jsir aktar progress fl-oqsma tar-riformi tal-gvern, inkluż l-infurzar tal-liġi, is-setturi ġudizzjarji, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jiddispjaċih għall-aħħar mossa tal-President tal-Armenja ta’ impenn għall-unjoni doganali; ifakkar lill-awtoritajiet Armeni li din il-politika mhijiex kompatibbli mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni; jiddeplora, f'dan ir-rigward, il-fatt li din l-għażla saret mingħajr skrutinju parlamentari totali jew dibattitu miftuħ u trasparenti fis-soċjetà Amerikana; jittama, f’dan ir-rigward, li l-Armenja tkompli bir-riformi relatati mal-UE, li l-implimentazzjoni tagħhom tista’ twassal għall-prosperità ekonomika tal-pajjiż u tista’ tgħin biex issolvi l-problemi soċjoekonomiċi u politiċi li għadhom jeżistu fil-pajjiż; jitlob biex titkompla l-kooperazzjoni mal-UE, li għaliha l-UE hija miftuħa; jikkundanna, barra minn hekk, l-attakki fuq l-attivisti ċiviċi li kienu qed isemmgħu leħinhom favur l-integrazzjoni Ewropea, u jitlob li min wettaq l-attakki jitressaq quddiem il-ġustizzja;
30. Jilqa’ l-implimentazzjoni ta’ politiki makroekonomiċi sodi u riformi strutturali fl-Armenja u iżjed progress biex jiġu ssodisfati l-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni;
L-Azerbajġan
31. Jiddispjaċih dwar il-viżjoni mhux ċara u l-eżitazzjoni li jippersistu fil-kwistjoni tas-segwitu mill-Azerbajġan tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni; jenfasizza l-potenzjal ekonomiku tar-relazzjonijiet UE-Azerbajġan imma jinsab imħasseb dwar id-defiċenzi fl-oqsma tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem fl-Azerbajġan; jinsisti għaldaqstant li l-Azerbajġan għandu juri l-impenn tiegħu billi jgħolli l-istandards rilevanti tiegħu, inkluż il-libertà tal-kelma u l-assoċjazzjoni u jippermetti li l-oppożizzjoni demokratika tgawdi d-drittijiet tagħha; Jinsisti li r-rilaxx tal-priġuniera politiċi u t-tmiem tal-fastidju lill-attivisti politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti huma l-prekundizzjonijiet meħtieġa għal kwalunkwe ftehim dwar is-sħubija strateġika ta’ modernizzazzjoni mal-Azerbajġan;
32. Jiddeplora l-fatt li, skont il-konklużjonijiet tal-missjoni fit-tul tal-ODIHR, l-aħħar elezzjoni presidenzjali, li saret fid-9 ta' Ottubru 2013, għal darb'oħra ma ssodisfattx l-istandards tal-OSKE, b' restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-assemblea u tal-espressjoni; jitlob , fid-dawl ta' dan, lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan biex jindirizzaw u jimplimentaw malajr ir-rakkomandazzjonijiet kollha inklużi fir-rapporti preżenti u tal-passat tal-ODIHR/OSKE; u jitlob għar-rilaxx immedjat u mhux kondizzjonat tal-14-il politikant Azerbajġani tal-oppożizzjoni, ġurnalisti, u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem li ntefgħu l-ħabs matul l-aħħar xhur, inkluż Tofiq Yaqublu u Ilgar Mammadov(18);
Il-Bjelorussja
33. Jiddeplora s-sitwazzjoni staġnata u inaċċettabbli fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-priġunieri politiċi, u n-nuqqas ta' progress fir-rispett tal-valuri u l-istandards promossi mill-Unjoni; jinsisti li l-involviment kritiku tal-Unjoni u l-kundizzjonalità stretta huma meħtieġa min-naħa tal-Unjoni, akkumpanjati minn attitudni aktar ġeneruża u miftuħa lejn is-soċjetà ċivili u l-NGOs, li għandhom ikunu appoġġjati għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni ta’ riformi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja biex jipparteċipaw fid-Djalogu dwar il-Modernizzazzjoni u jibdew negozjati mal-UE dwar il-faċilitazzjoni tal-viża u l-ftehimiet ta’ ammissjoni mill-ġdid sabiex ikunu promossi l-kuntatti bejn il-persuni;
34. Jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jisfruttaw il-Presidenza Litwena u s-Summit tas-Sħubija tal-Lvant f’Vilnjus bħala opportunità ulterjuri għat-titjib tar-relazzjonijiet mal-UE, hekk kif ikunu nħelsu l-priġunieri politiċi kollha, b’mod li jerġa’ jitnieda d-djalogu politiku rigward, fost l-oħrajn, riformi demokratiċi, elezzjonijiet ħielsa u ġusti, ir-rispett għall-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u involviment mal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili, dejjem sakemm l-awtoritajiet Bjelorussi juru rispett għal dawn il-valuri fundamentali;
35. Itenni l-prontezza tal-UE li ttejjeb ir-relazzjonijiet mal-gvern Bjeloruss hekk kif l-awtoritajiet tiegħu jimpenjaw ruħhom sabiex isegwu aġenda definita b’mod komuni, inkluż ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, fost l-oħrajn, permezz tar-rilaxx mingħajr kundizzjonijiet u r-riabilitazzjoni tal-priġunieri politiċi kollha; jenfasizza, madankollu, li kwalunkwe impenn huwa suġġett għal kundizzjonalità stretta;
36. Jenfasizza l-ħtieġa partikolari li jissaħħaħ dejjem aktar l-appoġġ finanzjarju għal midja Bjelorussa indipedenti;
Il-Ġeorġja
37. Jirrikonoxxi l-progress miksub fil-modernizzazzjoni tal-pajjiż u fl-ilħiq tar-rekwiżiti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni f’dawn l-aħħar snin, kif ukoll l-isforz tal-awtoritajiet biex jiġġieldu kontra l-korruzzjoni; jilqa’ t-trasferiment tas-setgħa paċifiku eżemplari matul l-elezzjonijiet parlamentari demokratiċi; jinnota bi tħassib, madankollu, id-defiċenzi li għadhom jippersistu fl-applikazzjoni tal-istandards demokratiċi; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa għal aktar titjib u riformi immirati lejn ġudikatura indipendenti u imparzjali u sistema ta’ ġustizzja kriminali aktar effettiva, kif ukoll sistema elettorali nondiskriminatorja u r-rispett tad-drittijiet tal-minoranza; jinnota l-inkjesti ġudizzjarji kontinwi li qed jaffettwaw opponenti politiċi ewlenin, fosthom Vano Merabishvili, u jsejjaħ għar-rispett sħiħ ta’ standards u normi Ewropej; jappoġġja l-isforzi tal-gvern Ġeorġjan biex inaqqas it-tensjonijiet mar-Russja filwaqt li jħares l-orjentazzjoni pro Ewropea tal-pajjiż; itenni l-appoġġ sħiħ tal-UE għall-integrità territorjali tal-Ġeorġja;
38. Iħeġġeġ l-inizjalar tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inkluż id-DCFTA, fis-Summit ta' Vilnjus u l-konklużjoni malajr tal-Pjan ta' Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża; jemmen li l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu jkun kondizzjonali fuq il-progress tanġibbli magħmul mill-Ġeorġja fil-qasam tal-istat tad-dritt u d-demokrazija, u l-ilħuq tal-istandards Ewropej fl-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin;jirrikonoxxi l-impatt importanti li l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-kummerċ ħieles u l-introduzzjoni tal-ivvjaġġar mingħajr viża se jkollha fuq il-proċess ta’ riforma fil-Ġeorġja;
39. Jistieden lill-Kummissjoni biex tapplika din ir-regola ta’ kundizzjonalità billi tistabbilixxi varjetà ta’ standards li magħhom għandu jitkejjel dan il-progress;
40. Jenfasizza li l-elezzjonijiet presidenzjali ppjanati għas-27 ta’ Ottubru 2013, u għalhekk fl-istess żmien tal-għeluq tan-negozjati dwar l-AA mal-UE, ser ikunu test deċiżiv għall-prontezza tal-Ġeorġja biex tapplika standards ta’ demokrazija u l-istat tad-dritt, b’libertà sħiħa għall-oppożizzjoni biex tipparteċipa fl-elezzjonijiet u midja ħielsa u indipendenti biex tkopri l-kampanja mingħajr ebda interferenza mill-awtoritajiet;
41. Jenfasizza li l-Ġeorġja m'għandhiex tastjeni minn aspirazzjonijiet Ewropej u li għandha tirreżisti pressjoni biex twaqqaf l-assoċjazzjoni mal-UE;
Il-Moldova
42. Jilqa’ d-determinazzjoni politika biex ir-rekwiżiti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jitwettqu, inkluż id-DCFTA, kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Liberalizzazzjoni mill-Viża u l-progress fir-rigward tal-inizjalar tal-proġett ta' pipeline ta' Iasi-Ungheni; ifaħħar l-isforzi ta' modernizzazzjoni mill-pajjiż, b'mod partikolari iż-żieda fl-infiq fl-edukazzjoni; jitlob għal iffirmar mgħaġġel u t-tlestija tal-passi kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Ftehim malajr kemm jista’ jkun; huwa konxju, madankollu tad-dgħjufija tal-istituzzjonijiet demokratiċi u tal-ħtieġa għat-tisħiħ regolari ta' dawk l-istituzzjonijiet; jħeġġeġ lill-gvern tal-Moldova biex ikompli l-ħidma siewja tiegħu għall-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa; jemmen li stabilità politika u kunsens sostenibbli dwar ir-riformi, speċjalment fir-rigward tal-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-istituzzjonijiet tal-istat, huma ta’ importanza ewlenija għall-aspirazzjonijiet Ewropej kollha tal-Moldova;
43. Iħeġġeġ li jinbeda l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inkluż DCFTA, fis-Summit ta’ Vilnjus, u jispera li jara konklużjoni mgħaġġla tad-djalogu dwar il-viża; jirrikonoxxi l-impatt importanti li l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-kummerċ ħieles u l-vjaġġi mingħajr viża għandu jkollha fuq il-proċess ta’ riforma fil-Moldova; jinnota, f’dan ir-rigward, li l-kriżijiet politiċi l-aktar riċenti wrew il-fraġilità tal-proċess ta’ demokratizzazzjoni mwettaq s’issa, u jenfasizza l-ħtieġa li ssir ħidma favur il-bini ta’ istituzzjonijiet demokratiċi indipendenti li huma tassew kredibbli;
44. Jirrakkomanda li l-iffirmar jimxi b'pass mgħaġġel, fil-futur qarib (summit post-Vilnjus), tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, jekk tinżamm il-kompatibbiltà preżenti mar-rekwiżiti;
45. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tilliberalizza bis-sħiħ l-importazzjonijiet tal-inbid mill-Moldova u jispera li l-implimentazzjoni malajr tal-proposta se tgħin tpatti għall-konsegwenzi negattivi tal-projbizzjoni tar-Russja tal-importazzjoni fuq l-inbid tal-Moldova;
46. Jilqa’ l-bidu ta’ pipeline ġdid bejn il-Moldova u r-Rumanija u jħeġġeġ li jitkomplew l-isforzi u ssir reżistenza għall-pressjonijiet mir-Russja biex jitwaqqaf il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;
L-Ukraina
47. Jilqa’ d-dijalogu kontinwu bejn l-Ukraina u l-UE u l-ambizzjoni komuni tagħhom li jiffirmaw Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-Summit dwar is-Sħubija tal-Lvant ġewwa Vilnjus fit-28 u d-29 ta’ Novembru 2013;
48. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ukraina biex javvanzaw aktar fit-twettiq tar-rekwiżiti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, kif stabbilit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Diċembru 2012 dwar l-Ukraina u fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-13 ta’ Diċembru 2012 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina(19), u fl-indirizzar ta' kwistjonijiet pendenti tal-ġustizzja selettiva, u r-riforma ġudizzjarja elettorali; jilqa' madankollu l-impenji riċenti li saru kemm mill-President Yanukovych u mill-kapijiet tal-oppożizzjoni biex jipproċedu bl-atti legali meħtieġa permezz ta' Verkhovna Rada, u jistenna li dawk il-wegħdiet jitwettqu fil-waqt qabel is-summit ta' Vilnjius; jirrikonoxxi l-progress li sar s'issa, iżda jissottolinja l-ħtieġa għal aktar riformi, speċjalment ir-riforma tal-Uffiċċju tal-Prosekutur; Ifaħħar ix-xogħol tal-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Parlament Ewropew għall-Ukraina u jilqa' l-estensjoni għall-mandat tagħha sat-12 ta' Novembru 2013; jesprimi tama u fiduċja li daqt se ssib soluzzjoni aċċettabbli b'mod reċiproku għall-każ ta' Yulia Tymoshenko, abbażi tal-appell minn Pat Cox u Aleksander Kwaśniewski lill-President tal-Ukraina;
49. Jirrikonoxxi l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina u jerġa’ jtenni l-opinjoni tiegħu li t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina u l-fatt li l-Ukraina tiġi offerta perspettiva Ewropea huma ta’ sinifikat kbir u fl-interessi taż-żewġ partijiet;
50. Jirrakkomanda li l-Kunsill jiffirma l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Ukraina min-naħa l-oħra, jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet meħtieġa, kif definiti formalment mill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-10 ta' Diċembru 2012 u appoġjati mir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-13 ta' Diċembru 2012; jesprimi l-approvazzjoni tiegħu, suġġetta għar-rekwiżiti msemmija hawn fuq, tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina malli jkun iffirmat; itenni l-intenzjoni tiegħu, fil-każ li jintlaħqu r-rekwiżiti kollha u l-iffirmar sussegwenti, sabiex jipproċedi bir-ratifikazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina fi ħdan il-leġiżlatura preżenti;
51. Jikkundanna l-miżuri kummerċjali riċenti imposti mir-Russja kontra l-esportazzjonijiet Ukreni, li għandhom l-għan li jitfgħu pressjoni fuq l-Ukraina sabiex din ma tiffirmax il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-UE; jistieden lir-Russja biex ma timponix dawn is-sanzjonijiet u biex toqgħod lura mill-indħil u l-pressjoni politika żejda;
Il-Viċinat tan-Nofsinhar
52. Huwa mħasseb dwar id-diffikultajiet li qed jiltaqgħu magħhom il-pajjiżi Mediterranji tan-Nofsinhar biex jingħelbu l-isfidi tat-tranżizzjonijiet demokratiċi tagħhom;
53. Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-assistenza legali u teknika pprovduta mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha lill-awtoritajiet tal-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija li qegħdin fi tranżizzjoni impenjati fl-irkupru tal-assi sabiex jinkisbu riżultati konkreti;
54. Jilqa’ is-suċċess tal-inizjattiva tiegħu li jsejjaħ task forces għat-Tuneżija, il-Ġordan u l-Eġittu u jisħaq li dawn il-laqgħat bejn il-partijiet interessati privati, l-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiżguraw inklużjoni akbar tas-soċjetà ċivili u tal-NGOs u għandhom jipproduċu riżultati tanġibbli sakemm is-sitwazzjonijiet politiċi jippermettu kooperazzjoni u integrazzjoni ekonomika akbar; jissuġġerixxi li għandha tkun esplorata l-possibilità li din l-inizjattiva titwessa’ biex tinkludi pajjiżi oħra fir-reġjun;
55. Huwa tal-opinjoni li tranżizzjoni ta’ suċċess għal demokrazija sostenibbli għandha tkun il-prijorità tal-Unjoni dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar tagħha, u jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri tagħha biex iżidu l-appoġġ tagħhom għal dan;
56. Jirrakkomanda li l-Unjoni għandha żomm u, fejn xieraq għandha żżid l-impenn tagħha fl-appoġġ għal tranżizzjonijiet fl-imsieħba tan-Nofsinhar, fejn tiffoka fuq trasformazzjoni demokratika, sħubija mal-popli u mas-soċjetà ċivili, u tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklussiv;
57. Ifakkar li l-ġustizzja soċjali u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja huma elementi kruċjali ta’ tranżizzjonijiet li għaddejjin bħalissa fil-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar; jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-impjiegi, b’mod partikolari taż-żgħażagħ, u jitlob b’urġenza lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja politiki tal-impjiegi effikaċi;
58. Juri n-numru ferm baxx ta’ studenti tal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar li ħadu sehem fil-programmi Tempus u Erasmus Mundus minkejja l-finanzjamenti supplementari allokati lil dawn il-programmi fl-2012; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni li tistabbilixxi programm Leonardo da Vinci Ewro-Mediterranju bl-għan li jħeġġeġ il-mobilità fost l-apprendisti żgħażagħ li jixtiequ jiksbu taħriġ professjonali barra minn pajjiżhom u l-għan ta’ dan huwa li tingħata għajnuna fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, fenomenu endemiku fin-Nofsinhar tal-Mediterran;
59. Jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha biex jimplimentaw politika konkreta u effettiva ta’ mobilità mal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, b’mod partikolari permezz tal-iffirmar ta’ ftehimiet ta’ liberalizzazzjoni tal-viża u l-ftehimiet ta’ riammissjoni simili għal dawk iffirmati mal-maġġoranza tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-importanza li jiżdiedu l-mobilità u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni akkademika u t-taħriġ professjonali, it-twessigħ u ż-żieda fil-programmi eżistenti u l-mobilità tal-istudenti, il-gradwati, l-għalliema u l-akkademiċi, permezz tal-promozzjoni ta’ skambji bejn l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla u ta’ taħriġ, flimkien ma’ sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat fil-qasam tar-riċerka u l-impriżi; iqis li huwa essenzjali li jiġu żviluppati proċeduri aktar sempliċi għall-ħruġ ta’ viżi lil parteċipanti f’dawn il-programmi; jistieden lill-UE tiżviluppa strateġija sensibbli u komprensiva li tinvolvi lis-SEAE, lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u msieħba fil-Viċinat tan-Nofsinhar biex jittrattaw il-migrazzjoni u jħarsu lil refuġjati u lil persuni li jfittxu l-asil li joriġinaw mill-Viċinat tan-Nofsinhar, speċjalment fid-dawl tar-Rebbiegħa Għarbija u l-instabilità kontinwa fit-Tramuntana tal-Afrika;
60. Ifakkar fl-importanza li tintwera r-rieda politika min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri sabiex jipparteċipaw b’mod attiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti fir-reġjun, b’mod partikolari l-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, u sabiex ma joħolqux ostakolu għall-implimentazzjoni tal-PEV;
61. Iqisha bħala prijorità li jappoġġja pajjiżi msieħba fl-iżvilupp u l-finanzjament ta' proġetti dwar il-politika reġjonali u l-inklużjoni ta' territorji reġjonali; jirrakkomanda f'dan ir-rigward li għandhom jittieħdu passi biex l-esperjenza tal-Unjoni tinbena fil-qasam tal-ġestjoni tal-fondi reġjonali Ewropej għall-iżvilupp ta' kompetenzi kemm ta' pajjiżi msieħba kif ukoll tas-Segretarjat tal-Unjoni għall-Mediterran;
62. Jemmen li hemm ħtieġa urġenti għall-promozzjoni ta’ proġetti għal żvilupp soċjoekonomiku sostenibbli u inklussiv u għall-integrazzjoni fil-Magreb, sabiex tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni tal-merkanzija, il-kapital u l-persuni; ifakkar li l-kunflitt fis-Saħara tal-Punent hija ostaklu kbir għall-integrazzjoni tar-reġjun; jistieden lill-Alġerija u l-Marokk biex joħolqu sħubija attiva kapaċi li tilħaq l-isfidi reġjonali; jilqa’ f’dan il-kuntest, l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni Konġunta maħruġa f’Diċembru 2012 mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni li tistabbilixxi proposti għall-appoġġ lill–ħames pajjiżi tal-Magreb fl-isforzi tagħhom għal kooperazzjoni aktar mill-qrib u integrazzjoni reġjonali aktar profonda; jilqa' l-fatt li l-Unjoni assumiet il-kopresidenza tat-Tramuntana tal-Unjoni għall-Mediterran, u jistenna li tippromwovi l-koerenza tal-politika, il-koordinazzjoni ġenerali u l-effettività, b'referenza partikolari għal proġetti li jirċievu finanzjament;
63. Jinkoraġġixxi lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jaħdmu bil-għan li jaslu għal soluzzjoni ġusta, paċifika, dejjiema u aċċettata reċiprokament dwar is-Saħara tal-Punent, skont ir-riżoluzzjonjijiet rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti, inklużi dawk li jippermettu l-awtodeterminazzjoni; jenfasizza l-importanza li d-drittijiet tal-bniedem ikunu garantiti għall-poplu Saħarawi u l-ħtieġa li dawn id-drittijiet fis-Saħara tal-Punent u fil-kampijiet Tindouf jiġu ndirizzati inkluż dawk tal-priġunieri politiċi Saħarawin li ma kellhomx proċess ġust u li għandhom jinħelsu;
64. Jenfasizza l-importanza tal-Unjoni għall-Mediterran bħala strument għall-istituzzjonalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Viċinat tan-Nofsinhar; jenfasizza l-importanza tal-laqgħat Ministerjali li ġejjin sabiex tingħata spinta lis-sħubija Euro Mediterranja u jitmexxew ’il quddiem proġetti komuni;
65. Itenni li l-għan tas-sħubija tan-Nofsinhar huwa li jqarrreb iż-żewġt ixtut tal-Mediterran biex tinbena żona ta' paċi, demokrazija, sigurtà u prosperità għat-800 miljun abitant, u biex jiġi offrut qafas bilaterali u multilaterali effikaċi għall-UE u l-pajjiżi sħab tagħha biex jintlaqgħu l-isfidi demokratiċi, soċjali u ekonomiċi, tiġi promossa l-integrazzjoni reġjonali, b'mod partikolari dik kummerċjali, u biex jiġi żgurat il-kożvilupp tagħhom għall-benefiċċju ta' kulħadd, jiġu assistiti l-pajjiżi sħab fl-istabbiliment ta' stati demokratiċi, pluralistiċi u sekulari, jiġifieri permezz ta' programmi ta' bini tal-kapaċità istituzzjonali, kif ukoll biex jiżviluppaw arranġamenti kummerċjali ta' benefiċċju reċiproku u ambizzjużi li jistgħu jwasslu għal DCFTAs; jemmen li dan żgur jirrappreżenta l-ewwel pass lejn 'Spazju Ekonomiku Ewro-Mediterranju' kbir li jgħin ukoll fit-taffija tal-problemi ekonomiċi tas-sħab ġirien tagħna fin-Nofsinhar u jiffaċilita l-integrazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar;
66. Jenfasizza li l-appoġġ lill-proċess tal-għoti lura tal-assi li kienu nsterqu minn dittaturi preċedenti u r-reġimi tagħhom jikkostitwixxi imperattiv morali għall-UE; jemmen li l-irkupru tal-assi jikkostitwixxi kwistjoni politika qawwija, minħabba l-valur simboliku tagħha u l-ħtieġa li jerġa’ jingħata sens ta’ responsabilità fl-ispirtu tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; jinnota li l-irkupru tal-assi għandu jikkostitwixxi impenn politiku ewlieni għall-UE fis-sħubija tagħha mal-Viċinat tan-Nofsinhar; itenni l-bżonn li jiġi stabbilit mekkaniżmu tal-UE bl-għan li jingħata appoġġ legali lil pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar fil-proċess tal-irkupru tal-assi;
67. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-SEAE u lill-Istati Membri sabiex jinkoraġixxu l-pajjiżi tar-reġjun sabiex jieħdu dispożizzjonijiet espliċiti fil-leġiżlazzjonijiet tagħhom u sabiex jippromvowu l-programmi sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tan-nisa, il-parteċipazzjoni tagħhom fit-teħid ta’ deċiżjoni politika u ekonomika, l-aċċess tagħhom għat-tagħlim, l-indipendenza ekonomika tagħhom u sabiex jiġu eliminati l-forom kollha ta’ vjolenza li jsiru kontriehom;
68. Jemmen li l-UE għandha tipprovdi assistenza u għarfien lil dawk li jistabbilixxu l-liġi meta dawn jikkunsidraw u jabbozzaw leġiżlazzjoni relatata mas-settur tal-ICT, li għandu jgħin lill-potenzjal vast tat-teknoloġiji diġitali kemm għall-proċess demokratiku u kemm għall-iżvilupp ekonomiku u l-kooperazzjoni reġjonali; iqis li l-fluss liberu ta’ informazzjoni u aċċess għall-internet huma essenzjali għal titjib soċjoekonomiku; jenfasizza f’dan ir-rigward, l-importanza ta’ rispett għal libertajiet diġitali;
69. Jesprimi tħassib qawwi dwar vjolenza motivata mir-reliġjon li qed tiżdied fir-reġjun, speċjalment lejn il-Kristjani, u jistieden lill-Unjoni biex taġixxi dwar dan ukoll fil-qafas tal-PEV;
70. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummisjoni sabiex issaħħaħ il-viżibilità tal-proġetti tas-Sħubija tal-Lvant u dawk tal-Unjoni għall-Mediterran fil-pajjiżi sħab u biex tagħmilhom aktar faċli biex iċ-ċittadini tagħhom jifhmuhom filwaqt li turi l-valur miżjud tal-kooperazzjoni mal-UE;
L-Alġerija
71. Jinnota li l-Alġerija kkonfermat l-intenzjoni tagħha li tipparteċipa fil-PEV, però li madankollu għadha ma adottatx pjan ta’ azzjoni; jilqa’ l-bidu ta’ negozjati għal pjan ta’ azzjoni UE-Alġerija u jħeġġeġ bil-qawwa lill-Alġerija tieħu vantaġġ ta’ dan l-istrument sabiex ittejjeb ir-relazzjonijiet mal-UE; jistieden lill-UE u l-Alġerija sabiex iħaffu in-negozjati fil-qafas tal-PEV, sabiex jaslu malajr għall-adozzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni;
72. Jilqa' l-inizjattivi meħuda mill-Parlament Alġerin sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew u tal-kwalità tad-djalogu politiku stabbilit bejn iż-żewġ kmamar;
73. Jilqa’ l-iffirmar, tas-7 ta’ Lulju 2013, ta’ Memorandum ta’ Qbil dwar l-istabbiliment tas-Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija fil-qasam tal-enerġija peress li dan jissodisfa bis-sħiħ il-miri tal-PEV u jippermetti, in fine, li tissaħħaħ l-integrazzjoni tas-swieq tagħna, l-iżvilupp tal-infrastruttura u t-trasferiment tat-teknoloġija bejn iż-żewġ naħat;
74. Jenfasizza l-ħtieġa li tkun rispettata politika li tista’ tiggarantixxi bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, speċjalment il-libertà ta’ assoċjazzjoni u demostrazzjoni; jesprimi t-tama li dan ikun trasparenti u miftuħ għall-parteċipazzjoni tas-sensibilitajiet politiċi kollha tal-pajjiż, sabiex jikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija u tal-istat ta’ dritt; jinnota t-tmexxija bla xkiel tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea (EU EOM) mibgħuta lill-Alġerija għall-elezzjonijiet ġenerali tal-10 ta' Mejju 2012; ifakkar ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-EOM, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Alġerini biex jagħmlu t-titjib meħtieġ, bi preparazzjoni għal elezzjonijiet futuri; itenni l-għajnuna offruta mill-Unjoni f’dan ir-rigward;
75. Jistieden lill-Unjoni biex issaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Alġerija u għal programmi li jippromwovu l-impjieg taż-żgħażagħ u tan-nisa, il-governanza ekonomika, it-titjib fl-ambjent tan-negozju u t-tisħiħ tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali;
76. Jinkoraġixxi lill-Alġerija sabiex tiffaċilita iktar l-attività tas-soċjetà ċivili, permezz ta’ promozzjoni tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u ta’ demostrazzjoni;
Eġittu
77. Jinsab imħasseb dwar l-iżviluppi politiċi attwali fl-Eġittu wara l-kolp ta’ stat militari tat-3 ta’ Lulju 2013, dwar il-polarizzazzjoni politika, id-diffikultajiet ekonomiċi serji, u s-sitwazzjoni dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-pajjiż, u dwar is-sigurtà fir-reġjun, b’attenzjoni speċjali għas-Sinai; jikkundanna bl-aktar termini ċari possibbli l-atti kollha ta’ vjolenza, inklużi l-attakki fuq il-knejjes Kopti, u jemmen li l-operazzjonijiet riċenti tal-forzi tas-sigurtà Eġizzjani kienu sproporzjonati u rriżultaw f’numru kbir inaċċettabbli ta’ mwiet u persuni feruti; Jistieden lill-Gvern Eġizzjan biex jieqaf minn tali azzjoni; iħeġġeġ lill-partiti politiċi kollha biex jimpenjaw ruħhom fi djalogu ġenwinament inklużiv sabiex jerġgħu jistabbilixxu proċess demokratiku li jwieġeb għat-talbiet u l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Eġizzjan; jenfasizza l-ħtieġa għal rikonċiljazzjoni nazzjonali tal-forzi politiċi u soċjali kollha, inklużi l-komponenti moderati tal-Fraternità Musulmana, bħala element ewlieni sabiex it-tranżizzjoni demokratika timxi 'l quddiem li tinvolvi l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari; jenfasizza li l-UE permezz tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President, tista’ tkun fil-pożizzjoni li tħeġġeġ djalogu bejn l-atturi politiċi prinċipali fil-pajjiż li jwassal għat-twaqqif ta’ gvern ta’ unità nazzjonali għall-preparazzjoni tal-elezzjonijiet; b’mod partikolari, jirrakkomanda li r-Rappreżentant Għoli/Viċi President jibgħat messaġġ ċar li l-illegalizzazzjoni tal-Fraternità Musulmani tista’ tipperikola l-inklużjoni demokratika u tikkomprometti l-prospetti ta’ ritorn għad-demokrazija;
78. Jenfasizza li futur prosperu għall-Eġittu huwa possibbli biss abbażi ta' soluzzjoni demokratika b'istituzzjonijiet funzjonabbli bis-sħiħ li se jiggarantixxu s-sigurtà taċ-ċittadini kollha, u li t-tranżizzjoni demokratika għandha tinvolvi d-dritt għall-proċess ġust għal kulħadd;
79. Jistieden lill-Unjoni biex tqis l-isfidi ekonomiċi serji li qed jiffaċċja l-pajjiż u l-konsegwenzi serji tagħhom minn naħa, u biex tapplika l-prinċipju ta’ “kundizzjonalità” (“aktar għal aktar”), min-naħa l-oħra, fir-relazzjonijiet bilaterali tagħha u l-assistenza finanzjarja tagħha lill-Eġittu; jemmen li l-Unjoni ma għandhiex tikkommetti għal ftehim ta’ kummerċ ħieles sħiħ u dettaljat mal-Eġittu qabel ma l-kundizzjonijiet għall-istabbilità politika, bħal l-istabbiliment permanenti ta’ organi demokratiċi eletti, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali, ikunu twettqu; jinnota li fil-21 ta’ Awwissu 2013 il-Kunsill Affarijiet Barranin inkariga lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Catherine Ashton biex teżamina mill-ġdid il-kwistjoni tal-assistenza mill-UE skont il-PEV u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni abbażi tal-impenn tal-Eġittu għall-prinċipji li jirfduhom u abbażi tal-qbil li l-assistenza lill-aktar gruppi vulnerabbli u lis-soċjetà ċivili se tkompli;
80. Iqis li l-Unjoni għandha tiffoka l-appoġġ tagħha fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, partikolarment id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tal-minoranzi u l-libertà tat-twemmin, kif ukoll fuq it-tranżizzjoni għad-demokrazija, l-iżvilupp ta' kapaċitajiet istituzzjonali, ir-riformi ġudizzjarji u tas-sigurtà, l-iżvilupp tal-partiti politiċi demokratiċi u l-NGOs, u t-titjib tal-ambjent tan-negozju; huwa tal-opinjoni li l-UE għandha żżomm l-għajnuna u l-assistenza attwali li jingħataw lil NGOs u lis-soċjetà ċivili, bħala parti minn strateġija bl-għan li tinħoloq rabta ma’ atturi politiċi fl-Eġittu u biex tisponsorja proċess ġenwin ta’ tranżizzjoni demokratika; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-21 ta’ Awwissu 2013 li jissospendi l-liċenzji għall-esportazzjoni lejn l-Eġittu ta’ kwalunkwe tagħmir użat għar-ripressjoni interna u li jivvaluta mill-ġdid il-liċenzji tal-esportazzjoni koperti mill-pożizzjoni komuni tal-UE;
81. Japprezza l-isforzi ta’ medjazzjoni tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President u jemmen li l-Unjoni għandha tikkapitalizza fuq il-pożizzjoni unika u n-netwerks ta’ relazzjonijiet tagħha fost l-atturi Eġizzjani prinċipali, u tkompli taħdem għal soluzzjoni politika bi qbil mal-parametri bażiċi ta’ tranżizzjoni demokratika;
82. Jieħu nota tar-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri (Nru 4/2013) dwar il-kooperazzjoni mal-Eġittu fil-qasam tal-governanza u tat-tweġibiet tal-Kummissjoni, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-SEAE sabiex joħorġu bil-konklużjonijiet meħtieġa għal titjib tal-effiċjenza tal-għajnuna tal-Unjoni;
Iżrael
83. Jinnota l-implimentazzjoni pożittiva mill-Iżrael tal-pjan ta’ azzjoni, adottat f’April 2005 għal perjodu ta’ tliet snin u estiż sal-aħħar tal-2012; jiddispjaċih dwar il-politiki diskriminatorji mwettqa mill-Gvern attwali tal-Iżrael, u jitlob li jittieħdu miżuri biex itejbu u javvanzaw id-drittijiet tal-minoranzi, speċjalment dawk tal-komunitajiet Għarab-Iżraeljani u Bedwini fil-pajjiż; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex iżidu l-isforzi u jkomplu jiżviluppaw proġetti għal dan il-għan;
84. Jilqa’ t-tkomplija ta’ negozjati diretti bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jenfasizza l-impenn tiegħu għal soluzzjoni ta’ żewġ stati, ibbażata fuq il-fruntieri tal-1967, bi skambji tal-art maqbula b’mod reċiproku u b’Ġerusalemm bħala l-belt kapitali taż-żewġ stati; jesprimi n-nuqqas ta’ approvazzjoni tiegħu u jerġa’ jikkundanna l-kolonizzazzjonijiet kontinwament illegali tal-kolonji fit-territorji okkupati, u jitlob lill-gvern tal-Iżrael biex iwaqqaf attivitajiet ta’ kolonjalizzazzjoni u jikkanċella kull proġett ippjanat għall-bini ta’ kolonji ġodda; ifakkar bil-qawwa li l-bini ta’ kolonji huwa ostaklu tanġibbli għas-suċċess kemm tad-diskussjonijiet ta’ paċi bejn l-Iżrael u l-Palestinjani u kemm il-vijabilità tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati; u jiġbed l-attenzjoni fuq il-linji gwida li l-UE stabbilixxiet dwar l-eliġibilità ta' għotjiet, premji u strumenti finanzjarji ffinanzjati mill-UE, mill-2014 'il quddiem, ta' entitajiet Iżraeljani stabbiliti fit-territorju okkupat mill-Iżrael sa minn Ġunju 1967 u l-attivitajiet li jwettqu hemm;
85. Jesprimi tħassib dwar id-deċiżjoni tal-Iżrael li ma tibqax tinvolvi ruħha fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u fil-ġurnal universali perjodiku mmexxi min-NU; jistieden lill-Iżrael biex jimplimenta l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, sabiex jirrikonoxxi lill-minuri bħala grupp speċifiku u b’mod partikolari jirrispetta d-drittijiet tal-minuri Palestinjani mingħajr diskriminazzjoni;
86. Jistieden lill-Iżrael, minkejja l-fatt li n-numru ta’ priġunieri Palestinjani li jinsabu taħt detenzjoni amministrattiva naqas fl-2012, biex ikompli jindirizza l-kwistjoni tal-użu ta’ detenzjoni amministrattiva u biex ikompli jiżgura standards ta’ drittijiet internazzjonali għall-priġunieri Palestinjani, speċjalment in-nisa u t-tfal;
Ġordan
87. Jirrikonoxxi l-kooperazzjoni li qed titjieb bejn l-Unjoni u l-Ġordan, speċifikament mal-iffirmar tal-Protokoll għall-parteċipazzjoni tal-Ġordan fi programmi tal-Unjoni, u l-progress pożittiv ta’ riformi politiċi, speċjalment l-istabbiliment tal-kummissjoni elettorali u l-qorti kostituzzjonali u l-adattament ta’ liġi elettorali;
88. Jilqa’ l-implimentazzjoni tar-riformi politiċi fil-Ġordan; jiddispjaċih madankollu dwar ir-rikors għat-tribunali militari għal kwistjonijiet dwar il-libertà tal-espressjoni, prattika li tirrappreżenta ksur tal-kostituzzjoni tal-pajjiż, kif ukoll il-modifika tal-liġi dwar l-istampa u l-pubblikazzjonijiet rigward il-pubblikazzjonijiet elettroniċi, u d-dewmien li ttieħed fl-infurzar tal-indipendenza tal-ġustizzja;
89. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lis-SEAE biex jagħtu prijorità finanzjarja lil proġetti li jappoġjaw riformi demokratiċi u ġuridiċi, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-assistenza umanitarja għar-rifuġjati;
90. Jilqa’ r-rwol attiv tal-Ġordan fir-riżoluzzjoni ta’ kunflitti fil-Lvant Nofsani, kif ukoll l-isforzi konsiderevoli tiegħu biex jieħu rifuġjati mill-kunflitt Sirjan; jinnota li skont l-UNHCR, sa mit-8 ta' Ottubru 2013, in-numru ta' rifuġjati Sirjani fil-Ġordan, inklużi rifuġjati mhux reġistrati, kien 538 839; jilqa' l-iffirmar mill-Ġordan tal-Konvenzjoni tan-NU relatata mal-Istatus ta' Rifuġjati;
91. Jinsab imħasseb serjament dwar l-implikazzjonijiet tal-kriżi tas-Sirja għall-Ġordan u l-punt ta’ saturazzjoni perikoluż li qed jilħaq il-pajjiż minħabba l-influss ta’ rifuġjati Sirjani, li jista’ jikkawża instabilità reġjonali mingħajr preċedent għall-kapaċità u r-riżorsi tiegħu fil-provvista ta’ kenn u ta’ għajnuna umanitarja lil familji li qed jaħarbu mill-ġlied; iħeġġeġ lill-Unjoni biex tappoġġja b’mod ġeneruż lill-Ġordan fl-amministrazzjoni tal-influss ta’ rifuġjati li dejjem jikber, kif ukoll biex jiffaċċja sfidi domestiċi tremendi li jinkludu instabilità ekonomika, inflazzjoni u qgħad;
Libanu
92. Jitlob li jiġi implimentat malajr il-pjan ta’ azzjoni, u jiddispjaċih għall-pass bil-mod tar-riforma, iżda huwa konxju tal-volatilità tal-kuntest, speċjalment minħabba l-persistenza tal-kunflitt fis-Sirja, li effettivament kellu impatt fil-Libanu, l-aktar minħabba l-influss ta’ refuġjati u l-ġlied politiku li dan ġab miegħu;
93. Jikkunsidra li l-assistenza tal-Unjoni għandha tkun iffukata fuq l-appoġġ tal-istituzzjonijiet u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom, fuq l-għajnuna umanitarja meħtieġa minħabba n-numru li dejjem qed jiżdied ta’ refuġjati Sirjani, fuq it-tisħiħ tas-settur ġudizzjarju u l-indipendenza tiegħu, u fuq assistenza fil-fruntieri; jistieden lill-Parlament Libaniż ikompli s-sessjoni tiegħu kif kienet skedata u jadotta l-liġi elettorali malajr kemm jista' jkun;
94. Jinnota l-pożizzjoni newtrali tal-Libanu fil-kunflitt tas-Sirja u jilqa' l-isforzi tiegħu biex jieħu r-rifuġjati Sirjani;
95. Jinnota li skont il-UNHCR, in-numru ta' rifuġjati Sirjani fil-Libanu, inklużi rifuġjati Sirjani, huwa qrib il-miljun, u jinsab imħasseb serjament dwar l-implikazzjonijiet tal-kriżi tas-Sirja għall-Ġordan u l-punt ta’ saturazzjoni perikoluż li qed jilħaq il-pajjiż minħabba l-influss ta’ rifuġjati Sirjani, li jista’ jikkawża instabilità reġjonali mingħajr preċedent għall-kapaċità u r-riżorsi tiegħu fil-provvista ta’ kenn u ta’ għajnuna umanitarja lil familji li qed jaħarbu mill-ġlied; iħeġġeġ lill-Unjoni biex tappoġġja b’mod ġeneruż lill-Ġordan fl-amministrazzjoni tal-influss ta’ rifuġjati li dejjem jikber, kif ukoll biex jiffaċċja sfidi domestiċi tremendi li jinkludu instabilità ekonomika, inflazzjoni u qgħad;
96. Ifaħħar l-impenn tal-Libanu fil-merħba u l-assistenza tar-rifuġjati Sirjani, minkejja l-limitazzjonijiet fil-kapaċità tiegħu u l-ħtieġa li jżomm l-ekwilibriju fost il-komunitajiet tiegħu, kif ukoll l-isforzi tiegħu sabiex jillimita l-impatt reġjonali tal-kunflitt, iżda jiddeplora l-fatt li din is-sitwazzjoni fixklet l-implimentazzjoni tal-aġenda tar-riforma tal-pajjiż; jenfasizza l-importanza ta’ liġi elettorali inklużiva ġdida;
97. Jilqa’ r-rwol tal-Libanu fil-provvista ta’ kenn lil aktar minn miljun rifuġjat Sirjan, li kienu sfurzati li jħallu d-djar u l-pajjiż tagħhom; ifaħħar il-kapaċità tal-popolazzjoni Libaniża biex issib riżorsi ħalli tiffaċilita l-ilqugħ ta’ refuġjati, u jerġa’ jtenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-awtoritajiet Libaniżi biex ikomplu dawn l-isforzi;
Libja
98. Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Libjani biex iżidu r-riformi demokratiċi u l-azzjonijiet imfassla biex jistabbilixxu s-sitwazzjoni tas-sigurtà u tal-politika; jitlob li jkomplu n-negozjati dwar l-iffirmar ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-Libja malajr kemm jista’ jkun, bħala mezz biex tingħata għajnuna lill-pajjiż fl-isforzi tiegħu lejn riforma; jistieden lil-Libja tabbozza u tadotta l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha;
99. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u s-SEAE sabiex jikkooperaw ma’ istituzzjonijiet internazzjonali oħrajn li joperaw fir-reġjuni u jikkumplimentaw ix-xogħol tagħhom, bl-għan li jappoġġjaw lil-Libja fil-proċess ta’ kostruzzjoni tad-demokrazija tagħha;
100. Jenfasizza l-importanza li tinbena sistema ġudizzjarja b’saħħitha u indipendenti, jesprimi tħassib għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja u jitlob li tittieħed azzjoni fil-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni ta’ minoritajiet;
101. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiffukkaw l-appoġġ tagħhom fuq il-promozzjoni tas-soċjetà ċivili u l-bini tal-istituzzjoni fil-Libja, kif ukoll fuq l-abbozzar tal-kostituzzjoni tagħhom u l-bini tal-kapaċità u fuq it-taħriġ ta' uffiċjali għolja Libjani u tal-forzi tas-sigurtà effettivi (forzi armati u forzi tal-pulizija) li jistgħu jiżguraw il-paċi u l-ordni fil-pajjiż; jenfasizza li l-UE għandha wkoll iżżid l-isforzi tagħha biex tgħin fir-riforma tas-sistema tal-ġustizzja tal-Libja, kif ukoll f'oqsma oħra bħall-midja indipendenti, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet espressi mill-awtoritajiet Libjani, inklużi dawk relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri, partikolarment fin-Nofsinhar tal-Libja, u biex tiġi żgurata politika tal-migrazzjoni li tirrispetta d-drittijiet fundamentali;
102. Jilqa’ l-iskjerament tal-Missjoni tal-UE ta’ Assistenza fil-Fruntiera mmexxija mill-PSDK (EUBAM) fil-Libja biex tappoġġja lill-pajjiż sabiex jiżgura l-fruntieri tiegħu, li għandha għanijiet fuq terminu qasir u fit-tul li ser jikkontribwixxu għall-konsolidazzjoni tal-istat u ser jgħinu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, l-aktar it-traffikar tal-armi u tal-bnedmin, mhux biss fil-Libja iżda wkoll fir-reġjun aktar wiesa’; jistieden lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President biex jirrevedi l-mandat u d-dimensjoni tiegħu sabiex dan jiġi aġġustat skont il-ħtiġijiet kbar fuq il-post; jikkritika l-pass bil-mod tal-proċeduri, partikolarment fl-isfond tal-gravità tas-sitwazzjoni;
Marokk
103. Jilqa’ l-impenn ta-Marokk biex isaħħaħ ir-relazzjoni tiegħu mal-UE u jieħu vantaġġ sħiħ mill-istatus ta’ sħubija avvanzat tiegħu; jikkunsidra li l-implimentazzjoni tal-kostituzzjoni, ir-riforma tas-sistema legali, it-tisħiħ mill-ġdid tal-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet demokratiċi, u l-appoġġ għas-soċjetà ċivili, inkluż fil-livell lokali, il-kontribut għall-iżvilupp tal-bniedem tal-poplu Marokkin, kif ukoll in-negozjati ta’ DCFTA ambizzjuż, ibbilanċjat u ta’ benefiċċju reċiproku għandhom ikunu l-impetu ewlieni tal-appoġġ tal-Unjoni għall-Marokk;
104. Jilqa’ l-proposta għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-Marokk li jimplimenta l-Istatus Avvanzat (2013-2017)(20)
105. Jilqa’ l-impenn tal-Marokk biex ikompli r-riforma politika; jirrakkomanda l-implimentazzjoni rapida tal-kostituzzjoni l-ġdida, akkumpanjata minn kalendarju għall-adozzjoni ta’ liġijiet organiċi u l-Karta nazzjonali għar-riforma tas-sistema legali u jenfasizza f’dan ir-rigward illi din ir-riforma ilha għaddejja għal tal-inqas tliet snin, b’appoġġ finanzjarju importanti mill-Unjoni; ifakkar li l-implimentazzjoni tar-riformi politiċi, u partikolarment tal-proċess għal reġjonalizzazzjoni avvanzata, filwaqt li tirrispetta l-ispeċifikazzjonijiet kulturali, ekonomiċi u soċjali, għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-Marokk u għandha tgħin fil-konsolidazzjoni ta’ proċessi demokratiċi fil-livell lokali;
106. Jilqa’ l-fatt li d-dibattitu parlamentari fil-Marokk sar aktar dinamiku, iżda jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ referenza speċifika għar-rapport ta' progress tax-xogħol tal-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Marokk fir-Rapport dwar il-Progress;
107. Jistieden lill-Marokk biex jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi, jistabbilixxi Awtorità għall-ugwaljanza u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet, jirratifika l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDEF) u jirrevedi d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-familja dwar il-poligamija u ż-żwiġijiet li jinvolvu l-bniet taħt l-età;
108. Jinnota x-xogħol li sar mill-Kunsill Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jitlob li l-uffiċċji reġjonali tiegħu jiġu pprovduti bir-riżorsi umani u finanzjarji li għandhom bżonn sabiex jippermettulu jwettaq sew il-kompiti tiegħu u jieħu kompiti ġodda;
Palestina
109. Jitlob li l-pjan ta' azzjoni ġdid jiġi implimentat b'mod effettiv; jilqa’ l-progress li sar mill-awtoritajiet Palestinjani dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni attwali minkejja s-sitwazzjoni estremament diffiċli; jilqa’ t-tkomplija ta’ negozjati diretti bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jenfasizza li ma hemm l-ebda alternattiva għal negozjati diretti bejn il-partijiet biex tintlaħaq is-soluzzjoni ta’ żewġ stati;
110. Jinsisti għal darba oħra dwar il-ħtieġa għal proċess ta’ rikonċiljazzjoni intra-Palestinjan, li l-UE, taħt il-koordinazzjoni tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President, għandha tkun f’pożizzjoni biex tisponsorja u tiffaċilita; jistieden lill-atturi politiċi Palestinjani biex jibdew negozjati għal pjan direzzjonali ċar li jikkunsidra elezzjonijiet presidenzjali u ġenerali malajr kemm jista’ jkun; jenfasizza li rikonċiljazzjoni Palestinjana ġenwina hija essenzjali għat-tkomplija b'suċċess tat-taħditiet dwar il-paċi bejn il-Palestina u l-Iżrael u hija vitali għall-istabilità u l-vijabilità globali ta’ stat Palestinjan;
111. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lis-SEAE biex jagħtu prijorità lill-appoġġ għall-passi biex jistabbilixxu s-setgħa istituzzjonali, biex jissaħħu l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, il-modernizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, u proġetti bl-għan li jinkludu lin-nisa u ż-żgħażagħ f’attivitajiet ekonomiċi u politiċi;
Sirja
112. Jesprimi l-akbar tħassib tiegħu dwar il-kriżi vjolenti fis-Sirja li dejjem qed tiggrava u l-użu ta' armi kimiċi fil-pajjiż, u jinsab allarmat dwar il-vjolenza kontinwa ta' din il-gwerra ċivili li għaddejja bħalissa; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi u l-familji tagħhom; Għandu l-fehma li l-ksur tal-liġi umanitarja ta' din is-serjetà jeħtieġ kastig u reazzjoni qawwija mill-komunità internazzjonali u l-Unjoni, u jenfasizza f'dan il-kuntest ir-responsabilità biex tiġi protetta l-popolazzjoni ċivili; iqis, fid-dawl tal-katastrofi umanitarja fis-Sirja, li l-prijorità immedjata għall-komunità internazzjonali u għall-Unjoni teħtieġ tkun li tiżgura li l-għajnuna umanitarja tasal għand dawk li għandhom bżonn oġġetti u servizzi bażiċi fis-Sirja u l-pajjiżi ġirien li huma affettwati mill-kriżi, l-aktar l-Eġittu, l-Iraq, il-Ġordan, il-Libanu u t-Turkija u jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni tal-Palestinjani fis-Sirja;
113. Jistieden lill-UE tieħu miżuri responsabbli xierqa rigward influss ta’ rifuġjati li jista’ jseħħ fl-Istati Membri tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jimmoniterjaw is-sitwazzjoni attwali u jaħdmu fuq ippjanar ta’ kontinġenza, inkluża l-possibilità li japplikaw id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, jekk u meta l-kundizzjonijiet jirrikjedu hekk;
114. Jesprimi t-tħassib ferm serju tiegħu dwar kriżi vjolenta li qed tkompli tiggrava fis-Sirja u jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-użu ta’ armi kimiċi kontra persuni ċivili, li huwa att kriminali skont il-liġi internazzjonali; Jerġa' jitlob rispons adegwat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lill-UE u l-komunità internazzjonali biex juru front unit magħqud u biex jirreaġixxu bis-saħħa għal dan il-ksur tal-liġi internazzjonali, sabiex jissodisfaw ir-responsabilità tagħhom li jipproteġu ċ-ċittadini fis-Sirja; jistieden lill-Unjoni sabiex tappoġġja tentattivi ta’ medjazzjoni bħall-Konferenza ta’ Ġinevra II sabiex tinsab soluzzjoni li tkun tirrispetta l-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Sirjan; jemmen li kwalunkwe azzjoni ta' deterrent jeħtieġ ikollha objettivi ċari u li jistgħu jintlaħqu, u jeħtieġ tkun ankrata fi strateġija politika aktar wiesgħa li jkollha l-għan li trażżan il-kunflitt Sirjan;
115. Huwa konvint li soluzzjoni dejjiema għall-kriżi fis-Sirja tista’ tinkiseb biss permezz ta’ proċess politiku; jappoġġja għalhekk, l-isforzi kollha biex tiġi implimentata Ġinevra II u l-isforzi tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President Ashton, l-Istati Membri u l-Mibgħut Speċjali tan-NU Lakhdar Brahimi, immirati biex isir progress fil-proċess Ġinevra II u fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jenfasizza l-importanza li jiġu involuti l-atturi prinċipali kollha fir-reġjun u lil hinn minnu f’dawn l-isforzi;
116. Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni tal-popolazzjoni Kurda fit-Tramuntana u fil-Grigal tas-Sirja, li qed tirriżulta f’numru kbir ta’ rifuġjati u thedded li tkompli tiddestabbilizza r-reġjun;
117. Jesprimi tħassib dwar il-piż insupportabbli li r-rifuġjati qed jimponu fuq il-pajjiżi li għandhom fruntieri mas-Sirja, u dan ukoll hekk kif il-finanzjament tal-għajnuna umanitarja qiegħed jiltaqa’ ma' diffikultajiet;
Tuneżija
118. Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-polarizzazzjoni dejjem tikber tal-ħajja politika fit-Tuneżija; jikkundanna bl-aktar termini qawwija l-qtil brutali ta’ rappreżentanti politiċi prominenti mill-oppożizzjoni; jenfasizza li l-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-midja teħtieġ tkun garantita;
119. Jilqa' l-impenji msaħħa tal-Unjoni u t-Tuneżija kif muri fil-pjan ta' azzjoni, u jistieden liż-żewġ partijiet biex jadottaw dak il-pjan; iħeġġeġ l-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali biex tlesti kostituzzjoni demokratika li tirrispetta l-ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; Jitlob li jiġu organizzati elezzjonijiet liberi u ġusti, u jiddispjaċih bl-estensjoni tal-istat ta' emerġenza; huwa tal-opinjoni li l-adozzjoni ta’ Kostituzzjoni bbażata fermament fuq valuri demokratiċi u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, li tikkorrispondi għax-xewqat tat-Tuneżini, ġudikatura u midja li jiffunzjonaw tajjeb u indipendenti, kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet ġodda huma elementi ewlenin għat-tkomplija tat-tranżizzjoni politika tat-Tuneżija; jinsab imħasseb dwar in-numri li dejjem qed jiżdiedu ta' proċessi ta' ġurnalisti fit-Tuneżija; jilqa' l-inklużjoni fl-abbozz ta' kostituzzjoni ta' artiklu speċifiku dwar id-drittijiet tat-tfal bi qbil mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u jirrakkomanda l-istabbiliment ta' mekkaniżmu indipendenti biex jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħha;
120. Iħeġġeġ lill-Assemblea Kostitwenti tat-Tuneżija sabiex tiffinalizza l-adozzjoni tal-Kostituzzjoni u sabiex torganizza malajr kemm jista jkun elezzjonijiet li għandhom jiġu ssorveljati mill-Istituzzjoni Suprema Indipendenti għall-Elezzjonijiet; għandu l-fehma li l-implimentazzjoni tal-kostituzzjoni il-ġdida, ir-riforma tas-sistema legali u tal-mezzi tax-xandir, ir-reviżjoni tal-kodiċi tal-istampa u t-tisħiħ tal-kapacità tal-istituzzjonijiet demokratiċi u s-soċjetà ċivili għandhom ikunu l-assi prijoritarji li jiggwidaw l-provvediment tal-appoġġ mogħti mill-Unjoni;
121. Jistieden lit-Tuneżija sabiex tissottometti mingħajr dewmien l-istrumenti ta’ ratifika ta’ tneħħija tal-aħħar riżervi tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDEF), u sabiex jiġu implimentati liġijiet li jiggarantixxu l-ugwaljanza tad-drittijiet u n-nondiskriminazzjoni, inkluż id-dekriminilizzazzjoni tal-omosesswalità;
122. Jilqa’ li fatt li l-kooperazzjoni tal-UE mat-Tuneżija ssaħħet, permezz tal-irduppjar tal-assistenza mogħtija, u b’mod partikolari l-fatt li din l-assistenza ġiet użata għall-irkupru ekonomiku, l-iżvilupp taż-żoni żvantaġġati u t-tisħiħ tas-soċjetà ċivili;
123. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex iżidu l-appoġġ tagħhom għall-azzjonijiet biex jiftħu reġjuni permezz ta' proġetti ta' żvilupp tal-infrastruttura, azzjonijiet favur l-impjieg, speċjalment għaż-żgħażagħ, għas-soċjetà ċivili fil-livell reġjonali, u r-riforma tas-settur ġudizzjarju bl-għan li jiġi stabbilit l-istat tad-dritt filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll ir-riforma tas-settur soċjali (is-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjail), b'attenzjoni speċjali fuq is-sessi, l-ekwità u t-tfal vulnerabbli;
124. Jiddispjaċih dwar id-dewmien li qed jaffettwa in-negozjati għall-firma ta’ ftehim approfondit u komprensiv ta’ kummerċ ħieles mat-Tuneżija;
o o o
125. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-pajjiżi tal-PEV, lill-Assemblea Parlamentari Euronest, lill-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran u lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran.