Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2134(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0322/2013

Testi mressqa :

A7-0322/2013

Dibattiti :

PV 23/10/2013 - 8
CRE 23/10/2013 - 8

Votazzjonijiet :

PV 23/10/2013 - 11.12
CRE 23/10/2013 - 11.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0447

Testi adottati
PDF 376kWORD 46k
L-Erbgħa, 23 ta' Ottubru 2013 - Strasburgu
Is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-2013
P7_TA(2013)0447A7-0322/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2013 (2013/2134(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Ottubru 2012 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet 2012(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta’ Marzu 2013,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 136 flimkien mal-Artikolu 121(2) tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (TSKG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011 tat-8 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro(9),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2012 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 (COM(2012)0750),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013(10),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2013 bit-titolu "It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE – Għodda għall-promozzjoni ta' ġustizzja u tkabbir effettivi" (COM(2013)0160),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Mejju 2013 li takkumpanja l-abbozz tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2013 u msemmija "Is-Semestru Ewropew 2013: rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi – Nieħdu l-Ewropa lil hinn mill-kriżi’ (COM(2013)0350),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2013 dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-ewro (COM(2013)0379), kif ukoll il-proposti kollha tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Mejju 2013 għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill għal Stati Membri individwali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-2012 bit-titolu "Dejta għall-valutazzjoni tal-proċess tas-Semestru Ewropew mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi"(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0322/2013),

A.  billi l-kriżijiet ekonomiċi, soċjali, finanzjarji u ta’ dejn sovran għadhom ma ttaffewx u billi l-objettiv ta’ Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) iktar ibbilanċjata, robusta, stabbli u integrata għadu fil-proċess li jintlaħaq;

B.  billi l-kriżi tad-dejn sovran taż-żona tal-euro qed ikollha impatt sinifikanti fuq is-suq tal-flus tal-euro u anke fuq il-miżuri ta’ politika straordinarji tal-Eurosistema;

C.  billi r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) tal-Kummissjoni fihom xi informazzjoni utli u dettaljata, iżda b’mod ġenerali jistħoqqilhom li jiġu definiti b'mod preċiż u mtejba għal ċerti Stati Membri, b'mod partikolari f’termini tal-bilanċ tal-preskrizzjonijiet ta' politika fl-oqsma tal-politika; billi hemm ukoll marġini għal titjib fir-rigward tal-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-programmi ta' Riforma Nazzjonali u segwitu għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi;

D.  billi l-SMEs jibqgħu s-sinsla tal-ekonomija taż-żona tal-euro, fejn jirrappreżentaw madwar 98 % tal-kumpaniji kollha taż-żona tal-euro, jimpjegaw madwar tliet kwarti tal-impjegati taż-żona tal-euro u jiġġeneraw madwar 60 % tal-valur miżjud;

E.  billi huwa importanti li jiġi salvagwardjat ir-rwol tas-sħab soċjali u jiġu rispettati d-diversi prattiki nazzjonali u l-istituzzjonijiet fir-rigward tal-formazzjoni tal-pagi meta jiġi implimentat is-Semestru Ewropew;

F.  billi hija meħtieġa azzjoni urġenti f’ħafna oqsma, fost l-oħrajn fir-restawr tas-self lill-ekonomija reali u lill-SMEs, li jinvolvi l-iżvilupp ta' riżorsi alternattivi tal-iffinanzjar, biex l-ambjent tan-negozju jsir aktar kompetittiv, fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar tat-taxxa aggressiv, fir-restawr tas-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi u fit-tfittxija ta’ soluzzjonijiet Ewropej effettivi għall-qgħad u għalhekk jiġi stabbilit suq tax-xogħol integrat għalkollox u wkoll li jsaħħaħ b'mod sinifikanti d-dimensjoni soċjali tal-UEM;

G.  billi l-leġittimità demokratika tal-governanza ekonomika fis-Semestru Ewropew teħtieġ rispett reali u ddedikat għall-prerogattivi parlamentari fil-livell nazzjonali u Ewropew kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni li huma stabbiliti fit-Trattati u fil-liġi tal-UE, kontra t-tendenza ta’ kultura dejjem aktar diparlamentizzata u intergovernattiva tat-tfassil ta’ politika ekonomika fil-livell tal-UE;

H.  billi l-involviment tas-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa essenzjali biex jitwettqu valutazzjonijiet soċjali tal-impatt tal-kriżi fil-post, u b’hekk jittieħdu miżuri adegwati;

I.  billi, peress li d-dispożizzjonijiet il-ġodda introdotti bl-hekk imsejjaħ ‘2-pack’ diġà daħlu fis-seħħ, is-CSRs żdiedu fl-importanza issa li l-programmi ta’ riforma nazzjonali u l-programmi ta’ stabbiltà jridu jkunu konsistenti magħhom;

J.  billi, għalkemm fil-każ tal-Istati Membri taħt programm ta’ assistenza finanzjarja, ir-rakkomandazzjonijiet ġew infurzati b’mod strett, il-livell ta’ konformità mill-bqija tal-Istati Membri ma’ CSRs ta’ qabel hija baxxa;

K.  billi t-2-pack jistabbilixxi regoli fi ħdan il-metodu tal-Komunità fir-rigward tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li qed jesperjenzaw jew li huma mhedda b’diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom;

L.  billi s-suq uniku u l-koeżjoni tal-UE jridu jiġu żgurati;

M.  billi t-teknoloġiji ġodda joffru opportunitajiet ġodda għall-organizzazzjoni tax-xogħol, kemm għall-impjegati kif ukoll għall-kuntratturi, li jistgħu jippromwovu bilanċ aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja, u għalhekk inklużjoni ikbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol;

N.  billi, fis-17 ta' Settembru 2013, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament għamel laqgħa mal-parlamentari nazzjonali biex jiddiskuti l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill bil-għan li jitqiesu aħjar l-effettività tagħhom u l-effetti sekondarji potenzjali fl-UE;

1.  Jilqa' r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni speċifiċi għall-pajjiżi, adottati mill-Kunsill; jinnota li hemm lok għal titjib; jilqa' l-fatt li dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma aktar dettaljati mill-edizzjonijiet preċedenti tagħhom u jagħtu aktar informazzjoni dwar l-assidwità tal-Istati Membri fit-twettiq tal-obbligi li huma ftiehmu fil-passat; jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li ‘biex jirnexxu, il-politiki mhux biss iridu jkunu mfassla tajjeb, iżda jrid ikollhom appoġġ politiku u soċjali’, u li l-Ewropa u l-Istati Memri jeħtieġu, lil hinn mill-konsolidazzjoni fiskali, riformi strutturali li jwasslu għal tkabbir reali, sostenibbli u soċjalment ibbilanċjat, impjieg sostenibbli u kompetittività msaħħa, filwaqt li jridu jsiru miżuri aktar speċifiċi u urġenti biex jiġu indirizzati l-livelli għoljin b’mod mhux aċċettabbli ta’ qgħad, b’mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni biex f’dan ir-rigward timmonitorja l-konformità tar-rapporti tal-Istati Membri kollha mal-miri tal-Ewropa 2020, b’mod partikolari fir-rigward tat-tnaqqis tal-faqar u l-impjiegi, u biex tagħti ħarsa bir-reqqa lejn l-interkonnessjonijiet u l-interdipendenzi bejn il-politiki;

2.  Jilqa’ l-kisbiet li saru f’diversi Stati Membri li ppermettew li jingħalqu l-proċeduri ta’ defiċit tagħhom;

3.  Jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-pajjiżi ‘bid-defiċit’ iridu jagħtu spinta lill-kompetittività tagħhom u li l-pajjiżi ‘b’bilanċ pożittiv’ iridu jagħtu spinta, fejn ikun possibbli, lid-domanda tagħhom, b'mod proporzjonat u sostenibbli, sabiex jikkontribwixxu għall-istabbiltà u t-tkabbir taż-żona tal-euro;

4.  Jemmen li l-ekonomija inġenerali tal-UE trid tagħti spinta lill-kompetittività tagħha fl-ekonomija globali, b’mod partikolari biż-żieda fil-kompetittività fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi biex jissaħħu l-produttività u l-prezzijiet baxxi, u billi żżomm l-ispejjeż tax-xogħol b’mod parallel mal-produttività; jisħaq li l-UE ma tistax tikkompeti fuq l-ispejjeż biss iżda trid tinvesti aktar fir-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u l-effiċjenza tar-riżorsi;

5.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni u l-Kunsill ifittxu li jevitaw milli jieħdu approċċ ta’ daqs wieħed għal kulħadd għas-CSRs biex b'hekk jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet huma adattati skont l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u l-ħtiġijiet tal-Istat Membru kkonċernat filwaqt li jibqgħu ffukati fuq politiki għat-tkabbir u l-istabilità fiskali; jistieden lill-Istati Membri biex jivvalutaw l-impatt soċjali tal-pjanijiet ta’ riforma ekonomika u strutturali, u biex jiżguraw li ssir evalwazzjoni ġenwina tal-implimentazzjoni tagħhom bil-għan li jkun hemm koordinazzjoni u adattament aktar effiċjenti u mifruxa fuq il-politiki;

6.  Jinnota li l-istituzzjonijiet sovrani u finanzjarji juru vulnerabilitajiet persistenti f’ambjent ta’ tkabbir baxx;

7.  Jinnota li l-Kummissjoni identifikat livell sinifikanti ta’ progress meta mqabbel mas-snin preċedenti fi 15 % biss tal-madwar 400 rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiżi;

8.  Jilqa’ l-fatt li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma diretti mhux biss lejn l-Istati Membri, iżda wkoll lejn iż-żona ewro kollha kemm hi; jikkunsidra li r-rakkomandazzjonijiet li saru lill-Istati Membri jridu jqisu dejjem aktar l-interdipendenza qawwija bejn l-ekonomiji tal-UE, partikolarment fiż-żona tal-euro, jew l-informazzjoni relevanti kollha li tinstab fir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija;

9.  Jenfasizza l-importanza tal-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, is-sorveljanza multilaterali, l-iskambju ta’ esperjenzi u l-aħjar prattiki u l-evalwazzjonijiet bejn il-pari;

10.  Jitlob investigazzjoni iktar fil-fond tar-raġunijiet għaż-żieda enormi u viżibbli fid-diverġenzi interni fil-kompetittività, il-konsolidazzjoni fiskali u l-prestazzjoni ekonomika fl-Istati Membri kollha li rriżultaw mill-funzjonament tal-munita unika u b’mod partikolari tal-impatt asimmetriku ta’ politiki komuni;

11.  Jitlob għal interpretazzjoni prudenti tal-indikaturi tat-tkabbir ‘tal-irkupru kajman’ u jirrakkomanda ħarsa aktar mill-viċin fis-sostenibilità tat-titjib identifikat, b'mod partikolari fil-kummerċ u fil-bilanċi tal-kontijiet attwali u fid-defiċits pubbliċi, u fil-progress fir-riformi strutturali; jitlob li tingħata ħarsa aktar mill-qrib lejn il-kwalità tal-previżjonijiet ekonomiċi peress li l-previżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni ġew aktar iva milli le riveduti suċċessivament ’l isfel; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitfasslu programmi ta’ assistenza taħt suppożizzjonijiet u xenarji konservattivi aktar milli ottimisti, sabiex jiġu evitati l-effetti ta’ riżultati mhux miksuba u proċikliċi;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tintroduċi l-objettivi nazzjonali tal-istrateġija Ewropa 2020 fir-rakkomandazzjonijiet maħruġa lill-Istati Membri skont il-Programmi ta’ Aġġustament Ekonomiku u biex jitqiesu kif suppost ir-restrizzjonijiet maħluqa minn programmi ta’ aġġustament fl-għoti ta' tali objettivi; jitlob ukoll biex il-leġitimità demokratika ta' tali programmi tiġi mħeġġa u miżjuda;

13.  Jilqa' l-fatt li xi Stati Membri ppreżentaw rapporti dwar il-progress fir-rigward tal-istrateġija Ewropa 2020 u, f'xi każijiet semmew proġetti speċifiċi biex jilħqu l-objettivi; jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu tali rapporti fil-kontributi tagħhom għas-Semestru Ewropew 2014; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma ppreżentatx rapport ta’ progress dwar l-istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta dan ir-rapport kull sena;

14.  Jiddeplora l-fatt li l-ebda waħda mis-CSRs ma tindirizza l-isfida tal-impatt tar-reġim ta’ tassazzjoni fuq ix-xogħol fuq l-investiment fit-tul u r-riżultat f’termini ta’ ħolqien ta’ impjiegi;

15.  Jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-kompetittività Ewropea ‘ma tistax u mhux se tkun ibbażata biss fuq l-ispejjeż’; jinnota, barra minn hekk, li huwa essenzjali li jitjiebu l-produttività, inklużi l-kapital, il-produttività tar-riżorsi u tal-enerġija, l-inklużjoni soċjali, l-investiment fl-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-effiċjenza tar-riżorsi, f’konformità mal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020; jinkoraġġixxi iktar progress fir-rigward tal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 speċjalment fil-qasam tal-impjiegi; jitlob li dak li hu msemmi hawn fuq ikun rifless b’mod adegwat fis-CSRs tal-pajjiżi ‘bid-defiċit’ peress li dawn huma Stati Membri li huma fi ħtieġa kritika li jagħtu spinta lill-kompetittività tagħhom;

16.  Jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-Kummissjoni fil-qasam tat-tassazzjoni ambjentali u l-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi tiegħu u jistieden lill-Kummissjoni tqis l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li ġej; jenfasizza l-impatt pożittiv mil-lat baġitarju, ta' impjiegi, soċjali u ambjentali jekk ikun hemm tassazzjoni ambjentali minflok tassazzjoni fuq ix-xogħol;

17.  Jiddispjaċih għad-dewmien fl-implimentazzjoni ta’ EUR 120 biljun ‘Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi’ miftiehem f’Ġunju 2012, tal-inizjattiva tal-Bonds għall-Proġetti mnedija f’Novembru 2012 u tal-investiment addizzjonali ta’ EUR 180 biljun mill-BEI; jistieden lill-Kunsill u l-Kummissjoni jinvestigaw u jneħħu mill-iktar fis possibbli l-ostakoli li qed jipprevjenu t-twettiq sħiħ ta’ dawn l-inizjattivi;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tibgħat b’mod urġenti proposti leġiżlattivi bil-għan li jinħoloq proċess ġenwin ta’ konverġenza fis-Semestru tal-UE bbażat fuq l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u li jinkludi inċentivi li jappoġġjaw l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali, fil-forma ta’ Strument għall-Konverġenza u l-Kompetittività (CCI) kif ukoll dispożizzjonijiet dwar koordinazzjoni ta’ politika ekonomika ex ante bbażati fuq il-metodu tal-Komunità;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fl-ambitu ta’ CCI appoġġ finanzjarju għar-riformi strutturali f’oqsma li jibblokkaw id-dinamiżmu u l-effiċjenza ekonomika;

20.  Jilqa’ l-użu mill-Kummissjoni tal-flessibbiltà offruta mill-PST rivedut sabiex jiġu estiżi l-iskadenzi għall-korrezzjoni ta’ defiċits eċċessivi f’seba’ proċeduri; jifhem li din l-estensjoni tagħmilha eħfef għal dawk il-pajjiżi li jimplimentaw ir-riformi strutturali li għandhom bżonn; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżguraw li l-kontenut u l-kalendarju tal-pjan ta’ aġġustament fiskali jkunu adattati għall-ispeċifiċità ta’ kull pajjiż u b’mod partikolari fil-pajjiżi ‘bid-defiċit’, jinkludu l-flessibilità msemmija qabel u l-użu sħiħ tal-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej, riformi strutturali sodi u sostenibbli u l-identifikazzjoni tal-investimenti (jiġifieri fis-CSR) essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività; jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li fil-valutazzjoni tal-eżekuzzjoni baġitarja ta’ din is-sena, u fl-analiżi tal-baġits nazzjonali għall-2014, il-Kummissjoni diġà se tipprova takkomoda, b'mod partikolari fi ħdan il-fergħa preventiva tal-PST, taħt ċerti kundizzjonijiet, programmi ta’ investimenti pubbliċi li mhumiex rikorrenti b’impatt ippruvat fuq is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi, filwaqt li jiġu rispettati għalkollox il-qafas tas-sorveljanza fiskali tal-UE; jistenna bil-ħerqa l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, mistennija dalwaqt, dwar il-qafas operazzjonali konkret li għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament, bi qbil mad-dikjarazzjoni mehmuża fit-2-pack;

21.  Jinnota l-komunikazzjoni dwar il-qafas armonizzat għall-abbozz ta’ pjanijiet baġitarji u r-rapporti dwar il-ħruġ ta’ dejn fiż-żona euro adottata mill-Kummissjoni bħala linji gwida fil-qafas tar-Regolament (UE) Nru 473/2013; jistenna bil-ħerqa d-djalogu ekonomiku previst mill-Kummissjoni dwar il-kontenut ta’ dawn il-linji gwida;

22.  Jilqa’ l-inklużjoni ta’ linji gwida ta’ rappurtar dwar indikazzjonijiet dwar kif miżuri fl-abbozzi ta’ pjanijiet baġitarji jindirizzaw is-CSRs, il-miri stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020, il-linji gwida ta’ rappurtar dwar l-impatt distributorju mistenni tal-miżuri ewlenin ta’ nfiq u dħul kif ukoll dettalji dwar in-nefqa ġenerali tal-gvern skont il-funzjoni; jenfasizza li tali linji gwida se jiffaċilitaw il-monitoraġġ tal-miżuri baġitarji meħuda bil-għan li jintlaħqu l-miri nazzjonali tal-istrateġija Ewropa 2020;

23.  Jistenna bil-ħerqa d-divulgazzjoni li ġejja miftiehma dwar l-eżitu tat-2-pack tal-parametri u l-punti ta’ riferiment metodoloġiċi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri inklużi stimi ta’ multiplikaturi fiskali li jkunu moħbija fil-prospetti makroekonomiċi;

24.  Jinnota li l-iżviluppi tal-pagi riċenti fil-pajjiż ‘b’bilanċ pożittiv’ qed jikkontribwixxu għas-sostenibilità tad-domanda u anke jkollhom effetti sekondarji pożittivi fi bnadi oħrajn fl-UE; jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-pajjiżi ‘b’bilanċ pożittiv’ bi spazju fiskali suffiċjenti għandhom rwol xi jwettqu biex tingħeleb il-kriżi attwali, inkluż billi jnaqqsu t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u billi jiżviluppaw pagi sabiex tingħata spinta lid-domanda domestika sostenibbli u titqies il-kompetittività internazzjonali; il-pajjiżi ‘b’bilanċ pożittiv’ jistgħu jħeġġu wkoll l-opportunitajiet ġodda tal-investiment favur it-tkabbir permezz tas-setgħa tal-akkwist tagħhom, speċjalment pemezz tal-investiment fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-enerġija u l-infrastruttura, jimmodernizzaw is-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-pensjoni, u jiftħu s-settur tas-servizzi tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-effetti sekondarji pożittivi li jista’ jkollhom dawn l-azzjonijiet fl-UE kollha, partikolarment jekk jiġu implimentati mill-akbar ekonomiji fi ħdan l-Unjoni;

25.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa politika industrijali Ewropea ġenwina, ibbażata fuq il-kompetittività u l-innovazzjoni miżjuda, li tiffoka fuq ir-restawr tal-kompetittività industrijali Ewropea u politiki ta’ ridimensjonament li jwasslu biex il-kumpaniji jittrasferixxu l-attività tagħhom ’il barra mill-UE; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa politika Ewropea tal-kummerċ estern koerenti, jemmen li huwa biss permezz tal-ġestjoni intelliġenti tar-relazzjoni tagħha ‘mal-globalizzazzjoni’ li l-Ewropa tista’ tiggarantixxi t-tkabbir, l-impjiegi, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-konformità mal-liġi internazzjonali u Ewropea u l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u għal diversi Stati Membri, l-allokazzjoni mill-ġdid progressiva rrakkomandata tar-riżorsi lil hinn mis-setturi mhux kummerċjabbli fis-setturi kummerċjabbli;

26.  Ifaħħar id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-miżuri ta' appoġġ finanzjarju meħuda mill-Istati Membri u l-UE għandhom jagħtu iktar attenzjoni lill-impatt distribuzzjonali tar-riformi u jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni ex ante bir-reqqa tal-impatt kemm fuq perjodu qasir kif ukoll dak twil tar-riformi rakkomandati l-ġodda kollha u biex tieħu l-konklużjonijiet meħtieġa kollha mir-rakkomandazzjonijiet preċedenti, inklużi dawk magħmula lill-Istati Membri li qegħdin taħt programmi ta’ assistenza finanzjarja;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tibgħat proposti leġiżlattivi biex tikkompleta l-UEM, li kif inhu rakkomandat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012 bit-titolu "Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina"; għal dan il-għan iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi tabella ta’ valutazzjoni separata marbuta mad-dimensjoni soċjali tal-UEM; jissuġġerixxi li r-rieżamijiet fid-dettall previsti fil-Proċedura ta’ Żbilanċi Ekonomiċi għandhom jagħmlu rieżami b’mod regolari tal-politiki tal-impjiegi u soċjali bil-għan li jiġu identifikati tali politiki li jimmitigaw il-problemi soċjali u jtejbu l-impjiegi; jemmen li din is-sistema msaħħa ta’ monitoraġġ tista’ tgħin biex jiġu kkoordinati b'mod aktar effettiv il-politiki bil-għan li jiġu identifikati u indirizzati sfidi ewlenin fil-ħin u biex jiġu integrati b'mod aktar effettiv it-tħassib dwar l-impjiegi u dak soċjali fix-xenarju globali ta’ politika;

28.  Jaqbel li l-azzjoni tal-BĊE, li saret flimkien ma' riformi strutturali u l-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi, ‘ikkontribwiet b’mod deċiżiv għall-istabbiltà taż-żona tal-euro’; jirrikonoxxi li din l-azzjoni kellha l-effett li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-iffinanzjar għoljin b'mod mhux sostenibbli minn ċerti Stati Membri permezz tal-Programm tas-Suq tat-Titoli (SMP) u u pprovdiet pjan ta’ emerġenza ta’ likwidità għas-swieq tad-dejn sovran permezz ta’ Tranżazzjonijiet Monetarji Diretti (OMTs), billi evitat l-isfaxxar tas-settur bankarju u għenet fit-tisħiħ tar-rabta bejn il-banek u s-sovranità, li jillimita l-ispekulazzjoni dwar id-dejn sovran u naqqset b’mod temporanju l-firxiet; madankollu, jikkunsidra li n-nuqqas ta’ tkabbir sostenibbli u livelli għolja (u li għadhom qed jogħlew) ta’ dejn privat u pubbliku f’ħafna Stati Membri jfissru li huwa meħtieġ ‘proċess ta’ tnaqqis fl-ingranaġġ ġestit b’attenzjoni’; jaqbel mal-Kummissjoni li t-titjib fis-saħħa tas-settur bankarju jrid jibqa’ prijorità; jilqa' t-twaqqif mill-Kummissjoni, skont l-impenn li ħadet quddiem il-Parlament fid-dikjarazzjoni mehmuża mat-2-pack, tal-grupp ta' livell għoli ppresedut minn Gertrude Tumpel-Gugerell biex ifannad l-analiżi tas-sostituzzjoni parzjali tal-ħruġ tad-dejn nazzjonali permezz ta' ħruġ konġunt fil-forma ta' fond ta' tifdija u ewrokambjali, u biex jivvalutaha b'mod dettaljat, billi jitqiesu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-għażliet differenti; jinsab ħerqan dwar ir-rapport tal-grupp ta' livell għoli;

29.  Jenfasizza li l-finanzjament tal-ekonomija reali u b’mod partikolari tal-SMEs, ma ġiex restawrat fil-periferija tal-UE; jinnota li d-differenzi kbar fl-aċċess għall-finanzi għandhom tendenza li jesaġeraw id-diverġenzi interni fl-UE, u fiż-żona tal-euro b’mod partikolari, u jfixklu s-suq intern permezz ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni inġusta; ifakkar li l-konsolidament tal-portafoll tal-banek huwa prerekwiżit iżda jenfasizza li l-prospetti ekonomiċi negattivi jiġġustifikaw b’mod parzjali biss dawn il-limitazzjonijiet ta’ kreditu restrittivi; jitlob sorveljanza aktar mill-qrib tal-applikazzjoni tar-regoli prudenzjali ġodda u tal-prattiki tas-settur bankarju fil-finanzjament tal-ekonomija reali, b’mod partikolari l-SMEs ekonomikament vijabbli; jagħraf f’dan ir-rigward ir-rwol importanti li jista’ jkollhom l-istrumenti finanzjarji innovattivi l-ġodda fi programmi Ewropej varji u fil-Politika ta’ Koeżjoni fit-trawwim ta’ investiment pubbliku u privat, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura ċarezza u trasparenza legali ta’ implimentazzjoni madwar strumenti finanzjarji ġodda fi żmien xieraq u qabel il-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020; jitlob għal analiżi u kontroll iktar stretti tas-sistema bankarja parallela (shadow banking) u l-effett tagħha fuq l-ekonomija reali; jitlob lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-ħidma fuq sorsi alternattivi u diversifikati ta’ finanzjament għall-SMEs, b’mod partikolari permezz tas-swieq finanzjarji, il-fondi struttural u tal-investiment Ewropej, il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Fond Ewropew tal-Investiment u l-banek ta’ żvilupp pubbliku;

30.  Jenfasizza li t-tnaqqis tad-diversi atturi finanzjarji fis-swieq nazzjonali jissuġġerixxi li qed jiddgħajfu minħabba frammentazzjoni tas-suq intern permezz ta' konċentrazzjoni eċċessiva, li qed timblokka s-suq interbankarju u ċċaħħad il-vantaġġi tas-suq intern jiġifieri diversifikazzjoni tar-riskji u opportunitajiet akbar;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitkomplew programmi maħsuba biex jinkoraġġixxu l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ billi jiġu maħluqa għalihom opportunitajiet ta’ bidu ta’ negozju speċjali, flimkien ma’ aktar aċċess għal finanzjament Ewropew u pariri dwar in-negozju;

32.  Jilqa’ l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni biex jinħoloq Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (inklużi Awtorità Ewropea Unika u Fond Ewropew Uniku ffinanzjat mill-industrija), li huwa essenzjali biex titlesta l-Unjoni Bankarja; jitlob lill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Parlament biex jaqblu ta' malajr dwar il-ħolqien ta' Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni; iħeġġeġ lill-Kunsill jikkonkludi malajr in-negozjati mal-Parlament dwar id-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti u dwar id-Direttiva tar-Riżoluzzjoni u l-Irkupru Bankarju (li jridu jiġu nnegozjati b’mod parallel);

33.  Jitlob rikapitalizzazzjoni bankarja diretta mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) biex tkun disponibbli, hekk kif jitwaqqaf il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), kif imħabbar fid-dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern taż-żona tal-euro f'Ġunju 2012; minħabba l-urġenza biex ikun hemm Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni biex jakkompanja l-SSM, jappoġġja t-twaqqif immedjat tal-mekkaniżmu ta' pjan ta' emerġenza, b'perjodu ta’ rimborż mill-industrija; jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposta ħalli ġġib l-MES taħt l-acquis tal-Komunità filwaqt li tipprevedi responsabbiltà demokratika komprensiva tal-Parlament Ewropew;

34.  Jilqa’ ‘l-Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa’ tal-Kummissjoni u r-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar ‘miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi terzi biex japplikaw standards minimi ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa’u dwar ‘il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva’ adottati fis-6 ta’ Diċembru 2012; ifakkar fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u r-rifuġji fiskali, li identifikat azzjonijiet meħtieġa oħra li għandhom jittieħdu fil-qasam tal-frodi tat-taxxa, il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u r-rifuġji fiskali; jenfasizza li l-ġustizzja fil-qsim tal-piżijiet teħtieġ approċċ rinfurzat għall-frodi u l-evażoni tat-taxxa; jitlob għal azzjoni urġenti u strateġija komprensiva, ibbażati fuq miżuri leġiżlattivi konkreti mill-Kummissjoni biex jiġu trattati l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa u għal appoġġ ċar mill-Kunsill dwar id-dossiers imblokkati jew pendenti kollha marbuta mat-tassazzjoni;

35.  Jistieden lill-Kunsill biex jikkonkludi n-negozjati għat-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji, sabiex titħeġġeġ l-introduzzjoni tat-taxxa mal-Ewropa kollha u biex jiġu inklużi fl-aġenda tiegħu, b’mod urġenti, miżuri li jnaqqsu d-diskrepanza fiskali, jindirizzaw ir-rifuġji fiskali u jaħdmu dwar il-konverġenza tas-sistemi tat-taxxa fi ħdan l-UE;

36.  Jemmen li l-introduzzjoni tat-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji, li għandha tiġi segwita permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa, għandha titqies bħala l-ewwel pass lejn l-introduzzjoni tagħha fil-livell internazzjonali;

37.  Jitlob għall-applikazzjoni sħiħa u urġenti tas-6-pack u tat-2-pack, bil-għan li titfassal mill-ġdid is-sistema ad hoc ta’ ‘trojki’ fi struttura legalment soda skont il-liġi tal-Komunità, li tirrispetta l-kontabbiltà demokratika; iħeġġeġ lit-Trojka biex tirrevedi l-istrateġija ta’ komunikazzjoni tagħha li ripetutament sfat f’diżastru; jenfasizza li, fuq tul ta' żmien medju, sistema purament Ewropea tkun preferibbli u li l-Kummissjoni għandha tfassal proposti li jfasslu mill-ġdid, b'mod adegwat, il-mudell tat-"trojka";

38.  Ifakkar li l-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, ikkonferma fir-rimarki tiegħu lill-Parlament fl-1 ta’ Frar 2012 li l-operazzjoni MES se tkun suġġetta għal skrutinju tal-Parlament Ewropew; għal dan il-għan, jistenna bil-ħerqa in-negozjar ta’ arranġament mal-grupp tal-euro li jipprovdi, inter alia, il-possibbiltà li jiġu organizzati smigħ u jiġu indirizzati mistoqsijiet bil-miktub lid-Direttur Maniġerjali tal-MES u l-Bord tal-Gvernaturi;

39.  Jenfasizza li s-Semestru Ewropew m’għandu bl-ebda mod jipperikola l-prerogattivi tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-involviment formali xieraq tal-Parlament Ewropew fil-passi kollha tal-proċess tas-Semestru Ewropew sabiex tiżdied il-leġittimità tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw liċ-ċittadini kollha; jistieden lill-Kummissjoni ssib modi biex tiżdied il-viżibbiltà tal-proċess;

40.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ ir-responsabbiltà demokratika għall-Parlament Ewropew u għall-parlamenti nazzjonali ta’ elementi essenzjali tal-operat taż-żona tal-euro, bħall-MES, id-deċiżjonijiet tal-grupp tal-euro u l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi ta’ assistenza finanzjarja; jitlob, f’dan il-kuntest, lill-Kummissjoni twettaq u tippubblika evalwazzjonijiet interni ex post tar-rakkomandazzjonijiet u l-parteċipazzjoni tagħha fit-Trojka;

41.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvolvu b’mod attiv lill-parlamenti nazzjonali tagħhom, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili fil-proċess tas-Semestru Ewropew kollu kemm hu, u b’mod partikolari fl-iżvilupp, id-diskussjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura dak l-involviment; jisħaq fuq il-fatt li l-involviment tal-partijiet interessati kollha fl-iżvilupp tar-riformi meħtieġa huwa kruċjali għat-twettiq u s-suċċess tagħhom;

42.  Jenfasizza l-importanza tad-djalogu bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali bil-ħsieb li jinkiseb proċess ta’ Semestru Ewropew li jopera b’mod sħiħ u jinkiseb il-livell meħtieġ ta’ kontabbiltà demokratika fir-rigward ta’ dawk kollha involuti; jenfasizza l-utilità tal-Ġimgħa Ewropea Parlamentari dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika (EPW 2013);

43.  Jiddispjaċih li l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi proposti mill-Kummissjoni ma ħarġitx fil-pubbliku f'ħin reali; jiddispjaċih li d-deliberazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, ma ħarġitx fil-pubbliku f'ħin reali;

44.  Jisħaq fuq il-fatt li għandu jkun hemm qasma ċara bejn il-kompetenzi tal-livell tal-UE u dawk nazzjonali u li l-Parlament Ewropew huwa s-sede tar-responsabbiltà fil-livell tal-Unjoni; jitlob li, meta kompetenzi ġodda jiġu ttrasferiti jew maħluqa fil-livell tal-Unjoni jew meta jitwaqqfu istituzzjonijiet ġodda tal-Unjoni, iridu jiġu żgurati l-iskrutinju demokratiku korrispondenti min-naħa tal-Parlament Ewropew u r-responsabbiltà quddiem il-Parlament Ewropew;

Il-kontributi settorjali lis-Semestru Ewropew 2013

Impjiegi u politiki soċjali

45.  Iqis ir-rikonoxximent mill-Kummissjoni tal-ħtieġa li jitnaqqsu t-taxxi fuq l-impjieg favur sorsi oħrajn ta' dħul bħala żvilupp pożittiv li jħaffef il-proċess ta' konsolidazzjoni fiskali fuq bażi aktar ġusta;

46.  Jagħraf li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) għal din is-sena huma partikolarment importanti minħabba li l-Istati Membri qed jiddefinixxu l-prijoritajiet ta’ investiment tagħhom għall-politika ta’ koeżjoni fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss; jitlob, f’dan ir-rigward, sabiex il-fondi tal-UE jkunu mmirati aktar fuq il-prijoritajiet kollha tal-Istrateġija Ewropa 2020, partikolarment permezz tal-politiki favur it-tkabbir u l-impjiegi, inkluż dwar il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fuq żmien fit-tul, u dwar il-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli, mhux prekarji, li jkunu soġġetti għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u b’paga adegwata; jesprimi t-tħassib tiegħu għad-diverġenzi soċjali u ekonomiċi li qed jiżdiedu bejn l-Istati Membri differenti;

47.  Jinnota li diversi Stati Membri adottaw riformi maġġuri fis-suq tax-xogħol bil-għan li jtejbu r-reżiljenza tas-suq tax-xogħol, jintroduċu flessibilità interna u esterna akbar, inaqqsu s-segmentazzjoni u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni bejn l-impjiegi; jenfasizza li r-riformi tax-xogħol għandhom jitwettqu b'kunsens xieraq fost is-sħab soċjali;

48.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fil-linji gwida ta' politika tagħha u s-CSRs, jiżguraw li l-flessibilità neċessarja li hija bżonnjuża fis-suq tax-xogħol tkun ibbilanċjata b'livelli adegwati ta' protezzjoni soċjali li huma karatteristiċi għall-ekonomija tas-suq soċjali tagħna, u li r-riformi fis-suq tax-xogħol ikollhom l-għan li jippromwovu livelli għoljin ta' impjieg, il-kwalità fix-xogħol, itejbu l-immaniġġjar tar-riskju soċjali, jinkiseb progress fl-inklużjoni tal-gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol, jitnaqqas il-faqar fost dawk li jaħdmu, ikun hemm rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja, jiġu promossi l-ugwaljanza bejn is-sessi, u s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema b'kuntratti atipiċi u titjieb il-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom;

49.  Jinnota li l-Istati Membri kollha rċevew rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-livelli ta' parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol; jistieden lil dawk l-Istati Membri li għandhom livelli baxxi ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol sabiex, b’konsultazzjoni mas-sħab soċjali, isaħħu l-miżuri attivi, komprensivi u inklużivi favur is-suq tax-xogħol, bħas-servizzi tat-taħriġ u tal-impjiegi, u sabiex jintroduċu aktar riformi biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-impjieg ta’ kwalità, jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, jipprevjenu t-tluq kmieni mis-suq tax-xogħol, itejbu l-kompetittività u jiġġieldu s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, kif ukoll iqabblu l-ħiliet tal-ħaddiema mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

50.  Jirrimarka li s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ qiegħda hija partikolarment tat-tħassib u li jeħtieġ li tittieħed azzjoni urġenti; jappella sabiex jitwaqqaf Patt Ewropew għall-Impjieg taż-Żgħażagħ li jdaħħal fis-seħħ il-miżuri li ilu li kien hemm ftehim dwarhom u li jiġu impenjati riżorsi u mizuri ġodda biex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ, inaqqsu l-għadd ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) u l-faqar fost iż-żgħażagħ, billi jiġi kkunsidrat l-aspett kwalitattiv ta’ xogħol deċenti bir-rispett sħiħ tal-istandards ewlenin tax-xogħol;

51.  Jistenna bil-ħerqa l-investiment inizjali tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ skont is-sejħa tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali permezz tal-emendi tiegħu għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR);

52.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, kif ukoll is-EUR 6 biljun iddedikati għall-Inizjattiva għall-Impjieg taż-Żgħażagħ skont il-QFP li jmiss; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod urġenti l-Iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u jużaw ir-riżorsi disponibbli b’mod effiċjenti billi jikkonċentraw l-attivitajiet fuq dawk li jinsabu fis-sitwazzjonijiet l-aktar diffiċli;

53.  Jilqa’ l-fatt li dawn il-fondi jistgħu jintużaw fl-ewwel sentejn tal-QFP li jmiss; jenfasizza li dan l-ammont, madanakollu, mhuwiex biżżejjed biex jiġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ b'mod dejjiemi u li għandu jikkostitwixxi biss pagament inizjali li bih jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ;

54.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma tal-Gruppi ta’ Azzjoni tal-Impjieg taż-Żgħażagħ biex tgħin lill-Istati Membri bl-ogħla livelli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ jipprogrammaw mill-ġdid il-finanzjamenti strutturali mill-UE skont il-QFP 2007-2013 sabiex dawn ikunu mmirati favur iż-żgħażagħ; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tibni fuq il-Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol (EURES) billi tintensifika u twessa’ l-attivitajiet tagħha u, b’mod partikulari, billi tippromwovi l-mobilità taż-żgħażagħ; jinnota, madankollu, li l-mobilità għandha tibqa’ volontarja u li l-isforzi biex jinħolqu postijiet tax-xogħol u taħriġ fuq il-post, ma għandhomx għalhekk ikunu llimitati;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas ta’ kwalità għall-iskemi ta’ taħriġ li jinkludi, fost l-oħrajn, il-kriterji għal ħlas, miri edukattivi, kundizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll għal standards ta’ saħħa u sigurtà xierqa; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-sħab soċjali tal-UE jimplimentaw b’mod ambizzjuż l-Alleanza għall-Apprendistati;

56.  Jemmen li hemm ħtieġa urġenti, minħabba l-għadd ta' ħaddiema, partikolarment żgħażagħ, li jitilqu mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom lejn oħrajn tal-UE sabiex ifittxu opportunità ta’ xogħol, li jiġu żviluppati miżuri xierqa biex tiġi rieżaminata l-liġi tal-UE sabiex tingħata l-garanzija tal-portabilità tad-drittijiet tal-pensjoni u, għal perjodu ta' mill-anqas tliet xhur, tal-kontinwazzjoni tal-benefiċċji tal-impjieg, waqt it-tfittxjia għax-xogħol fi Stat Membru ieħor; jilqa' t-titjib li sar lill-portal Ewropew tal-mobilità u jappella biex titfassal strateġija speċifika għalih flimkien mal-Istati Membri;

57.  Jilqa’ l-fatt li għall-ewwel darba, ċerti CSRs qegħdin jindirizzaw is-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri rigward il-faqar; jikkundanna bil-qawwa l-fatt li l-ebda CSR ma tindirizza speċifikament il-każ tas-swieq tax-xogħol li minnhom huma esklużi n-nisa u fejn l-ebda miżura ma hija prevista sabiex tinkludihom;

58.  Jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm azzjoni speċifika biex tiżdied il-parteċipazzjoni fid-dinja tax-xogħol tan-nisa, ta' ħaddiema aktar anzjani u ta' ħaddiema b'diżabilità billi jiġi żgurat li jkun hemm inċentivi effiċjenti biex wieħed jirritorna għax-xogħol jew biex wieħed jibqa' fih; ifakkar li l-kwalità, l-affordabilità u l-aċċessibilità tas-servizzi relatati mal-edukazzjoni bikrija tat-tfal, mal-kura tat-tfal u l-kura tal-anzjani għandhom rwol importanti;

59.  Jenfasizza li dawk li jkunu qiegħda għal żmien twil għandhom ikunu appoġġjati permezz ta’ approċċi ta’ ħolqien ta’ impjiegi u inklużjoni attiva integrata inkluż inċentivi ta’ attivazzjoni pożittivi, bħall-programmi ta’ gwida personalizzata u għat-tranżizzjoni minn dipendenza fuq il-benefiċċji għas-suq tax-xogħol, sistemi adegwati ta’ benefiċċju, u aċċess għal servizzi ta’ kwalità li jippermettulhom li jikkollegaw mill-ġdid mas-suq tax-xogħol u li jaċċedu għal impjiegi ta’ kwalità;

60.  Ifakkar id-differenzi bejn id-domanda u l-provvista fil-ħiliet u s-sitwazzjonijiet ta’ konġestjoni tal-ħiliet f’ħafna reġjuni u setturi, kif ukoll l-inkapaċità ta’ ċerti sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ biex ilaħħqu mal-ħtiġijiet tas-suq u tal-ħaddiema f'dan il-kuntest; jilqa’ r-riformi fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali mwettqa minn diversi Stati Membri sabiex jadattaw il-ħiliet u l-kompetenzi mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-ħtiġijiet tal-ġejjieni tal-ħaddiema, speċjalment dawk taż-żgħażagħ; jenfasizza, f’dan il-kuntest, il-benefiċċji tas-sistemi ta’ edukazzjoni doppja; ifakkar li kważi l-Istati Membri kollha jeħtieġu li jieħdu azzjoni ulterjuri u jinvestu aktar fl-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp;

61.  Jiinota li, minbarra r-riforma tas-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ, jeħtieġ li jkun hemm strateġija fit-tul, sostenibbli u bbażata fuq il-kriterji, għall-immigrazzjoni, sabiex jiġu indirizzati n-nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet u t-tibdil demografiku;

62.  Jinnota li l-kriżi ħalliet impatt sever u dejjiemi fil-livelli tal-qgħad u s-sitwazzjoni soċjali tal-Istati Membri, li wassal għal żidiet mhux sostenibbli fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali, inkluż il-faqar fost it-tfal, u sitwazzjonijiet ta' persuni bla saqaf, l-inugwaljanza soċjali, il-faqar fost dawk li jaħdmu, u dejn eċċessiv tal-familji; jistieden, f’dan il-kuntest, lill-Istati Membri jsaħħu n-netwerks ta’ sikurezza u jiżguraw l-effettività tas-sistemi soċjali li jieħdu ħsieb lil dawk milquta, minbarra li jinvestu f’miżuri preventivi;

Politiki baġitarji

63.  Ifakkar illi, minkejja li d-daqs tiegħu huwa modest iżżejjed sew f’termini assoluti kif ukoll f’termini relattivi meta mqabbel mal-ġid ekonomiku tal-Unjoni, il-baġit tal-UE għandu valur miżjud importanti bħala għodda għall-promozzjoni tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, meta wieħed iqis ir-rwol tiegħu bħala katalist għall-investiment;

64.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Istati Membri qed ikomplu jissottovalutaw ir-rwol u l-kontribut tal-baġit tal-UE fit-tisħiħ tal-governanza ekonomika u tal-koordinazzjoni baġitarja fl-Unjoni kollha kemm hi, f’dak ir-rigward u bir-rispett debitu lejn id-dikjarazzjoni konġunta ffirmata mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni f’Diċembru 2012 u għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-3 ta' Lulju 2013 dwar il-qbil politiku rigward il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020, iħeġġeġ lill-Kunsill biex jadotta fl-intier tiegħu kwalunkwe baġit emendatorju għall-2013 imressaq mill-Kummissjoni li jista' jkun meħtieġ matul is-sena, sabiex il-perjodu attwali tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali jingħalaq b’karta ta’ bilanċ nadifa;

65.  Itenni li l-kompromess milħuq fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-8 ta' Frar 2013 dwar il-QFP 2014-2020 ma kienx jikkorrispondi mal-aspettattivi tal-Parlament; jinsisti li kwalunkwe qbil fuq livell hekk baxx seta' jkun aċċettabbli biss bil-kundizzjonijiet imniżżla fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013;

66.  Huwa konvint li kontribuzzjoni kredibbli tal-UE biex tintemm il-kriżi attwali trid tkun ibbażata fuq bidla fundamentali fil-mod kif jiġi ffinanzjat il-baġit tal-UE, jiġifieri lejn riżorsi proprji ġenwini;

67.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu ħilithom kollha ħalli jiddeċiedu bla dewmien dwar il-programmazzjoni nazzjonali tagħhom għall-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni, sabiex jiġi evitat dewmien fl-użu ta' dawn il-fondi, li għandhom l-għan li jappoġġjaw it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;

68.  Jenfasizza l-importanza tax-xjenza u l-innovazzjoni għall-iżvilupp strateġiku tal-kompetittività u, għalhekk, għall-ħolqien tal-impjiegi fil-livell Ewropew, sabiex tingħeleb il-kriżi ekonomika u finanzjarja;

Suq intern

69.  Ifakkar li s-Suq Uniku hu mutur ewlieni għat-tkabbir u l-impjiegi u għandu rwol indispensabbli biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; jinnota, madankollu, li dan il-potenzjal għadu mhux qed jiġi sfruttat f'diversi aspetti;

70.  Ifakkar li l-potenzjal sħiħ ekonomiku u ta’ impjiegi tas-settur tas-servizzi għadu mhux sfruttat biżżejjed; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa u xierqa tad-Direttiva tal-UE dwar is-Servizzi waqt li jiġu ssalvagwardati l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jiżguraw aċċess universali għal servizzi ta’ kwalità affordabbli għal kulħadd; jistieden lill-Istati Membri jinvestu b’mod partikolari f’servizzi soċjali ta’ kwalità; jinnota, fl-istess ħin, li l-istandards soċjali u salarjali għandhom jiġu osservati; jistieden lill-Istati Membri jneħħu l-ostakoli fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u r-restrizzjonijiet eċċessivi fis-servizzi professjonali u fil-professjonijiet rregolamentati; jappella, fl-istess ħin, għat-tneħħija tal-ostakli għall-moviment liberu tal-ħaddiema sabiex titttejjeb il-mobilità u jiġi ottimizzat l-użu tal-kapital uman tal-UE;

71.  Jilqa' l-fatt li fis-Semestru Ewropew 2013, għall-ewwel darba, l-Istħarriġ tat-Tkabbir Annwali kien sostnut minn rapport dwar il-qagħda tal-integrazzjoni tas-suq uniku;

72.  Jiddispjaċih, madankollu, li minkejja l-evidenza qawwija dwar l-importanza tas-suq uniku biex tingħeleb il-kriżi, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2013 ma jindirizzawx biżżejjed il-potenzjal tat-tkabbir, il-fiduċja tal-konsumatur u l-potenzjal tal-impjiegi għall-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tar-regoli tas-suq uniku;

73.  Jappoġġa l-enfasi mogħtija mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi ta' din is-sena biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet u l-ostakli mhux ġustifikati għad-dħul fis-setturi tas-servizzi; iħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati biex jagħtu l-akbar kunsiderazzjoni lil dawk ir-rakkomandazzjonijiet u sabiex ineħħu, b'mod urġenti, dawn l-ostakli għat-tkabbir tas-suq uniku;

74.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tqiegħed bħala prijorità l-governanza tas-suq uniku fl-Istħarriġ tat-Tkabbir Annwali li jmiss u fis-Semestru Ewropew 2014, u sabiex, fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li jmiss, tqis sew l-oqsma ewlenin tat-tkabbir – identifikati bħala s-settur tas-servizzi, is-settur tal-enerġija, is-settur tat-trasport u s-suq diġitali uniku – kif ukoll il-miżuri inklużi fl-Atti I u II tas-Suq Uniku;

75.  Jiddispjaċih għall-fatt li n-nuqqas ta’ investiment nazzjonali u Ewropew qed ifixkel il-kisba tal-miri u l-objettivi ta' prijorità fl-oqsma ewlenin tal-enerġija, it-trasport u s-suq diġitali indikati fir-rapport dwar "L-Istat ta’ Integrazzjoni tas-Suq Uniku 2013 – Kontribuzzjoni għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013";

76.  Iħeġġeġ, fl-istess waqt, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex iżidu l-isforzi tagħhom fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni tas-suq uniku u biex jissorveljaw dan l-infurzar, fost l-oħrajn permezz ta' azzjonijiet ta' kontroll regolari tal-UE;

77.  Itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-governanza tas-Suq Uniku billi tistabbilixxi ċiklu annwali ta’ governanza tas-Suq Uniku bħala pilastru speċifiku tas-Semestru Ewropew, li jinkludi Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern, rapport annwali dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku bħala parti mill-Istħarriġ tat-Tkabbir Annwali, gwida tal-Kunsill Ewropew għall-Istati Membri, pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali bl-għan li jiġu implimentati l-linji gwida tas-Suq Uniku u rakkomandazzjonijiet dedikati speċifiċi għall-pajjiż;

78.  Huwa mħasseb bil-kbir dwar l-inċertezza persistenti tal-investituri privati, in-nuqqas ta’ fiduċja li għandhom u r-riluttanza tagħhom li jinvestu, b’mod partikolari bħala konsegwenza tal-istandards ta’ produttività bi frammentazzjoni persistenti tas-suq wieħed u bidliet fil-politika industrijali; jiddeplora l-fatt li, bħala konsegwenza tal-kriżi, ambjent ta’ fiduċja baxxa qed iġiegħel kemm lill-investituri privati kif ukoll lill-istituzzjonijiet tas-settur finanzjarju jitmeżimżu mir-riskju kbir u jtenni li x-xogħol għat-tisħiħ tas-settur bankarju għandu jissokta;

Politiki reġjonali

79.  Huwa mħasseb ħafna dwar il-waqgħa drastika fl-investiment pubbliku u privat fl-ekonomija produttiva u speċjalment fil-livell lokali u reġjonali; huwa tal-opinjoni li huma meħtieġa miżuri deċiżivi għar-riforma tas-swieq tal-prodotti u tax-xogħol, għall-adozzjoni ta' politiki salarjali kawti u biex il-mudell għat-tkabbir futur ikun ibbażat fuq l-innovazzjoni u l-bidla fil-produzzjoni lejn attivitajiet ta’ valur miżjud għoli; huwa tal-fehma li politika ekonomika sostenibbli tiddependi fuq kundizzjonijiet tajbin ħafna għall-ħolqien ta’ negozji; jesprimi t-twemmin sħiħ tiegħu li l-Fondi Strutturali u tal-Investiment huma essenzjali sabiex ikun hemm prevenzjoni u mitigazzjoni ta’ kull waqgħa fl-investiment kif intqal aktar ’il fuq u biex tingħata spinta lill-investiment pubbliku; jiġbed l-attenzjoni lejn l-opportunitajiet li jistgħu jintużaw fl-Istati Membri biex jappoġġjaw investiment pubbliku mill-Fondi Strutturali billi jipprovdu ċertu flessibilità għall-proċeduri finanzjarji ta’ dawn il-fondi, eż. billi jżidu r-rati ta’ kofinanzjament tal-istati li jidħlu fi programm ta’ aġġustament u jirċievu l-assistenza finanzjarja tal-UE jew billi jtawlu r-regola tad-diżimpenn b’sena għall-Istati Membri kollha fil-perjodu ta’ programmar 2007-2013 (kif se jkun il-każ fil-perjodu ta’ programmar 2014-2020);

80.  Iqis li għandu jiżdied l-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-programmi rilevanti, b'mod partikolari l-istrateġija Ewropa 2020, sabiex b’hekk jikber is-sens ta’ responsabbiltà tagħhom għall-għanijiet tal-istrateġija fil-livelli kollha u sabiex tiġi żgurata sensibilizzazzjoni akbar minħabba l-objettivi u r-riżultati tagħha;

Id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi

81.  Jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) rigward miżuri biex jittejbu l-faċilitajiet tal-kura tat-tfal, jitneħħew id-diżinċentivi għat-tieni persuna li taqla’ l-flus, tiġi armonizzata l-età tal-irtirar statutorja għall-irġiel u n-nisa, jiġu akkomodati l-ħtiġijiet li jiġu kkumbinati flimkien il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata, partikolarment billi jitħeġġeġ l-aċċess għat-teknoloġiji ġodda u għat-taħriġ dwar l-użu tagħhom, u jiġu eliminati d-differenzi bejn is-sessi u fil-pensjonijiet; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li ħafna minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet diġà kienu ġew stabbiliti fl-2012, ħaġa li tindika nuqqas ta’ implimentazzjoni fl-Istati Membri;

82.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom itejbu r-rata ta' parteċipazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ fis-sistemi edukattivi u għandhom jiffokaw aktar fuq il-problema ta' tluq bikri mill-iskola, b'mod speċjali billi jiġbru informazzjoni dwar ir-raġunijiet ewlenin għat-tluq bikri mill-iskola sabiex jadottaw u jimplimentaw politiki għall-prevenzjoni ta' dan;

83.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jikkunsidraw il-miri relatati mas-sessi fil-programmi nazzjonali tax-xogħol, b'attenzjoni partikolari għal nisa li jieħdu ħsieb l-anzjani, ommijiet li jrabbu t-tfal waħedhom jew bi tfal b'diżabilitajiet; barra minn hekk, jitlob li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwistjoni tat-tluq bikri mill-iskola minħabba ż-żieda qawwija fin-numru ta' tfal li jitilqu l-istudji bejn l-età ta' 10 snin u 16-il sena u t-telfien f'sens ta' riżorsi li dan jirrappreżenta b'mod ċar għall-Unjoni kollha;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li ġej, tqajjem il-kwistjoni ta’ linji gwida tal-politiki speċifiċi dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn is-sessi, inklużi, b’mod partikolari, linji gwida dwar it-tnaqqis fid-differenzi fil-pagi li hemm bejn is-sessi – li ta' spiss jirriżulta fin-nisa li jsibu ruħhom taħt il-livell tal-faqar fi stadju aktar tard ta' ħajjithom – u fid-differenza fil-pensjonijiet li hemm bejn is-sessi, dwar iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u dwar il-ġlieda kontra s-segregazzjoni tas-sessi fis-suq tax-xogħol minħabba li l-prosperità futura tal-UE tiddependi kruċjalment fuq il-kapaċità tagħha li tuża bis-sħiħ ir-riżorsi tax-xogħol tagħha;

85.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-ibbaġitjar tas-sessi bl-għan li jiġu eżaminati l-programmi u l-politiki governattivi kollha, l-effetti tagħhom fuq l-allokazzjoni tar-riżorsi u l-kontribut tagħhom għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

o
o   o

86.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0408.
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12.
(3) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41.
(4) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 8.
(5) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 33.
(6) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(7) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.
(8) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.
(9) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11.
(10) Testi adottati, P7_TA(2013)0052.
(11) Il-Parlament Ewropew, id-Direttorat-Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku C.

Avviż legali - Politika tal-privatezza