Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2151(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0347/2013

Testi mressqa :

A7-0347/2013

Dibattiti :

PV 24/10/2013 - 9
CRE 24/10/2013 - 9

Votazzjonijiet :

PV 24/10/2013 - 12.1
CRE 24/10/2013 - 12.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0450

Testi adottati
PDF 213kWORD 21k
Il-Ħamis, 24 ta' Ottubru 2013 - Strasburgu
Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2013
P7_TA(2013)0450A7-0347/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2013 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2013 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima III – Il-Kummissjoni (14870/2013 – C7-0378/2013 – 2013/2151(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1),

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, adottat b'mod definittiv fit-12 ta' Diċembru 2012(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2013, li l-Kummissjoni ressqet fl-10 ta' Lulju 2013 (COM(2013)0518) u emendat fit-18 ta' Settembru 2013 permezz ta' ittra ta' emenda (COM(2013)0655),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2013 adottata mill-Kunsill fil-21 ta' Ottubru 2013 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew dakinhar stess (14870/2013 – C7–0378/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 75b u 75e tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0347/2013),

A.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2013, kif emendat fit-18 ta' Settembru 2013 mill-Kummissjoni permezz ta' ittra ta' emenda, jirrigwarda reviżjoni tat-tbassir tar-Riżorsi Proprji Tradizzjonali (i.e. id-dazji doganali u l-imposti fuq is-settur taz-zokkor), il-bażijiet tal-VAT u l-ING, l-ibbaġitjar tal-korrezzjonijiet rilevanti għar-Renju Unit, u reviżjoni tat-tbassir ta' korrezzjonijiet għal dħul ieħor, u reviżjoni tat-tbassir ta' dħul ieħor minn multi, biex b'hekk jirriżulta f'bidla fil-livell u d-distribuzzjoni bejn l-Istati Membri tal-kontributi tar-riżorsi proprji tagħhom għall-baġit tal-Unjoni,

B.  billi l-ABE Nru 6/2013 jkopri wkoll il-ħolqien tal-istruttura baġitarja meħtieġa biex jiġi akkomodat il-ħolqien ta' fondi fiduċjarji tal-Unjoni previst fl-Artikolu 187 tar-Regolament Finanzjarju,

C.  billi l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-ABE Nru 6/2013 ma timmodifikax il-proposta tal-Kummissjoni, kif emendata permezz ta' ittra ta' emenda,

D.  billi dan l-ABE hu kruċjali biex jiġi evitat li jkun hemm nuqqasijiet ta' flus li jistgħu jwasslu għal defiċit ta' implimentazzjoni fl-2013, abbażi tal-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fil-Baġit 2013 inklużi l-Baġits Emendatorji minn 1 sa 5/2013 biss,

1.  Jieħu nota tal-ABE Nru 6/2013, ippreżentat mill-Kummissjoni fl-10 ta' Lulju 2013, kif emendat mill-ittra ta' emenda tat-18 ta' Settembru 2013, li jipprevedi reviżjoni tat-tbassir tar-Riżorsi Proprji Tradizzjonali (i.e. id-dazji doganali u l-imposti fuq is-settur taz-zokkor), abbażi tal-aħjar estimi tal-Kummissjoni u ta' ċerti żviluppi oħra, kif ukoll ir-reviżjoni ulterjuri tat-tbassir ta' dħul ieħor, minħabba sensiela ta' multi li saru definittivi u li għaldaqstant jistgħu jiġu bbaġitjati;

2.  Jinnota li t-tnaqqis fit-tbassir tar-Riżorsi Proprji Tradizzjonali, b'xi EUR 3 955 miljun, u fir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT, b'xi EUR 384 miljun, qed jiġi kkumpensat mill-multi msemmijin hawn fuq għal ammont akkumulat ta' EUR 1 229 miljun;

3.  Jinnota li dan, mekkanikament, jirriżulta f'żieda fil-kontribuzzjonijiet komplementari bbażati fuq l-ING mill-Istati Membri, b'ammont ta' EUR 3 110 miljun, i.e. żieda netta fil-"kontribuzzjonijiet nazzjonali" (inkluż il-VAT) b'EUR 2 736 miljun;

4.  Jissottolinja, filwaqt li jirrikonoxxi l-piż sinifikanti li dan se jirrappreżenta għall-baġits nazzjonali, li dan l-aġġustament tekniku fuq in-naħa tad-dħul m'għandux isir għad-detriment ta' kopertura sħiħa tal-ħtiġijiet għal pagament ġustifikati, li diġà ġew identifikati mill-Kummissjoni fl-abbozzi ta' baġits emendatorji 8 u 9/2013; ifakkar lill-Kunsill rigward il-pożizzjoni tiegħu bbażata fuq il-fatt li, fis-snin preċedenti, artifiċjalment ma ġewx ibbaġitjati biżżejjed approprjazzjonijiet u jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-fatt li l-akkumulazzjoni tal-baġits annwali għall-perjodu 2007-2013 tilħaq livell li hu inferjuri b'EUR 60 biljun għal-limitu massimu tal-pagamenti globali miftehma fil-QFP għall-perjodu 2007-2013, waqt li ammont żejjed kumulattiv ta' EUR 12-il biljun għall-perjodu 2007-2013 ġie de facto mogħti lura lill-Istati Membri billi l-kontribuzzjonijiet kumulattivi tagħhom mill-ING tnaqqsu b'dan l-ammont;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament Ewropew b'kull informazzjoni li jkollha dwar meta u kif dawn il-kontribuzzjonijiet nazzjonali miżjuda se jiġu ttrasferiti mit-teżori tal-Istati Membri għall-baġit tal-Unjoni; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament bl-impatt nett li din il-kontribuzzjoni mill-ING miżjuda se jkollha, jekk ikollha, fuq il-bilanċ tal-baġits tal-Istati Membri fl-2013 jew fl-2014;

6.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 6/2013;

7.  Jissottolinja l-fatt li l-adozzjoni tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2013 ma tindirizzax in-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzat fil-baġit tal-2013 u li huma meħtieġa biex jitħallsu l-kontijiet pendenti; jinsisti għal darba oħra fuq il-ħtieġa li l-Kunsill jadotta bħala kwistjoni ta' urġenza l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 8/2013; itenni għal darba oħra l-fatt li mhux se jagħti l-approvazzjoni tiegħu għar-Regolament dwar il-QFP 2014-2020 sakemm l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 8/2013 ma jkunx ġie adottat, kif iddikjara b'mod ċar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 6/2013 ġie adottat b’mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 66, 8.3.2013
(3) ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.

Avviż legali - Politika tal-privatezza