Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2080(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0313/2013

Testi mressqa :

A7-0313/2013

Dibattiti :

PV 24/10/2013 - 6
CRE 24/10/2013 - 6

Votazzjonijiet :

PV 24/10/2013 - 12.5
CRE 24/10/2013 - 12.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0454

Testi adottati
PDF 252kWORD 31k
Il-Ħamis, 24 ta' Ottubru 2013 - Strasburgu
Komunikazzjoni elettronika
P7_TA(2013)0454A7-0313/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2013 dwar ir-Rapport ta’ Implimentazzjoni dwar il-qafas regolatorju għall-komunikazzjonija elettronika (2013/2080(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/140/KE (id-Direttiva dwar Regolamentazzjoni Aħjar),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/136/KE (id-Direttiva dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (ir-Regolament BEREC),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Kwadru),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/20/KE (id-Direttiva dwar l-Awtorizzazzjoni),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/19/KE (id-Direttiva dwar l-Aċċess),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/22/KE (id-Direttiva dwar is-Servizz Universali),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE (id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 531/2012 (ir-Regolament BEREC imfassal mill-ġdid),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2010/572/UE (Rakkomandazzjoni dwar aċċess regolat għal Netwerks ta’ Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2007/879/KE (ir-Rakkomandazzjoni dwar is-swieq rilevanti),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2009/396/KE (ir-Rakkomandazzjoni dwar ir-rati ta’ terminazzjoni),

–  wara li kkunsidra l-COM 2002/C 165/03 (il-Linji Gwida dwar l-SMP),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2008/850/KE (Artikolu 7 tar-Regoli ta’ proċedura tad-Direttiva Qafas),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (RSPP),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2011 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (COM(2011)0665),

–  wara li kkunsidra l-proposta tas-7 ta’ Frar 2013 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jiżguraw livell komuni għoli ta’ sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni (COM(2013)0048),

–  wara li kkunsidra l-ħidma riċenti li twettqet mill-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) dwar in-newtralità tan-net,

–  wara li kkunsidra l-proposta tas-26 ta’ Marzu 2013 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri biex tonqos l-ispiża biex isiru netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja (COM(2013)0147),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0313/2013),

A.  billi l-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Unjoni kien emendat l-aħħar fl-2009, fuq il-bażi ta' proposti ppreżentati fl-2007 u wara snin ta’ ħidma preparatorja;

B.  billi t-traspożizzjoni tal-emendi tal-2009 fl-Istati Membri kellha sseħħ sal-25 ta’ Mejju 2011 u tlestiet fl-aħħar Stat Membru f’Jannar 2013;

C.  billi hemm marġini ta’ interpretazzjoni għal kull Awtorità Regolatorja Nazzjonali (ARN) fil-mod kif timplimenta l-qafas, sabiex l-evalwazzjoni tal-effiċjenza tal-qafas għandha tkun tista' tqis ukoll il-kundizzjonijiet li skonthom il-qafas jiġi implimentat fl-Istati Membri;

D.  Billi d-differenzi fl-infurzar u l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju wasslu għal spejjeż ogħla għall-operaturi attivi f’iktar minn pajjiż wieħed, u b’hekk ġew ostakolati l-investimenti u l-iżvilupp ta’ suq uniku għat-telekomunikazzjonijiet;

E.  billi l-Kummissjoni Ewropea ma sfruttatx il-possibilità li tadotta deċiżjoni li tidentifika s-swieq transnazzjonali kif speċifikat fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva Qafas;

F.  billi l-utenti tan-negozji pan-Ewropej ma ġewx rikonoxxuti bħala parti separata tas-suq, u dan wassal għal nuqqas ta’ offerti bl-ingrossa standardizzati, spejjeż żejda u suq intern frammentat;

G.  billi l-għanijiet tal-qafas huma li jippromwovi ekosistema ta’ kompetizzjoni, investiment u innovazzjoni, li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq intern tal-komunikazzjonijiet, għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tal-intrapriżi tas-settur, b’mod partikolari dawk Ewropej;

H.  billi l-qafas regolatorju għandu jinżamm bħala ġabra waħda koerenti;

I.  billi, f’konformità mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni hija obbligata tirrevedi perjodikament il-qafas sabiex tiżgura li dan ikun aġġornat skont l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq;

J.  billi, aktar milli tibni fuq il-qafas regolatorju, il-Kummissjoni impenjat ruħha f’mogħdija parallela ta’ inizjattivi individwali, fejn is-’suq uniku diġitali’ huwa l-avatar l-aktar reċenti;

K.  billi l-Kummissjoni ddikjarat l-intenzjoni tagħha li tirrevedi d-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika u r-rakkomandazzjoni dwar is-swieq rilevanti, iżda mhux il-partijiet l-oħra tal-qafas regolatorju;

L.  billi l-Kummissjoni ilha ma taġġorna l-obbligi dwar is-servizz universali mill-1998, minkejja t-talba inkluża fid-Direttiva tal-2009 dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadin;

M.  billi qafas rilevanti, stabbli u konsistenti huwa essenzjali biex jippromwovi l-investiment, l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni u b'hekk servizzi ta’ kwalità aħjar;

N.  billi approċċ minn isfel għal fuq ibbażat fuq ARN kollettivi wera li huwa aktar effettiv fil-promozzjoni ta’ każistika regolatorja komuni;

O.  billi s-separazzjoni funzjonali, jiġifieri l-obbligu ta’ operatur integrat vertikalment li jqiegħed l-attivitajiet relatati mal-provvista bl-ingrossa ta’ prodotti ta’ aċċess rilevanti f’unità ta’ negozju intern li topera indipendentement, tibqa’ rimejdu tal-aħħar istanza;

P.  billi kompetizzjoni effettiva u sostenibbli hija mutur importanti tal-investiment effiċjenti maż-żmien;

Q.  billi l-qafas regolatorju ppromwova l-kompetizzjoni fil-provvista ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, għall-benefiċċju tal-konsumaturi;

R.  billi l-promozzjoni tal-kompetizzjoni fil-provvista ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, flimkien mal-promozzjoni tal-investiment, huma għanijiet politiċi ewlenin stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas;

S.  billi minkejja l-progress li qed jinkiseb, l-UE qed twettaq biss passi żgħar lejn il-kisba tal-objettivi ta’ broadband tal-Aġenda Diġitali fil-perjodu ta’ żmien definit;

T.  billi t-tixrid tal-aċċess għall-internet broadband ta' veloċità għolja kien gradwali (54 % tad-djar Ewropej issa għandhom aċċess għal veloċitajiet ogħla minn 30 Mbps), iżda l-addozzjoni ta’ dan it-tip ta’ aċċess mill-konsumatur Ewropew qed issir bil-mod (4,2 % biss tad-djar); billi t-tixrid tal-aċċess għall-internet ultraveloċi (iktar minn 100 Mbps) qed titwettaq bil-mod, u jirrapreżenta biss 3,4 % tal-linji fissi kollha, u d-domanda tal-utent tidher baxxa, b'madwar 2 % biss tal-unitajiet domestiċi li qed jabbonaw għal dawn il-linji(1);

U.  billi t-trasparenza fil-ġestjoni tat-traffiku tan-netwerks waħedha ma tiggarantix in-newtralità tal-Internet;

V.  billi l-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-kompetizzjoni kemm bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll bejnhom u fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informatika jeħtieġu attenzjoni, b’mod partikolari theddid għan-natura miftuħa tal-internet;

W.  billi għad hemm preżenti ostakoli għall-kompetizzjoni f’ħafna netwerks, billi jitqies in-nuqqas ta’ definizzjoni u applikazzjoni ta’ prinċipju ta’ newtralità tan-netwerk sabiex tiġi żgurata n-non-diskriminazzjoni tas-servizzi għall-utenti finali;

X.  billi l-użu tal-4G fl-Ewropa ġie ostakolat minn nuqqas ta’ koordinazzjoni suffiċjenti fl-allokazzjonijiet tal-ispettru tar-radju, b’mod partikolari d-dewmien tal-Istati Membri li jwettqu l-proċess ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġi permess l-użu tal-faxxa 800 MHz għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika sal-1 ta’ Jannar 2013, kif stipulat fil-Programm tal-Politika tal-Ispettru tar-Radju (RSPP);

Y.  billi l-RSPP talab lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid l-użu tal-ispettru bejn l-400 MHz u s-6 GHz u tivvaluta jekk spettru addizzjonali jistax jiġi liberalizzat u jsir disponibbli għal applikazzjonijiet ġodda, bħall-faxxa 700 Mhz, iżda mhux biss din;

Z.  billi l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u infrastrutturi ġodda għandhom jitqiesu meta ssir valutazzjoni tal-impatt tal-qafas legali fuq l-għażliet offruti lill-utenti u l-konsumaturi;

AA.  billi l-qafas għandu jibqa’ newtrali u għandhom japplikaw l-istess regoli għal servizzi ekwivalenti;

1.  Jiddispjaċih għad-dewmien mill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tal-bidliet tal-2009 għall-qafas regolatorju dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi, u jiġbed l-attenzjoni għall-frammentazzjoni tas-suq intern fil-komunikazzjonijiet kkawżata mill-implimentazzjoni diversa ta' dak il-qafas fis-28 Stat Membru;

2.  Jenfasizza l-fatt li filwaqt li l-qafas għamel progress sostanzjali lejn il-kisba tal-għanijiet tiegħu, is-suq tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE għadu frammentat tul il-fruntieri nazzjonali, u b’hekk huwa diffiċli għall-intrapriżi u ċ-ċittadini li jibbenefikaw b’mod sħiħ minn suq uniku;

3.  Iqis li huwa biss permezz ta’ suq Ewropew kompetittiv fis-servizzi tal-broadband ta’ veloċità għolja li jistgħu jiġu stimulati l-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol u jiġu offruti prezzijiet kompetittivi lill-utenti aħħarija;

4.  Hu tal-fehma li r-reviżjoni li jmiss għandha tfittex li tiżviluppa aktar il-qafas, bil-għan li tindirizza kwalunkwe dgħufijiet u tieħu kont tal-iżviluppi tas-suq, dawk soċjali u teknoloġiċi u tendenzi futuri;

5.  Hu tal-fehma li l-aspetti li jridu jiġu kkunsidrati f’reviżjoni tal-qafas regolatorju sħiħ għandhom jinkludu:

   (i) ir-reviżjoni li missha ilha li saret tal-obbligi tas-servizz universali, inkluż l-obbligu li jingħata aċċess għall-internet broadband għal prezz raġonevoli bi tweġiba għall-bżonn urġenti li jitnaqqas id-distakk diġitali; u b'dan irażżan il-limitazzjonijiet imposti mil-linji gwida dwar l-għajnuna mill-istat;
   (ii) il-kompetenza tal-ARNs għall-kwistjonijiet kollha, inkluż l-ispettru, li huma indirizzati mill-qafas; is-setgħat mogħtija lill-ARNs fl-Istati Membri u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ indipendenza tal-ARNs, b'konsegwenza;
   (iii) il-kooperazzjoni bejn l-ARNs u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni;
   (iv) l-obbligi simmetriċi relatati mal-aċċess għan-netwerks (Artikolu 12 tad-Direttiva Qafas), minħabba li f’ċertu Stati Membri tali setgħat regolatorji ma ngħatawx lill-ARNs;
   (v) ir-regoli dwar l-effetti ta' ingranaġġ (Artikolu 14 tad-Direttiva Qafas) u d-dominanza konġunta (Anness II tad-Direttiva Qafas), minħabba li minkejja l-emendi tal-2009, l-ARNs għadhom isibuha diffiċli jużaw dawn l-għodod;
   (vi) il-proċessi tar-reviżjoni tas-suq;
   (vii) l-impatt tas-servizzi li huma totalment sostitwibbli għal dawk ipprovduti minn fornituri tradizzjonali; f'ċerti każijiet ikunu meħtieġa ċerti kjarifiki rigward sa fejn twassal in-newtralità teknoloġika tal-qafas, kif ukoll dwar id-dikotomija bejn is-servizzi tar-reġim tas-"Soċjetà tal-Informatika" u dawk tal-"komunikazzjonijiet elettroniċi";
   (viii) il-ħtieġa li jitħassru r-regolamenti skaduti;
   (ix) it-tneħħija tar-regolamentazzjoni fejn analiżi tas-suq tkun uriet li s-suq ikkonċernat ikun effettivament kompetittiv, u li jkunu jeżistu modi u l-metodi biex jiġi estiż il-monitoraġġ;
   (x) li l-NRAs jingħataw l-ooportunità li jirrappurtaw dwar l-esperjenza tagħhom b'obbligi u rimedji non-diskriminatorji;
   (xi) l-effettività u l-mod kif jaħdmu l-proċeduri tal-Artikolu 7/7a (‘koregolamentazzjoni’): filwaqt li b’mod ġenerali kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-BEREC jaqblu li dawn jaħdmu sew, billi jippermettu bilanċ tajjeb, il-Kummissjoni targumenta li f’ċertu każijiet l-ARNs ma aġġustawx il-miżuri regolatorji kollha tagħhom, jew damu biex adattawhom, filwaqt li l-BEREC jilmenta dwar il-limiti ta’ żmien ristretti;
   (xii) is-sitwazzjoni fejn fażi II tal-proċedura ma tiġix imnedija minħabba li ARN tkun irtirat l-abbozz ta’ miżura tagħha jew fejn ARN ma tipproponix rimedju għal problema rikonoxxuta fuq ċertu suq, f’liema każ l-unika soluzzjoni tkun il-proċedura ta’ ksur: għaż-żewġ każijiet bħal dawn, għandu jeżisti mod biex tiġi mnedija proċedura xierqa skont l-Artikolu 7/7a;
   (xiii) l-effettività u l-mod kif taħdem il-proċedura skont l-Artikolu 19: il-Kummissjoni wżat is-setgħat tagħha skont l-Artikolu 19 darbtejn (ir-rakkomandazzjoni dwar l-NGA f’Settembru 2010, u r-rakkomandazzjoni dwar in-nondiskriminazzjoni u l-metodoloġiji tal-istimi tal-prezzijiet); minħabba li, għall-kuntrarju tal-Artikolu 7/7a, m'hemmx kalendarju ta’ żmien għall-proċedura skont l-Artikolu 19, id-djalogu regolatorju bejn il-BEREC u l-Kummissjoni kellu aktar xkiel, li wassal għal ilmenti mill-BEREC li l-opinjoni tiegħu kienet mitluba bi preavviż qasir wisq, u mill-Kummissjoni li ċertu ARNs kienu riluttanti matul il-perjodu tal-abbozzar u implimentazzjoni;
   (xiv) servizzi u operaturi pan-Ewropej, b’kunsiderazzjoni tad-dispożizzjoni (mhux użata) tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva Qafas li tippermetti l-Kummissjoni tidentifika swieq transnazzjonali; għandha tingħata iktar attenzjoni lill-provvista kompetittiva ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet lil intrapriżi tal-UE u lill-applikazzjoni effettiva u konsistenti ta’ rimedji fuq livell ta’ negozju mal-UE kollha;
   (xv) l-identifikazzjoni ta’ swieq transnazzjonali, bħala l-ewwel pass, tal-inqas fir-rigward tas-servizzi tal-intrapriżi; li l-fornituri jkunu jistgħu jinnotifikaw lil BEREC li biħsiebhom iservu tali swieq, u s-superviżjoni tal-fornituri li jservu tali swieq mill-BEREC;
   (xvi) il-BEREC u l-funzjonament tiegħu kif ukoll l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi tiegħu;
   (xvii) il-libertà ta’ aċċess għall-kontenut għal kulħadd, skont l-Artikolu 1(3a) tad-Direttiva Qafas, u n-newtralità tan-netwerk, li tibni fuq l-Artikolu 8(4)(g) tad-Direttiva Qafas;
   (xviii) ir-rakkomandazzjoni dwar is-swieq rilevanti;
   (xix) ir-regolamentazzjoni tat-tagħmir, inkluż l-iggruppar tat-tagħmir u s-sistemi operattivi;
   (xx) żviluppi globali riċenti fiċ-ċibersigurtà u l-ispjunaġġ ċibernetiku u l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tar-rispett tal-privatezza tagħhom meta jużaw komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi tas-soċjetà tal-informatika, u
   (xxi) il-fatt li l-Internet sar infrastruttura kruċjali għat-twettiq ta’ varjetà kbira ta’ attivitajiet ekonomiċi u soċjali;

6.  Iqis li l-għanijiet ewlenin tar-reviżjoni għandhom jinkludu:

   (i) li jiġi żgurat li servizzi totalment sostitwibbli jkunu soġġetti għall-istess regoli; għal dan il-għan għandha titqies id-definizzjoni tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva Qafas;
   (ii) li jiġi żgurat li l-konsumaturi jkun jista’ jkollhom aċċess għal informazzjoni kompluta u komprensibbli dwar il-veloċitajiet ta’ konnessjoni mal-internet sabiex ikunu jistgħu jqabblu l-offerti ta’ operaturi differenti;
   (iii) li tiġi promossa aktar il-kompetizzjoni effettiva u sostenibbli, li hija l-mutur ewlieni ta’ investiment effiċjenti maż-żmien;
   (iv) li tiżdied il-kompetizzjoni fis-suq Ewropew tal-broadband ta’ veloċità għolja;
   (v) li jiġi pprovdut qafas stabbli u sostenibbli għall-investiment;
   (vi) li tiġi żgurata l-applikazzjoni armonizzata, konsistenti u effettiva;
   (vii) li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ fornituri pan-Ewropej u l-provvista ta’ servizzi kummerċjali transkonfinali;
   (viii) li jiġi żgurat li l-qafas ikun adatt għall-era diġitali u li jwassal għal ekosistema tal-internet li tappoġġja l-ekonomija kollha, u
   (ix) li tiżdied il-fiduċja tal-utent fis-suq intern fil-komunikazzjonijiet, inkluż permezz tal-miżuri għall-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju tal-futur għall-protezzjoni ta’ dejta personali u miżuri li jżidu s-sigurtà ta’ komunikazzjoni elettronika fis-suq intern;

7.  Jemmen li l-għan globali tal-qafas għandu jkompli jkun il-promozzjoni ta’ ekosistema settorjali ta’ kompetizzjoni u investiment, li hi ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u l-utenti, filwaqt li jħeġġeġ il-ħolqien ta’ suq intern reali fil-komunikazzjonijiet u jippromwovi l-kompetittività globali tal-Unjoni;

8.  Jenfasizza li l-qafas regolatorju għandu jibqa’ koerenti, rilevanti u effettiv;

9.  Jemmen li l-qafas għandu jservi l-għan li tinżamm konsistenza u tingħata ċertezza regolatorja, għal kompetizzjoni ġusta u bbilanċjata fejn l-atturi Ewropej kollha jista’ jkollhom l-opportunitajiet tagħhom; iqis li d-dispożizzjonijiet kollha proposti mill-Kummissjoni, inkluża awtorizzazzjoni Ewropea unika, aspetti relatati mal-konsumaturi u l-arranġamenti tekniċi għal irkantijiet tal-ispettru, jista' jkollhom irwol importanti bil-ħsieb li jinħoloq suq uniku għall-komunikazzjonijiet, iżda li jeħtieġ li jiġu vvalutati fid-dawl ta’ dan l-għan; iqis li l-proċedura għar-reviżjoni tal-qafas mixtieqa hawnhekk għandha titqies bħala pass 'il quddiem għall-ekonomija diġitali Ewropea u għalhekk tkun indirizzata permezz ta' approċċ koerenti u ppjanat;

10.  Jenfasizza li n-non-diskriminazzjoni fl-informazzjoni fil-fażijiet ta’ emissjoni, trażmissjoni u riċeviment hija neċessarja sabiex titħeġġeġ l-innovazzjoni u jiġu eliminati l-ostakoli għad-dħul;

11.  Jenfasizza li hemm potenzjal għal imġiba antikompetittiva u disriminattiva fl-immaniġġjar tat-traffiku; għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jevitaw kwalunkwe ksur tan-newtralità tan-netwerk;

12.  Jinnota li d-dispożizzjonijiet li jippermettu li l-ARNs jintervjenu biex jagħmlu obbligatorju l-kwalità tas-servizzi fil-każ li jkun hemm waqfien jew restrizzjonijiet tas-servizz antikompetittivi, flimkien ma' trasparenza tal-kuntratti aħjar, huma għodod b'saħħithom biex jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom aċċess u użu tas-servizzi li jagħżlu;

13.  Jenfasizza li l-prijoritizzazzjoni tal-kwalità tas-servizzi minn tarf sa tarf flimkien mal-għoti tal-aħjar sforzi jistgħu jfixklu l-prinċipju tan-newtralità tan-netwerk; jistieden lill-Kummissjoni u lir-regolaturi jimmonitorjaw dawn ix-xejriet u, jekk ikun il-każ, iniedu l-għodod tal-obbligi tal-kwalità tas-servizz stipulati fl-Artikolu 22 tad-Direttiva dwar is-Servizz Universali u d-Drittijiet tal-Utenti; jappella biex, jekk ikun meħtieġ, jitqiesu miżuri leġiżlattivi addizzjonali fil-livell tal-UE;

14.  Jenfasizza li sabiex tiġi stimulata l-innovazzjoni, tiżdied l-għażla tal-konsumaturi, jitnaqqsu l-ispejjeż u jiżdiedu l-effiċjenza fit-tnedija tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja, għandhom jiġu esplorati u offruti taħlita ta' miżuri differenti u t-teknoloġiji disponibbli kollha għall-konsumaturi, sabiex jiġi evitat li s-servizz jiddeterjora, li l-aċċess jiġi bblukkat, li li t-traffiku tan-netwerk isir aktar bil-mod;

15.  Jenfasizza li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandu jkollhom l-għan li japplikaw prinċipji, proċeduri u kundizzjonijiet regolatorji għall-użu ta’ spettru li ma jostakolax il-fornituri Ewropej ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi milli jipprovdu netwerks u servizzi f’bosta Stati Membri jew madwar l-Unjoni;

16.  Jinsab konvint li aktar koordinazzjoni tal-ispettru flimkien mal-applikazzjoni ta’ prinċipji komuni għad-dritt tal-użu tal-ispettru madwar l-Unjoni jkun rimedju importanti biex tiġi indirizzata l-problema tan-nuqqas ta’ prevedibbiltà fir-rigward tad-disponibilità tal-ispettru, biex b’hekk jitħeġġu l-investiment u l-ekonomija ta’ skala;

17.  Jenfasizza li l-pagamenti ta’ inċentiv u/jew ir-revoka tad-dritt ta’ użu fil-każ li ma jintużax l-ispettru tar-radju rilevanti jistgħu jkunu miżuri importanti li jilliberaw biżżejjed spettru tar-radju armonizzat sabiex jiġu stimulati servizzi ta’ broadband mingħajr fili ta’ kapaċità għolja;

18.  Jenfasizza li rkantar pan-Ewropew ta’ servizzi mingħajr fili 4G u 5G, b’numru limitat ta’ detenturi tal-liċenzja li kollettivament iservu t-territorju kollu tal-UE, jippermetti servizzi mingħajr fili pan-Ewropej, biex b'hekk jixxejnu l-pedamenti li fuqu huwa mibni r-roaming;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità ħafna ogħla lill-aspetti tal-konsumaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi; jenfasizza li swieq li jiffunzjonaw sew, b'konsumaturi konfidenti u informati sew, huma s-sinsla tas-suq tal-UE fis-sħuħija tiegħu;

20.  Jenfasizza li ladarba l-konsumaturi qed jagħżlu dejjem aktar il-kuntratti f'forma ta' ġabra li jkopru servizzi multipli, huwa partikolarment importanti li jiġu infurzati b'mod riġidu r-rekwiżiti tal-informazzjoni dwar l-aġġornament tal-kuntratti prekuntrattwali u eżistenti;

21.  Jisħaq fuq l-importanza tar-rekwiżiti tal-informazzjoni tal-konsumaturi msaħħa rigward ir-restrizzjonijiet tas-servizzi, is-sussidji għat-tagħmir u l-immaniġġjar tat-traffiku; Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jiżguraw l-infurzar konsistenti tal-projbizzjoni tar-riklamar qarrieqi;

22.  Jenfasizza li l-ġbir flimkien tal-kontenut jista' jkun ostaklu biex wieħed jaqleb minn fornitur għal ieħor, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-BEREC biex iqisu l-aspetti antikompetittivi potenzjlament involuti f'dan ir-rigward;

23.  Jinnota li hemm każijiet meta l-operaturi rrestrinġew il-funzjonalità tat-tethering (fejn il-mowbajl jista' jintuża bħala router/hotspot) tal-mowbajls tal-konsumaturi anki meta l-kuntratt tal-konsumaturi jispeċifika użu tad-dejta bla limiti; jitlob, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-BEREC, iqisu l-kwistjoni tar-riklamar qarrieqi potenzjali fid-dawl tal-ħtieġa ta' ċarezza akbar f'dan ir-rigward;

24.  Jinnota l-importanza tal-qlib u l-iffaċilitar tal-portabilità tan-numri f'suq dinamiku, it-trasparenza tal-kuntratti u l-għoti ta' informazzjoni għall-konsumaturi rigward it-tibdil fil-kuntratti; jiddispjaċih għall-fatt li l-miri tal-portabilità mhux qed jiġu sodisfati, u jitlob għal azzjoni mill-Kummissjoni u l-BEREC;

25.  Jappoġġja dawk l-Istati Membri li implimentaw ir-rekwiżiti msaħħa għal aċċess ekwivalenti għall-utenti b'diżabilità, u jistieden lill-Istati Membri kollha biex isegwu l-eżempju tagħhom; jistieden lill-BEREC itejjeb il-promozzjoni ta' dispożizzjonijiet u aċċess għal utenti b'diżabilità;

26.  Ifaħħar l-Istati Membri kollha għall-implimentazzjoni tan-numru tat-telefown tal-emerġenza komuni 112; jitlob għal titjib rigward il-ħin għal rispons dwar il-post fejn tinsab il-persuna li tkun għamlet it-telefonata; jinnota li għadd ta' Stati Membri diġà kkonfiguraw teknoloġiji li jipprovdu, b'mod kważi instantanju, l-post fejn tinsab il-persuna li tkun għamlet it-telefonata;

27.  Jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni prattika tan-numri 116, speċjalment il-linja diretta għar-rappurtar tat-tfal nieqsa (116000); jitlob għal promozzjoni aħjar ta' dawn in-numri mill-Kummissjoni;

28.  Jinnota li l-Kummissjoni abbandunat l-ambizzjonijiet tagħha għal sistema ta' numerazzjoni telefonika pan-Ewropea;

29.  Jenfasizza l-progress sinifikanti li sar biex jiġi provdut aċċess broadband universali fil-livell ta' dħul, filwaqt li jinnota li kien ferm inkonsistenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jilħqu l-miri tal-aġenda diġitali billi jistimulaw l-investiment privat u jagħmlu investiment pubbliku f'kapaċitajiet tan-netwerk ġodda;

30.  Jenfasizza li ż-żieda fil-volumi ta' dejta, id-disponibilità limitata tar-riżorsi tal-ispettru u l-konverġenza ta' teknoloġiji, apparat u kontenut jeħtieġu ġestjoni tat-traffiku tad-dejta intelliġenti u metodi differenti ta' tixrid bħall-kooperazzjoni bejn ix-xandir terrestri diġitali u n-netwerks tal-broadband bla wajers.

31.  Jenfasizza li reviżjoni għandha tkun ibbażata fuq konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet kollha interessati u analiżi bir-reqqa tal-kwistjonijiet kollha;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tibda r-reviżjoni li jmiss tal-qafas sħiħ, sabiex tippermetti dibattitu xieraq matul il-perjodu parlamentari li jmiss;

33.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) SWD(2013)0217 - Tabella ta’ valutazzjoni tal-aġenda diġitali, p. 43.

Avviż legali - Politika tal-privatezza