Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2160(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0367/2013

Testi mressqa :

A7-0367/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/11/2013 - 8.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0457

Testi adottati
PDF 212kWORD 21k
It-Tlieta, 19 ta' Novembru 2013 - Strasburgu
Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2013/ - Tisħiħ tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) biex jindirizza il-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-faqar u l-esklużjoni soċjali fi Franza, l-Italja u Spanja
P7_TA(2013)0457A7-0367/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Novembru 2013 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2013/ tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima III – Il-Kummissjoni (14180/2013 – C7-0350/2013 – 2013/2160(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1),

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, adottat b'mod definittiv fit-12 ta' Diċembru 2012(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(4),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 7/2013 adottat mill-Kummissjoni fil-25 ta' Lulju 2013 (COM(2013)0557),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2013 adottata mill-Kunsill fis-7 ta' Ottubru 2013 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fl-14 ta' Ottubru 2013 (14180/2013 – C7–0350/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 75b u 75e tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0367/2013),

A.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7 għas-sena 2013 (ABE 7/2013) jirrigwarda żieda fl-approprjazzjonijiet ta' impenn ta' EUR 150 miljun fl-Intestatura 1b tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), bl-għan li jindirizza "ċertu kwistjonijiet" li jirriżultaw mill-eżitu finali tan-negozjati rigward il-QFP għas-snin 2014-2020, li jolqtu lil Franza, l-Italja u Spanja,

B.  billi dawn l-allokazzjonijiet addizzjonali għandhom jikkontribwixxu biex jiġu affrontati sitwazzjonijiet speċifiċi ta' qgħad, b'mod partikolari, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, u ta' faqar u esklużjoni soċjali f'dawk l-Istati Membri

C.  billi l-Kummissjoni tikkunsidra li l-aktar mod xieraq biex tgħin lil dawn l-Istati Membri hu billi żżid il-Fond Soċjali Ewropew (FSE);

D.  billi t-tisħiħ ta' EUR 150 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn se jiġi kopert mill-marġni taħt il-limitu massimu għall-infiq tal-Intestatura 1b (EUR 16-il miljun), u mill-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità (EUR 134 miljun) immirata lejn din l-azzjoni speċifika,

1.  Jieħu nota tal-ABE 7/2013, ippreżentat mill-Kummissjoni fil-25 ta' Lulju 2013, li jkopri żieda fl-approprjazzjonijiet ta' impenn ta' EUR 150 biljun fl-Intestatura 1b tal-QFP, bl-għan li jindirizza "ċertu kwistjonijiet" li jirriżultaw mill-eżitu finali tan-negozjati fi ħdan il-Kunsill Ewropew rigward il-QFP 2014-2020, li jolqtu lil Franza, l-Italja u Spanja;

2.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni li tiddedika din l-allokazzjoni addizzjonali għall-programmi tal-FSE eżistenti fl-Istati Membri milqutin, b'mod li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni speċifika ta' qgħad, b'mod partikolari, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, u tal-esklużjoni soċjali; jistenna li l-Kummissjoni se tirrapporta lura lill-Parlament fiż-żmien dovut rigward il-miżuri u l-azzjonijiet konkreti ffinanzjati b'din l-allokazzjoni;

3.  Jinnota, barra minn hekk, li l-EUR 150 miljun addizzjonali fil-biċċa l-kbira se jiġu ffinanzjati permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità;

4.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2013;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 7/2013 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 66, 8.3.2013.
(3) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(4) ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.

Avviż legali - Politika tal-privatezza