Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2227(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0371/2013

Testi mressqa :

A7-0371/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/11/2013 - 8.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0458

Testi adottati
PDF 291kWORD 22k
It-Tlieta, 19 ta' Novembru 2013 - Strasburgu
Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 8/2013 (ABE 2 a) - Tisħiħ ta' pagamenti skont l-intestatura tal-QFP u nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit tal-2013
P7_TA(2013)0458A7-0371/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Novembru 2013 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 8/2013 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima III – Il-Kummissjoni (14871/2013 – C7-0387/2013 – 2013/2227(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1),

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, adottat b'mod definittiv fit-12 ta' Diċembru 2012(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(4),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 8/2013 adottat mill-Kummissjoni fil-25 ta' Settembru 2013 (COM(2013)0669),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 8/2013 adottata mill-Kunsill fit-30 ta' Ottubru u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fil-31 ta' Ottubru 2013 (14871/2013 – C7–0387/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 75b u 75e tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0371/2013),

A.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 8 għas-sena 2013 (ABE 8/2013) jirrigwarda ż-żieda fl-approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 3,9 biljun mifruxin fuq l-Intestaturi 1a, 1b, 2, 3a, 3b u 4 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), bl-għan li jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet pendenti sal-aħħar tas-sena, sabiex l-obbligi ġuridiċi li jirriżultaw mill-impenji passati u attwali jkunu jistgħu jiġu onorati, il-penali finanzjarji jkunu jistgħu jiġu evitati u l-benefiċjarji jkunu jistgħu jirċievu l-fondi previsti mill-politiki miftehma tal-Unjoni, li għalihom il-Parlament u l-Kunsill awtorizzaw l-approprjazzjonijiet ta' impenn relatati fil-baġits annwali preċedenti,

B.  billi l-approprjazzjonijiet ta' pagament addizzjonali mitluba se jnaqqsu l-livell tal-impenji pendenti ('reste à liquider', RAL), kif ukoll ir-riskju li jiġu ttrasferiti lejn l-2014 livelli għoljin b'mod mhux normali ta' kontijiet mhux imħallsa,

C.  billi l-ABE 8/2013, lijaġġorna l-ABE 2/2013, kienet ippreżentata mill-Kummissjoni f'Marzu 2013 għal ammont ta' EUR 11,2 biljun u approvat parzjalment biss mill-awtorità baġitarja f'Settembru 2013 għal ammont ta' EUR 7,3 biljun,

D.  billi l-ammont globali ta' talbiet għal pagament li kienu għadhom pendenti fi tmiem l-2012 għall-politika ta' koeżjoni (2007-2013), u li kienu jammontaw għal EUR 16,2 biljun, kellhom jiġu ttrasferiti għall-2013, biex konsegwentement il-livell tal-pagamenti disponibbli fil-baġit 2013 tnaqqas biex jitkoprew il-ħtiġijiet ta' pagament ta' din is-sena; billi dak l-ammont għandu jilħaq EUR 20 biljun sa tmiem l-2013, jekk wieħed jassumi li l-ABE 8/2013 jiġi adottat kollu kemm hu,

E.  billi l-qbil politiku li ntlaħaq fis-27 ta' Ġunju 2013 fl-ogħla livell politiku bejn il-Parlament, il-Presidenza tal-Kunsill u l-Kummissjoni rigward il-QFP għall-perjodu 2014-2020 kien jinkludi impenn politiku min-naħa tal-Kunsill li jieħu kull pass meħtieġ biex jiżgura li l-obbligi tal-Unjoni tal-2013 jiġu onorati bis-sħiħ, li jadotta formalment ABE 2/2013 b'EUR 7,3 biljun, kif ukoll li jadotta mingħajr dewmien abbozz ta' baġit emendatorju ulterjuri, li għandu jiġi propost mill-Kummissjoni fil-bidu tal-ħarifa biex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas fl-approprjazzjoni ta' pagament iġġustifikata,

F.  billi, bi qbil mal-Artikolu 41(2) tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni eżaminat l-ambitu għal riallokazzjoni interna fi ħdan rieżami globali tal-ħtiġijiet ta' pagament ta' tmiem is-sena, u pproponiet ir-riallokazzjoni ta' EUR 509,8 miljun fl-hekk imsejjaħ "trasferiment globali",

G.  billi l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013, jorbot l-adozzjoni mill-Kunsill tal-abbozz ta' baġit emendatorju ulterjuri fil-bidu tal-ħarifa mal-adozzjoni tar-Regolament dwar il-QFP jew il-baġit 2014,

1.  Jilqa' l-preżentazzjoni tal-ABE 8/2013 mill-Kummissjoni fil-25 ta' Settembru 2013, li jirrigwarda ż-żieda fl-approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 3,9 biljun mifruxin fuq l-Intestaturi 1a, 1b, 2, 3a, 3b u 4 tal-QFP sa livell globali diġà propost fl-ABE 2/2013; jisħaq fuq il-fatt li, meta jiġi adottat kompletament l-ABE 8/2013, se jkun intlaħaq il-limitu massimu għall-pagamenti tal-2013;

2.  Ifakkar li l-ABE 8/2013 jikkostitwixxi, bi qbil mal-impenji tat-tliet istituzzjonijiet fl-imgħoddi, it-tieni tranche tal-ABE 2/2013, bħala l-minimu meħtieġ biex jiġu onorati l-obbligi ġuridiċi u l-impenji passati tal-Unjoni sa tmiem is-sena 2013, b'mod li jiġu evitati l-penali finanzjarji u jitnaqqas il-livell tal-impenji pendenti ("RAL");

3.  Jikkunsidra li, kif iddikjarat ripetutament il-Kummissjoni, l-adozzjoni sħiħa tal-ABE 8/2013 se tippermetti li l-Unjoni tkopri kompletament l-obbligi ġuridiċi tagħha sa tmiem l-2013; jinsab imħasseb, madankollu, li minkejja żieda globali ta' EUR 11,2 biljun (ABE 2 u ABE 8/2013), għadu qed jiġi stmat li xorta se jkollu jkun hemm trasferiment importanti għas-sena d-dieħla ta' madwar EUR 20 biljun ta' talbiet għal pagament relatati mal-Programmi ta' Koeżjoni 2007-2013, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni matul l-aħħar laqgħa interistituzzjonali dwar il-pagamenti tas-26 ta' Settembru 2013; jisħaq fuq il-fatt li s-sitwazzjoni hi kritika wkoll għall-programmi l-oħra barra mill-intestatura 1b;

4.  Ifakkar li l-adozzjoni min-naħa tal-Kunsill tal-ABE 8/2013 kienet parti mill-qbil politiku rigward il-QFP 2014-2020 u, għaldaqstant, tissodisfa biss waħda mit-tliet kundizzjonijiet biex il-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għar-Regolament dwar il-QFP, kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013;

5.  Jaċċetta t-tnaqqis ta' EUR 14,8 miljun li introduċa l-Kunsill biss minħabba l-fatt li dan l-ammont kieku jkun addizzjonali għall-EUR 11,2 biljun oriġinali tal-ABE 2/2013; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-fatt li jżomm il-pożizzjoni ta' prinċipju tiegħu li l-finanzjament tal-istrumenti speċjali, bħall-Fond ta' Solidarjetà tal-UE, għandu jsir permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda, kemm f'impenji u kemm f'pagamenti, li jmorru oltre l-limiti massimi tal-QFP;

6.  Ifakkar li pożizzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 314(3) TFUE hi att preparatorju u hi valida sa mid-data tal-adozzjoni tagħha; jindika li jikkunsidra li l-pożizzjoni tal-Kunsill rigward l-ABE 8/2013, li ġiet trażmessa lilu mill-President fil-kariga tal-Kunsill fil-31 ta' Ottubru 2013, hija valida għall-finijiet tal-Artikoli 314(3) u 314(4) TFUE sa mid-data tal-adozzjoni tagħha fit-30 ta' Ottubru 2013; jiċħad u jinjora l-klawsola fid-"deċiżjoni" ta' akkumpanjament li permezz tagħha l-Kunsill qed jippretendi li jorbot il-validità tal-pożizzjoni tiegħu dwar l-ABE 8/2013 mal-kundizzjoni li l-Parlament japprova l-ftehim dwar il-QFP għall-2014-2020 u l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 9/2013;

7.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit ta' emenda Nru 8/2013;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiddikjara li l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 8/2013 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 66, 8.3.2013.
(3) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(4) ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.

Avviż legali - Politika tal-privatezza