Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2192(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0341/2013

Testi mressqa :

A7-0341/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/11/2013 - 8.5
CRE 19/11/2013 - 8.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0459

Testi adottati
PDF 315kWORD 25k
It-Tlieta, 19 ta' Novembru 2013 - Strasburgu
Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2013/004 ES/Comunidad Valenciana - Materjal tal-kostruzzjoni - Spanja)
P7_TA(2013)0459A7-0341/2013
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Novembru 2013 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f’konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/004 ES/Comunidad Valenciana materjali tal-bini minn Spanja) (COM(2013)0635 – C7-0269/2013 – 2013/2192(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0635 – C7‑0269/2013),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1) (IIA tas-17 ta' Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2), (ir-Regolament dwar il-FEG)

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali (FII) tas-17 ta' Mejju 2006,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0341/2013),

A.  billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex jingħata appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex jiġu megħjuna jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twessa' temporanjament għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta' Mejju 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,

C.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa tal-FII tas-17 ta' Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEG,

D.  billi Spanja ressqet l-applikazzjoni EFG/2013/004 ES/Comunidad Valenciana għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għas-630 sensja f'140 intrapriża li joperaw fir-reġjun NUTS II tal-Comunidad Valenciana, u bi 300 ħaddiem fil-mira għal miżuri kofinanzjati mill-FEG, matul il-perjodu ta' referenza mill-14 ta' Ġunju 2012 sal-14 ta' Marzu 2013,

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG,

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament dwar il-FEG ġew issodisfati u li, għalhekk, Spanja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja tal-FEG fit-22 ta' Mejju 2013 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fis-16 ta' Settembru 2013; jilqa’ l-perjodu ta’ evalwazzjoni rapidu ta' erba' xhur;

3.  Jinnota li l-Comunidad Valenciana ntlaqtet serjament mill-kriżi, b'rata tal-qgħad li tilħaq id-29.19 % fl-ewwel tliet xhur tal-2013; jilqa' l-fatt li r-reġjun qed jerġa' jagħmel użu mill-għajnuna tal-FEG biex jindirizza r-rata għolja ta' qgħad;

4.  Jifraħ lill-Comunidad Valenciana għall-kapaċità tagħha li tapplika għall-FEG u li tagħmel użu minnu biex tindirizza problemi fis-suq tax-xogħol tagħha, li huwa kkaratterizzat minn persentaġġ għoli ta' intrapri żgħar u ta' daqs medju; f'dan il-kuntest ifakkar li r-reġjun tal-Comunidad Valenciana diġà applika għall-appoġġ tal-FEG erba' darbiet għas-settur tat-tessuti, taċ-ċeramika u tal-ġebla naturali kif ukoll għal dak tal-bini(3);

5.  Iqis li s-sensji fil-140 intrapriża involuti f'attivitajiet ta' manifattura fir-reġjun NUTS II tal-Comunidad Valenciana (ES52) huma relatati ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji, li wasslu għal żieda fl-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti minerali mhux metalliċi oħra u ma' tnaqqis fis-sehem tal-Unjoni ta' produzzjoni ta' prodotti oħra minerali mhux metalliċi fil-livell dinji;

6.  Jilqa' l-fatt li, biex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Spanjoli ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fit-22 ta' Awwissu 2013, ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett koordinat propost;

7.  Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli jinformaw li, fil-valutazzjoni tagħhom imsejsa fuq l-esperjenza ta' applikazzjonijiet preċedenti għall-FEG, 300 mill-ħaddiema fil-mira għall-appoġġ tal-FEG biss se jagħżlu li jipparteċipaw fil-miżuri; jistieden lill-awtoritajiet Spanjoli jagħmlu użu mill-potenzjal sħiħ tal-appoġġ tal-FEG, b'mod partikolari biex itejbu l-ħiliet tal-ħaddiema b'edukazzjoni bażika, li jirrappreżentaw 74.4 % tal-ħaddiema fil-mira;

8.  Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandhom jiġu kofinanzjati jinkludi miżuri għar-riintegrazzjoni fl-impjieg għal 300 ħaddiem li ngħataw is-sensja, bħal profiling, gwida dwar ix-xogħol, konsulenza, taħriġ, assistenza intensiva għat-tfittix ta' impjieg, appoġġ lill-intraprenditorija, inċentivi bħal dawk għat-tfittix ta' impjieg, kontribuzzjoni għal spejjeż għall-ivvjaġġar għax-xogħol, inċentivi għar-rikollokament u appoġġ għat-twaqqif ta' negozju;

9.  Jinnota li l-pakkett ikkoordinat jipprevedi inċentivi finanzjarji għat-tfittix ta' impjieg (somma waħda ta' EUR 300), gratifika għall-mobilità (sa EUR 400), u inċentiv għar-rikollokament (sa EUR 700); jilqa' l-fatt li l-ammont globali ta' inċentivi finanzjarji huwa limitat, u jippermetti li l-maġġoranza tal-kontribuzzjoni tintefaq fuq taħriġ, konsulenza, għajnuna għat-tfittix ta' impjiegi u appoġġ għall-intraprenditorija;

10.  Jilqa' l-fatt li l-imsieħba soċjali, u b'mod partikolari t-trade unions fil-livell lokali (UGT-PV, CCOO-PV) u l-organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ FESMAC, ġew ikkonsultati dwar id-disinn tal-miżuri tal-pakkett koordinat tal-FEG, u li politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni se jiġu applikati matul id-diversi fażijiet tal-implimentazzjoni tal-FEG u fl-aċċess għalih;

11.  Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda wkoll għall-ambjent kummerċjali nnifsu;

12.  Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat jinkludi taħriġ vokazzjonali li jiffoka fuq setturi fejn jeżistu jew x'aktarx li jagħtu opportunitajiet, u jinkludi wkoll titjib tal-ħiliet imfassal għall-bżonnijiet futuri tal-manifatturi fis-settur ikkonċernat mill-għoti ta' sensji;

13.  Jinnota li l-informazzjoni provduta dwar il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli jikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-dejta fir-rapporti annwali tagħha sabiex ikun żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma tista' sseħħ l-ebda duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

14.  Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi neċessarji biex itejbu l-arranġamenti proċedurali sabiex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba tal-Parlament biex jitħaffef il-ħruġ tal-għotjiet, bl-għan li tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibbiltà ta' applikazzjoni għall-FEG flimkien mal-proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG; jittama li fir-Regolament il-ġdid dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) jiġi integrat titjib proċedurali ulterjuri, u li jinkisbu aktar effiċjenza, trasparenza u viżibbiltà tal-FEG;

15.  Jisħaq fuq il-fatt li, b'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jiġi żgurat li l-FEG jappoġġa r-riintegrazzjoni f'impjieg stabbli tal-ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg sostenibbli u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont id-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas ma għandha tissostitwixxi l-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

16.  Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq fil-Kunsill dwar l-introduzzjoni mill-ġdid fir-Regolament dwar il-FEG, għall-perjodu 2014-2020, tal-kriterju dwar il-mobilizzazzjoni minħabba l-kriżi, li jippermetti l-għoti ta' assistenza finanzjarja lil ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali minbarra lil dawk li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba bidliet fl-andament kummerċjali dinji.

17.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(2) ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
(3) Applikazzjonijiet EGF/2009/0014 ES/Comunidad Valenciana; EGF/2010/005 ES/Comunidad Valenciana u EGF/2010/009 ES/Comunidad Valenciana, EGF/2011/006 ES/Comunidad Valenciana - Kostruzzjoni ta' bini;


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/004 ES/ ComunidadValenciana materjali tal-bini minn Spanja)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2013/708/UE.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza