Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward taċ-ċarezza, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-implimentazzjoni ta' tali gruppi (COM(2011)0610/2 – C7-0324/2011 – 2011/0272(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2011) 0610/2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), l-Artikolu 175(3), l-Artikolu 209(1) u l-Artikolu 212(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7–0324/2011),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 294(3) u l-Artikolu 175(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-25 ta’ April 2012(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-15 ta' Frar 2012(2),
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-19 ta' Settembru 2013, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 37 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0309/2013),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Japprova d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari f-20 ta' Novembru 2013 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward taċ-ċarezza, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-implimentazzjoni ta' tali gruppi
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 1302/2013.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar is-sensibilizzazzjoni u l-Artikolu 4 u 4a tar-Regolament REKT
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li jwettqu sforzi kkordinati aħjar għas-sensibilizzazzjoni fost u fl-istituzzjonijiet u l-Istati Membri ħalli titjieb il-viżibilità tal-possibilitajiet tal-użu tal-EGTCs bħala strument opzjonali disponibbli għall-koperazzjoni territorjali fl-oqsma kollha ta' politika tal-UE.
F'dan il-kuntest, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jistiednu lill-Istati Membri b'mod partikolari jidħlu għal azzjonijiet xierqa ta' kordinazzjoni u komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u bejn l-awtoritajiet ta' Stati Membri differenti ħalli jiżguraw proċeduri ċari, effiċjenti u trasparenti ta' awtorizzazzjoni ta' EGTCs ġodda fit-termini fissati.
Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-Artikolu 1(9) tar-Regolament REKT
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li meta jiġi applikat l-Artikolu 9(2)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1082/2006 kif emendat, l-Istati Membri jagħmlu ħilithom meta jivvalutaw ir-regoli li jridu jkunu applikabbli għall-membri tal-persunal tal-EGTC kif proposti fl-abbozz tal-konvenzjoni, li jqisu l-opzjonijiet ta' reġimi differenti ta' impjiegi disponibbli li jridu jintgħażlu mill-EGTC, kemm skont id-dritt privat kemm skont dak pubbliku.
Meta l-kuntratti tal-impjiegi għall-membri tal-persunal tal-EGTC ikunu rregolati mid-dritt privat, l-Istati Membri jqisu wkoll id-dritt relevanti tal-UE, bħalma hu r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-PE u l-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), kif ukoll il-prattika legali relattiva tal-Istati Membri l-oħrajn rappreżentati fl-EGTC.
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jifhmu wkoll li fejn il-kuntratti tal-impjiegi għall-membri tal-persunal tal-EGTC ikunu rregolati mid-dritt pubbliku, ir-regoli tad-dritt pubbliku nazzjonali jkunu dawk tal-Istat Membru fejn l-organu rispettiv tal-EGTC ikun jinsab. B'dana kollu, ir-regoli tad-dritt pubbliku nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun irreġistrat l-EGTC jistgħu japplikaw kwantu għall-membri tal-persunal tal-EGTC ġa soġġetti għal dawn ir-regoli qabel ma jkunu saru membri tal-persunal tal-EGTC.
Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar ir-rwol tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-qafas tal-pjattaforma REKT
Il-Parlament Ewroepw, il-Kunsill u l-Kummissjoni jieħdu nota tax-xogħol siewi magħmul mill-Kumitat tar-Reġjuni fil-qafas tal-Pjattaforma tal-EGTC superviżjonata minnu u jħeġġeġ lill-Kumitat tar-Reġjuni jkompli jsegwi l-attivitajiet tal-EGTCs eżistenti u ta' dawk li jinsabu fil-proċess tat-twaqqif, jorganizza skambju tal-aqwa prattiki u jidentifika l-kwestjonijiet komuni.