Indiċi 
Testi adottati
It-Tlieta, 21 ta' Mejju 2013 - Strasburgu
Ftehim UE-Sri Lanka dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru ***
 Kooperazzjoni msaħħa bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru ***
 Emenda tar-Regolament (KEE/Euratom) Nru 354/83 fir-rigward tad-depożitu tal-arkivji storiċi tal-istituzzjonijiet fl-Istitut Universitarju Ewropew f'Firenze ***
 Perijodu għat-tmien elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew b'vot dirett universali *
 Talba għall-ħarsien tal-immunità parlamentari ta' Gabriele Albertini
 Talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Spyros Danellis (I)
 Talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Spyros Danellis (II)
 Offerti ta' xiri
 Strateġiji reġjonali għaż-żoni industrijali fl-Unjoni Ewropea
 Is-sikurezza tal-attivitajiet tal-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt u tal-gass offshore ***I
 Sfidi u opportunitajiet attwali għall-enerġija rinnovabbli fis-suq intern Ewropew tal-enerġija
 Id-drittijiet tan-nisa fil-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni
 Karta tal-UE: Regoli komuni għal-Libertà tal-Midja fl-UE kollha
 Pensjonijiet adegwati, sikuri u sostenibbli
 Il-ġlieda kontra l-Frodi Fiskali, l-Evażjoni Fiskali u r-Rifuġji Fiskali
 Rapport Annwali dwar it-Taxxa: kif nilliberaw il-potenzjal tal-UE għal tkabbir ekonomiku
 Emendi u modifiki oħra orali (interpretazzjoni tal-Artikolu 156(6) tar-Regoli ta' Proċedura)

Ftehim UE-Sri Lanka dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru ***
PDF 198kWORD 19k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka (15318/2012 – C7-0391/2012 – 2012/0018(NLE))
P7_TA(2013)0191A7-0169/2013

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (15318/2012),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru (08176/2012),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 100(2), l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), u l-Artikolu 218(8), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0391/2012),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0169/2013),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka.


Kooperazzjoni msaħħa bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru ***
PDF 203kWORD 19k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru li jipprovdi qafas ġenerali għall-kooperazzjoni msaħħa (05822/2013 – C7-0044/2013 – 2012/0213 (NLE))
P7_TA(2013)0192A7-0157/2013

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05822/2013),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim li jipprovdi qafas ġenerali għall-kooperazzjoni msaħħa bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru (13792/2012),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni mressqa mill-Kunsill skont l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0044/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0157/2013),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru.


Emenda tar-Regolament (KEE/Euratom) Nru 354/83 fir-rigward tad-depożitu tal-arkivji storiċi tal-istituzzjonijiet fl-Istitut Universitarju Ewropew f'Firenze ***
PDF 195kWORD 19k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar l-abbozz ta’ regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KEE/Euratom) Nru 354/83, fir-rigward tad-depożitu tal-arkivji storiċi tal-istituzzjonijiet fl-Istitut Universitarju Ewropew f'Firenze (06867/2013 – C7-0081/2013 – 2012/0221(APP))
P7_TA(2013)0193A7-0156/2013

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta’ Regolament tal-Kunsill (06867/2013),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7–0081/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 81(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0156/2013),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' regolament tal-Kunsill;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.


Perijodu għat-tmien elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew b'vot dirett universali *
PDF 200kWORD 19k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar Abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill li tiffissa l-perijodu għat-tmien elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew b'vot dirett universali (07279/2013 – C7-0068/2013 – 2013/0802(CNS))
P7_TA(2013)0194A7-0138/2013

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (07279/2013),

–  wara li kkunsidra s-subparagrafu 2 tal-Artikolu 11(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'vot dirett universali(1), skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0068/2013),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 u l-Artikolu 46(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0138/2013),

1.  Japprova l-abbozz tal-Kunsill;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sostanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni lill-Kunsill, kif ukoll, għall-informazzjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Kroazja.

(1) Att anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta’ Settembru 1976 (ĠU L 278, 8.10.1976, p. 1.), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/81/Euratom, KEFA, KEE (ĠU L 33, 9.2.1993, p. 15) u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom (ĠU L 283, 21.10.2002, p. 1).
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0462.


Talba għall-ħarsien tal-immunità parlamentari ta' Gabriele Albertini
PDF 205kWORD 21k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Gabriele Albertini (2012/2240(IMM))
P7_TA(2013)0195A7-0149/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba ta' Gabriele Albertini tad-19 ta' Lulju 2012, mħabbra fil-plenarja fl-10 ta' Settembru 2012, għall-ħarsien tal-immunità tiegħu b'rabta mal-proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti ta' Milan, fl-Italja,

–  wara li sema' lil Gabriele Albertini bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana, kif emendat mil-Liġi Kostituzzjonali Nru. 3 tad-29 ta' Ottubru 1993,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008 u tad-19 ta' Marzu 2010 u tas-6 ta' Settembru 2011(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 6(3) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0149/2013),

A.  billi l-Membru tal-Parlament Ewropew, Gabriele Albertini, talab il-ħarsien tal-immunità parlamentari tiegħu b'rabta mal-proċedimenti quddiem il-qorti Taljana;

B.  billi t-talba ta' Gabriele Albertini fir-rigward ta' ċitazzjoni maħruġa kontrieh quddiem il-Qorti ta' Milan f'isem Alfredo Robledo, b'rabta mad-dikjarazzjonijiet magħmula minn Gabriele Albertini fl-ewwel intervista ppubblikata mill-gazzetta Taljana Il Sole 24 Ore fis-26 ta' Ottubru 2011 u f'intervista sussegwenti ppubblikata mill-gazzetta Taljana l-Corriere della Sera fid-19 ta' Frar 2012;

C.  billi skont iċ-ċitazzjoni, id-dikjarazzjonijiet magħmula f'dawk l-intervisti jikkostitwixxu libell, li wassal għal talba għad-danni;

D.  billi d-dikjarazzjonijiet magħmula fiż-żewġ intervisti jirrigwardaw “il-kawża tad-derivattivi” dwar l-investigazzjoni li tirrigwarda fatti li jmorru lura għall-2005, u li jinvolvu l-muniċipalità ta' Milan u jirrigwardaw il-kariga ta' Gabriele Albertini bħala s-sindku ta' dik il-belt;

E.  billi ż-żewġ intervisti ngħataw fi żmien meta Gabriele Albertini kien Membru tal-Parlament Ewropew, wara l-elezzjoni tiegħu fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2004 u l-2009;

F.  billi skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew ma jistgħu ikunu suġġetti għal ebda inkjesta, detenzjoni jew prosekuzzjoni legali minħabba l-opinjonijiet espressi jew il-voti mixħuta minnhom waqt li jkunu qed jaqdu dmirhom.

G.  billi, bi qbil mal-prattika stabbilita tal-Parlament, il-fatt li l-proċedimenti legali huma ta' natura ta' dritt ċivili jew amministrattiv, jew jinkludu ċerti aspetti li jaqgħu fl-ambitu tad-dritt ċivili jew amministrattiv, ma tipprekludix per se l-applikazzjoni tal-immunità mogħtija minn dak l-artikolu;

H.  billi l-fatti tal-każ, kif muri fiċ-ċitazzjoni u kif imfisser bil-fomm minn Gabriele Albertini quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, jindikaw li d-dikjarazzjonijiet magħmula ma għandhom l-ebda rabta diretta u ovvja mal-qadi tad-dmirijiet ta' Gabriele Albertini bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

I.  billi Gabriele Albertini, meta ta ż-żewġ intervisti dwar il-“proċess tad-derivattivi”, ma kienx qed jaġixxi fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew,

1.  Jiddeċiedi li ma jħarisx l-immunità u l-privileġġi ta’ Gabriele Albertini.

2.  Jagħti istruzzjoni lill-President tal-Parlament biex igħaddi din id-deċiżjoni minnufih lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Taljana u lil Gabriele Albertini.

(1) Sentenza tat-12 ta' Mejju 1964 fil-Kawża 101/63, Wagner vs Fohrmann u Krier (Ġabra tal-Ġurisprudenza 1964, p. 381); Sentenza tal-10 ta' Lulju 1986 fil-Kawża 149/85, Wybot vs Faure et. (Ġabra tal-Ġurisprudenza 1986, p. 2391); Sentenza tal-15 ta' Ottubru 2008 fil-Kawża T–345/05, Mote vs Il-Parlament (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008, p. II–2849); Sentenza tal-21 ta' Ottubru 2008 fil-Kawżi Magħquda C–200/07 u C–201/07, Marra vs De Gregorio u Clemente (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008, p. I–7929); Sentenza tad-19 ta' Marzu 2010 fil-Kawża T–42/06, Gollnisch vs Il-Parlament (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010, p. II–1135); Sentenza tas-6 ta' Settembru 2011 fil-Kawża C–163/10, Patricello (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011, p. I–7565).


Talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Spyros Danellis (I)
PDF 205kWORD 23k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Spyros Danellis (I) (2013/2014(IMM))
P7_TA(2013)0196A7-0159/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Spyros Danellis, mgħoddija nhar il-11 ta’ Diċembru 2012 mill-Viċi Prosekutur fil-Qorti Suprema tar-Repubblika Ellenika (ref. 4634/2012) b’rabta mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell Kretana ta’ Tliet Membri tat-22 ta’ Marzu 2012 (ref. 584/2012) u mħabbra fil-plenarja nhar l-14 ta’ Jannar 2013,

–  wara li sema' lil Spyros Danellis bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta’ Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b’suffraġju universali dirett, kif ukoll l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008 u tad-19 ta' Marzu 2010 u tas-6 ta' Settembru 2011(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-regoli tal-Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0159/2013),

A.  billi l-Viċi Prosekutur fil-Qorti Suprema tar-Repubblika Ellenika talab li titneħħa l-immunità parlamentari ta’ Membru tal-Parlament Ewropew, Spyros Danellis, b’rabta ma’ azzjoni legali possibbli dwar allegat reat;

B.  billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament ta’ dak l-Istat;

C.  billi, skont l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika, waqt il-leġiżlatura, il-Membri tal-Parlament ma jistgħux jiġu mħarrka, arrestati, impriġunati jew detenuti xort’oħra kemm-il darba ma tkunx inkisbet minn qabel l-awtorizzazzjoni tal-Parlament;

D.  billi Spyros Danellis hu mixli li abbanduna dmirjietu, billi hu allegat li ometta, fil-vesti tiegħu ta’ Sindku ta’ Hersonissos fil-Prefettura ta’ Iraklion, li jieħu l-passi biex jagħlaq stabbiliment li kien qed jopera fil-muniċipalità tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ deċiżjoni mill-awtoritajiet sanitarji li kienet tirrikjedi li jittieħdu tali passi;

E.  billi l-allegati azzjonijiet ma jikkostitwixxux opinjonijiet espressi jew voti mogħtija matul il-qadi ta’ dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew għall-finijiet tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

F.  billi huwa manifest li x-xilja ma għandha l-ebda rabta mal-pożizzjoni ta’ Spyros Danellis bħala Membru tal-Parlament Ewropew imma mal-pożizzjoni tiegħu ta’ qabel bħala Sindku ta’ Hersonissos;

G.  billi ma hemm l-ebda raġuni l-għala wieħed jissuspetta li hemm fumus persecutionis, filwaqt li jinżamm amment b’mod partikolari li Spyros Danellis mhux l-uniku mixli fil-każ inkwestjoni;

1.  Iddeċieda li jneħħi l-immunità parlamentari ta' Spyros Danellis;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-Prosekutur fil-Qorti Suprema tar-Repubblika Ellenika u lil Spyros Danellis.

(1) Kawża 101/63 Wagner v Fohrmann u Krier [1964] ECR 195, Kawża 149/85 Wybot v Faure u oħrajn [1986] ECR 2391, Kawża T-345/05 Mote v Il-Parlament [2008] ECR II-Sentenza tat-12 ta' Mejju 1964 fil-Kawża 101/63, Wagner vs Fohrmann u Krier (Ġabra tal-Ġurisprudenza 1964, p. 381); Sentenza tal-10 ta' Lulju 1986 fil-Kawża 149/85, Wybot vs Faure et. (Ġabra tal-Ġurisprudenza 1986, p. 2391); Sentenza tal-15 ta' Ottubru 2008 fil-Kawża T–345/05, Mote vs Il-Parlament (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008, p. II–2849); Sentenza tal-21 ta' Ottubru 2008 fil-Kawżi Magħquda C–200/07 u C–201/07, Marra vs De Gregorio u Clemente (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008, p. I–7929); Sentenza tad-19 ta' Marzu 2010 fil-Kawża T–42/06, Gollnisch vs Il-Parlament (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010, p. II–1135); Sentenza tas-6 ta' Settembru 2011 fil-Kawża C–163/10, Patricello (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011, p. I–7565).


Talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Spyros Danellis (II)
PDF 205kWORD 21k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Spyros Danellis (II) (2013/2028(IMM))
P7_TA(2013)0197A7-0160/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Spyros Danellis, imressqa nhar il-11 ta’ Diċembru 2012 mill-Viċi Prosekutur fil-Qorti Suprema tar-Repubblika Ellenika (rif. 4825/2012) b’rabta mad-deċiżjoni tal-Qorti ta’ Tliet Membri Kretana dwar l-Appell tad-9 u s-16 ta’ Ottubru 2012 (ref.1382/2012), u mħabbra fis-seduta plenarja fis-6 ta’ Frar 2013,

–  wara li sema' lil Spyros Danellis, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta’ Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, u l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010 u tas-6 ta’ Settembru 2011(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0160/2013),

A.  billi l-Viċi Prosekutur fil-Qorti Suprema tar-Repubblika Ellenika talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Spyros Danellis, b’rabta ma’ l-possibilità ta' azzjoni legali li tikkonċerna allegat reat;

B.  billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri jgawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-Parlament ta' dak l-Istat;

C.  billi l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellena jipprevedi li, waqt il-mandat parlamentai, il-Membri tal-Parlament ma jistgħux jiġu prosekutati, arrestati, impriġunati jew detenuti b'xi mod ieħor mingħajr il-permess minn qabel tal-Parlament;

D.  billi Spyros Danellis hu mixli li kkalunja parti terza ta' att kontra l-liġi bil-ħsieb li ssir prosekuzzjoni kontra dan it-terz għall-istess att, u billi għamel dikjarazzjonijiet foloz dwar terz li setgħu għamlu ħsara lir-reputazzjoni u l-fama ta' dan it-terz, filwaqt li kien jaf li dawn id-dikjarazzjonijiet ma kinux minnhom;

E.  billi l-allegati dikjarazzjonijiet foloz u kalunnji huma marbutin mal-bejgħ tal-frott tas-siġar taż-żebbuġ u siġar ieħor mqaċċat minn art esproprjata minn kuntrattur li qed iwettaq xogħlijiet pubbliċi fil-kuntest tal-bini ta’ diga fil-muniċipalità ta’ Hersonissos fil-Prefettura ta’ Iraklion, li tagħha Spyros Danellis kien is-Sindku;

F.  billi l-allegata azzjoni la tikkostitwixxi opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet ta’ Membru tal-Parlament Ewropew u lanqas voti mixħuta fl-istess qadi, għall-finijiet tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

G.  billi x-xilja manifestament ma għandha l-ebda relazzjoni mal-pożizzjoni ta’ Spyros Danellis bħala Membru tal-Parlament Ewropew, imma mal-pożizzjoni li kellu qabel ta’ Sindku ta’ Hersonissos;

H.  billi ma hemm l-ebda raġuni għaliex għandu jkun issuspettat il-fumus persecutionis, aktar u aktar billi Spyros Danellis mhux l-uniku mixli fil-każ ikkonċernat;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità parlamentari ta' Spyros Danellis;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-Prosekutur fil-Qorti Suprema tar-Repubblika Ellenika u lil Spyros Danellis.

(1) Sentenza tat-12 ta' Mejju 1964 fil-Kawża 101/63, Wagner vs Fohrmann u Krier (Ġabra tal-Ġurisprudenza 1964, p. 381); Sentenza tal-10 ta' Lulju 1986 fil-Kawża 149/85, Wybot vs Faure et. (Ġabra tal-Ġurisprudenza 1986, p. 2391); Sentenza tal-15 ta' Ottubru 2008 fil-Kawża T–345/05, Mote vs Il-Parlament (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008, p. II–2849); Sentenza tal-21 ta' Ottubru 2008 fil-Kawżi Magħquda C–200/07 u C–201/07, Marra vs De Gregorio u Clemente (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008, p. I–7929); Sentenza tad-19 ta' Marzu 2010 fil-Kawża T–42/06, Gollnisch vs Il-Parlament (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010, p. II–1135); Sentenza tas-6 ta' Settembru 2011 fil-Kawża C–163/10, Patricello (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011, p. I–7565).


Offerti ta' xiri
PDF 310kWORD 28k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/25/KE fuq offerti ta' xiri (2012/2262(INI))
P7_TA(2013)0198A7-0089/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta' xiri(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/25/KE fuq offerti ta' xiri (COM(2012)0347),

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/25/KE fuq offerti ta' xiri (Studju Estern) imwettaq f'isem il-Kummissjoni(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva fuq Offerti ta' Xiri tal-21 ta' Frar 2007(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0089/2013),

A.  billi d-Direttiva fuq Offerti ta' Xiri (id-Direttiva) tipprovdi linji gwida minimi li jiggarantixxu t-trasparenza u ċ-ċertezza legali fit-tmexxija ta' offerta ta' xiri u tagħti drittijiet għall-informazzjoni lill-azzjonisti, l-impjegati u partijiet interessati oħra;

B.  billi diversi Stati Membri qed iqisu jew diġà introduċew tibdiliet fir-regoli armonizzati nazzjonali tagħhom fuq offerti ta' xiri bl-għan li tiżdied it-trasparenza fis-suq kapitali u jiġu rinforzati d-drittijiet tal-kumpanija fil-mira u l-partijiet interessati tagħha;

C.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet f'diversi kawżi li ż-żamma ta' drittijiet speċjali f'kumpanija privata minn Stat Membru għandha titqies b'mod ġenerali bħala limitazzjoni għall-moviment liberu tal-kapital u tista' tiġi ġġustifikata biss f'istanzi debitament limitati(4);

D.  billi l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali huma responsabbli għas-sorveljanza pubblika ta' offerti ta' xiri;

E.  billi l-Artikolu 1(3) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010(5) jistipula li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għandha wkoll tieħu azzjoni xierqa fil-kuntest ta' offerti ta' xiri; billi l-ESMA ħolqot netwerk ta' awtoritajiet kompetenti li għandu l-għan li jtejjeb il-kooperazzjoni bejniethom fil-kuntest ta' offerti ta' xiri transkonfinali;

1.  Iqis id-Direttiva bħala parti importanti mill-acquis tal-UE dwar il-liġi tal-kumpaniji, li tmur lil hinn mis-sempliċi promozzjoni ta' iżjed integrazzjoni u armonizzazzjoni tas-swieq kapitali tal-UE;

2.  Jenfasizza li l-effetti tad-Direttiva mhumiex limitati għad-dispożizzjonijiet ewlenin fuq offerti ta' xiri iżda jeħtieġ li jiġu vvalutati fil-kuntest usa' tal-liġi tal-kumpaniji, inkluża l-governanza korporattiva, il-liġi dwar is-suq kapitali u anke l-liġi dwar l-impjiegi;

3.  Isostni li l-objettivi tad-Direttiva, b'mod partikolari dawk li tipprovdi kundizzjonijiet ekwi għal offerti ta' xiri filwaqt li tipproteġi l-interessi tal-azzjonisti, l-impjegati u partijiet interessati oħra, huma pedamenti kruċjali għal suq li jiffunzjona sew għall-kontroll korporattiv;

4.  Jinnota l-konklużjoni tal-Kummissjoni li d-Direttiva qed taħdem b'mod sodisfaċenti, u jirrikonoxxi l-konklużjonijiet tal-Istudju Estern li d-Direttiva tejbet il-funzjonament tas-suq tal-kontroll korporattiv; jinnota bi tħassib, madankollu, in-nuqqas ta' sodisfazzjon tar-rappreżentanti tal-impjegati, kif espress fl-Istudju Estern, fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-impjegati, u jitlob lill-Kummissjoni biex ittejjeb id-djalogu mar-rappreżentanti tal-impjegati dwar kif jistgħu jiġu indirizzati aħjar il-kwistjonijiet l-aktar urġenti;

Kundizzjonijiet ekwi

5.  Jenfasizza li d-Direttiva tipprovdi għal kundizzjonijiet ekwi għal offerti ta' xiri fl-Ewropa u jemmen li, fuq perjodu twil ta’ żmien, jista' jiġi previst aktar titjib sabiex jissaħħu dawn il-kundizzjonijiet ekwi;

6.  Jirrispetta l-kompetenza tal-Istati Membri biex jintroduċu miżuri addizzjonali li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva, sakemm jiġu osservati l-objettivi ġenerali tad-Direttiva;

7.  Jinnota, f'dan il-kuntest, li riċentement xi Stati Membri wieġbu għall-iżviluppi fis-swieq domestiċi tagħhom għall-kontroll korporattiv billi introduċew dispożizzjonijiet addizzjonali fir-rigward tat-tmexxija ta' offerti ta' xiri bħar-regola 'put up or shut up' tal-Panel tax-Xiri tar-Renju Unit (UK Takeover Panel), li għandha l-għan li tikkjarifika jekk offerta ta' xiri għandhiex titnieda ('put up') jew le ('shut up') f'każijiet fejn mhuwiex ċar jekk l-offerent għandux fil-fatt l-intenzjoni li jissottometti offerta għall-kumpanija li qed tirċievi l-offerta;

Superviżjoni

8.  Jilqa' l-isforzi tal-ESMA biex ittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-offerti ta' xiri permezz tan-Netwerk tal-Offerti ta' Xiri;

9.  Jemmen, madankollu, li mhuwiex meħtieġ li wieħed jaħseb għas-superviżjoni ta' offerti ta' xiri fil-livell tal-UE, minħabba li l-liġi tax-xiri mhijiex limitata għal-liġi dwar is-suq kapitali iżda hija integrata fil-liġi nazzjonali tal-kumpaniji; jenfasizza li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jibqgħu responsabbli għas-sorveljanza pubblika tal-offerti ta' xiri;

L-indirizzar ta' kwistjonijiet emerġenti

10.  Jilqa' s-sejbiet tal-Kummissjoni u l-elaborazzjoni dwar il-kwistjonijiet emerġenti li jirriżultaw mir-rieżami tal-operat tad-Direttiva, u jinnota li qed jiġu identifikati aspetti addizzjonali minn akkademiċi u prattikanti(6);

Il-kunċett ta' 'azzjoni flimkien'

11.  Jemmen li l-kunċett ta' 'azzjoni flimkien' huwa essenzjali meta jiġi kkalkolat il-limitu li jiskatta t-tnedija ta' offerta obbligatorja, u jifhem li l-Istati Membri ttrasponew id-definizzjoni pprovduta fid-Direttiva b'mod differenti; jemmen, madankollu, li l-iffokar fuq tibdiliet għall-kunċett ta' 'azzjoni flimkien' fid-Direttiva biss jonqos milli jtejjeb iċ-ċertezza legali, minħabba li dan il-kunċett huwa rilevanti wkoll għal kalkoli oħra meħtieġa skont il-liġi tal-kumpaniji tal-UE; jissuġġerixxi, għalhekk, li għandha titwettaq analiżi aktar dettaljata sabiex jiġu identifikati l-mezzi possibbli li permezz tagħhom ikun jista' jiġi ċċarat u armonizzat aktar il-kunċett ta' 'azzjoni flimkien';

12.  Jistenna, għal dan l-għan, il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-liġi tal-kumpaniji tal-UE, fejn għandha tiġi indirizzata din il-kwistjoni, u jappoġġja d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali li jobbligaw partijiet li qed ifittxu l-kontroll flimkien li jaċċettaw il-konsegwenzi legali tal-azzjoni miftiehma tagħhom m'għandha bl-ebda mod tiġi llimitata(7);

Derogi nazzjonali għar-regola tal-offerta obbligatorja

13.  Jenfasizza li r-regola tal-offerta obbligatorja hija d-dispożizzjoni ewlenija għall-protezzjoni ta' azzjonisti f'minorità, u jieħu nota tar-riżultati tal-Istudju Estern li l-Istati Membri kollha jippermettu eżenzjonijiet minn din ir-regola; jifhem li dawn id-derogi spiss jintużaw biex jiġu protetti l-interessi tal-azzjonisti li jikkontrollaw (eż. l-ebda bidla reali fil-kontroll), il-kredituri (eż. meta l-kredituri jkunu taw is-self) u partijiet interessati oħra (eż. biex jiġu bbilanċjati d-drittijiet tal-azzjonisti u tal-partijiet interessati oħra); jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiġbor informazzjoni addizzjonali bil-ħsieb li tiddetermina jekk id-derogi użati b'mod wiesa' jmorrux kontra l-protezzjoni tal-azzjonisti f'minorità;

14.  Jenfasizza wkoll li r-regola tal-offerta obbligatorja tippermetti lill-azzjonisti f’minorità, fil-każ ta' bidla fil-kontroll, li jirċievu l-primjum imħallas għas-sehem li jikkontrolla, u jinnota li d-Direttiva tirregola biss il-prezz għal offerta obbligatorja (jiġifieri prezz ekwu) iżda mhux għal offerta volontarja; jinnota b'mod partikolari li d-Direttiva tirrinunzja l-obbligu li titnieda offerta obbligatorja f'każijiet fejn, wara offerta volontarja inizjali, ikun intlaħaq il-limitu tal-kontroll bir-riżultat li l-offerent jista' jżid sussegwentement il-parteċipazzjoni tiegħu fil-kumpanija fil-mira permezz tax-xiri regolari tal-ishma (hekk imsejjaħ b'mod sottili (creeping in)); jinnota wkoll li, għal dawn il-każijiet, xi Stati Membri introduċew obbligu għat-tieni offerta obbligatorja, skont liema hija meħtieġa t-tieni offerta jekk tkun seħħet ċerta żieda (eż. 3 %) f'ċertu perjodu ta' żmien (eż. 12-il xahar) bejn żewġ limiti speċifikati (eż. bejn 30 % u 50 %);

15.  Jemmen li l-limiti tan-notifika stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/109/KE(8) (id-Direttiva dwar it-Trasparenza, li qed tiġi rieżaminata attwalment) jipprovdu għat-trasparenza solida tas-sjieda u jippermettu l-iskoperta bikrija ta' akkwisti b'mod sottili (creeping-in); huwa tal-opinjoni li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jiskoraġġixxu tekniki ddisinjati biex jevitaw ir-regola tal-offerta obbligatorja u għaldaqstant jevitaw il-ħlas tal-primjum ta' kontroll lill-azzjonisti f'minorità;

In-newtralità tal-bord

16.  Jinnota li r-regola tan-newtralità tal-bord relatata mad-difiżi ta' wara l-offerta ġiet trasposta mill-maġġoranza tal-Istati Membri, filwaqt li numru limitat ħafna ta' Stati Membri ttrasponew ir-regola innovattiva li tinnewtralizza d-difiżi ta' qabel l-offerta; jifhem li kemm id-difiżi ta' qabel l-offerti (eż. strutturi piramidali jew ishma tad-deheb) kif ukoll id-difiżi ta' wara l-offerti (eż. white knight jew żieda fid-dejn) għadhom jeżistu fl-Istati Membri, u li fl-istess ħin jidher li hemm mezzi biżżejjed biex jippenetraw dawn il-mekkaniżmi ta' difiża; huwa tal-opinjoni, madankollu, li f'konformità mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-kumpaniji, il-bord tal-kumpanija li qed tirċievi l-offerta għandu jqis is-sostenibbiltà fit-tul tal-kumpanija u jaġixxi fl-interess tagħha u tal-partijiet interessati tagħha;

Drittijiet tal-impjegati f'sitwazzjoni ta' xiri

17.  Jenfasizza li d-Direttiva tipprevedi biss li l-impjegati jiġu pprovduti b'informazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-intenzjonijiet tal-offerent dwar il-futur tal-kumpanija fil-mira u l-pjanijiet futuri li jikkonċernaw l-impjiegi, inkluż kwalunkwe bidla materjali fil-kundizzjonijiet tal-impjiegi, iżda li mhuwiex previst id-dritt għall-konsultazzjoni;

18.  Jenfasizza li l-mistoqsija ta' kif jiġu protetti u msaħħa d-drittijiet tal-ħaddiema teħtieġ kunsiderazzjoni ulterjuri urġenti, filwaqt li jitqies ukoll l-acquis, inkluża d-Direttiva 2001/23/KE(9) u d-Direttiva 2002/14/KE(10);

19.  Jinsisti li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-ħaddiema għandhom jiġu applikati b'mod effettiv u, fejn meħtieġ, jiġu infurzati kif suppost;

Offerti ta' xiri matul it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku

20.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva, id-dispożizzjonijiet tagħha kellhom jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali sal-20 ta' Mejju 2006, u jinnota li, skont l-Istudju Estern, il-maġġoranza tal-Istati Membri ttrasponew id-Direttiva bejn l-2006 u l-2007(11);

21.  Jenfasizza li l-perjodu ta' traspożizzjoni tad-Direttiva jikkoinċidi mal-bidu tal-kriżi finanzjarja, li eventwalment żviluppat fi kriżi ekonomika u tad-dejn, u li l-attivitajiet ta' xiri huma marbuta mill-qrib ma' żviluppi finanzjarji u ekonomiċi kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha;

22.  Jenfasizza li, skont l-Istudju Estern, l-attivitajiet ta' xiri naqsu drammatikament wara d-data tat-traspożizzjoni tad-Direttiva b'riżultat tal-kriżi, inkluż fir-Renju Unit, fejn l-attivitajiet fis-suq għall-kontroll korporattiv huma tradizzjonalment aktar ikkonċentrati milli fil-bqija tal-Unjoni;

23.  Huwa tal-opinjoni li, minħabba li s-suq għall-kontroll korporattiv kien qed jonqos b'mod kostanti matul dan il-perjodu ta' kriżi finanzjarja, il-valutazzjoni dwar jekk u sa liema punt għandhom jiġu introdotti aktar miżuri ta' armonizzazzjoni fir-rigward ta' offerti ta' xiri se tkun distorta;

24.  Jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tkompli twettaq monitoraġġ mill-qrib tal-iżviluppi fis-suq għall-kontroll korporattiv u tħejji valutazzjoni ġdida dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva meta l-attivitajiet ta' xiri jerġgħu lura għal volum aktar regolari;

o
o   o

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 142, 30.4.2004, p. 12.
(2) Studju Estern dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva fuq offerti ta' xiri, imwettaq minn Marccus Partners f'isem il-Kummissjoni, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/internal_market/company/docs/takeoverbids/study/study_en.pdf.
(3) Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SEC(2007)0268)
(4) Eż. Kawża C-171/08, Il-Kummissjoni vs. Il-Portugall [2010] Ġabra I-6817.
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(6) Ara eż. Freshfields Bruckhaus Deringer, Reform of the EU Takeover Directive and of German Takeover Law, 14 ta’ Novembru 2011, disponibbli fuq: http://www.freshfields.com/uploadedFiles/SiteWide/Knowledge/Reform_Eu_Takeover%20directive_31663.pdf.
(7) Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva 2004/25/KE fuq offerti ta' xiri, p.9.
(8) Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).
(9) Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi, negozji jew partijiet ta' impriżi jew negozji (ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16).
(10)2 Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU L 80, 23.03.2002, p. 29).
(11)3 Ara p. 284 u b'mod aktar ġenerali p. 58 et seq. tal-Istudju Estern.


Strateġiji reġjonali għaż-żoni industrijali fl-Unjoni Ewropea
PDF 260kWORD 30k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar strateġiji reġjonali għaż-żoni industrijali fl-Unjoni Ewropea (2012/2100(INI))
P7_TA(2013)0199A7-0145/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 162 tat-TFUE, li jkopri l-objettivi tal-Fond Soċjali Ewropew u jirreferi, inter alia, għall-objettiv tal-iffaċilitar tal-adattament għall-bidliet industrijali u għall-bidliet fis-sistemi ta' produzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 174 u dawk segwenti tat-TFUE, li jistabbilixxu l-objettiv ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u li jiddefinixxu l-istrumenti finanzjarji strutturali sabiex dawn jintlaħqu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 176 tat-TFUE, li jkopri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u jirreferi, inter alia, għall-iżvilupp u l-aġġustament strutturali tar-reġjuni li l-iżvilupp tagħhom għadu lura u għall-konverżjoni ta' reġjuni industrijali li sejrin lura,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 173 (Titolu XVII) tat-TFUE, li jkopri l-politika industrijali tal-UE u jirreferi, inter alia, għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tad-11 ta’ Settembru 2012 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (COM(2012)0496),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar l-implimentazzjoni tas-sinerġiji tal-Fondi assenjati għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u s-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-bliet u r-reġjuni kif ukoll fl-Istati Membri u fl-Unjoni(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-politika ta’ koeżjoni għall-kisba tal-objettivi ta’ Lisbona u tal-UE 2020(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2010 dwar il-politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f’dinja li qed tinbidel(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-politika ta’ koeżjoni u l-politika reġjonali tal-UE wara l-2013(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar Politika Industrijali għall-Era Globalizzata(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill (It-3057 Kunsill Kompetittività - Suq Intern, Industrija, Riċerka u Spazju) li saret fi Brussell fl-10 ta' Diċembru 2010 dwar il-'Politika industrijali integrata għall-era tal-globalizzazzjoni',

–  wara li kkunsidra s-sitt rapport ta’ progress tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-Koeżjoni ekonomika u soċjali – Reġjuni kreattivi u innovattivi' (COM(2009)0295),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-30 ta' Lulju 2009 dwar 'L-industrija Ewropea f'Dinja Li Qed Tinbidel - Analiżi Settorjali Aġġornata 2009' (SEC(2009)1111),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Settembru 2009, 'Tħejjija għall-ġejjieni tagħna: Żvilupp ta' strateġija komuni għal teknoloġiji abilitanti essenzjali fl-UE' (COM(2009)0512),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu 'Ewropa 2020 - Strateġija għal Tkabbir Intelliġenti, Sostenibbli u Inklussiv' (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 bit-titolu 'Ewropa 2020 Inizjattiva Ewlenija: Unjoni tal-Innovazzjoni' (COM(2010)0546),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2010 bit-titolu 'Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni - Il-Kompetittività u s-Sostenibbiltà fix-Xena Prinċipali' (COM(2010)0614),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 bit-titolu 'Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta' koeżjoni’ (COM(2010)0642),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2011 bit-titolu: “Politika Industrijali: It-tisħiħ tal-kompetittività - ir-rendiment u l-politiki tal-kompetittività tal-Istati Membri 2011, (COM(2011)0642),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' Marzu 2012 dwar 'Elementi għal Qafas Strateġiku Komuni 2014 sal-2020, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd', (SWD(2012)0061),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-24 ta' April 2012 dwar 'Il-prinċipju tas-sħubija fl-implimentazzjoni tal-Fondi Komuni tal-Qafas Strateġiku - elementi għall-Kodiċi ta' Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija' (SWD(2012)0106),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu 'Industrija Ewropea Aktar b’Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku. Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali' (COM(2012)0582),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 dwar ir-Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea (SWD(2012)0299),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu 'It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Prestazzjoni Industrijali u r-Rendiment u l-Politiki tal-Kompetittività tal-Istati Membri', (SWD(2012)0298),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) tas-26 ta’ Mejju 2010 dwar 'Il-ħtieġa li jiġi applikat approċċ integrat għar-riġenerazzjoni urbana'(7),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni: Il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali' (CCMI/083 - CESE 808/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0145/2013),

A.  billi t-terminu “industrija’ mhuwiex definit b’mod ċar u jista’ jinkludi varjetà sħiħa ta’ diversi setturi;

B.  billi l-industrija mingħajr ebda dubju hi wieħed mir-riżorsi prinċipali tagħna fil-livell internazzjonali, li mingħajrha l-UE ma jkollhiex rwol daqshekk importanti fil-bilanċ globali tal-forzi ekonomiċi;

C.  billi s-settur industrijali jista’ jkollu rwol ta' tmexxija fl-ekonomija tal-UE, peress li l-Kummissjoni tivvaluta li għal kull 100 impjieg maħluq fl-industrija, jistgħu jinħolqu bejn 60 u 200 impjiegi ġodda fil-kumplament tal-ekonomija; billi, madankollu, bejn l-2008 u l-2011 il-produzzjoni industrijali naqset minn 20 % għal 16 % tal-PDG tal-UE u n-numru ta' impjiegi fis-settur naqas bi 11 %;

D.  billi l-Kummissjoni qed tipprova treġġa’ lura t-tnaqqis tal-industrija fl-UE u ġġibha lura mil-livell attwali ta' madwar 16 % tal-PDG sa saħansitra 20 % sal-2012; billi l-industrija tikkostitwixxi d-destinazzjoni prinċipali tal-investimenti privati u pubbliċi fir-rigward tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

E.  billi l-politika ta’ koeżjoni tista’ tgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi strutturali li qed taffaċċja l-industrija tal-UE, u tista' tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi ambizzjużi tal-Istrateġija Ewropa 2020, inkluż il-bidla lejn ekonomija sostenibbli, b’emissjoni baxxa ta’ karbonju, effiċjenti fl-użu tal-enerġija u inklużiva, li trawwem l-għarfien u l-impjieg;

F.  billi ħafna mir-reġjuni industrijalizzati qodma fl-Ewropa jaffaċċjaw problemi simili, peress li għaddew minn perjodi twal ta' tkabbir fil-passat li kienu segwiti minn tnaqqis kbir fl-iżvilupp ekonomiku fis-snin reċenti;

G.  billi, minħabba l-interdipendenza ekonomika tagħhom u l-karatteristiċi komuni, il-partijiet komponenti ta' ħafna reġjuni transkonfinali – pereżempju, l-estrazzjoni minerarja tradizzjonali, ir-reġjuni tal-manifattura tal-azzar u tat-tessuti – ħafna drabi jaffaċċjaw l-istess sfidi industrijali;

H.  billi l-politika industrijali għandha tendenza li tiffoka fuq il-problemi speċifiċi tal-industrija ġurnata b'ġurnata u, għaldaqstant ma tingħatax importanza biżżejjed lill-impatt qawwi tagħha fuq ir-reġjuni;

I.  billi r-riċerka wriet li r-ristrutturar tar-reġjuni industrijalizzati qodma jirrikjedi approċċ wiesa', u l-ostakli amministrattivi jistgħu jfixklu milli dan jintlaħaq;

J.  billi l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet fl-UE qed jaffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji; billi, b'mod partikolari, żoni b’bażi industrijali qadima bosta drabi mhux qegħdin f’post tajjeb biex jattiraw biżżejjed fondi għal konverżjoni; billi l-finanzjament tal-UE għall-għajnuna għall-isforzi ta’ rikonverżjoni u ristrutturar huwa indispensabbli għas-sostenn tal-approċċi tal-politika reġjonali u transkonfinali;

K.  billi l-bliet huma xpruni għall-innovazzjoni u t-tkabbir sostenibbli, u għandhom il-kompitu importanti li jindirizzaw l-isfidi fiż-żoni industrijalizzati qodma;

L.  billi approċċi integrati ġodda u innovattivi, iffaċilitati wkoll minn oqfsa politiċi leġiżlattivi xierqa u minn strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, huma meħtieġa biex jgħinu lir-reġjuni u l-bliet jisfruttaw il-potenzjal tagħhom ta' innovazzjoni u jiffukaw mill-ġdid l-assi industrijali tagħhom fid-direzzjoni tal-industrji u s-servizzi emerġenti u tas-swieq globalizzati;

M.  billi l-politiki tal-industrijalizzazzjoni mill-ġdid jonqsu milli jqisu biżżejjed l-industriji kulturali u dawk kreattivi, li huma sors potenzjali sinifikanti ta' tkabbir, innovazzjoni u impjiegi, jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali u jipprovdu mezz effikaċi għall-ġlieda kontra r-reċessjoni attwali;

1.  Jiġbed l-attenzjoni lejn ir-riżorsi eżistenti li huma disponibbli permezz tal-politika ta' koeżjoni u għall-Fondi Strutturali, filwaqt li jisfruttaw l-iskemi ta' inġinerija finanzjarja tal-Bank Ewropew tal-Investiment, kif ukoll il-politiki ta' żvilupp ekonomiku reġjonali u muniċipali b'sostenn għar-rikonverżjoni taż-żoni industrijali qodma u l-industrijalizzazzjoni mill-ġdid taż-żoni industrijali milqutin mill-kriżi, bl-għan li tinkiseb industrijalizzazzjoni mill-ġdid moderna u sostenibbli; jiddispjaċih, madankollu, li dawn l-għażliet mhux dejjem jindirizzaw il-problemi reali speċifiċi għar-reġjun u li l-finanzjament strutturali u għall-investiment li hu disponibbli mhuwiex meqjus b'mod sħiħ mill-Istati Membri u r-reġjuni fi żmien meta l-industrija qed tiġi affettwata severament mill-kriżi;

2.  Jenfasizza li hemm bżonn li jiġu stabbiliti aktar miżuri ta’ għajnuna biex jassistu lir-reġjuni industrijalizzati qodma, b’mod speċjali ż-żoni monoindustrijali, ħalli jkunu jistgħu jsibu b’suċċess triqat ġodda ta’ żvilupp li jiffukaw fuq l-industriji kreattivi u kulturali u jkunu jistgħu jippromwovu l-użu tas-siti li ma jintużawx, li jistgħu jkollhom rwol importanti fir-rikonverżjoni tas-siti abbandunati;

3.  Jitlob approċċi aktar integrati u sistematiċi għat-tiġdid industrijali u l-iżvilupp reġjonali, u aktar koerenza bejn il-politiki differenti fil-livell tal-UE, fil-livell nazzjonali u dak reġjonali, intereġjonali u transkonfinali, sabiex jiġi żgurat li l-potenzjal tas-settur industrijali Ewropew jiġi sfruttat; jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu żoni ekonomiċi ta' importanza reġjonali u parks ta’ attività ta’ teknoloġija avvanzata bbażati fuq sħubiji pubbliċi-privati, u li jikkontribwixxu għat-titjib tal-użu tar-riżorsi umani u ekonomiċi lokali u reġjonali bl-użu tal-aħħar tekonoloġiji;

4.  Jenfasizza li s-suċċess ta’ tali tiġdid industrijali flimkien mal-iżvilupp reġjonali se jiddependi fuq l-eżistenza tal-politiki effikaċi f’oqsma bħall-politika ta’ koeżjoni, il-governanza ekonomika, il-kompetittività, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-enerġija, l-aġenda diġitali, l-iżviluppi sostenibbli, l-industriji kulturali u kreattivi, il-kwalifiki ġodda u l-impjiegi, eċċ;

5.  Jemmen li l-isfidi ewlenin għal reġjuni industrijalizzati qodma jinsabu:

   fir-riġenerazzjoni fiżika tal-art;
   fir-riġenerazzjoni tal-infrastruttura tad-djar u dik soċjali;
   fit-tiġdid tal-infrastruttura, ibbażat fuq il-ħtiġijiet ta' industriji ġodda;
   fl-iżvilupp tal-infrastruttura tal-broadband, li żżid mal-attrazzjoni taż-żona;
   fil-bżonn ta' taħriġ mill-ġdid ta' ħaddiema mingħajr impjieg u ta' sforzi għal tagħlim tul il-ħajja biex jinħolqu impjiegi li jiffukaw fuq edukazzjoni teknoloġika ta' kwalità għolja għall-forza tax-xogħol, speċjalment iż-żgħażagħ;
   fl-istimulazzjoni ta' strateġiji tal-impjieg transkonfinali, l-innovazzjoni, it-taħriġ, ir-riabilitazzjoni ambjentali u l-attrazzjoni reġjonali;
   fil-ħtieġa tal-promozzjoni tal-intraprenditorija bi strateġiji għall-impjieg imfassla apposta għall-Unjoni u li jiġu adattati ħiliet soċjali, kwalifiki u intraprenditorija għat-talbiet il-ġodda li jitfaċċaw b'riżultat tal-isfidi ekonomiċi, teknoloġiċi, professjonali u ekoloġiċi;
   fir-riabilitazzjoni sostenibbli taż-żoni kkonċernati, li permezz tagħha tkun żgurata l-inklużjoni taż-żoni ekoloġiċi kull fejn ikun possibbli;
   fil-ħolqien mill-ġdid tal-bażi ekonomika u tal-kondizzjonijiet ta' investiment;
   fit-trattament tal-problemi marbutin mal-ekoloġija;
   fl-ostakoli finanzjarji u n-nuqqas ta' possibbiltajiet ta' finanzjament dirett;
   fil-bini ta' soluzzjonijiet ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti għat-tiġdid industrijali u d-diversifikazzjoni ekonomika;

6.  Jenfasizza li l-istrateġiji reġjonali għaż-żoni industrijali għandhom jinkludu, bħala punt fokali, miżuri biex jipproteġu l-kwalità tal-art, tal-ilma u tal-arja, biex jissalvagwardaw il-bijodiversità reġjonali u lokali u r-riżorsi naturali, u biex jiġu ttrattati l-art u l-ilma, sabiex sustanzi li jagħmlu ħsara lill-ambjent ma jkomplux inixxu fl-ambjent naturali;

7.  Jemmen li hu importanti li l-istrateġiji għal żoni industrijali jinkludu attenzjoni integrata dwar il-possibilitajiet tat-trasport sostenibbli minn u lejn dawk iż-żoni, inklużi l-materja prima, il-prodotti u l-persunal kif ukoll l-infrastruttura meħtieġa, kemm jekk eżistenti jew ippjanata, u li tali ffukar jista' jgħin biex jitnaqqas l-impatt ambjentali taż-żoni industrijali u urbani u biex jiżgura li l-ħtiġijiet tal-komunità jintlaħqu, filwaqt li jiġu salvagwardati r-riżorsi naturali u l-kapital u jkun hemm kontribut pożittiv għas-saħħa tal-bniedem;

8.  Huwa tal-opinjoni li b'riżultat tal-proċess ta' tkabbir tal-UE d-differenzi reġjonali żdiedu, u għaldaqstant l-attenzjoni u l-għarfien pubbliku tbiegħdu mir-reġjuni industrijalizzati qodma li għandhom nuqqas ta' opportunitajiet ta' investiment suffiċjenti għal strateġiji konkreti ta' żvilupp reġjonali;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjoni attwali fir-reġjuni industrijalizzati qodma, tidentifika l-isfidi ewlenin tagħhom, u tipprovdi informazzjoni u gwida għal dawk ir-reġjuni, sabiex tiżviluppa, permezz ta' proċeduri demokratiċi, strateġiji reġjonali abbażi ta’ sħubiji mifruxa li jistgħu jgħinu biex itejbu l-prospetti ta’ żvilupp sostenibbli billi jisfruttaw il-potenzjal endoġenu tagħhom;

10.  Jenfasizza li t-tisħiħ tal-bażi industrijali tal-ekonomija huwa neċessarju għal progress fit-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, kif ukoll għall-kisba tal-għanijiet u l-miri tal-UE 2020, u li l-assi relatati mal-industrija f'termini tal-wirt u l-kompetenza industrijali disponibbli fir-reġjuni industrijalizzati qodma jistgħu jiffurmaw bażi insostitwibbli għal dan, u għandhom jiġu ppreservati u adottati għall-ħtiġijiet il-ġodda;

11.  Jinnota li ħafna żoni li kienu industrijali joffru possibilitajiet tajbin ħafna biex titjieb l-effiċjenza fl-enerġija permezz tal-applikazzjoni ta' teknoloġija u ta' standards tal-bini moderni, u li minnhom jibbenefikaw kemm l-ekonomiji reġjonali kkonċernati kif ukoll l-ambjent;

12.  Ifakkar li fejn reġjuni industrijalizzati qodma ppruvaw jesploraw opportunitajiet ġodda għal żvilupp reġjonali, l-aktar li kellhom suċċess kien fejn ibbażaw dawn l-istrateġiji fuq il-karatteristiċi tagħhom ta’ qabel, ir-riżorsi territorjali tagħhom, il-patrimonju industrijali tagħhom u l-esperjenzi u l-kapaċitajiet tagħhom;

13.  Jinnota li ż-żoni urbani għandhom rwol importanti f'termini ta' innovazzjoni u tkabbir sostenibbli, u li l-isforzi ta’ rikonverżjoni ma jistgħux jirnexxu mingħajr biżżejjed investiment suffiċjenti f’dan il-qasam, peress li mingħajr azzjoni dwar il-bini u t-trasport fil-belt l-għanijiet tal-UE ma jintlaħqux;

14.  Huwa tal-opinjoni li t-tnaqqis f’bosta mir-reġjuni industrijalizzati qodma huwa parzjalment minħabba d-dipendenza fuq il-monostrutturi; jemmen li l-fatt li tibbaża ekonomija fuq monostrutturi biss huwa kontro-produttiv u li ekonomija diversifikata hija ta' importanza kbira bħala bażi għal tkabbir sostenibbli u ħolqien tax-xogħol;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa kunċetti u strumenti politiċi li jgħaqqdu il-Fondi ta' Koeżjoni u l-Fondi Strutturali ma' approċċi politiki industrijali, sabiex issostni t-trasformazzjoni strutturali minn reġjuni industrijalizzati qodma għal reġjuni industrijali moderni;

16.  Jemmen li l-istrateġiji reġjonali industrijali għandhom ikunu bbażati fuq approċċ integrat, li jinkludi komponent dwar l-impjiegi, it-taħriġ u l-edukazzjoni, immirat lejn il-promozzjoni tas-setturi ta' tkabbir li kapaċi joħolqu impjiegi lokali u reġjonali, specjalment għaż-żgħażagħ, eż. fl-SMEs innovattivi, bħala parti mill-programm għall-kompetittività tal-intrapriżi u l-SMEs (COSME); jenfasizza r-rwol speċjali li għandhom il-bliet fl-istrateġiji ta’ żvilupp reġjonali għaż-żoni industrijali; jemmen, f'dan il-qafas, li l-bliet huma ċentrali għall-kisba ta’ tkabbir għaqli; għaldaqstant, jenfasizza l-fatt li, b’mod partikolari, il-bliet b’bażi industrijalizzata qadima joffru potenzjal enormi, li l-UE għandha tesplora b'mod sħiħ; jistieden lill-Kummissjoni tidħol fi djalogu aktar mill-qrib mal-bliet ikkonċernati bl-għan li tkabbar il-profil tal-bliet bħala sħab diretti tal-UE;

17.  Jenfasizza li l-appoġġ għar-rinnovazzjoni tal-bini effiċjenti fl-użu tal-enerġija, b'mod partikolari, jgħin lir-reġjuni jnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju, joħloq impjiegi lokali u jiffranka l-flus tal-konsumaturi fuq il-kontijiet tat-tisħin;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkapitalizza fuq is-sinerġiji bejn il-politiki ta' koeżjoni u dawk industrijali sabiex issostni l-kompetittività u t-tkabbir u tgħin lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-bliet isibu bażi għal strateġiji ta' żvilupp industrijali mmexxijin mir-reġjun;

19.  Jemmen li ma jeżisti l-ebda pjan ta’ azzjoni speċifiku għal strateġiji reġjonali għal żoni industrijali għall-UE kollha, u li approċċ lokali u reġjonali huwa l-aktar mezz xieraq għall-iżvilupp ta’ strateġiji reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa riċerka ekonomika reġjonali fil-kuntest tal-inizjattiva Orizzont 2020, li tippermetti l-iżvilupp ta' strateġiji mfassla skont ir-reġjun għal reġjuni industrijalizzati qodma oħrajn;

20.  Jenfasizza l-fatt li l-karatteristiċi tar-reġjuni għandhom jiġu kkunsidrati fl-ippjanar ta’ strateġiji ta’ żvilupp reġjonali; f’dan il-kuntest, u wara li kkunsidra l-mudell ta’ strateġiji ta’ żvilupp rurali minn isfel għal fuq (LEADER) għal żoni rurali, iqis li għandhom jitħeġġu l-inizjattivi minn isfel għal fuq għal żvilupp lokali fiż-żoni urbani;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-esperjenzi preċedenti ta' żoni urbani bħal Manchester fir-Renju Unit, Lille fi Franza, Essen u l-inħawi ta' Ruhr fil-Ġermanja u Bilbao fi Spanja, fejn l-finanzjament tal-UE kkontribwixxa għar-rikonverżjoni u r-ristrutturar tar-reġjuni industrijalizzati qodma, sabiex tiżviluppa strateġiji futuri għal reġjuni oħrajn fl-EU;

22.  Jilqa’ l-benefiċċji li huma riżultat tal-għoti tal-istatus ta' Kapitali Ewropea tal-Kultura, bħall-eżempju ta' Glasgow, Lille, u bliet u agglomerazzjonijiet urbani oħrajn li qabel l-industrija tagħhom kienet sejra lura, u jenfasizza li l-attivitajiet kulturali u dawk kreattivi huma katalisti ewlenin tar-riġenerazzjoni urbana u l-attrazzjoni reġjonali;

23.  Jenfasizza li r-riġenerazzjoni sostenibbli tar-reġjuni industrijalizzati qodma tieħu għexieren ta’ snin u tiswa ħafna flus, ħafna drabi taqbeż il-kapaċitajiet amministrattivi u finanzjarji ta’ entitajiet pubbliċi fil-post; jenfasizza f’dan ir-rigward il-ħtieġa li tiġi żviluppata assistenza teknika għall-awtoritajiet u l-entitajiet pubbliċi reġjonali u lokali;

24.  Jenfasizza l-fatt li l-istrument il-ġdid għal 'Investiment Territorjali Integrat' propost fl-Artikolu 99 tal-abozz tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-perjodu l-ġdid ta' finanzjament 2014-2020 jista' joffri opportunità għall-iżvilupp ta' strateġiji reġjonali lil hinn mill-fruntieri amministrattivi;

25.  Jistieden lill-Istati Membri jevitaw regoli kumplessi żżejjed għall-benefiċjarji; itenni li fejn jeżistu r-regoli tal-UE, ir-regoli lokali jistgħu jiġu eliminati, sabiex jiġu evitati regoli duplikati u konfliġġenti;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi bażi ta’ data tal-parks industrijali u ż-żoni ta’ attività reġjonali eżistenti, sabiex tidentifika l-aqwa mudelli li jistgħu jiġu applikati wkoll f’reġjuni oħra u tfassalhom skont l-istrateġiji ta’ żvilupp lokali u reġjonali fit-tul u biex tipprovdi gwida dwar kif għandhom jintużaw il-fondi għall-għajnuna fil-proċess ta’ rikonverżjoni;

27.  Hu tal-opinjoni li hemm bżonn ta’ aktar appoġġ għall-iżvilupp tal-ispirtu imprenditorjali fost iż-żgħażagħ, permezz tal-aċċess għall-fondi Ewropej u għall-pariri kummerċjali;

28.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li r-reġjuni industrijalizzati qodma jkunu jistgħu jibbenefikaw bi sħiħ mill-fondi nazzjonali u Ewropej, sabiex l-UE tkun tista' tagħti bidu għal 'rivoluzzjoni industrijali ġdida';

29.  Jenfasizza l-ħtieġa għal konċentrazzjoni ulterjuri tas-sostenn tal-politika ta’ koeżjoni fuq ir-rikonverżjoni industrijali fir-reġjuni, fl-oqsma li ġejjin: l-innovazzjoni tan-negozju u l-investiment, l-inklużjoni soċjali, l-approċċi integrati għall-iżvilupp urban, u r-riġenerazzjoni urbana;

30.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw ir-reġjuni tagħhom billi jipparteċipaw fl-approċċ ta' 'speċjalizzazzjoni intelliġenti'; itenni li r-reġjuni jeħtieġu strateġiji ta' żvilupp sostenibbli mfassla apposta sabiex ikunu ta' suċċess; jinnota li f'bosta każijiet l-entitajiet pubbliċi lokali ma jistgħux jiksbu l-għarfien u l-esperjenza neċessarji mingħajr appoġġ min-naħa tal-Kummissjoni u l-Istati Membri;

31.  Hu tal-opinjoni li huwa meħtieġ li jinħolqu żoni industrijali li jagħtu spinta lill-iżvilupp tal-bliet; isostni li għandha tingħata aktar importanza lill-attivitajiet ta' riċerka, l-innovazzjoni u t-tagħlim, filwaqt li jfakkar ir-rwol kreattiv tal-universitajiet f'dan ir-rigward; jappoġġa l-ħolqien ta' netwerks ta’ Innovazzjoni, kompetittività u intraprenditorija fil-livell reġjonali, bl-għan li tkun promossa rabta akbar bejn l-universitajiet, in-negozji u ċ-ċentri ta' għarfien, b'hekk jitrawwmu attivitajiet industrijali ġodda biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni settorjali u jippromwovu l-ħolqien ta' raggruppament industrijali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati jinsistu għal aktar trasparenza fl-allokazzjoni tal-mezzi għall-partijiet interessati rilevanti;

32.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 104.
(2) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 120.
(3) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 41.
(4) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 57.
(5) ĠU C 371 E, 20.12.2011, p. 39.
(6) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 131.
(7) ĠU C 21, 21.1.2011, p.1.


Is-sikurezza tal-attivitajiet tal-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt u tal-gass offshore ***I
PDF 288kWORD 39k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-attivitajiet tal-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt u tal-gass offshore (COM(2011)0688 – C7-0392/2011 – 2011/0309(COD))
P7_TA(2013)0200A7-0121/2013

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2011)0688),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0392/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-22 ta’ Frar 2012(1),

–  wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-6 ta' Marzu 2013, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0121/2013),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-proposta lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-21 ta’ Mejju 2013 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva 2013/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE

P7_TC1-COD(2011)0309


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att finali, d-Direttiva Nru 2013/30/UE.)

(1) ĠU C 143, 22.5.2012, p. 107.


Sfidi u opportunitajiet attwali għall-enerġija rinnovabbli fis-suq intern Ewropew tal-enerġija
PDF 379kWORD 46k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar sfidi u opportunitajiet attwali għall-enerġija rinnovabbli fis-suq intern Ewropew tal-enerġija (2012/2259(INI))
P7_TA(2013)0201A7-0135/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunisdra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “L-Enerġija Rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija” u d-dokumenti ta’ ħidma relatati (COM(2012)0271),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 194(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050” (COM(2011)0885),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE(1),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-proposta għal Direttiva  tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (SEC(2008)0057),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li [tħassar] id-Direttiva 2003/54/KE(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0135/2013),

A.  billi s-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli (SER) fit-taħlita enerġetika tal-Ewropa qed jikber fiż-żmien qasir, medju u fit-tul u billi s-SER jagħtu kontribut importanti fil-garanzija ta’ enerġija sigura, indipendenti, diversifikata u b’livell baxx ta’ emissjonijiet fl-Ewropa;

B.  billi l-potenzjal tas-SER għall-provvista tal-enerġija mal-Ewropa kollha għadu mhuwiex eżawrit;

C.  billi s-sehem dejjem jikber tas-SER fit-taħlita enerġetika tal-Ewropa jagħmilha essenzjali li l-infrastruttura eżistenti tal-grids u tal-IT tespandi;

D.  billi d-diversifikazzjoni tat-taħlita enerġetika tagħna tiddependi fuq firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli (l-enerġija idroelettrika, ġeotermali, solari, tal-baħar, tar-riħ, pompi tas-sħana, bijomassa, bijokarburanti) li joffru servizzi differenti fil-forma ta’ elettriku, soluzzjonijiet ta’ tisħin u tkessiħ kif ukoll ta’ trasport;

E.  billi l-politika tal-enerġija jeħtiġilha, f’kull waqt, tirrifletti bilanċ bejn il-miri tas-sigurtà tal-provvista, tal-kompetittività u tal-vijabbiltà kummerċjali u ambjentali;

F.  billi l-UE bħalissa tiddependi fuq l-importazzjoni tal-enerġija għal aktar minn nofs il-konsum finali tal-enerġija tagħha;

G.  billi wieħed mill-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni – fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, bħala parti mill-ħolqien tas-suq uniku u bi qbil mal-ħtieġa tal-preservazzjoni u tat-titjib tal-ambjent – huwa li tippromwovi l-iżvilupp ta’ sorsi rinnovabbli tal-enerġija ġodda u eżistenti;

H.  billi l-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija sal-2014 għandu jiffaċilita l-preżenza fis-suq ta’ parteċipanti ġodda u aktar numerużi, inkluż minn għadd dejjem jikber ta’ SMEs li qed jipproduċu l-enerġija rinnovabbli;

I.  billi l-liberalizzazzjoni u l-kompetizzjoni kellhom rwol ċentrali fit-traħħis tal-prezzijiet tal-enerġija għall-konsumaturi kollha tal-UE;

J.  billi, skont it-termini tat-Trattati tal-UE, id-dritt ta’ Stat Membru li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi tal-enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn sorsi differenti tal-enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu hija kompetenza tal-Istati Membri, minkejja li, madankollu, kooperazzjoni u komunikazzjoni mtejba huma essenzjali; billi l-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 tal-Kummissjoni jikkonkludi li kwalunkwe xenarju tas-sistema tal-enerġija tal-Ewropa jirrikjedi sehem sostanzjalment ogħla ta’ enerġija rinnovabbli;

K.  billi, skont stimi, l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha li sal-2020 tieħu 20 % tat-taħlita enerġetika tagħha mis-SER;

L.  billi l-produzzjoni tal-enerġija mis-SER f’dawn l-aħħar snin għamlet avvanzi teknoloġiċi, u billi l-Ewropa għandha rwol ewlieni f’dan il-qasam fid-dinja;

M.  billi l-kriżi ekonomika u tad-dejn fl-Ewropa għadha ma ngħelbitx u billi jeħtiġilna nħabbtu wiċċna ma’ sfidi maġġuri f’dak li jirrigwarda l-finanzi pubbliċi u l-kunfidenza tal-investituri; billi l-kriżi għandha tintuża bħala opportunità biex isiru l-investimenti neċessarji f’teknoloġiji nodfa sabiex jiġġeneraw l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku;

N.  billi, fis-swieq liberalizzati tal-enerġija tal-Ewropa, it-tkabbir tal-enerġija rinnovabbli jiddependi mill-investiment mis-settur privat, investiment min-naħa tiegħu jserraħ fuq l-istabbiltà tal-politika tal-enerġija rinnovabbli;

O.  billi l-investituri jeħtieġu ċ-ċertezza u l-kontinwità għall-investimenti tagħhom lil hinn mill-2020;

P.   billi jeħtieġ li l-konsum tal-enerġija jitnaqqas u li tiżdied l-effiċjenza tal-produzzjoni, tat-trażmissjoni u tal-użu tal-enerġija;

Q.  billi teknoloġiji rinnovabbli tat-tisħin u t-tkessiħ għandhom rwol ewlieni fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija;

R.  billi l-Pjan Direzzjonali tal-Enerġija jirrikonoxxi li l-gass se jkun kritiku fit-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija, billi jipprovdi kemm karga varjabbli kif ukoll karga bażi b’appoġġ għall-enerġija rinnovabbli;

S.  billi l-Kummissjoni Ewropea kkalkolat li kummerċ ottimu fl-enerġiji rinnovabbli jista’ jiffranka sa EUR 8 biljun fis-sena;

T.  billi strumenti legali eżistenti dwar il-ġestjoni tal-foresti stabbilixxew qafas suffiċjenti biex jipprovdu l-prova ta’ sostenibbiltà tal-bijomassa tal-foresti prodotta ġewwa l-Unjoni Ewropea;

Għall-vijabbiltà tal-enerġija rinnovabbli

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li s-SER, flimkien ma’ miżuri ta’ effiċjenza tal-enerġija u infrastruttura flessibbli u intelliġenti, huma l-għażliet “bla rimors’ identifikati mill-Kummissjoni, u li fil-futur is-SER se jirrappreżentaw sehem dejjem jikber fil-provvista tal-enerġija fl-Ewropa għall-elettriku, għat-tisħin (li jikkostitwixxi kważi nofs id-domanda totali għall-enerġija fl-UE) u t-tkessiħ u għas-settur tat-trasport, u li sejrin inaqqsu d-dipendenza tal-Ewropa fuq l-enerġija konvenzjonali; iżid li għandhom jiġu stabbiliti miri u stadji intermedji importanti għall-perjodu sal-2050 biex ikun żgurat li s-SER ikollhom futur kredibbli fl-UE; ifakkar li x-xenarji kolha li l-Kummissjoni ppreżentat fil-Pjan Direzzjonali tal-Enerġija 2050 jassumu li fl-2030 is-sehem tas-SER fit-taħlita enerġetika tal-UE jkun tal-anqas 30 %; jissuġġerixxi, għaldaqstant, li l-UE għandha tagħmel ħilitha biex tilħaq sehem saħansitra ogħla u jitlob lill-Kummissjoni mira mandatorja tas-SER madwar l-UE kollha għall-2030, filwaqt li jitqiesu l-effetti b’interazzjoni reċiproka ma’ miri oħra potenzjali dwar il-klima u l-enerġija, b’mod parikolari ma’ mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, kif ukoll l-impatt fuq il-kompetittività tal-industriji tal-UE, inklużi s-setturi industrijali tas-SER;

2.  Jenfasizza li l-enerġiji rinovabbli mhux biss jikkontribwixxu biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima u jqawwu l-indipendenza enerġetika tal-Ewropa, iżda joffru wkoll benefiċċji ulterjuri sinifikanti permezz tat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, tal-ġenerazzjoni tal-iskart u tal-użu tal-ilma, kif ukoll ta' riskji ulterjuri inerenti għal forom oħrajn ta' ġenerazzjoni tal-enerġija;

3.  Jenfasizza li provvista tal-enerġija sikura, sigura, ekonomika u ambjentalment sostenibbli hija indispensabbli għall-kompetittività tal-industrija u tal-ekonomija Ewropea; jenfasizza li se jkun jeħtieġ li madwar nofs l-impjanti tal-enerġija fl-UE jiġu sostitwiti fid-deċennju li ġej u li s-sistema tal-provista tal-enerġija jeħtieġ li tiġi mmodernizzata u ssir aktar flessibbli biex takkomoda s-sehem tas-SER, li mistenni jikber; jissottolinja li s-sehem tas-SER fl-elettriku, it-tisħin, it-tkessiħ u t-trasport jeħtieġ li jikber b’mod li jkun kosteffikaċi u li jqis il-benefiċċji u l-kostijiet sħaħ tas-SER, inklużi l-kostijiet tas-sistema, filwaqt li jissalvagwardja s-sigurtà tal-provvista; jirrikonoxxi li l-kompetittività tat-teknoloġiji tas-SER qed tiżdied u jenfasizza li s-SER u l-industriji relatati ma’ teknoloġiji nodfa huma muturi importanti għat-tkattir tal-kompetittività tal-Ewropa, jirrappreżentaw potenzjal enormi għall-ħolqien tal-impjiegi u jagħtu kontribut importanti għall-iżvilupp ta’ industriji u swieq tal-esportazzjoni ġodda;

4.  Jinnota li l-iżvilupp aktar intensiv tas-SER fl-Istati Membri aktarx li jwassal għal aktar użu tal-bijomassa, li se jirrikjedi t-tfassil ta’ kriterji dettaljati ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa gassuża u solida;

5.  Jirrimarka li, fis-settur tas-SER, il-kontribuzzjoni kurrenti u prevista tal-bijomassa u ta’ riżorsi oħra kontrollabbli tal-enerġija għandhom isiru aktar viżibbli għal partijiet interessati sabiex jitrawwem proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ġust u bbilanċjat;

6.  Jistieden lill-UE biex tiggarantixxi li l-promozzjoni ta’ riżorsi rinnovabbli fil-produzzjoni u l-użu tal-enerġija ma tipperikolax is-sigurtà tal-ikel, il-produzzjoni sostenibbli u ta’ kwalità għolja tal-ikel jew il-kompetittività tal-agrikoltura;

7.  Jinnota li għadd ta’ elementi tas-sistema tal-ikel huma vulnerabbli għal kostijiet ogħla tal-enerġija u li dan jista' jkollu effetti negattivi għall-produtturi u l-konsumaturi;

8.  Jirrikonoxxi li l-potenzjal għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju b’aktar użu tal-bijometan fil-vetturi għal distanzi qosra u fit-tul, b’mod partikolari f’vetturi ta’ strapazz, u l-użu tal-elettriku f’vetturi għal distanzi qosra fil-bliet, huwa sinifikanti;

9.  Huwa konvint li l-irkupru ta’ skart jippreżenta opportunità għal iktar żvilupp tas-SER u għall-ilħiq tal-miri ta’ pjan tal-enerġija Ewropew;

10.  Jinnota li xi sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bħall-enerġija ġeotermali, jistgħu jipprovdu s-sħana u l-enerġija elettrika lokalment u b’mod kontinwu; huwa tal-opinjoni li dawk is-sorsi lokali ta’ enerġija jqawwu l-indipendenza tal-enerġija, inkluż għal komunitajiet iżolati;

11.  Jenfasizza li l-enerġija mill-ilma, fil-forom kollha tagħha, tgħin biex jintlaħaq l-objettiv ta’ provvista ta’ enerġija rinnovabbli fil-ġejjieni, u minbarra li tiġġenera l-enerġija, taqdi għadd ta’ finijiet siewja oħra, fosthom il-prevenzjoni tal-għargħar, u tikkontribwixxi għall-iżgurar ta’ provvista sikura ta’ ilma tax-xorb; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikattru l-għarfien pubbliku dwar il-benefiċċji diversi tal-enerġija mill-ilma;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu aktar attenzjoni lill-potenzjal mhux sfruttat tas-SER fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, kif ukoll lill-interdipendenzi bejn, minn naħa waħda, aktar użu tal-enerġiji rinnovabbli u l-opportunitajiet li jiriżultaw minnu, u min-naħa l-oħra l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-Effiċjenza Enerġetika u l-Binjiet;

13.  Jiġbed l-attenzjoni għall-iffarnkar potenzjali li jista’ jsir jekk fl-iżvilupp tas-SER titqies il-mogħdija tax-xemx miż-żoni tal-ħin differenti tal-Ewropa;

14.  Jirrimarka li l-Istati Membri, fi ħdan il-qafas provdut bid-Direttiva 2009/28/KE dwar l-Enerġija Rinnovabbli, attwalment qed jaġixxu indipendentement fil-promozzjoni tas-SER f’oqfsa amministrattivi nazzjonali diverġenti ħafna minn xulxin, u li dan il-fatt qiegħed ikompli jaggrava n-nuqqas ta’ uniformità fl-iżvilupp tagħhom, filwaqt li l-potenzjal għall-iżvilupp tas-sorsi rinnovabbli jvarja minħabba ċirkustanzi tekniċi, mhux tekniċi u naturali, ladarba hemm vantaġġi kompetittivi reġjonali differenti; jirrimarka li suq intern li jiffunzjona sewwa jista’ jikkontribwixxi biex ipatti għall-varjabbiltà tas-SER u għad-distribuzzjoni mhux uniformi ta’ riżorsi naturali; jemmen li l-parti l-kbira taż-żoni jistgħu jikkontribwixxu għall-introduzzjoni wiesgħa tas-SER; jinnota, madankollu, l-ħtieġa li l-investiment fis-SER jiġi inċentivat fejn dawn ikollhom l-akbar potenzjal, biex ikun żgurat użu effiċjenti ta’ finanzjament pubbliku;

15.  Jinnota li hemm livelli differenti ta’ aċċettazzjoni pubblika u politika rigward l-enerġija rinnovabbli, bħal ma hemm għall-parti l-kbira tat-tipi l-oħra ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija u ta’ infrastrutturi; jinnota li d-disponibbiltà ta’ finanzjament pubbliku u privati għall-promozzjoni tas-SER tvarja bil-kbir; jenfasizza li aċċess għall-kapital ta’ investiment huwa fattur kruċjali fl-introduzzjoni wiesgħa ulterjuri tal-enerġija rinnovabbli, speċjalment fid-dawl tal-kriżi finanzjarja, li wasslet għal ħafna frammentazzjoni tal-kapital għall-ivestituri; jemmen li fejn hemm imperfezzjonijiet tas-suq jew fejn produtturi jiffaċċjaw opportunitajiet limitati biex jiksbu finanzjament ibbażat fis-suq għandu jiġi ffaċilitat l-aċċess għal aktar kapitali għas-SER; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni, mal-Bank Ewropew tal-Investiment u ma’ istituzzjonijiet nazzjonali, tesplora possibbiltajiet għal strumenti finanzjarji innovattivi għall-finanzjament ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li s-swieq tal-karbonju għandhom jagħtu sehemhom biex jinċentivaw l-investimenti fi proġetti tas-SER;

16.  Jinnota li, sal-lum, xi sorsi rinnovabbli huma ekonomikament kompetittivi fis-suq tal-enerġija, filwaqt li teknoloġiji oħra qed inaqqsu d-distakk mal-prezzijiet tas-suq; jaqbel mal-Kummissjoni li jeħtieġ li kull mezz li jkun f’loku u finanzjarjament sostenibbli jintuża biex ibaxxi l-kostijiet ħalli il-kompetittività ekonomika tas-SER tkompli tittejjeb;

17.  Jemmen li jeħtieġ li jitneħħew gradwalment sussidji li jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni u wkoll dawk li jappoġġjaw karburanti fossili li jikkawżaw ħsara ambjentali;

L-enerġija rinnovabbli fis-suq intern Ewropew tal-enerġija

18.  Jinnota li s-suq intern tal-gass u l-elettriku għandu jiġi kkompletat sal-2014 u se jkun kruċjali għall-integrazzjoni tas-SER u jservi bħala mezz kosteffikaċi ta’ bbilanċjar tal-produzzjoni varjabbli tal-elettriku; jilqa’ r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar rigward l-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija u l-implimentazzjoni tat-tielet pakkett; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża l-istrumenti kollha disponibbli, inkluż it-tressiq ta’ Stati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex kemm jista’ jkun tħaffef l-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija; jitlob li l-Kummissjoni tittratta konċentrazzjoni tas-suq barra minn lokha fejn din ittellef il-kompetizzjoni; jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu bl-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ interkonnessjonijiet, kif ukoll l-eliminazzjoni ta’ gżejjer u mgħalaq tal-enerġija;

19.  Jinnota li, minħabba disparitajiet bejn karatteristiċi tas-swieq nazzjonali, potenzjali differenti u stadji differenti ta’ xejriet u ta’ maturità tat-teknoloġija, attwalment hemm varjetà kbira ta’ skemi differenti għall-promozzjoni tas-SER fi ħdan l-Unjoni; jenfasizza li din il-varjetà tkompli tiggrava l-problemi għas-suq intern tal-enerġija, pereżempju billi toħloq ineffiċjenzi fin-negozju transkonfinali tal-elettriku; jilqa' gwida mill-Kummissjoni dwar riforma ta’ skemi ta’ appoġġ;

20.  Jirrimarka li dawk li sejrin igawdu l-aktar meta s-suq intern tal-enerġija jiġi kkompletat se jkunu l-konsumaturi; jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-kompetizzjoni jeħtiġilha testendi wkoll biex tkopri s-sorsi rinnovabbli, meta jsiru maturi u ekonomikament vijabbli, kif ukoll is-sorsi kollha l-oħra tal-enerġija, għaliex hija l-aqwa stimolu għall-progress fl-innovazzjoni u għat-traħħis tal-prezzijiet, u b’hekk tipprevjeni twessigħ tal-faqar enerġetiku; jissottolinja li l-persistenza ta’ prezzijiet regolati fil-livell tal-bejgħ bl-imnut tippreġudika l-kapaċità tal-konsumaturi li jeżerċitaw għażliethom bis-sħiħ;

21.  Jinnota li, sal-lum, ftit intużaw il-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni introdotti bid-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, iżda li għadd ta’ skemi ta’ kooperazzjoni qed jiġu ppjanati; jirrimarka li l-Kummissjoni rriżultalha li utilizzazzjoni aħjar tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni eżistenti tista’ tħalli benefiċċji konsiderevoli, pereżempju billi tagħti spinta lill-kummerċ; jilqa’ l-intenzjoni dikjarata tal-Kummissjoni li tfassal linji gwida dwar il-kooperazzjoni fi ħdan l-UE li juru kif il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni għandhom jaħdmu fil-prattika u jesponu l-isfidi involuti flimkien mal-modi kif dawn jingħelbu; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw il-linji gwida tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar is-SER (2009/28/KE) ħalli tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva b’mod korrett u ma tħallix li awtoritajiet pubbliċi jużaw proċeduri ta’ ċertifikazzjoni u liċenzjar b’mod li jfixkel il-kompetizzjoni; jistieden lill-Istati Membri biex sussegwentement jagħmlu użu aħjar mill-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni, fejn dan ikun f’loku, u jżidu wkoll il-komunikazzjoni bejniethom;

22.  Jilqa’ l-fatt li tjiebu l-metodi ta’ tbassir li jippermettu li l-kapaċità tar-riħ tkun disponibbli fis-swieq għal negozju fl-istess jum, b’tali mod li tista’ ssir integrazzjoni aħjar tal-elettriku minn SER varjabbli; bl-istess mod jilqa’ l-kodiċijiet ġodda tan-netwerk rikjesti mit-tielet pakkett tas-suq intern tal-enerġija li bħalissa qed jiġu żviluppati mill-atturi relevanti u li jwasslu għal frekwenza stabilizzata, u b’hekk jikkontribwixxu wkoll għal integrazzjoni aħjar tal-elettriku prodott mis-SER;

23.  Jenfasizza li jeħtieġ li arranġamenti adegwati tas-suq jiffaċilitaw l-integrazzjoni progressiva tas-SER, bla dewmien, fis-sistema tal-enerġija u fis-suq intern tal-enerġija Ewropew fl-Istati Membri kollha, u li fit-tul it-tipi differenti ta’ SER, skont il-karatteristiċi u l-kapaċitajiet intrinsiċi tagħhom, jeħtieġ li jaqdu funzjonijiet u kompiti fi ħdan is-sistema li dari kienu jaqduhom sorsi tal-enerġija konvenzjonali; jenfasizza li fl-UE hemm eżempji promettenti ta’ swieq bħal dawn; jitlob, f’dak ir-rigward, li fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni jitqiesu aktar l-effetti sekondarji pożittivi u negattivi u diretti u indiretti tas-SER, partikolarment fir-rigward tal-infrastruttura eżistenti, bħas-sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni, kif ukoll fir-rigward tal-ambjent, il-bijodiversità u l-konservazzjoni tan-natura; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkattru l-għarfien pubbliku dwar l-effetti potenzjali tat-teknoloġiji diversi tas-SER;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra, abbażi ta’ analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji, l-effetti li se jkollha fuq l-iżvilupp tas-SER il-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti, bħal pereżempju d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jew id-Direttiva dwar l-Għasafar;

Rekwiżiti infrastrutturali

25.  Jinnota li, f’ċerti każijiet, sorsi rinnovabbli li jinjettaw l-enerġija fil-grid huma deċentralizzati, imbiegħda, dipendenti fuq it-temp u varjabbli, u b’hekk jeħtieġu infrastruttura differenti minn dik eżistenti, li ġiet żviluppata esklussivament għall-enerġija konvenzjonali; jenfasizza li din il-modernizzazzjoni tal-grid tal-enerġija jeħtiġilha takkomoda t-tibdiliet fit-teknoloġiji ta’produzzjoni, trażmissjoni, distribuzzjoni u bbilanċjar bħala parti mis-sistema kumplessiva tal-enerġija; jissottolinja li xi sorsi tal-enerġija rinnovabbli jistgħu wkoll jibbilanċjaw sorsi tal-enerġija varjabbli u b’hekk itaffu l-ħtieġa għal infrastruttura addizzjonali tal-grid; jenfasizza li l-iżvilupp tal-infrastruttura huwa urġenti u kritiku għas-suċċess tas-suq uniku u għall-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli; jinnota li l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-infrastruttura tal-enerġija hija kruċjali f’dan ir-rigward, b’mod partikolari biex jitħaffef il-bini ta’ infrastruttura ġdida b’impatt transkonfinali; jenfasizza li l-proċeduri ta’ approvazzjoni għal proġetti ta’ infrastruttura tal-enerġija jeħtieġ li jitħaffu;

26.  Jirrimarka li hemm ħafna siti tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli li mhumiex qed jintużaw sal-kapaċità li għaliha huma intiżi, peress li l-grid ma tistax tirċievi l-enerġija ġġenerata b’dan il-mod;

27.  Jinnota li, biex is-sigurtà tal-provvista tkun garantita, l-iżvilupp ta’ SER b’kontibuzzjonijiet varjabbli se jirrikjedi bbilanċjar flessibbli tal-varjazzjonijiet kif ukoll appoġġ flessibbli permezz ta' grid Ewropea integrata u interkonnessa li tippermetti n-negozju transkonfinali, sistemi ta’ reazzjoni għad-domanda, ħżin tal-enerġija u impjanti tal-enerġija flessibbli; jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa jekk hemmx kwistjoni ta’ kapaċità fl-UE u tiddetermina l-ammont ta’ kapaċità kostanti li tista’ tiġi pprovduta minn SER varjabbli f’sistema tal-enerġija integrata tal-UE, kif ukoll l-impatt potenzjali tagħha fuq l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni; jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni li l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ kapaċità ta’ riserva jġib miegħu kostijiet sostanzjali u jista’ jikkawża tagħwiġ tas-sinjali ta’ prezz; jinnota li hemm ħtieġa dejjem akbar għal qafas politiku stabbli li jipprovdi garanziji ekonomiċi rigward id-disponibbiltà ta’ dawn ir-reservi kif ukoll għal servizzi sistemiċi u ta’ bbilanċjar; jirrifjuta l-kunċett ta’ kompetizzjoni għas-sussidji bejn is-sorsi tal-enerġija u jappella li jitfassal disinn ta’ suq tal-enerġija maħsub apposta għall-objettivi fit-tul tal-politika tal-Unjoni dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima u li jippermetti li t-teknoloġiji tas-SER jiġu integrati fis-suq intern tal-enerġija, iżda jirrikonoxxi li l-għajnuna mill-istat fl-imgħoddi kienet meħtieġa fl-iżvilupp tas-sorsi kollha tal-enerġija;

28.  Jenfasizza l-importanza ta’ supergrid u tal-grid lil hinn mill-kosta tal-Baħar tat-Tramuntana għall-introduzzjoni wiesgħa u kosteffikaċi tal-enerġija rinnovabbli; jissottolinja f’dan ir-rigward l-importanza tal-Inizjattiva ta’ Grid lil hinn mill-Kosta tal-Pajjiżi tal-Baħar tat-Tramuntana (NSCOGI), fi żmien meta tħabbru aktar minn 140 GW ta’ proġetti ta’ enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jagħtu spinta addizzjonali lill-NSCOGI;

29.  Ifakkar li l-investiment fis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli jirrappreżenta aktar min-nofs l-investimenti kollha f’kapaċità ġdida ta’ ġenerazzjoni matul l-aħħar għaxar snin u se jkompli jikber; jenfasizza li l-allokazzjoni għas-SER ta’ sehem kbir fit-taħlita enerġetika tqajjem sfidi maġġuri għall-infrastruttura eżistenti tan-netwerk, u li jeħtieġ li jsir investiment biex dawn l-isfidi jingħelbu; jinnota li, f’xi Stati Membri fejn aktar injezzjoni mis-SER ma mxietx id f’id ma’ żvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija, din l-injezzjoni mkabbra tikkostitwixxi sfida għas-sigurtà tal-provvista; jenfasizza li, skont l-ENTSO-E, proporzjoni sinifikanti tal-mgħalaq kollha fil-grids tal-enerġija Ewropej torbot ma’ injezzjonijiet mis-SER; jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati approċċi ġodda biex jegħlbu mgħalaq fil-grids ta’ distribuzzjoni, approċċi li mhux dejjem jinvolvu estensjoni u tisħiħ tal-grid; huwa fiduċjuż li l-benefiċċji ta’ titjib tal-grid Ewropew, ikkawżat ukoll mis-suq uniku tal-elettriku, jistgħu jpattu għall-kostijiet tiegħu billi joffru operat wisq aktar effiċjenti ta-sistema tal-enerġija tal-UE; jistieden lill-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni biex jaġġornaw il-politiki tagħhom ta’ żvilupp tal-grid ħalli jlaħħqu mal-integrazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-SER filwaqt li jżommu s-sigurtà tal-provvista, u biex itejbu l-kooperazzjoni ma’ operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni;

30.  Jinnota li ħafna mill-postijiet l-aktar adatti u kompetittivi għas-SER fl-UE huma mbiegħda sewwa miċ-ċentri tal-konsum tal-enerġija, b’tali mod li l-użu ottimu ta’ dawn il-postijiet jista’ jsir biss bl-iżvilupp tas-sistemi u ta’ distribuzzjoni u bit-tisħiħ ta’ interkonnessjonijiet transkonfinali; jinnota wkoll il-vantaġġi ta’ provvista deċentralizzata ta’ enerġija rinnovabbli qrib iċ-ċentri ta’ konsum; jissottolinja li dan jista’ jwassal għal traħħis tal-ispejjeż, inaqqas il-ħtieġa għal estensjoni tal-grid u jevita l-konġestjoni meta tkun implimentata infrsatruttura adegwata; jirrimarka li l-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iżvilupp ta’ għodod adegwati ta’ mmudellar biex tiddefinixxi t-taħlita ottima bejn impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija mbiegħda u fuq skala kbira u installazzjonijiet fil-livell ta’ distribuzzjoni; jenfasizza l-potenzjal ta’ approċċ integrat għas-sistema tal-enerġija li jinvolvi domanda u l-provvista sew tas-sħana u sew tal-elettriku; jinnota wkoll il-potenzjal ta’ produzzjoni lokali tas-SER bħall-mikroġenerazzjoni jew kooperattivi taċ-ċittadini li jinvestu flimkien fil-produzzjoni u l-forniment tal-enerġija rinnovabbli, bħat-tisħin ġeotermali u l-enerġija mix-xemx, kif issemmi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni;

31.  Jinnota li insuffiċjenza ta’ kapaċità tan-netwerk u ta’ faċilitajiet ta’ ħżin, flimkien ma’ nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni, jistgħu jkabbru l-flussi transkonfinali mhux koordinati tal-enerġija (flussi ċirkulari) u jistgħu jikkawżaw emerġenzi gravi fi Stati Membri oħra, u b’hekk it-tnaqqis tal-karga jagħmluh dejjem aktar ta’ ħtieġa għall-finijiet tas-sigurtà tal-provvista, jekk l-iżvilupp tas-SER ma jsirx id-f’id mal-ottimizzazzjoni meħtieġa (eż. monitoraġġ tat-temperatura tal-linja) u mal-iżvilupp tal-grid f’dawk l-Istati Membri; huwa mħasseb dwar il-qagħda tal-iżvilupp u tal-manutenzjoni tal-infrastruttura tal-grid fl-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri biex jimxu “l quddiem bl-akbar ħeffa possibbli bl-iżvilupp ta’ sistemi ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni, u biex jinkoraġġixxu aktar kooperazzjoni bejn l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni;

32.  Jissottolinja l-potenzjal ta’ grids intelliġenti, għodod ta’ ġestjoni mil-lat tad-domanda u u soluzzjonijiet tal-ħżin tal-enerġija, sew biex jiffaċilitaw l-aqwa integrazzjoni possibbli tas-SER-E u sew biex iwittu l-varjazzjonijiet fil-grid; jerġa’ jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal aktar riċerka dwar il-ħżin tal-elettriku u introduzzjoni usa’ ta’ dan il-ħżin, inkluż abbażi ta’ kooperazzjoni ma’ impjanti idroelettriċi b’ħażna ppumpjata; jinnota b’mod partikolari l-ħtieġa għal aktar riċerka dwar opzjonijiet ta’ ħżin b’veloċità varjabbli, li jippermettu sistema aktar flessibbli għall-kontroll tal-veloċità tal-ħżin u b’hekk jiffaċilitaw konnessjonijiet aktar rapidi u kompatibbli; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jevitaw li jimponu piż ta’ tassazzjoni doppja fuq operaturi tal-ħżin tal-elettriku;

33.  Iqis li jeħtieġ li jinħolqu swieq transkonfinali għal servizzi tal-ibbilanċjar tal-elettriku, u li s-sistema Ewropea ta’ trażmissjoni jeħtieġ li tiġi żviluppata malajr biex tiffaċilita l-integrazzjoni transkonfinali tal-enerġija mill-ilma b’ħażna ppumpjata, partikolarment fil-pajjiżi Skandinavi, fl-Alpi u fil-Pirenej;

34.  Jenfasizza li l-enerġija mill-ilma jeħtieġ li jkolha rwol ċentrali fl-iżvilupp ippjanat tas-SER, prinċipalment biex tibbilanċja l-produzzjoni fluttwanti tal-enerġija mis-SER imma wkoll, permezz tal-ħażna ppumpjata, bħala metodu għall-ħżin tal-elettriku; jenfasizza, għalhekk, li jeħtieġ li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal ta’ żvilupp eżistenti tal-ġenerazzjoni tal-enerġija idroelettrika u tal-ħażna ppumpjata fl-UE;

35.  Jirrikonoxxi li l-infrastruttura tal-gass se jkollha rwol importanti fl-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli madwar l-Ewropa; jirrimarka li l-bijogass, bħala enerġija rinnovabbli, jista’ minn issa jiddaħħal, bħala bijometan, fl-infrastruttura eżistenti tal-grid tal-gass u li teknoloġiji ġodda bħalma huma l-produzzjoni tal-idroġenu jew tal-gass bl-elettriku (“power to hydrogen” u “power to gas”) se jkunu ta’ siwi ulterjuri għall-qafas futur ta’ ekonomija b’użu baxx tal-karbonju, billi jużaw infrastrutturi eżistenti u ġodda li għandhom jiġu promossi u żviluppati;

36.  Huwa tal-fehma li fil-ġejjieni l-ICT se jikkontribwixxi għall-ġestjoni tal-provvista u d-domanda fl-enerġija u jagħmel lill-konsumaturi aktar attivi f’dan is-suq; jitlob lill-Kummissjoni biex bla dewmien tressaq proposti, bi qbil mat-tielet pakkett tas-suq intern tal-enerġija, għall-iżvilupp, il-promozzjoni u l-istandardizzar ta’ grids u kontaturi intelliġenti tal-elettriku, minħabba li dawn sejrin jippermettu dejjem aktar l-involviment ta’ aktar parteċipanti fis-suq u jagħtu spinta lis-sinerġiji potenzjali fl-introduzzjoni wiesgħa, l-iżvilupp u l-manutenzjoni f’kull parti tan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet u tal-enerġija; jitlob lill-Kummissjoni biex tirfed partikolarment ir-riċerka u l-iżvilupp f’dan is-settur; jenfasizza fost il-fatturi importanti f’dan ir-rigward hemm mhux biss iċ-ċertezza tal-ippjanar min-naħa tal-fornituri, iżda wkoll l-aċċettazzjoni mill-konsumaturi, li għandhom ikunu l-benefiċjarji ewlenin ta’ kontaturi intelliġenti u li drittijiethom rigward il-protezzjoni tad-data jeħtieġ li jkunu żgurati bi qbil mad-direttiva l-ġdida dwar il-protezzjoni tad-data; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tevalwa bir-reqqa l-kostijiet u l-benefiċċji tal-introduzzjoni wiesgħa ta’ kontaturi intelliġenti u l-impatt tagħhom fuq gruppi differenti ta’ konsumaturi; jirrikonoxxi li l-involviment tal-konsumaturi huwa essenzjali għas-suċċess tal-introduzzjoni wiesgħa ta’ kontaturi intelliġenti;

37.  Jinnota li s-settur tal-ICT inniffsu, li huwa konsumatur kbir tal-elettriku b’ċentri tad-data fl-UE li jikkunsmaw sa 1.5 % tal-konsum totali tal-elettriku u b’ dejjem aktar kuxjenza fost il-konsumaturi dwar l-impronta tal-karbonju tal-IT u s-servizzi cloud li jużaw, jista’ jsir mudell ta’ mġiba għall-effiċjenza tal-enerġija u l-promozzjoni tas-SER;

38.  Jirrimarka li, f’xi reġjuni, speċjalment f'komunitajiet u gżejjer żgħar, l-introduzzjoni wiesgħa ta’ mtieħen tar-riħ u pannelli fotovoltajċi ntlaqgħet b’oppożizzjoni pubblika; jirrimarka li hemm il-perċezzjoni li l-imtieħen tar-riħ u l-pannelli fotovoltajċi għandhom effett ħażin fuq l-industriji tat-turiżmu kif ukoll fuq in-natura u l-forma tal-pajsaġġi tal-kampanja jew tal-gżejjer;

39.  Jenfasizza li, fejn iċ-ċittadini huma l-proprjetarji tal-produzzjoni rinnovabbli permezz ta’ kooperattivi jew ta’ mudelli ta’ sjieda komunitarja hemm aktar aċċettazzjoni soċjali, li tnaqqas iż-żmien meħud fil-fażi tal-ippjanar għall-implimentazzjoni u l-promozzjoni ta’ aktar fehim dwar it-tranżizzjoni enerġetika fost il-pubbliku

40.  Jenfasizza li l-iżvilupp ulterjuri tas-SER, u l-bini ta’ kwalunkwe faċilità ta’ ġenerazzjoni u infrastruttura tal-enerġija, sejrin ifissru tibdil tal-pajsaġġi fl-Ewropa; jinsisti li jeħtieġ li dan ma jwassalx għal ħsara ambjentali, inkluż f’siti tan-Natura 2000 u f’żoni ta’ pajsaġġi protetti; jirrimarka li l-aċċettazzjoni tal-infrastruttura tas-SER fost il-pubbliku tista’ tintrebaħ permezz ta’ ppjanar trasparenti u koordinat, kif ukoll bi proċeduri ta’ bini u liċenzjar b’konsultazzjoni obbligatorja u f’waqtha, bl-involviment tal-partijiet interessati mill-bidu nett, inkluż fil-livell lokali; jenfasizza li l-parteċipazzjoni ta’ ċittadini u partijiet interessati, bħal fil-każ ta’ kooperattivi, tista’ tgħin fil-ksib ta’ appoġġ min-naħa tal-pubbliku, u l-istess jgħodd għall-komunikazzjoni dwar il-benefiċċji potenzjali għall-ekonomiji lokali;

Il-konsumaturi jingħataw aktar setgħa

41.  Jara l-ħtieġa ta’ aktar azzjoni biex tiżdied l-aċċettazzjoni soċjali tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli; jistqarr, fl-istess ħin, li azzjoni effikaċi għal dan il-għan tkun li jiġi stabbilit approċċ olistiku għall-produtturi/konsumaturi – jew “prosumaturi” – li jkunu jistgħu imexxu l-ġestjoni tal-proċess tal-ġenerazzjoni tal-enerġija;

42.  Jirrikonoxxi l-importanza tas-SER fuq skala żgħira biex is-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jikber; jirrikonoxxi li l-introduzzjoni wiesgħa ta’ SER fuq skala żgħira jirrappreżenta opportunità biex djar, industriji u komunitajiet uniċi jsiru produtturi tal-enerġija, u b’hekk jiksbu għarfien ta’ modi effiċjenti kif jipproduċu u jikkunsmaw l-enerġija; jenfasizza l-importanza tal-mikroġenerazzjoni għal tkattir tal-effiċjenza tal-enerġija; jenfasizza li l-introduzzjoni wiesgħa tas-SER fuq skala żgħira jista’ jwassal għal iffrankar sostanzjali fil-kontijiet tal-enerġija u għall-ħolqien ta’ mudelli kummerċjali u impjiegi ġodda;

43.  Jinnota, f’dan ir-rigward, l-importanza li jinġiebu “l quddiem kooperattivi lokali għall-enerġija rinnovabbli biex titqawwa l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, tiżdied l-aċċessibbiltà tal-enerġija rinnovabbli u għall-ġenerazzjoni ta’ investimenti finanzjarji;

44.  Jenfasizza li tagħqid intelliġenti ta’ SER fuq skala żgħira, faċilitajiet ta’ ħżin, ġestjoni mil-lat tad-domanda u effiċjenza tal-enerġija jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-użu tal-grids lokali waqt il-ħinijiet l-aktar intensivi, u b’hekk inaqqsu l-kostijiet kumplessivi tal-investiment għall-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni;

45.  Jinnota li prerekwiżit għall-konsum u l-produzzjoni effiċjenti lokali tal-enerġija, kemm mill-perspettiva tal-prosumatur u kemm minn dik tal-grid ta’ distribuzzjoni, hija l-introduzzjoni wiesgħa ta’ kontaturi intelliġenti tal-elettriku, u b’mod aktar ġenerali, grids intelliġenti;

46.  Jilqa’ t-tħabbira tal-Kummissjoni li se toħroġ komunikazzjoni dwar it-teknoloġiji tal-enerġija u l-innovazzjoni li tiffoka fuq il-mikroġenerazzjoni;

47.  Iqis li l-politika reġjonali tal-UE għandha rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll tal-effiċjenza tal-enerġija fuq skala Ewropea, u wkoll fil-qasam tas-servizzi tal-elettriku u tas-servizzi tat-trasport tal-enerġija; jilqa' l-fatt li l-kontribut tal-politika ta’ koeżjoni u tal-politika reġjonali, maħsub biex jinkoraġġixxi l-enerġija rinnovabbli, kompla jikber pass pass bil-għan li s-SER jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-miri tal-politika tal-UE dwar l-enerġija u li l-għanijiet tal-UE dwar l-enerġija jiġu implimentati fl-UE kollha kemm hi; jikkunsidra partikolarment importanti li l-mira tal-politika Ewropea tkun tali li tippermetti li r-rata ta’ finanzjament tkun suffiċjenti fil-perjodu li jmiss 2014-2020;

48.  Jappoġġja governanza b’diversi livelli u approċċ deċentralizzat lejn il-politika tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli, li għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, il-Patt tas-Sindki u żvilupp ulterjuri tal-inizjattiva Bliet Intelliġenti, kif ukoll il-promozzjoni tal-aqwa soluzzjonijiet fil-livell reġjonali u lokali permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni;

49.  Jirrimarka li ż-żoni agrikoli u rurali għandhom il-potenzjal li jipprovdu proporzjon sinifikanti tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u għaldaqstant huwa tal-fehma li l-politika l-ġdida dwar l-agrikultura u l-iżvilupp rurali għandha tippromwovi l-produzzjoni tal-enerġiji rinnovabbli;

50.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-promozzjoni u t-tħeġġiġ tal-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija alternattiva fl-azjendi agrikoli stess, speċjalment fuq skala żgħira, u tat-tixrid tal-metodi relevanti fost il-bdiewa kif ukoll fost il-konsumaturi;

51.  Jenfasizza l-kontribut li l-kooperazzjoni fost il-bdiewa tista’ tagħti għal eżitu ta’ suċċess għall-politika tal-promozzjoni tar-riżorsi rinnovabbli;

52.  Jitlob li l-Bank Ewropew tal-Investiment joħloq fondi rikorrenti, permezz ta’ intermedjarji finanzjarji, biex jipprovdu l-kapital ta’ stabbiliment meħtieġ u l-appoġġ tekniku għal skemi fuq skala żgħira u mikro bbażati fuq azjendi agrikoli u li jkunu proprjetà komunitarja għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u t-tisħin minn sorsi rinnovabbli, li l-profitti minnhom ikunu jistgħu jerġgħu jiġu investiti fi skemi addizzjonali;

Kooperazzjoni u kummerċ internazzjonali

53.  Ifakkar li d-defiċit kummerċjali tal-UE kkawżat mill-importazzjoni ta' karburanti fossili mistenni jiżdied fis-snin li ġejjin, u li d-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-karburanti fossili tinvolvi riskji politiċi, ekonomiċi u ambjentali dejjem akbar; jissottolinja, f'dan ir-rigward, ir-rwol tas-sorsi nazzjonali tal-enerġija rinnovabbli f'termini ta' sigurtà tal-provvista u ta' treġġigħ ta' bilanċ kummerċjali pożittiv mal-pajjiżi esportaturi taż-żejt u tal-gass, u għaldaqstant jisħaq fuq il-fatt li dawn is-sorsi għandu jkollhom rwol akbar fl-ilħiq tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE;

54.  Jirrikonoxxi li s-swieq dinjija tas-SER qed jikbru, u li dan se jkollu effetti pożittivi fuq l-industrija, il-ħolqien tal-impjiegi u l-prezzijiet Ewropaj, kif ukoll fuq l-iżvilupp ulterjuri tat-teknoloġiji eżistenti u ġodda madwar id-dinja u fl-UE, dment li l-qafas politiku u regolatorju tal-UE dwar is-SER jibqa’ prevedibbli u jgħin lin-negozji ekoloġikament nodfa jżommu l-vantaġġ kompetittiv tagħhom u jibqgħu minn ta’ quddiem fil-konfront tal-kontrapartijiet tagħhom madwar id-dinja; jirrikonoxxi li l-pajjiżi li mhumiex fl-OECD huma sħab kummerċjali importanti minħabba l-potenzjal kbir tagħhom rigward is-SER;

55.  Jenfasizza li tagħwiġ illeċitu tal-kompetizzjoni fis-suq mhuwiex aċċettabbli, minħabba li biss il-kompetizzjoni ġusta tista’ tiggarantixxi lill-UE livell raġonevoli ta’ prezzijiet għat-teknoloġiji tas-SER; jitlob lill-Kummissjoni biex, mill-aktar fis possibbli, tikkonkludi proċedimenti li jinsabu għaddejjin dwar prattiki inġusti; jenfasizza li swieq dinjija ħielsa u miftuħa joffru l-aqwa kundizzjonijiet għat-tkabbir tas-SER; jissottolinja li jeħtieġ li jsir aktar xogħol biex jitwarrbu l-ostakoli għall-kummerċ; jitlob lill-Kummissjoni biex ma tqajjem l-ebda ostakolu ġdid għall-kummerċ fuq prodotti finali jew fuq komponenti tat-teknokloġiji li jintużaw fis-SER; jitlob li l-Kummissjoni tieħu azzjoni ta’ rimedju rigward ostakoli għall-kummerċ, tissalvagwardja l-kompetizzjoni ġusta, tgħin lill-kumpaniji tal-UE biex jaċċedu għal swieq barra mill-UE u tittratta allegazzjonijiet ta’ tagħwiġ tal-kummerċ, inkluż rigward għajnuniet mill-Istat illegali;

56.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissorvelja attivament l-użu mhux ġustifikat ta’ ostakoli mhux tariffarji (ONT), ta’ sussidji u ta’ miżuri ta' dumping min-naħa tas-sħab kummerċjali tal-UE f'dan il-qasam;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu nota tal-Ftehim dwar it-Teknoloġiji tal-Informazzjoni tad-WTO u tinvestiga l-possibilitajiet li jinbeda Ftehim ta' Kummerċ Ħieles fit-Teknoloġijia Ambjentali, li jistabbilixxi kummerċ bla tariffi għal prodotti tat-teknoloġija ambjentali;

58.  Jenfasizza li din l-istrateġija għandha tinkoraġġixxi wkoll il-faċilitazzjoni tal-kummerċ bil-għan li ssostni l-isforzi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw f'dan il-qasam partikolari u li tippermetti l-użu tal-enerġiji rinnovabbli bħala kommoditajiet kummerċjali;

59.  Jenfasizza li l-kummerċ għandu rwol importanti fl-iżgurar li l-enerġija rinnovabbli tkun prodotta u ffinanzjata b'mod sostenibbli; ifakkar li l-bijoenerġija u l-agrokarburanti għandhom jirrispettaw il-kriterji ta' sostenibilità tal-UE, u li dawn tal-aħħar jeħtieġ li jiġu definiti b'mod ċar; għal dan il-għan, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tintroduċi l-użu indirett tal-artijiet bħala kriterju supplementari; jirrakkomanda li l-ftehimiet kummerċjali għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li jittrattaw il-problemi ta' deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u għandhom jagħtu inċentiv għall-ġestjoni tajba tar-riżorsi tal-art u tal-ilma; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tinnegozja ftehimiet volontarji ta' sħubija (VPAs) mal-pajjiżi terzi relevanti ħalli l-qtugħ illegali tas-siġar jiġi pprojbit;

60.  Jissottolinja l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni aktar stretta rigward il-politika tal-enerġija, inkluż fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, mal-pajjiżi ġirien tal-UE, u l-ħtieġa li l-potenzjal ta’ kummerċ tal-enerġija rinnovabbli jiġi sfruttat b’aktar effikaċja; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ infrastruttura adegwata li tiffaċilita l-kooperazzjoni, sew fi ħdan l-UE kif ukoll mal-pajjiżi ġirien; jenfasizza li l-kooperazzjoni fuq l-enerġiji rinnovabbli għandha tinkorpora l-objettivi relevanti tal-politiki tal-UE; jenfasizza li, b’mod partikolari fir-reġjun Mediterranju, hemm potenzjal kkbir għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mis-SER; jissottolinja l-potenzjal ta’ proġetti mhux nazzjonali bħal Desertec, Medgrid u Helios, kif ukoll ta’ aktar żvilupp tal-enerġija mill-ilma fin-Norveġja u fl-Isvizzera, inkluż il-potenzjal tagħha għal finijiet ta’ bbilanċjar; jissottolinja wkoll il-valur miżjud lokali sinifikanti ta’ proġetti kbar tas-SER bħal dawn;

61.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni internazzjonali jeħtieġ li tissejjes fuq qafas regolatorju sod u fuq l-acquis tal-Unjoni dwar is-sorsi rinnovabbli, bħal fil-Komunità tal-Enerġija, biex l-istabbiltà u l-affidabbiltà ta’ din il-kooperazzjoni jikbru;

62.  Jitlob li tittieħed azzjoni koordinata ma’ mexxejja teknoloġiċi oħra (l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Ġappun) biex tittratta sfidi emerġenti, bħan-nuqqas ta’ materji primi, l-elementi terrestri rari, li jaffettwaw l-introduzzjoni wiesgħa tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli;

63.  Jenfasizza l-bżonn li l-UE tiżviluppa kooperazzjoni xjentifika stretta u politika ċara għall-kollaborazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tas-SER ma’ sħab internazzjonali, b’mod partikolari mal-pajjiżi BRICS;

Innovazzjoni, riċerka u żvilupp u politika industrijali

64.  Jinnota li l-Ewropa jeħtiġilha tagħmel sforzi fil-kapaċità industrijali u ta’ riċerka u żvilupp tagħha jekk trid tibqa’ minn ta’ quddiem f’dak li jirrigwarda t-teknoloġija tas-SER; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ffaċilitat ambjent kompetittiv għall-operazzonijiet u l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs u li, f’dawn l-isforzi, issir ħidma biex jitnaqqsu l-ostakli burokratiċi; jenfasizza li r-rwol mexxej tal-Ewropa fis-swieq tat-teknoloġiji tas-SER jista’ jkun żgurat biss bl-innovazzjoni, imsejsa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ ċertezza għall-investituri privati; jitlob li l-Kummissjoni trawwem strateġija industrijali għat-teknoloġiji tal-enerġija, inkluż b’mod partikolari t-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, biex tiżgura li l-UE żżomm il-pożizzjoni ewlenija tagħha fit-teknoloġiji tal-enerġija u partikolarment fil-qasam ta’ dik rinnovabbli;

65.  Jissottolinja r-rwol mexxej tal-industrija tal-UE fit-teknoloġiji tal-enerġija mir-riħ fuq l-art u l-potenzjal kbir tal-industrija Ewropea tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta biex jikkontribwixxu għar-reindustrijalizzazzjoni tal-Istati Membri li jagħtu fuq il-Baħar Baltiku u l-Baħar tat-Tramuntana;

66.  Jenfasizza li istituzzjonijiet edukattivi li jistgħu jipproduċu ħaddiema ta’ ħila u l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ xjenzati u innovaturi fl-oqsma tat-teknoloġiji tas-SER jikkostitwixxu prijorità ewlenija; ifakkar, f’dan ir-rigward, ir-rwol importanti ta’ Orizzont 2020 u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija biex jegħlbu d-distakk bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-implimentazzjoni fis-settur tal-enerġija rinnovabbli;

67.  Jagħti importanza partikolari lill-kooperazzjoni bejn il-mekkaniżmi Ewropej tal-protezzjoni tal-privattivi fil-qasam tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, bl-għan li jiffaċilita l-aċċess għal proprjetà intellettwali prezzjuża u mhux sfruttata; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi attivata, bi prijorità, il-privattiva Ewropea proġettata fil-qasam tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

68.  Jemmen li riċerka u żvilupp immirati permezz ta’ strumenti eżistenti jeħtieġ li jsiru aktar effikaċi u huwa mħasseb li r-riċerka u l-iżvilupp ġew ittraskurati f’ċerti fergħat tal-industrija tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, b’mod li, f’xi każijiet, wassal għal diffikultajiet kummerċjali; jissottolinja l-ħtieġa ta' investimenti fl-iżvilupp ulterjuri ta’ teknoloġiji innovattivi, emerġenti u eżistenti kif ukoll integrazzjoni tas-sistema bejn it-trasport u l-enerġija għaż-żamma jew l-ilħiq tal-kompetittività u għall-iżgurar li t-teknoloġiji eżistenti jibqgħu sostenibbli tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta’ investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp fl-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari fil-qasam tal-kapaċità, l-effiċjenzja u t-tnaqqis tal-impronta dimensjonali;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jinvestu f’riċerka msejsa fuq l-użu tal-enerġija rinnovabbli b’applikazzjonijiet industrijali, pereżempju fis-settur tal-karozzi;

70.  Jilqa’ t-tħabbira li l-Kummissjoni sejra tippreżenta komunikazzjoni dwar il-politika tat-teknoloġiji tal-enerġija fl-2013; jitlob li l-Kummissjoni, hija u timplimenta l-partijiet relevanti tal-Pjan Strateġiku dwar it-Teknoloġija tal-Enerġija (Pjan SET), tiffoka fuq teknoloġiji li jtejbu l-kompetittività tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-integrazzjoni tagħhom fis-sistema tal-enerġija, bħall-ġestjoni tal-grid, teknoloġiji tal-ħżin jew it-tisħin u t-tkessiħ rinnovabbli, filwaqt li ma tiddiskriminax kontra teknoloġiji stabbiliti tas-SER li ilhom jintużaw bosta snin;

71.  Jissottolinja li r-riċerka hija ta’ importanza ewlenija għall-iżvilupp u l-ekonomiċità ta’ teknoloġiji ġodda u nodfa; jemmen li l-Pjan SET jista’ jagħti kontributi importanti biex it-teknoloġiji rinnovabbli jsiru aktar ekonomiċi u kompetittivi;

Qafas Ewropew għall-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli

72.  Jenfasizza li l-Istati Membri llum jużaw firxa wiesgħa ta’ mekkaniżmi ta’ promozzjoni; jirrimarka li dan is-sostenn wassal għal tkabbir tajjeb, b’mod partikolari meta l-iskemi ta’ appoġġ kienu mfassla sewwa, iżda li xi sistemi ta’ promozzjoni tfasslu ħażin u rriżulta li ma kinux flessibli biżżejjed biex jaġġustaw għat-traħħis tal-kostijiet ta’ xi teknoloġiji u, f’xi każijiet, ikkawżaw kumpens żejjed, u b’hekk imponew piż finanzjarju fuq il-konsumaturi ; jinnota b’sodisfazzjon li, bis-saħħa tas-sussidji, xi SER irnexxielhom isiru kompetittivi fil-konfront ta’ metodi tradizzjonali tal-produzzjoni tal-enerġija f’ċerti oqsma, pereżempju fejn il-kundizzjonijiet ġeografiċi jivvantaġġjawhom, fejn hemm aċċess tajjeb għall-kapital, fejn il-piż amministrattiv huwa l-eħfef jew inkella minħabba l-ekonomiji ta’ skala;

73.  Jenfasizza li l-influwenza statali u fatturi oħra, inklużi l-prezzijiet tal-karburanti fossili, kellhom l-effett li għollew il-prezz tal-elettriku għall-konsumaturi u għall-industrija f’xi Stati Membri; jirrimarka li, fl-2010, 22 % tal-familji tal-UE kienu inkwetati li mhux se jirnexxilhom iħallsu l-kontijiet tal-elettriku tagħhom, u jassumi li, minn dakinhar “l hawn, dan il-perċentwal kompla kiber; jenfasizza li l-enerġija għandha tkun għall-but ta’ kulħadd, u li jeħtieġ li l-kompetittività tal-industrija tibqa’ bla mittiefsa; jitlob li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-klijenti bi dħul baxx ikunu protetti b’mod effikaċi, filwaqt li jkabbru l-għarfien tal-pubbliku dwar il-potenzjal ta’ miżuri tal-iffrankar u l-effiċjenza tal-enerġija; jirrimarka wkoll li jeħteġ li l-konsumaturi jibbenefikaw mit-traħħis tal-prezzijiet bl-ingrossa;

74.  Iwissi li jekk is-sostenn jingħata f’livell għoli wisq, ikollu l-effett li jingħata kumpens żejjed u b’hekk ikarkar il-pass tal-progress teknoloġiku u jtellef l-integrazzjoni tas-suq, minħabba li jbaxxi l-inċentiv biex dak li kun jiżviluppa prodotti aktar innovattivi u ta’ valur ogħla; jinnota li d-disinn intelliġenti ta’ mekkaniżmi ta’ sostenn li jippermettu reazzjonijiet għas-sinjali tas-suq huwa kruċjali biex nevitaw il-kumpens żejjed; jemmen li progress rapidu lejn sistema li tesponi lill-produtturi għar-riskji tas-suq jinkoraġġixxi l-kompetittività teknoloġika u jiffaċilita l-isntegrazzjoni fis-suq;

75.  Huwa konvint li l-Kummissjoni għandha tappoġġja lill-Istati Membri biex jidentifikaw l-aktar SER kosteffikaċi u l-aqwa mod ta’ kif is-SER iwettqu l-potenzjal tagħhom; ifakkar li politiki kostottimali jvarjaw skont ix-xejra tad-domanda, il-potenzjal tal-provvista u l-kuntest ekonomiku fil-livell lokali;

76.  Jilqa’ l-intenzjoni dikjarata tal-Kummissjoni li tfassal linji gwida dwar prattiki tajba u dwar riforma tal-mekkaniżmi nazzjonali għall-appoġġ tas-SER; jitlob li l-Kummissjoni tipproduċi dawn il-linji gwida mill-aktar fis possibbli biex tiżgura li l-iskemi nazzjonali differenti ma jgħawġux il-kompetizzjoni u ma joħolqux ostakli għall-kummerċ u l-investiment fi ħdanl-UE, biex jinkoraġġixxu l-prevedibbiltà u l-kosteffikaċja u jevitaw is-sussidji żejda; iħeġġeġ lll-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, biex tiżgura li l-Istati Membri jħarsu bis-sħiħ l-acquis tas-suq intern; huwa konvint li linji gwida ta’ prattika tajba huma pass importanti fl-iżgurar ta’ suq uniku li jiffunzjona sewwa, u jemmen li l-linji gwida jistgħu jiġu ssupplimentati b’evalwazzjoni tal-kosteffikaċja tas-sistemi nazzjonali attwali ta’ appoġġ, li tqis it-teknoloġiji differenti li dawn ikorpu biex tiżgura aktar komparabbiltà u koordinament għall-konverġenza gradwali u progressiva tas-sistemi nazzjonali ta’ appoġġ; huwa konvint ukoll li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida fil-livell tal-Istati Membri sejra tkun kruċjali, minħabba li jistgħu jevitaw li sistemi nazzjonali ta’ appoġġ jiġu emendati jew imħassra retrospettivament, ħaġa li lill-investituri kieku tibgħatilhom sinjali disastrużi, kif ukoll potenzjalment tikkawża diffikultajiet ekonomiċi liċ-ċittadini privati li jkunu investew fis-SER fuq il-bażi ta’ dawn l-iskemi; jenfasizza li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida għandha tkun żgurata mill-Istati Membri, u li arranġamenti ta’ appoġġ speċjali għall-iżvilupp ta’ riżorsi lokali u reġjonali għandhom ikunu permessi;

77.  Iqis li huwa essenzjali, fid-dawl tal-eżistenza ta’ diversi arranġamenti ta’ appoġġ implimentati fl-Istati Membri, li jinġieb “il quddiem id-dibattitu dwar aktar konverġenza u sistema Ewropea ta’ appoġġ adegwata għaż-żmien wara l-2020; huwa konvint li, fit-tul, sistema aktar integrata għall-promozzjoni tas-SER fil-livell tal-UE, li tqis bis-sħiħ id-differenzi reġjonali u ġeografiċi kif ukoll l-inizjattivi sovranazzjonali eżistenti, u tkun parti minn sforz ġenerali lejn id-dekarbonizzazzjoni, tista’ tgħin biex tipprovdi l-aktar qafas kosteffikaċi għall-enerġija rinnovabbli flimkien ma’ kundizzjonijiet ekwi, li fihom is-SER jistgħu jwettqu l-potenzjal sħiħ tagħhom; jinnota li d-Direttiva dwar l-nerġija Rinnovabbli eżistenti tippermetti li l-gvernijiet jużaw skemi ta’ appoġġ konġunt; jinnota l-evidenza tal-esperjenza f’ċerti pajjiżi Ewropej li turi kif approċċ komuni f’suq integrat tal-elettriku jippermetti innovazzjonijiet ta’ benefiċċju reċiproku bejn is-sistemi nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni biex tivvaluta, fil-kuntest ta’ qafas għal wara l-2020, jekk mekkaniżmu Ewropew ta’ promozzjoni tas-SER joffrix qafas aktar kosteffikaċi li fih jistgħu jwettqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, u kif tista’ taħdem konverġenza progressiva;

78.  Jenfasizza l-benefiċċju tal-iskambji tal-aqwa prattiki dwar mekkaniżmi ta’ appoġġ fost l-Istati Membri; jirrimarka li r-Renju Unit u l-Italja reċentement ħabbru bidla fl-iskema ta’ appoġġ tagħhom minn sistema ta’ kwoti għal waħda ta’ injezzjoni, minħabba li l-evidenza minn postijiet ġeografiċi simili tissuġġerixxi li mudelli ta’ sostenn ibbażati fuq l-injezzjoni huma orħos; jitlob li l-Kummissjoni tinkludi dawn l-aspetti fl-analiżi kurrenti tagħha(5)u fil-proposta li għandha toħroġ dwar linji gwida;

79.  Jipproponi li jinbena fuq inizjattivi bħalma hija l-iskema ta’ appoġġ konġunt implimentata min-Norveġja u l-Isvezja biex pass pass jiġu żviluppati, fejn dan ikun f’loku, skemi reġjonali ta’ appoġġ konġunt, madwar swieq komuni tal-enerġija bħal Nord Pool;

80.  Jistieden lill-awtorità baġitarja biex tagħti lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) l-għodda meħtieġa ħalli twettaq il-kompiti tagħha u tilħaq l-għanijiet tagħha stipulati fir-regolament dwar l-integrità, it-trasparenza u l-effiċjenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa; jinnota li dan huwa meħtieġ sabiex suq intern integrat u trasparenti tal-elettriku u tal-gass jiġi kkompletat sal-2014;

o
o   o

81.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L140, 5.6.2009, p. 16.
(2) ĠU L326, 8.12.2011, p. 1.
(3) ĠU L211, 14.8.2009, p. 55
(4) ĠU L211, 14.8.2009, p. 94.
(5) COM(2012)0271 u d-dokumenti ta’ akkumpanjament; SEC(2008)0057; IEE Studies Reshaping (Quo(ta) vadis, Europe?).


Id-drittijiet tan-nisa fil-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni
PDF 526kWORD 39k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar id-drittijiet tan-nisa fil-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni (2012/2255(INI))
P7_TA(2013)0202A7-0136/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Artikoli 8 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-18 ta' Diċembru 1979,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR 1325);

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill f'Marzu 2011(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u r-Riżoluzzjonijiet tal-Parlament tat-18 ta' Mejju 2000 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing(2), tal-10 ta' Marzu 2005 dwar il-kontinwazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tar-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa (Peking + 10)(3) u tal-25 ta' Frar 2010 dwar Pekin + 15 – Pjattaforma ta’ Azzjoni tan-NU għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi(4),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 bit-titolu 'Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015' (COM(2010)0491),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010 bit-titolu 'Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Albanija biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea' (COM(2010)0680), li ssostni li l-ugwaljanza bejn is-sessi mhijiex garantita b'mod sħiħ fil-prattika, b'mod partikolari fil-qasam tal-impjiegi u tal-aċċess għall-għajnuna ekonomika,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010 bit-titolu 'Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Montenegro biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea' (COM(2010)0670), li ssostni li l-ugwaljanza bejn is-sessi mhijiex garantita bis-sħiħ fil-prattika,

–  wara li kkunsidra r-rapporti ta' progress 2012 tal-Kummissjoni dwar il-pajjiżi kandidati u dawk kandidati potenzjali, li jakkumpanjaw il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu 'L-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2012-2013' (COM(2012)0600),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 dwar Studju ta' Fattibilità għal Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo (COM(2012)0602),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 dwar is-Sejbiet Ewlenin tar-Rapport ta' Monitoraġġ Komprensiv tal-istat ta' tħejjija tal-Kroazja għas-sħubija fl-UE (COM(2012)0601),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2008 bit-titolu 'Il-Balkani tal-Punent: Tissaħħaħ il-perspettiva Ewropea' (COM(2008)0127),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-27 ta' Jannar 2006 bit-titolu 'Il-Balkani tal-Punent fi triqithom lejn l-UE: it-tisħiħ tal-istabilità u t-tkattir tal-prosperità' (COM(2006)0027),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 u t-3 ta' Ġunju 2005 li fihom l-Istati Membri u l-Kummissjoni ġew mistiedna jsaħħu l-mekkaniżmi istituzzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u joħolqu qafas għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing, sabiex jinħoloq monitoraġġ aktar konsistenti u sistematiku tal-progress,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru u l-1 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reviżjoni tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing – Indikaturi fir-rigward tal-Mekkaniżmi Istituzzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Settembru 2009 dwar ir-reviżjoni tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Diċembru 2008 dwar il-qagħda tan-nisa fil-Balkani(5),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Roma(6);

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0136/2013),

A.  billi seba' pajjiżi fil-Balkani tal-Punent – l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Kosovo, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja – jinsabu fi stadji differenti tal-proċess biex isiru Stati Membri tal-Unjoni Ewropea; billi dawn il-pajjiżi jeħtieġ jadottaw u jimplimentaw l-acquis communautaire u obbligi oħrajn tal-UE fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi matul dan il-proċess;

B.  billi l-implimentazzjoni tad-drittijiet tan-nisa u ta' miżuri ta' ugwaljanza bejn is-sessi teħtieġ żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar dawn id-drittijiet, modi ġudizzjarji u mhux ġudizzjarji biex jiġu invokati dawn id-drittijiet, u istituzzjonijiet governattivi u indipendenti biex jibdew, iwettqu u jimmonitorjaw il-proċess ta' implimentazzjoni;

C.  billi n-nisa għandhom rwol essenzjali fl-isforzi ta' paċi, stabbilizzazzjoni u rikonċiljazzjoni, u billi l-kontribuzzjonijiet tagħhom għandhom ikunu rikonoxxuti u mħeġġa, bi qbil mal-UNSCR 1325 u riżoluzzjonijiet sussegwenti;

Rimarki ġenerali

1.  Jinnota li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent f'fażi ta' adeżjoni adottaw ħafna mil-leġiżlazzjoni meħtieġa fil-proċess ta' adeżjoni tal-UE, iżda li din il-leġiżlazzjoni f'ħafna każi mhijiex qed tiġi implimentata b'mod effettiv;

2.  Jenfasizza l-bżonn li n-nisa fil-Balkani tal-Punent jassumu rwol prominenti fis-soċjetà permezz tal-parteċipazzjoni attiva u r-rappreżentazzjoni fil-ħajja politika, ekonomika u soċjali fil-livelli kollha; josserva li l-progress lejn il-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha ta' gvern (mil-lokali għan-nazzjonali, mill-eżekuttiv għas-setgħat leġiżlattivi) huwa ta' importanza kbira;

3.  Jinnota bi tħassib li l-popolazzjoni f'ħafna mill-pajjiżi mhijiex konxja b'mod sħiħ mil-leġiżlazzjoni eżistenti u l-politiki li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u li dan l-għarfien rari jilħaq lill-membri vulnerabbli jew marġinalizzati tas-soċjetà, speċjalment in-nisa Roma; jistieden lill-Kummissjoni u l-gvernijiet tal-pajjiżi f'fażi ta' adeżjoni biex irawmu s-sensibilizzazzjoni permezz tal-midja, kampanji pubbliċi u programmi edukattivi sabiex jeliminaw l-istereotipi tas-sessi u jippromwovu personaġġi eżemplari nisa u l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fl-oqsma kollha tal-ħajja, inkluż fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jappella, fuq kollox, għall-impenn personali ta' membri u uffiċjali tal-gvern;

4.  Jenfasizza l-importanza ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni fil-ġlieda kontra l-istereotipi, id-diskriminazzjoni (sessista, kulturali jew ibbażata fuq ir-reliġjon) u l-vjolenza domestika, u għall-ugwaljanza bejn is-sessi b'mod ġenerali; jinnota li dawn il-kampanji għandhom jiġu kkompletati mill-promozzjoni ta' dehra pożittiva ta' personaġġi eżemplari nisa fil-midja u r-reklamar, materjali edukattivi u l-internet; jenfasizza l-importanza li titjieb il-qagħda tan-nisa f'żoni rurali, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna d-drawwiet diskriminatorji u l-istereotipi;

5.  Jinnota bi tħassib li n-nisa għadhom mhumiex rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol kif ukoll fit-teħid ta' deċiżjonijiet ta' natura ekonomika u politika; jilqa' b'sodisfazzjon il-kwoti u jistieden lill-pajjiżi li għadhom ma għamlux dan biex jippromwovu r-rappreżentanza tan-nisa u, fejn ikun meħtieġ, japplikaw kwoti b'mod effikaċi għall-partiti politiċi u l-assemblej nazzjonali, u jħeġġeġ lill-pajjiżi li diġà għamlu dan biex ikomplu b'dan il-proċess sabiex ikun żgurat li n-nisa jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-ħajja politika u jegħlbu l-livell baxx ta' rappreżentazzjoni tagħhom; jinnota li, fejn ġew introdotti kwoti ta' rappreżentanza bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi, dawn għandhom jiġu implimentati kif suppost u kkompletati b'sanzjonijiet legali effikaċi; jilqa', f'dan ir-rigward, is-summit internazzjonali għan-nisa reċenti dwar 'Partnership for Change' (Sħubija għall-Bidla) li sar fi Pristina f'Ottubru 2012 taħt il-partroċinju tal-unika kap ta' stat mara fir-reġjun, Atifete Jahjaga;

6.  Jinnota bi tħassib li r-rati ta' impjieg ta' nisa fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għadhom baxxi ħafna; josserva li l-appoġġ għall-politiki li jikkonċernaw opportunitajiet indaqs huwa importanti għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni; jistieden lill-gvernijiet jintroduċu miżuri sabiex inaqqsu d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u, konsegwentement, id-differenza bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa u jindirizzaw ir-rati għolja ta' qgħad, billi jiffokaw b'mod partikolari fuq in-nisa, speċjalment dawk f'żoni rurali; jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi fil-Balkani jistabbilixxu qafas legali għal pagi indaqs għall-istess xogħol għaż-żewġ sessi, jgħinu lin-nisa fir-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja privata u dik professjonali, jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, tagħlim tul il-ħajja, skedi flessibbli ta' xogħol u wkoll joħolqu ambjent li jħeġġeġ l-intraprenditorija min-naħa tan-nisa;

7.  Jinnota bi tħassib li f'xi stati f'dan ir-reġjun, in-nisa intraprendituri spiss isofru diskriminazzjoni meta jkunu qed jippruvaw jiksbu self jew kreditu mill-bank għan-negozju tagħhom, u għadhom sikwit iħabbtu wiċċhom ma' ostakli bbażati fuq l-istereotipi tas-sessi; jistieden lill-istati f'dan ir-reġjun biex jikkunsidraw il-ħolqien ta' skemi ta' mentoring u programmi ta' appoġġ li jistgħu jagħmlu użu mill-pariri u l-esperjenza ta' professjonisti intraprenditorjali; jistieden lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jiżviluppaw skemi attivi fis-suq tax-xogħol intiżi sabiex irażżnu l-qgħad fost in-nisa; iħeġġiġhom jiżviluppaw skemi ta' self u jqiegħdu għad-dispożizzjoni finanzjament għal negozji ġodda;

8.  Jenfasizza l-importanza li tingħeleb kull xorta ta’ diskriminazzjoni fil-post tax-xogħol, inkluża d-diskriminazzjoni sessista fir-rigward tar-reklutaġġ, il-promozzjoni u l-benefiċċji;

9.  Jenfasizza li, fil-proċess tal-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi li jiffunzjonaw tajjeb, l-iżgurar tal-parteċipazzjoni attiva tan-nisa – li jirrappreżentaw aktar minn nofs il-popolazzjoni fil-pajjiżi Balkani – huwa kruċjali għall-governanza demokratika; jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' riżorsi finanzjari u umani allokati għall-funzjonament ta' istituzzjonijiet governattivi u indipendenti fdati bit-tnedija u l-implimentazzjoni ta' miżuri dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u speċjalment politiki ta' integrazzjoni tas-sessi fil-parti l-kbira tal-pajjiżi; jistieden lill-awtoritajiet jakkumpanjaw miżuri u pjanijiet ta' azzjoni b'riżorsi adegwati għall-implimentazzjoni tagħhom, inkluż persunal adegwat magħmul minn nisa; jenfasizza li l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) jista' u għandu jintuża għal proġetti b'rabta mal-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u li l-awtoritajiet fil-pajjiżi għandhom ir-responsabbiltà sħiħa għal mekkaniżmi ta' implimentazzjoni għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi li jiffunzjonaw tajjeb; jitlob lill-Kummissjoni taġixxi bid-diliġenza dovuta fir-rigward tal-effikaċja tal-infiq;

10.  Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' informazzjoni statistika dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, dwar il-vjolenza fuq in-nisa, dwar l-aċċess għall-kontraċettivi u d-disponibbiltà tagħhom, u dwar il-bżonn mhux sodisfatt tal-kontraċezzjoni, meħtieġa għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, li hija standardizzata u li tista' tiġi mqabbla fuq tul ta' żmien, bejn il-pajjiżi tal-adeżjoni u bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi f'fażi ta' adeżjoni; jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-adeżjoni Balkani jistabbilixxu metodoloġija komuni għall-ġbir ta' informazzjoni statistika flimkien mal-Eurostat, l-EIGE u istituti rilevanti oħrajn; jenfasizza li għandhom jiġu żviluppati strateġiji speċifiċi u għandhom jiġu implimentati strateġiji eżistenti biex tittejjeb il-pożizzjoni tan-nisa li jħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni multipla, bħan-nisa Roma, il-leżbjani, il-bisesswali jew in-nisa transġeneru, in-nisa b'diżabilitajiet, in-nisa li jagħmlu parti minn minoranza etnika, u n-nisa anzjani;

11.  Iqis li n-nisa għandhom rwol essenzjali fl-istabbilizzazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti, li huwa kruċjali għar-rikonċiljazzjoni fir-reġjun kollu kemm hu; jenfasizza l-importanza ta' aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi nisa ta' delitti tal-gwerra, b'mod partikolari l-istupru; itenni r-responsabbiltà tal-istati kollha biex itemmu l-impunità u jħarrku lil dawk responsabbli għall-ġenoċidju, għar-reati kontra l-umanità u għad-delitti tal-gwerra, inklużi r-reati li jinvolvu l-vjolenza sesswali fuq in-nisa u t-tfajliet, u biex jirrikonoxxu u jikkundannaw dawn ir-reati bħala reati kontra l-umanità u delitti tal-gwerra; jenfasizza l-bzonn li dawn ir-reati jiġu esklużi mid-dispożizzjonijiet relatati mal-amnestija; jilqa' l-isforzi ta' netwerks bħar-Regional Women's Lobby biex jappoġġjaw lin-nisa fil-konsolidazzjoni tal-paċi u fil-promozzjoni tal-aċċess għall-ġustizzja għan-nisa f'pajjiżi li ħarġu minn konflitt; jenfasizza l-bżonn kontinwu li jiġi ffaċċjat il-passat u li jiġu żgurati sistematikament il-ġustizzja u r-riabilitazzjoni għall-vittmi ta' vjolenza sesswali konnessa ma' konflitti; jappella għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' programmi statali adegwati għall-protezzjoni tax-xhieda u l-prosekuzzjoni ta' dawn ir-reati;

12.  Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u jinnota bi tħassib li l-vjolenza sessista u l-abbuż verbali għadhom preżenti fil-pajjiżi Balkani; jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi Balkani jsaħħu l-korpi tal-infurzar tal-liġi sabiex jindirizzaw b'suċċess kwistjonijiet bħall-vjolenza sessista, il-vjolenza domestika, il-prostituzzjoni furzata u t-traffikar ta' nisa, joħolqu rifuġji għall-vittmi li esperjenzaw jew qegħdin jesperjenzaw vjolenza domestika u jiżguraw li l-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet legali u l-impjegati tas-servizz pubbliku jkunu aktar sensittivi għal dan il-fenomenu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali fir-reġjun biex jistabbilixxu programmi ta' sensibilizzazzjoni dwar il-vjolenza domestika;

13.  Jinnota bi tħassib kbir li 30 % tal-vittmi tat-traffikar transkonfinali fl-UE huma ċittadini ta' pajjiżi Balkani, filwaqt li n-nisa u t-tfajliet jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-vittmi identifikati; jisħaq li l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-kampanji biex iqanqlu kuxjenza, u l-miżuri kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma essenzjali sabiex jingħeleb it-traffikar u jiġu protetti l-vittmi potenzjali; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali fir-reġjun biex jaħdmu flimkien fil-ħolqien ta' front komuni;

14.  Jitlob lill-awtoritajiet fil-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni biex jipprovdu finanzjament kontinwu għall-ġlieda kontra t-traffikar, biex isaħħu ulterjorment il-kapaċità tagħhom li jidentifikaw b'mod proattiv u jipproteġu lill-vittmi fost il-popolazzjoni vulnerabbli, jiżguraw permezz tal-liġi li l-vittmi tat-traffikar identifikati ma jiġux ikkastigati għal delitti b'riżultat dirett tat-traffikar tagħhom, jappoġġjaw l-isforzi ta' protezzjoni tal-vittmi, iħarrġu l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, u jiżviluppaw ulterjorment il-kapaċità taċ-ċentri ta' akkoljenza u r-rifuġji; jitlob ukoll lill-gvernijiet rispettivi jtejbu l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex jinħoloq ambjent dissważiv għat-traffikanti, fejn każijiet ta' traffikar jiġu investigati kif xieraq u l-ħatja jinsabu tali u jiġu kkastigati; jitlob lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni biex itejbu r-rekords tagħhom fir-rigward tal-prosekuzzjoni u l-ikkastigar u jappoġġjaw inizjattivi lokali biex jiġu indirizzati l-kawżi tat-traffikar, bħall-vjolenza domestika u opportunitajiet ekonomiċi limitati għan-nisa;

15.  Iqis li ugwaljanza ġenwina bejn is-sessi tistrieħ ukoll fuq l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi f'fażi ta' adeżjoni jindirizzaw l-omofobija u t-transfobija li fadal fid-dritt, fil-politika u fil-prattika, inkluż permezz tal-leġiżlazzjoni dwar ir-reati ta' mibgħeda, it-taħriġ tal-pulizija u l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni, u jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali fir-reġjun jikkundannaw il-mibegħda u l-vjolenza abbażi tal- orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru;

16.  Jilqa' ż-żieda f'inizjattivi reġjonali transkonfinali fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-gvernijiet u l-Kummissjoni jappoġġjaw dawn l-inizjattivi, iħeġġu l-iskambju u l-promozzjoni tal-prattiki tajbin li joħorġu minnhom, fosthom billi jużaw il-fondi ta' qabel l-adeżjoni u jqiegħdu għad-dispożizzjoni biżżejjed fondi għal dawn l-inizjattivi, inkluż mill-perspettiva tal-ibbaġitjar għas-sessi;

17.  Jistieden lill-Gvern tal-Montenegro, u lill-Gvernijiet tas-Serbja, ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u tal-Albanija, ladarba jibdew in-negozjati għall-adeżjoni, biex jaqblu fuq ftehim qafas mal-parlamenti tagħhom u s-soċjetà ċivili dwar l-involviment ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fost l-oħrajn fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, fin-negozjati tal-adeżjoni u fit-tfassil tal-pjanijiet ta' azzjoni għar-riforma li jirriżultaw minn dawn in-negozjati, u biex jiżgurawlhom aċċess għal dokumenti rilevanti li għandhom x'jaqsmu mal-proċess tal-adeżjoni;

18.  Jitlob lill-gvernijiet tal-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni jirrikonoxxu u jappoġġjaw ir-rwol li s-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tan-nisa għandhom f'oqsma speċifiċi, bħall-promozzjoni tad-drittijiet tal-leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru, il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, iż-żieda fil-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza politika tan-nisa u l-promozzjoni tal-isforzi tal-konsolidazzjoni tal-paċi; jappoġġja bis-sħiħ l-attivitajiet immirati lejn l-emanċipazzjoni tan-nisa u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom fis-soċjetajiet ikkonċernati;

19.  Jinnota bi tħassib li fil-parti l-kbira tal-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni, il-proċess għall-inklużjoni soċjali tar-Roma naqqas fil-pass u, f'xi każijiet, saħansitra waqaf; jitlob lill-gvernijiet rispettivi jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jintegraw ulterjorment liċ-ċittadini Roma u jiggarantixxu l-qerda ta' kull forma ta' diskriminazzjoni u ta' preġudizzju kontra r-Roma, speċjalment in-nisa u t-tfajliet li jsofru diskriminazzjoni multipla, komposta u intersezzjonali; jitlob lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tinvolvi lill-pajjiżi tat-tkabbir fl-istadji kollha tal-adeżjoni, u timmobilizza l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) u l-mekkaniżmu tal-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA);

20.  Jinnota bi tħassib li d-drittijiet tal-attivisti favur il-leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru u favur id-drittijiet tal-bniedem li jenfasizzaw l-importanza li jiġi ffaċċjat il-passat huma regolarment fil-mira ta' diskors ta' mibgħeda, theddid u attakki fiżiċi, u jitlob lill-gvernijiet tal-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni jieħdu miżuri speċifiċi biex jipprevjenu u jiġġieldu l-vjolenza kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem nisa;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-implimentazzjoni tad-drittijiet tan-nisa, l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontinwa kontra l-vjolenza domestika prijorità fil-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, billi tkompli tindirizza dawn il-kwistjonijiet u timmonitorja u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tagħhom f'rapporti ta' progress, u tenfasizza l-importanza tagħhom f'kuntatti mal-awtoritajiet, u billi turi eżempju tajjeb billi tiżgura li d-delegazzjonijiet, it-timijiet tan-negozjati u r-rappreżentanza tagħha stess waqt laqgħat u fil-midja jkunu bilanċjati bejn is-sessi;

22.  Jitlob lid-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi Balkani jimmonitorjaw b'attenzjoni l-progress imwettaq fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi fid-dawl ta' adeżjoni futura fl-UE, u jistieden lil kull delegazzjoni taħtar membru tal-persunal bħala responsabbli mill-politiki dwar is-sessi biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-prattiki tajba fir-reġjun tal-Balkani;

23.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali fir-reġjun biex jappoġġjaw l-ugwaljanza bejn is-sessi permezz tal-edukazzjoni fl-iskejjel u fl-universitajiet; jinnota li minn età żgħira, ħafna bniet ma jitħeġġux jistudjaw suġġetti tal-iskola jew tal-università li huma meqjusa bħala 'tal-irġiel' minnhom infushom, bħax-xjenza, il-matematika u t-teknoloġija; jirrakkomanda li fl-iskejjel jiġu introdotti korsijiet inizjali u li titwessa' l-medda ta' suġġetti u karrieri possibbli miftuħa għall-bniet, sabiex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw il-bażi tal-għarfien u sensiela sħiħa ta' ħiliet neċessarji biex jirnexxu fi kwalunkwe triq li jiddeċiedu li jieħdu;

24.  Jenfasizza li n-nisa għandu jkollhom kontroll fuq id-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, inkluż b'aċċess għal kontraċettivi ta' kwalità għolja u bi prezz raġonevoli; jesprimi t-tħassib fir-rigward tar-restrizzjonijiet dwar l-aċċess għal servizzi ta' saħħa sesswali u riproduttiva fil-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni;

25.  Jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni jadottaw leġiżlazzjoni u politiki biex jiżguraw aċċess universali għal servizzi tas-saħħa riproduttiva u jippromwovu d-drittijiet riproduttivi, u biex b'mod sistematiku jiġbru data li tkun meħtieġa għall-promozzjoni tas-sitwazzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva;

L-Albanija

26.  Jistieden lill-Gvern Albaniż jappoġġja l-parteċipazzjoni ta' aktar nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi, b'mod speċjali fid-dawl tal-elezzjonijiet parlamentari fl-2013;

27.  Jistieden lill-Gvern Albaniż jimplimenta l-Istrateġija Nazzjonali għall-Integrazzjoni u l-Iżvilupp u l-Liġi dwar il-Protezzjoni mid-diskriminazzjoni billi jsaħħaħ l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Protezzjoni mid-Diskriminazzjoni u billi jwaqqaf istituzzjoni tal-appell f'għamla ta' Kummissarju speċifikament għal każijiet ta' diskriminazzjoni sessista, sabiex jippromwovi ambjent fejn in-nisa li jwelldu tfal bniet ma jkunux soġġetti għal diskriminazzjoni;

28.  Jitlob lill-Gvern Albaniż itejjeb il-koordinament bejn l-awtoritajiet nazzjonali u lokali, b'mod speċjali fir-rigward tal-ġlieda kontra l-vjolenza domestika, u jinnota li n-nisa għandhom ikunu aktar involuti fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali u lokali fl-Albanija;

29.  Jitlob lill-Gvern Albaniż jipproponi riformi li jqisu d-dimensjoni tas-sessi għal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet għall-proprjetà, il-kodiċi penali, il-liġi elettorali u l-liġijiet tax-xogħol;

30.  Ifaħħar lill-Albanija għat-taħriġ mogħti lill-imħallfin dwar l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u miżuri kontra l-vjolenza fuq in-nisa, u għall-possibilità li vittmi ta' diskriminazzjoni jew ta' vjolenza jirċievu għajnuna legali sponsorjata mill-istat;

31.  Ifaħħar lill-Albanija għad-deċiżjoni li ħadet dwar l-integrazzjoni tas-sessi fil-programm baġitarju fuq medda medja ta' żmien għall-Ministeri kollha u jistenna li jara r-riżultati tal-implimentazzjoni tagħha;

32.  Jistieden lill-Gvern Albaniż jimplimenta, u jekk ikun meħtieġ jadotta, indikaturi tal-prestazzjoni biex tiġi monitorjata l-implimentazzjoni tad-drittijiet tan-nisa u miżuri ta' ugwaljanza bejn is-sessi;

33.  Jistieden lill-parlament Albaniż jistabbilixxi kumitat parlamentari biex jittratta speċifikament id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

34.  Jitlob lill-Gvern Albaniż isaħħaħ l-implimentazzjoni, b'mod partikolari fil-livell lokali, ta' strumenti politiċi li jsawru d-drittijiet tan-nisa, bħall-Istrateġija Nazzjonali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-vjolenza domestika u l-vjolenza fuq in-nisa (2011-2015);

35.  Ifaħħar lill-awtoritajiet Albaniżi għat-twaqqif ta' indikaturi tal-prestazzjoni għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' miżuri għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u l-pubblikazzjoni tar-Rapport Nazzjonali dwar l-Istatus tan-Nisa u tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-Albanija 2012;

Il-Bosnja-Ħerzegovina

36.  Jitlob lill-Gvern tal-Bosnja-Ħerzegovina jallinja l-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll il-prattika legali f'livelli differenti, sabiex tinħoloq sitwazzjoni legali uniformi fil-pajjiż, u jsaħħaħ id-dipartiment responsabbli għall-ugwaljanza bejn is-sessi f'livell ċentrali fil-pajjiż sabiex jindirizza n-nuqqas attwali ta' nisa fl-ogħla livelli tal-governanza u jimmonitorja l-problemi kkawżati s'issa min-nuqqas ta' implimentazzjoni tagħha; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel użu mill-mekkaniżmi kollha disponibbli sabiex tissaħħaħ ir-responsabbiltà u tittieħed azzjoni aktar qawwija min-naħa tal-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina f'dan ir-rigward; jitlob lill-Gvern tal-Bosnja-Ħerzegovina jqiegħed aktar enfasi fuq l-implimentazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-Liġi dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Bosnja-Ħerzegovina u l-Liġi dwar il-Projbizzjoni tad-Diskriminazzjoni ma' liġijiet oħra fil-livell statali;

37.  Jinnota bi tħassib partikolari d-diskriminazzjoni kontra n-nisa tqal u n-nisa li għadhom kif welldu fis-suq tax-xogħol, u d-differenzi fid-drittijiet tas-sigurtà soċjali b'rabta mal-maternità bejn id-diversi entitajiet u distretti awtonomi (cantons); jitlob lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina jallinjaw id-drittijiet ta' sigurtà soċjali għal dawk bil-liv tal-maternità, tal-paternità jew liv tal-ġenituri madwar il-pajjiż sabiex jintlaħaq livell għoli, u tinħoloq sitwazzjoni uniformi għaċ-ċittadini kollha;

38.  Jinnota bi tħassib il-livell baxx ta' sensibilizzazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-leġiżlazzjoni kontra l-vjolenza fuq in-nisa, mhux biss fost il-popolazzjoni ġenerali, iżda wkoll fost dawk li jaħdmu fl-infurzar tal-liġi; jistieden lill-awtoritajiet jimplimentaw pjan ta' azzjoni sabiex joħolqu aktar kuxjenza u jħarrġu l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi;

39.  Jinnota bi tħassib serju li l-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-vittmi tal-vjolenza domestika għad iridu jiġu armonizzati mal-liġijiet tal-entitajiet, bil-għan li jirrikonoxxu l-vjolenza domestika bħala delitt kriminali fil-kodiċijiet kriminali taż-żewġ entitajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina, u b'hekk mhux qed tiġi pprovduta s-sikurezza legali lil dawn il-vittmi; jitlob lill-Gvern tal-Bosnja-Ħerzegovina jsolvi din il-kwistjoni malajr kemm jista' jkun sabiex tiżdied il-protezzjoni għall-vittmi;

40.  Ifaħħar lin-nisa fil-parlament tal-Bosnja-Ħerzegovina għad-dibattitu transpartitiku tagħhom dwar il-vjolenza sessista mal-ministri rilevanti; jitlob lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina jagħtu segwitu lil dan id-dibattitu b'miżuri konkreti biex jippromwovu l-ġlieda kontra l-vjolenza sessista;

41.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina jipprovdu statistika uffiċjali dwar in-numru ta' każijiet rapportati ta' vjolenza abbażi ta' data miġbura minn rapporti tal-pulizija, ċentri tal-kura soċjali u istituzzjonijiet ġudizzjarji, u biex jagħmlu din l-istatistika disponibbli pubblikament; bl-istess mod, jitlob lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina jiġbru u jippubblikaw data dwar il-miżuri ta' protezzjoni bil-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-vittmi ta' vjolenza domestika;

42.  Jitlob lill-Gvern tal-Bosnja-Ħerzegovina jarmonizza l-Liġi dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Bosnja-Ħerzegovina mal-Liġi Elettorali, fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-korpi ta' governanza eżekuttiva fil-livelli kollha tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet (muniċipali, tad-distretti awtonomi, tal-entitajiet u statali);

43.  Ifaħħar lill-Bosnja-Ħerzegovina għal-leġiżlazzjoni tagħha li tistipula rata minima ta' rappreżentanza ta' 40 % għal kull sess fil-funzjonijiet amministrattivi fil-korpi governattivi statali u lokali, iżda jinnota li dan, fil-prattika, ma wassalx għal 40 % tan-nisa fl-amministrazzjoni; jitlob lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina jfasslu pjan ta' azzjoni bi skadenzi ċari u b'diviżjoni ċara tar-responsabbiltajiet biex tiġi implimentata din il-leġiżlazzjoni;

44.  Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' riżorsi finanzjarji u umani għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar il-UNSCR 1325, għal mekkaniżmi istituzzjonali sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi, għal aċċess adegwat għall-ġustizzja u għal rifuġji għall-vittmi ta' vjolenza domestika; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina fil-livelli kollha jinkludu biżżejjed finanzjament għal dawn l-għanijiet fil-baġits tagħhom;

45.  Jiddeplora l-fatt li, s'issa, l-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina investigaw u kkundannaw biss għadd limitat ta' każijiet ta' delitti tal-gwerra ta' vjolenza sesswali; jinnota bi tħassib serju li numru kbir ta' ħatja ta' tali delitti ħarbu s-sistema ġudizzjarja b'impunità; jinnota wkoll in-nuqqas min-naħa tal-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina li jipprovdu programmi ta' protezzjoni tax-xhieda adegwati għall-vittmi; jitlob, għalhekk, lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina jiżguraw li l-vittmi kollha tad-delitti tal-gwerra ta' vjolenza sesswali jkollhom aċċess sikur u adegwat għas-sistema ġudizzjarja u li l-każijiet kollha ta' delitti tal-gwerra miġjuba quddiem il-qrati jiġu ttrattati malajr u b'mod effiċjenti;

46.  Jitlob lill-Gvern tal-Bosnja-Ħerzegovina jtejjeb il-monitoraġġ ta' leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, billi jiġu inklużi objettivi ċari fil-politiki u pjanijiet ta' azzjoni u billi jiġu identifikati b'mod ċar l-istituzzjonijiet responsabbli mill-implimentazzjoni; jitlob ukoll lill-awtoritajiet tal-Bosnia-Ħerzegovina fil-livelli kollha jikkooperaw fil-ġbir ta' data statistika komprensiva dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi għall-pajjiż kollu kemm hu;

Il-Kroazja

47.  Iħeġġeġ lill-Gvern Kroat ikompli bl-aġġustament tal-leġiżlazzjoni tiegħu mal-acquis communautaire tal-UE fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi wara l-adeżjoni;

48.  Jitlob lill-awtoritajiet Kroati jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni li tistipula 40 % tan-nisa fil-listi elettorali għall-korpi ta' awtonomija lokali u reġjonali, il-Parlament u l-Parlament Ewropew, meta jitqies li matul l-elezzjonijiet parlamentari tal-2011, żewġ terzi tal-partiti politiċi ma laħqux il-miri preskritti;

49.  Ifaħħar lill-Kroazja għat-twaqqif tal-uffiċċju ta' Ombudsperson għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, u għas-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tan-nisa u miżuri ta' ugwaljanza bejn is-sessi maħluqa mill-viżibilità ta' dan l-uffiċċju; jirrakkomanda lill-pajjiżi kollha fir-reġjun sabiex jikkunsidraw jekk jistgħux isegwu dan l-eżempju bħala prattika tajba; iħeġġeġ lill-Gvern Kroat jibqa' jiffinanzja lill-Uffiċċju tal-Ombudspersons u jsegwi r-rakkomandazzjonijiet magħmula minnhom;

50.  Jilqa' l-pjanijiet ta' azzjoni għall-integrazzjoni lokali tas-sessi, partikolarment fir-reġjun tal-Istrija; jitlob lill-gvern Kroat jippromwovi l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni bħal dawn madwar il-pajjiż;

51.  Jistieden lill-Gvern Kroat jistabbilixxi djalogu strutturali mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod speċjali fid-dawl tas-sitwazzjoni wara l-adeżjoni;

52.  Jilqa' l-progress magħmul fil-Kroazja f'termini ta' trattament adegwat ta' każijiet ta' vjolenza fuq in-nisa u diskriminazzjoni sessista mill-pulizija, wara taħriġ immirat tal-uffiċjali tal-pulizija f'dan il-qasam u jħeġġeġ lill-awtoritajiet ikomplu b'dawn l-azzjonijiet; josserva li l-każijiet madankollu għadhom mhumiex trattati b'mod adegwat mill-ġudikatura u jitlob lill-awtoritajiet jibdew azzjonijiet biex jissensibilizzaw u jħarrġu lill-ġudikatura wkoll; jitlob ukoll lill-gvern Kroat iqiegħed għad-dispożizzjoni għajnuna legali bla ħlas għall-vittmi ta' vjolenza u diskriminazzjoni sessista;

53.  Jitlob lill-awtoritajiet Kroati jiċċaraw fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Protezzjoni mill-Vjolenza fil-Familja (2011-2016) liema awtorità hija responsabbli minn liema azzjoni u jagħtu finanzjament adegwat lill-awtoritajiet u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jimplimentaw l-Istrateġija;

Il-Kosovo

54.  Jilqa' r-rwol attribwit lill-Assemblea tal-Kosovo fl-approvazzjoni, ir-reviżjoni u l-monitoraġġ tal-Programm għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi; jappella għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti ta' monitoraġġ;

55.  Jitlob lill-gvern tal-Kosovo jippromwovi linja telefonika diretta ta' emerġenza madwar il-pajjiż għall-vittmi ta' vjolenza domestika u vjolenza sessista u joħloq għarfien dwar il-possibbiltajiet ta' rapportar u pproċessar tal-każijiet;

56.  Ifaħħar lill-gvern tal-Kosovo talli qiegħed l-Aġenzija għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u jitlob lill-gvern jiżgura funzjonament aktar effiċjenti tal-Aġenzija fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Liġi dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi mingħajr indħil politiku;

57.  Jistieden lill-Gvern tal-Kosovo jistabbilixxi ċ-Ċentru għat-Trattament Ugwali propost mill-aktar fis possibbli;

58.  Ifaħħar lill-Kosovo għat-taħriġ tal-uffiċjali tal-pulizija fil-ġestjoni ta' każijiet ta' vjolenza sessista u t-twaqqif ta' kmamar speċjali fl-għases tal-pulizija għall-vittmi u t-tfal tagħhom; jistieden lill-Gvern tal-Kosovo jħarreġ lill-ġudikatura fil-ġestjoni ta' dawn il-każijiet ukoll u jżid in-numru ta' rifuġji għall-vittmi u t-tul possibbli ta' permanenza f'dawn ir-rifuġji;

59.  Iħeġġeġ lill-gvern tal-Kosovo jirrikonoxxi u jaħdem lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' Pristina, kif stabbiliti fis-summit dwar in-nisa li sar fil-Kosovo f'Ottubru 2012;

60.  Jenfasizza l-bżonn ta' aktar promozzjoni dwar l-użu u l-provvista tal-kontraċettivi, u l-aċċess għalhom, peress li filwaqt li perċentwal akbar ta' nisa issa qegħdin jużaw metodi kontraċettivi bħal dawn, l-użu tal-kontraċettivi xorta għadu 'l bogħod milli jkun universali fost in-nisa kollha fil-Kosovo;

61.  Jitlob lill-Gvern tal-Kosovo jirrikonoxxi l-vittmi ta' vjolenza sesswali matul il-konflitt tal-1998-1999 bħala kategorija speċjali fil-liġi permezz ta' emenda lil-Liġi Nru 04/L-054 dwar l-istatus u d-drittijiet tal-martri, l-invalidi, il-veterani, il-membri tal-Kosovo Liberation Army, il-vittmi ċivili tal-gwerra u l-familji tagħhom;

62.  Jitlob lill-Gvern tal-Kosovo jidentifika b'mod ċar indikaturi għall-konformità u n-nonkonformità fl-istruzzjonijiet amministrattivi għal-liġijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-diskriminazzjoni, sabiex jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tagħhom; jitlob ukoll lill-Gvern jiġbor data dwar, u jistabbilixxi reġistru nazzjonali għal, każijiet ta' diskriminazzjoni u vjolenza sessista;

Dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM)

63.  Ifaħħar lill-Gvern ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għall-proposta l-ġdida għal liġi kontra l-fastidju sesswali jew il-fastidju morali (mobbing) fil-post tax-xogħol, inklużi ċitazzjonijiet għall-ħatja, u jappella biex il-proposta għal liġi tiġi armonizzata mal-kodiċi kriminali; jilqa' l-intenzjoni tal-Gvern ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li jibdel il-leġiżlazzjoni biex jiġi żgurat li ż-żewġ ġenituri jitħallew jieħdu liv tal-ġenituri jew liv tal-familja sabiex jieħdu ħsieb qraba morda, u l-adozzjoni reċenti ta' tibdil fil-liġi tax-xogħol biex tingħata protezzjoni legali aħjar fis-suq tax-xogħol lin-nisa li huma tqal jew li għadhom kif welldu;

64.  Jinnota bi tħassib li n-nisa Roma jsofru diskriminazzjoni doppja abbażi tas-sess u tal-etniċità; jitlob, għalhekk, lill-gvern ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jadotta qafas komprensiv kontra d-diskriminazzjoni li jippermetti lin-nisa Roma jiżguraw id-drittijiet tagħhom;

65.  Ifaħħar lill-awtoritajiet ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar iż-żieda ta' pieni dissważivi għan-nonkonformità mal-liġi li tistipula rappreżentanza ta' mill-inqas 30 % ta' kull sess fil-korpi ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jitlob lill-gvern tal-FYROM jimmonitorja mill-qrib jekk, b'riżultat ta' dan, mill-inqas 30 % tal-membri f'korpi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, speċjalment fil-livell lokali, humiex nisa;

66.  Ifaħħar lill-Parlament ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-'klabb tan-nisa' attiv, li permezz tiegħu, Membri Parlamentari nisa minn diversi partiti jikkooperaw biex jippromwovu d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi billi jorganizzaw dibattiti pubbliċi, konferenzi u avvenimenti internazzjonali oħra, u billi jikkooperaw mas-soċjetà ċivili biex jindirizzaw kwistjonijiet delikati jew marġinalizzati bħall-edukazzjoni sesswali fl-iskejjel primarji, il-vjolenza domestika, l-HIV, il-kanċer ċervikali, id-diskors ta' mibgħeda u l-pożizzjoni tan-nisa fiż-żoni rurali;

67.  Jinnota li l-mekkaniżmi tar-Rappreżentant Legali fid-Dipartiment għall-Opportunitajiet Indaqs fil-Ministeru tax-Xogħol u l-Politika Soċjali, responsabbli biex jipprovdi parir legali f'każijiet ta' trattament mhux ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, ma jaħdmux tajjeb; jitlob lill-Gvern ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jieħu miżuri biex itejjeb il-funzjonament ta' dawn il-mekkaniżmi;

68.  Jinnota bi tħassib l-implimentazzjoni frammentata tal-pjanijiet ta' azzjoni u l-istrateġiji għall-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nuqqas ta' koordinament globali tal-isforzi; jitlob lill-Gvern ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jżid ir-riżorsi finanzjarji u umani disponibbli għad-Dipartiment għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, kif ukoll jiżgura l-ħatra u l-funzjonament effettiv ta' Koordinaturi għall-Opportunitajiet Indaqs fil-livell nazzjonali u lokali;

69.  Jilqa' l-progress magħmul fil-ġlieda kontra l-vjolenza sessista, riflessa mhux l-inqas fiż-żieda fir-rapporti minħabba l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni, it-taħriġ ta' uffiċjali tal-pulizija speċjalizzati u l-ftehim dwar protokolli bejn l-istituzzjonijiet rigward l-ipproċessar ta' rapporti; jinnota bi tħassib, madankollu, li n-numru ta' rifuġji għall-vittmi ta' vjolenza domestika u ta' tipi oħra ta' vjolenza sessista mhuwiex biżżejjed;

70.  Jitlob lill-Gvern ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jelimina l-ostakli kulturali u finanzjarji eżistenti għan-nisa biex jiksbu aċċess għall-kontraċezzjoni;

Il-Montenegro

71.  Jinnota bi tħassib li l-perċentwal ta' nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi ftit li xejn żdied matul l-aħħar għexieren ta' snin; jistieden lill-Gvern Montenegrin jirriforma l-leġiżlazzjoni f'dan il-qasam u jiżgura l-konformità;

72.  Jistieden lill-Gvern Montenegrin iżid ir-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli għad-Dipartiment għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, l-implimentazzjoni tal-qafas legali u istituzzjonali għall-infurzar tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi;

73.  Ifaħħar lill-Gvern tal-Montenegro għat-tfassil tal-Pjan ta' Azzjoni nazzjonali l-ġdid għall-Ilħiq tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-inklużjoni ta' miri strateġiċi u operattivi f'dan il-pjan; jitlob lill-Gvern jiddedika biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji għall-implimentazzjoni tiegħu u jistabbilixxi qafas għat-tkomplija tal-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili fil-fażi ta' implimentazzjoni;

74.  Jilqa' l-inklużjoni ta' miżuri dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-programm ta' riforma Montenegrin għall-adeżjoni; jistieden lill-Gvern Montenegrin jagħti prijorità lil azzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fin-negozjati dwar l-adeżjoni fil-Kapitolu 23 dwar 'Il-Ġudikatura u d-Drittijiet Fundamentali' kif ukoll f'kapitoli oħra rilevanti, inkluż il-Kapitolu 19 dwar 'Il-Politika Soċjali u l-Impjiegi“, il-Kapitolu 24 dwar 'Il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà', u l-Kapitolu 18 dwar 'L-Istatistika';

75.  Ifaħħar lill-Gvern Montenegrin għall-progress magħmul fl-indirizzar tal-vjolenza domestika permezz tal-adozzjoni ta' Kodiċi ta' Mġieba dwar proċeduri għal rispons istituzzjonali kkoordinat; jinnota bi tħassib, madankollu, li l-vjolenza domestika għadha ta' tħassib kbir fil-Montenegro, u jitlob lill-Gvern jiddedika biżżejjed fondi u sforzi għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti u tal-Kodiċi ta' Mġieba, biex jintroduċi linja tat-telefon nazzjonali ta' emerġenza u biex jiġbor id-data;

76.  Jinnota bi tħassib in-numru baxx ta' lmenti dwar diskriminazzjoni u vjolenza sessisti; jitlob lill-Gvern Montenegrin jagħmel l-investimenti meħtieġa biex iqanqal kuxjenza dwar id-drittijiet tan-nisa, il-leġiżlazzjoni attwali dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza u l-possibbiltajiet ta' rapportar u indirizzar tal-każijiet ta' ksur;

77.  Jilqa' l-isforzi magħmula mill-Parlament Montenegrin biex jirriċerka b'mod metodiku l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza;

Is-Serbja

78.  Jistieden lill-Gvern Serb jimplimenta ulterjorment il-Programm Nazzjonali għall-Integrazzjoni tal-UE billi jsaħħaħ il-mekkaniżmi sabiex tiġi mmonitorjata l-applikazzjoni tal-liġi li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni, u jtejjeb il-kapaċitajiet amministrattivi tal-korpi li għandhom x'jaqsmu mal-ugwaljanza bejn is-sessi, inklużi l-Kummissarju għall-Protezzjoni tal-Ugwaljanza u d-Deputat Ombudsperson għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi;

79.  Ifaħħar lill-Gvern Serb għall-kodiċi elettorali li jistipula li wieħed minn kull tliet kandidati fuq il-listi elettorali għall-Parlament għandu jkun membru tas-sess sottorappreżentat u għall-implimentazzjoni sħiħa tiegħu, li assigura li 34 % tas-siġġijiet fil-Parlament huma okkupati minn nisa;

80.  Jistieden lill-Gvern Serb iħarreġ l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi fil-pulizija u l-ġudikatura fis-sensibilizzazzjoni u l-ġestjoni xierqa ta' każijiet ta' diskriminazzjoni u vjolenza sessisti, biex jipprovdi għajnuna legali b'xejn lill-vittmi u jindirizza l-problema ġenerali tal-każijiet b'lura quddiem il-qrati;

81.  Jilqa' l-progress magħmul fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika permezz tal-adozzjoni ta' protokoll ġenerali dwar il-proċeduri għall-kooperazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' vjolenza domestika u bejn l-imsieħba, l-introduzzjoni ta' linja telefonika ta' emerġenza u l-ftuħ ta' rifuġju ġdid; jinnota, madankollu, li l-vjolenza domestika għadha tqajjem tħassib kbir fis-Serbja; jitlob lill-gvern jipprovdi biżżejjed fondi u jagħmel biżżejjed sforzi għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-protokoll, jippromwovi r-rappurtar ta' każijiet u jiġbor u jaqsam informazzjoni u data bejn l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tan-nisa;

82.  Ifaħħar lill-Gvern Serb u l-Parlament Serb għall-kooperazzjoni tagħhom mill-qrib ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil ta' pjan ta' azzjoni biex tiġi implimentata r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jistieden lill-Gvern jipprovdi biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji għall-implimentazzjoni tagħha;

83.  Jitlob lill-awtoritajiet Serbi jtejbu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-ugwaljanza bejn is-sessi, speċjalment fil-livell lokali bejn il-gvernijiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali, fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' liġijiet u politiki dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-vjolenza sessista, u jipprovdu fondi strutturali għat-tħaddim ta' organizzazzjonijiet li jittrattaw il-vjolenza sessista;

o
o   o

84.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni.

(1) Anness tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2011.
(2) ĠU C 59, 23.2.2001, p. 258.
(3) ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 247.
(4) ĠU C 348 E, 21.12.2010, p. 11.
(5) ĠU C 21 E, 28.1.2010, p. 8.
(6) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 112.


Karta tal-UE: Regoli komuni għal-Libertà tal-Midja fl-UE kollha
PDF 308kWORD 149k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar il-Karta tal-UE: regoli komuni għal-libertà tal-midja fl-UE kollha (2011/2246(INI))
P7_TA(2013)0203A7-0117/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dikjarazzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Kumitat tal-Ministri u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, u d-dokumenti tal-Kummissjoni ta’ Venezja u tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-libertà tal-espressjoni, tal-informazzjoni u tal-midja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali, l-Artikoli 2, 7 u 9 sa 12 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-artikoli tat-Trattati marbutin mal-libertà tal-istabbiliment, il-libertà tal-għoti tas-servizzi, il-moviment liberu tal-persuni u l-merkanzija, il-kompetizzjoni u l-għajnuniet tal-Istat, u l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (kultura),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, magħruf bħala l-Protokoll ta’ Amsterdam,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-kordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolamentazzjoni jew b'azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-midja awdjoviżiva (id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva)(1),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar il-pluraliżmu tal-midja fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (SEC(2007)0032),

–  wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar il-Libertà tal-Istampa(2),

–  wara li kkunsidra t-twaqqif min-naħa tal-Kummissjoni ta’ Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Libertà u l-Pluraliżmu tal-Midja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2002 dwar il-konċentrazzjoni tal-midja(3), tal-4 ta’ Settembru 2003 dwar is-sitwazzjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2002)(4), tal-4 ta’ Settembru 2003 dwar Televiżjoni mingħajr Fruntieri(5), tas-6 ta' Settembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 89/552/KEE (“Televiżjoni mingħajr fruntieri’), kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE, għall-perijodu 2001-2002(6), tat-22 ta’ April 2004 dwar ir-riskji ta' ksur, fl-UE, u b' mod partikolari fl-Italja, tal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni (Artikolu 11(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali)(7), tal-25 ta’ Settembru 2008 dwar il-konċentrazzjoni u l-pluraliżmu fil-midja fl-Unjoni Ewropea(8), tal-25 ta' Novembru 2010 dwar 'ix-xandir għas-servizz tal-pubbliku fl-era diġitali: il-futur tas-sistema doppja(9), u tal-10 ta’ Marzu 2011 dwar il-liġi tal-midja fl-Ungerija(10),

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva Ewropea għall-Pluraliżmu tal-Midja(11) li ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni Ewropea u li għandha l-għan li tipproteġi l-pluraliżmu tal-midja permezz ta' armonizzazzjoni parzjali tar-regoli nazzjonali dwar is-sjieda u t-trasparenza tal-midja, il-konflitti ta' interess ma' karigi politiċi u l-indipendenza tal-awtoritajiet superviżorji tal-midja,

–  wara li kkunsidra l-Premessi 8 u 94 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva, li jiddelineaw il-ħtieġa għall-Istati Membri li jipprevjenu kull azzjoni li toħloq pożizzjonijiet dominanti jew tirrestrinġi l-pluraliżmu, u li jippermettu lill-korpi regolatorji indipendenti jwettqu xogħolhom b’mod trasparenti u imparzjali,

–  wara li kkunsidra x-xogħol magħmul mill-OSKE f’dak li għandu x’jaqsam mal-libertà tal-midja, b’mod partikolari r-Rappreżentant tagħha għal-Libertà tal-Midja, wara li kkunsidra r-rapporti relatati, u wara li kkunsidra d-diskors mogħti b’vidjo fis-smigħ dwar il-libertà tal-midja li sar mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern nhar is-6 ta’ Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-NGOs dwar il-midja, bħal dawk tar-Reporters Without Borders (Press Freedom Indexes) u ta’ Freedom House (ir-rapporti Freedom of the Press),

–  wara li kkunsidra l-istudji dwar il-kwestjonijiet marbutin mal-midja ppubblikati mill-Parlament(12), u miċ-Ċentru għall-Pluraliżmu u l-Libertà tal-Midja tal-Istitut Universitarju Ewropew(13),

–  wara li kkunsidra l-istudju indipendenti “The indicators for media pluralism in the Member States - Towards a risk-based approach’ magħmul fuq talba tal-Kummissjoni fl-2007 u ppubblikat fl-2009(14), li fih Għodda għall-Monitoraġġ tal-Midja hija definita b’indikaturi sabiex jiġi enfasizzat it-theddid għall-pluraliżmu tal-midja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7-0117/2013),

A.  billi l-midja għandha rwol fundamentali bħala “kelb tal-għassa pubbliku’ f’demokrazija, billi tippermetti liċ-ċittadini jeżerċitaw jeddhom li jkunu infurmati, li jiskrutaw u jiġġudikaw l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet ta’ dawk li jeżerċitaw jew għandhom is-setgħa jew l-influwenza, b’mod partikolari meta jkun hemm konsultazzjonijiet pubbliċi elettorali; billi jista’ jkollha wkoll parti fl-istabbiliment tal-aġenda pubblika billi tuża l-awtorità tagħha bħala kustodja tal-informazzjoni u għaldaqstant taġixxi bħala dik li ssawwar l-opinjonijiet;

B.  billi l-libertà tal-espressjoni fl-isfera pubblika wriet li hija ta’ kontribut għall-iżvilupp tad-demokrazija u l-istat tad-dritt innifsu, u fundamentali għall-eżistenza u s-sopravivenza tagħha; billi l-midja ħielsa u indipendenti u l-iskambju liberu tal-informazzjoni għandhom rwol deċiżiv fit-trasformazzjonijiet demokratiċi li jseħħu f’reġimi mhux demokratiċi, u l-Kummissjoni hi mitluba tissorvelja mill-qrib il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja fil-pajjiżi li se jaderixxu u tagħti attenzjoni suffiċjenti lir-rwol tal-midja libera fil-promozzjoni tad-demokrazija madwar id-dinja;

C.  billi l-libertà tal-midja hija pedament tal-valuri minquxin fit-Trattati, fosthom id-demokrazija, il-pluraliżmu, u r-rispett għall-jeddijiet tal-minoranzi; billi l-istorja tagħha, bl-isem ta’ “libertà tal-istampa’, kienet kostitwenti tal-progress tal-ideat demokratiċi u l-iżvilupp tal-ideal Ewropew fl-istorja;

D.  billi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja u l-ġurnaliżmu indipendenti huma elementi essenzjali għall-eżistenza nfisha tal-attività tal-midja madwar l-Unjoni kollha, u b’mod partikolari fis-suq uniku; billi, għalhekk, kwalunkwe restrizzjoni indebita tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja u l-indipendenza tal-ġurnaliżmu hi restrizzjoni fuq il-libertà ta’ opinjoni u anki fuq il-libertà ekonomika; billi l-ġurnalisti għandhom ikunu ħielsa mill-pressjoni tal-proprjetarji, tal-maniġers u l-gvernijiet kif ukoll mit-theddidiet finanzjarji;

E.  billi sfera pubblika awtonoma u b’saħħitha, ibbażata fuq midja indipendenti u pluralista, tikkostitwixxi l-ambjent essenzjali fejn il-libertajiet kollettivi tas-soċjetà ċivili, bħad-dritt ta’ għaqda u ta' assoċjazzjoni, kif ukoll il-libertajiet individwali, bħalma huma d-dritt tal-libertà ta' espressjoni u d-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni jistgħu jiffjorixxu;

F.  billi l-jeddijiet fundamentali taċ-ċittadini għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni jistgħu jiġu ggarantiti biss permezz tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, li permezz tagħhom il-ġurnalisti u l-midja jistgħu jeżerċitaw jeddhom u dmirhom li jinfurmaw b’mod ġust u newtrali u jirrapportaw b’mod imparzjali liċ-ċittadini dwar il-ġrajjiet u d-deċiżjonijiet ta’ interess pubbliku; billi l-membri kollha tas-soċjetà għandhom il-jedd ileħħnu fehmiethom b’mod demokratiku u paċifiku;

G.  billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li hemm obbligu pożittiv għall-Istati Membri biex tiżgura l-pluraliżmu tal-midja, naxxenti mill-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li jinkludi dispożizzjonijiet simili għal dawk li jinsabu fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tagħmel parti mill-acquis communautaire;

H.  billi l-informazzjoni fin-natura tagħha stess, u wkoll u b’mod partikolari b’riħet il-bidliet teknoloġiċi li seħħew matul dawn l-aħħar deċennji, tmur lil hinn mill-fruntieri ġeografiċi u għandha rwol kruċjali fl-għoti ta’ informazzjoni lill-komunitajiet nazzjonali li jgħixu barra mill-pajjiż, waqt li tagħti l-għodod li jippermettu l-għarfien u l-fehim reċiproku bejn il-fruntieri u l-pajjiżi; billi permezz ukoll tal-faċilitajiet onlajn, iżda mhux b'limitazzjoni għal dan biss, il-midja kisbet karattru globali li minnu issa jiddependu l-aspettattivi u l-ħtiġijiet tal-pubbliku, u b’mod partikolari l-konsumaturi tal-informazzjoni; billi l-bidliet fid-dinja tal-midja u fit-tekonoloġiji tal-komunikazzjoni ddefinixxew mill-ġdid l-arena tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-mod li bih tiġi infurmata n-nies u tissawwar l-opinjoni pubblika;

I.  billi sfera pubblika fl-Ewropa kollha bbażata fuq rispett kontinwu u bla interruzzjoni għal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja hija element kruċjali għall-proċess ta’ integrazzjoni tal-Unjoni, skont il-valuri minquxa fit-Trattati, mal-obbligu tar-responsabilità politika tal-istituzzjonijiet tal-UE u mal-iżvilupp tad-demokrazija Ewropea, pereżempju fil-każ tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew; billi l-pajsaġġ vibranti, kompetittiv u pluralistiku tal-midja, kemm dik stampata kemm dik awdjoviżiva, jistimula l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fid-dibattiti pubbliċi, li hi essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema demokratika;

J.  billi l-NGOs, l-assoċjazzjonijiet li jimmonitorjaw il-libertà tal-midja, il-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE, kif ukoll il-Parlament Ewropew fl-istudji u r-riżoluzzjonijet tiegħu, irrappurtaw u wissew dwar it-theddidiet għall-midja libera u indipendenti min-naħa tal-gvernijiet, inklużi l-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE(15);

K.  billi l-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE ttrattaw id-dimensjoni umana u demokratika tal-komunikazzjoni permezz ta' dikjarazzjonijiet, riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet, opinjonijiet u rapporti lkoll dettaljati dwar il-libertà, il-pluraliżmu u l-konċentrazzjoni tal-midja, u b’hekk ħolqu korp sinifikanti ta' standards komuni minimi pan-Ewropej f'dan il-qasam;

L.  billi l-Unjoni Ewropea hija impenjata li tipproteġi u tippromwovi l-pluraliżmu tal-midja bħala pilastru essenzjali tal-jedd għall-informazzjoni u l-jedd għal-libertà tal-espressjoni, li huma kisbiet sinifikattivi essenzjali għaċ-ċittadinanza attiva u d-demokrazija parteċipattiva, u huma mnaqqxin fl-Artikolu 11 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali;

M.  billi l-libertà tal-midja hi kriterju kwalifikanti għall-adeżjoni tal-pajjiżi kandidati għall-UE skont il-kriterji ta’ Kopenħagen, u hija wkoll wieħed mill-prinċipji promossi mill-UE fil-politika barranija tagħha; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom b’konsegwenza ta’ hekk imexxu bl-eżempju internament, biex b’hekk jiżguraw il-kredibilità u l-koerenza;

N.  billi l-Parlament ripetutament fisser it-tħassib tiegħu dwar il-libertà, il-pluraliżmu u l-konċentrazzjoni tal-midja, u talab lill-Kummissjoni, bħala l-għassies tat-Trattati, tieħu miżuri xierqa, inkluż billi tipproponi inizjattiva leġiżlattiva fuq il-materja;

O.  billi nhar is-16 ta’ Jannar 2007 l-Kummissjoni nediet “approċċ bi tliet stadji’, li jikkonsisti f’dan li ġej: Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-Pluraliżmu tal-Midja; studju indipendenti dwar il-pluraliżmu fil-midja fl-Istati Membri tal-UE, b'indikaturi għall-valutazzjoni tal-pluraliżmu tal-midja u l-identifikazzjoni tar-riskji potenzjali fl-Istati Membri (li kellu joħroġ fl-2007); u komunikazzjoni tal-Kumimssjoni dwar l-indikaturi għall-pluraliżmu fil-midja tal-Istati Membri (li kellha toħroġ fl-2008), segwita minn konsultazzjoni pubblika(16); billi l-għodda għall-pluraliżmu tal-midja deskritta fl-istudju indipendenti għadha trid tiġi implimentata;

P.  billi dan l-approċċ sfortunatament ma tkompliex mill-Kummissjoni, billi la l-komunikazzjoni u lanqas il-konsultazzjoni pubblika qatt ma tnedew;

Q.  billi, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali saret torbot; billi l-Karta hija l-ewwel dokument internazzjonali li espliċitament jiddikjara li l-“libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni għandhom ikunu rispettati’ (Artikolu 11(2)); billi t-Trattati jagħtu lill-UE mandat u setgħat ħalli tiżgura li l-jeddijiet fundamentali kollha jkunu mħarsa fl-Unjoni, l-aktar fuq il-bażi tal-Artikoli 2 u 7 tat-TUE;

R.  billi l-Istati Membri għandhom dmir li kostantement jippromwovu u jipproteġu l-libertà tal-opinjoni, l-espressjoni, l-informazzjoni u l-midja, peress li dawn il-prinċipji huma assigurati wkoll fil-kostituzzjonijiet u l-liġijiet tagħhom, u anki li jipprovdu liċ-ċittadini aċċess ġust u ekwu għal sorsi ta’ informazzjoni differenti u għaldaqstant għal aspetti u opinjonijiet li jvarjaw; billi barra minn hekk għandhom id-dmir li jirrispettaw u jipproteġu l-ħajja privata u dik tal-familja, id-djar u l-komunikazzjonijiet kif ukoll id-data personali taċ-ċittadini skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta; billi, jekk kemm-il darba dawn il-libertajiet jitqiegħdu f’riskju gravi jew jiġu vvjolati fi Stat Membru, l-Unjoni Ewropea tkun marbuta tintervjeni b’mod f’waqtu u effikaċi fuq il-bażi tal-kompetenzi tagħha kif minquxin fit-Trattati u fil-Karta, ħalli tħares l-ordni demokratiku u pluralistiku u l-jeddijiet fundamentali Ewropej;

S.  billi l-UE għandha kompetenzi fl-oqsma marbutin mal-midja bħalma huma s-suq intern, il-politika awdjoviżiva, il-kompetizzjoni (inklużi s-sussidji statali), it-telekomunikazzjonijiet u l-jeddijiet fundamentali; billi l-Parlament iddikjara li l-istandards minimi essenzjali għandhom ikunu definiti fuq din il-bażi, ħalli jkunu assigurati, iggarantiti u promossi l-libertà tal-informazzjoni u livell adegwat ta’ pluraliżmu fil-midja u governanza medjatika indipendenti(17); billi l-Kummissjoni fdat lis-Centre for Media Pluralism and Media Freedom tal-European University Institute bil-kompitu li jagħmel analiżi dwar l-ambitu tal-kompetenzi tal-UE fil-qasam tal-libertà tal-midja;

T.  billi tqajjem xi tħassib b’rabta mal-isfidi u l-pressjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom is-servizzi medjatiċi, b’mod partikolari x-xandara tas-servizz pubbliku f’termini ta’ indipendenza editorjali, reklutaġġ tal-persunal, prekarjat fl-impjiegi, awto-ċensura, pluraliżmu, newtralità u kwalità tal-informazzjoni, aċċess u finanzjament, ikkawżati minn interferenza politika u finanzjarja mhux xierqa, kif ukoll mill-kriżi ekonomika;

U.  billi jitqanqal ċertu tħassib fir-rigward tar-rata għolja ta' qgħad tal-ġurnalisti fl-Ewropa, u fir-rigward tal-proporzjon għoli tagħhom li jaħdmu bħala ġurnalisti indipendenti, bi stabilità u appoġġ limitati, u fi kliem ta’ inċertezza kbira;

V.  billi l-midja privata tħabbat wiċċha ma' konċentrazzjoni kulma qed tikber kemm domestika kemm transfrunterjali li qed tikber, bil-konglomerati tal-midja jiddistribwixxu l-prodotti tagħhom f'pajjiżi differenti, billi jkabbru l-investiment fil-midja intra-UE, u l-investituri u l-midja mhux Ewropej jeżerċitaw influwenza kulma jmur qed tikber fl-Ewropa li twassal għall-monopolizzazzjoni tal-informazzjoni filwaqt li jiddgħajjef il-plurliżmu tal-opinjonijiet; billi hemm ċertu tħassib rigward il-għejun tal-finanzjament ta’ xi midja privata, inkluż ta’ xi wħud fl-Unjoni Ewropea;

W.  billi l-pubbliku Ewropew, kif intwera permezz ta’ bosta inkjesti, studji tal-opinjoni u inizjattivi pubbliċi, leħħen it-tħassib tiegħu fir-rigward tad-deterjorament tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, u talab ripetutament li l-UE tieħu azzjoni għaż-żamma tal-libertà tal-midja u l-iżvilupp ta’ pajsaġġ medjatiku b’saħħtu, indipendenti u pluralista;

X.  billi t-tħaffif taċ-ċiklu tal-aħbarijiet wassal għal nuqqasijiet serji min-naħa tal-ġurnalisti, bħalma huma n-nuqqas ta’ kontroll u verifiki doppji tal-għejun ġurnalistiċi;

Y.  billi l-iżvilupp tal-ambjent diġitali jista’ jkollu rwol essenzjali għall-aċċess għall-informazzjoni online taċ-ċittadini Ewropej;

Z.  billi l-pajsaġġ medjatiku għaddej minn bidliet fundamentali; billi, partikolarment f’dan il-mument ta’ kriżi ekonomika, proporzjon li kulma jmur qed jikber ta’ ġurnalisti qed jaħdmu f’kundizzjonijiet prekarji ta’ impjieg u qed jiffaċċaw nuqqas ta’ sigurtà soċjali, apparagun tal-istandards tas-suq tax-xogħol, u jridu wkoll jħabbtu wiċċhom ma’ sfidi marbutin għall-futur tal-ġurnaliżmu;

AA.  billi intbagħtu petizzjonijiet lill-Parlament dwar l-istess tħassib u talbiet taċ-ċittadini, li jixhdu talba għal azzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet, u b’mod partikolari l-Parlament;

AB.  billi l-bidliet teknoloġiċi li ġabu magħhom l-Internet, is-sistemi tal-informatika personali, u iktar riċenti s-sistemi tal-informatika mobbli biddlu b’mod radikali l-infrastruttura tal-informazzjoni b’tali mod li kellhom konsegwenzi fuq il-mudell kummerċjali tal-midja iktar tradizzjonali, b’mod partikolari d-dipendenza tagħha fuq is-suq tar-riklami, u b’hekk ipperikolaw is-sopravivenza tal-midja tal-istampa li twettaq rwol ciċviku u demokratiku importanti; billi għaldaqstant huwa l-obbligu tal-awtoritajiet pubbliċi, kemm fil-livell tal-Istat Membri kif ukoll f’dak tal-Unjoni, li joħolqu sett ta’ għodod li jkun disponibbli matul il-perjodu preżenti ta’ tranżizzjoni u li jgħin biex tiġi garantita s-sopravvivenza tal-valuri u r-responsabilitajiet tal-midja indipendenti, irrispettivament mill-pjattaforma teknoloġika li se jassumu issa jew fil-futur; f’dan ir-rigward jistieden lill-Kummissjoni tagħmel studju dwar l-effetti tal-bidla teknoloġika fuq il-mudell kummerċjali tal-midja u l-konsegwenzi tagħha għal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja;

AC.  billi l-kriżi ekonomika riċenti kompliet aggravat id-diffikultajiet tal-midja tal-istampa u, minħabba l-prekarjetà kulma qed tikber tar-rwol tal-ġurnalisti, wasslet biex il-pajsaġġ medjatiku jisfa aktar vulnerabbli għall-pressjoni ekonomika u politika, u saret ukoll iktar fraġli fiha nnifisha; dawn il-fenomeni kellhom konsegwenzi partikolari għal dawk il-ġeneri ġurnalistiċi li huma aktar għaljin jew li jieħdu aktar ħin biex jiġu żviluppati, bħalma hu l-ġurnaliżmu investigattiv, ir-rapportaġġ, u l-kollokazzjoni ta’ korrispondenti internazzjonali u Ewropej; billi dawn it-tipi ta’ ġurnaliżmu huma essenzjali biex jiġu garantiti r-responsabilizzazzjoni u r-responsabilità politika tal-awtoritajiet pubbliċi u politiċi, biex jintemmu l-abbużi tas-setgħa ekonomika u istituzzjonali, u biex jiġu żgurati l-iżvelar u l-prosekuzzjoni tal-attività kriminali fl-oqsma soċjali, ambjentali u umanitarji; jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-effetti tal-kriżi u tal-impjieg prekarju fuq il-komunità ġurnalistika, bl-għan li jiġu analizzati u jsir tentattiv biex jiġu rrimedjati l-konsgwenzi tagħhom fuq il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja;

AD.  billi t-tibdil teknoloġiku, popolazzjoni diversa ta’ ġurnalisti professjonisti indipendenti, u l-kisba tal-kompetenzi varji meħtieġa biex tinġabar u tiġi prodotta informazzjoni ta’ kwalità llum joħolqu wkoll opportunitajiet għall-ħolqien ta’ impriżi ġurnalistiċi ġodda transnazzjonali u li jistgħu joperaw fuq pjattaformi differenti li jistgħu jiġu appoġġati permezz ta’ politiki pubbliċi kif ukoll ibbażati fuq is-suq;

1.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Unjoni Ewropea jirrispettaw, jiggarantixxu, iħarsu u jippromwovu l-jedd fundamentali għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, u l-libertà tal-midja u l-pluraliżmu, u b’hekk iżommu lura milli jeżerċitaw, u jiżviluppaw mekkaniżmi li jimpedixxu, it-theddid għal-libertà tal-midja bħalma huma t-tentattivi għall-influwenzar indebitu u politiku u l-impożizzjoni ta’ kontroll u ċensura partiġjani fuq il-midja, jew il-limitazzjoni jew ir-restrizzjoni ħażina tal-libertà u l-indipendenza tal-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa fis-servizz tal-interessi privati jew politiċi, jew it-theddid finanzjarju għax-xandara tas-servizz pubbliku;

2.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jiżguraw li jkun hemm proċeduri u mekkaniżmi legalment vinkolanti għall-għażla u l-ħatra tal-kapijiet tal-midja pubbliċi, tal-bordijiet tal-ġestjoni, tal-kunsill tal-midja u tal-korpi regolatorji, li jkunu trasparenti, imsejsin fuq il-mertu u fuq l-esperjenza indiskussa u li jiżguraw l-professjonalità, l-integrità u l-indipendenza, kif ukoll il-kunsens massimu f’termini ta’ rappreżentanza tal-ispettru politiku u soċjali sħiħ, iċ-ċertezza tal-liġi u l-kontinwità tal-liġi aktar milli l-kriterji politiċi jew partiġjani li huma msejsin fuq sistema ta’ “bottin u rikompensa’ marbuta mar-riżultati elettorali jew soġġetti għal dak li jkunu fil-poter; jinnota l-fatt li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi ġabra ta’ kriterji għall-ħatra ta’ kapijiet jew bords tal-midja statali, b’konformità mal-prinċipji ta’ indipendenza, integrità, esperjenza u professjonaliżmu; jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu garanziji biex tiġi pprovduta l-indipendenza tal-kunsilli medjatiċi u l-korpi regolatorji mill-influwenza politika tal-gvern, tal-maġġoranza parlamentari jew ta’ kwalunkwe grupp ieħor tas-soċjetà;

3.  Jenfasizza li l-pluraliżmu fil-midja u l-indipendenza ġurnalistika u editorjali huma pilastri tal-libertà tal-midja, f’termini ta’ żgurar li l-midja jkunu diversifikati, tal-għoti tal-aċċess għall-atturi soċjali u politiċi differenti, għall-opinjonijiet u veduti differenti (inklużi tal-NGOs, tal-għaqdiet taċ-ċittadini, tal-minoranzi, eċċ) u l-offerta ta’ gamma wiesgħa ta’ veduti;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-komunitajiet kulturali li huma maqsuma f’diversi gvernijiet reġjonali u Stati Membri jkun jista’ jkollhom aċċess għal midja f’ilsienhom, u li l-ebda deċiżjoni politika ma tittieħed li tkun tista’ ttemm dan l-aċċess;

5.  Ifakkar li, skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-istati li huma parti għall-Konvenzjoni marbutin jiggarantixxu l-pluraliżmu tal-midja skont it-termini tal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jirrimarka li l-Artikolu 10 ta’ dik il-Konvenzjoni fih dispożizzjonijiet simili għal dawk tal-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tifforma parti mill-acquis Komunitarju;

6.  Jinsisti li l-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura li l-Istati Membri jiggarantixxu f'pajjiżhom applikazzjoni kif suppost tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif espressa permezz tal-pluraliżmu tal-midja, l-aċċess ugwali għall-informazzjoni u r-rispett għall-indipendenza tal-istampa permezz tan-newtralità;

7.  Jinnota li, skont il-kriterji ta' Kopenħagen, il-pajjiżi li jixtiequ jaderixxu mal-Unjoni Ewropea jridu jkunu konformi mal-acquis tal-Unjoni li jinkludi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u, b'mod aktar partikolari, l-Artikolu 11 tagħha li jirrikjedi rispett għal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja; jinnota, bil-kontra, li għalkemm l-Istati Membri eżistenti huma wkoll obbligati jikkonformaw mal-Karta, ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu biex jiżgura li qed jikkonformaw;

8.  Jissottolinja r-rwol fundamentali ta’ sistema dwali Ewropea li tkun ġenwinament ekwilibrata, li fiha l-midja tas-servizzi privati u pubbliċi jkollhom ir-rwoli rispettivi tagħhom li jkun ippreżervati, kif mitlub mill-Parlament, mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-Ewropa; jinnota li f’soċjetà multimedjali li fiha issa hawn numri kulma jmur jikbru ta’ atturi tas-suq globali mmexxija minn kunsiderazzjonijiet kummerċjali, il-midja tas-servizz pubbliku huma essenzjali; ifakkar fir-rwol importanti tal-midja tas-servizz pubbliku ffinanzjat miċ-ċittadin permezz tal-istat biex ikunu sodisfatti ħtiġiethom, kif ukoll id-dmir istituzzjonali tagħhom li jagħtu informazzjoni ta’ kwalità għolja, preċiża u affidabbli għal gamma wiesgħa ta’ udjenzi, li jkunu indipendenti minn pressjonijiet esterni u interessi privati jew politiċi, filwaqt li joffru spazju għal niċeċ li għandu mnejn ma jkunux iħallu profitt għall-midja privati; jisħaq li l-midja privati għandhom dmirijiet simili b’rabta mal-informazzjoni, b’mod partikolari l-informazzjoni ta' natura istituzzjonali u politika, eż., fil-kuntest bħal dak tal-elezzjonijiet, referenda, eċċ.; jisħaq dwar il-ħtieġa li tkun iggarantita l-indipendenza professjonali tal-aġenziji nazzjonali tal-aħbarijiet ħalli jkun evitat il-ħolqien tal-monopolji tal-aħbarijiet;

9.  Jirrikonoxxi li awtoregolamentazzjoni kontinwa u inizjattivi mhux leġiżlattivi, li jkunu indipendenti, imparzjali u trasparenti, għandhom rwol importanti fl-iżgurar tal-libertà tal-midja; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tappoġġa l-indipendenza tal-midja u l-aġenziji regolatorji tagħha kemm mill-istat (inkluż fil-livell Ewropew) kif ukoll minn interessi kummerċjali qawwija;

10.  Ifakkar fir-rwol speċifiku u distint tal-midja tas-servizz pubbliku, kif jingħad fil-Protokoll ta’ Amsterdam dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri;

11.  Ifakkar li l-Protokoll 29 tat-Trattati jirrikonoxxi li s-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri hi direttament marbuta mal-ħtiġiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta' kull soċjetà u mal-ħtieġa tal-preżervazzjoni tal-pluraliżmu tal-midja; għaldaqstant jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw is-servizzi pubbliċi tax-xandir biss sa kemm dan jingħata għas-sodisfaċiment tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku, u mingħajr ma jintlaqtu l-kondizzjonijiet tal-kummerċ u l-kompetizzjoni fl-Unjoni sal-punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni;

12.  Jenfasizza l-importanza ta’ finanzjament xieraq, proporzjonat u stabbli għall-midja tas-servizz pubbliku sabiex tkun garantita l-indipendenza politika u ekonomika ħalli jkunu jistgħu jwettqu l-mandat sħiħ tagħhom – inkluż ir-rwol soċjali, edukattiv, kulturali u demokratiku tagħhom – u jkun jistgħu jadattaw għall-bidliet diġitali u jikkontribwixxu għal soċjetà tal-informazzjoni u tal-għarfien inklużiva, li fiha l-midja rappreżentattivi u ta' kwalità għolja jkunu disponibbli għal kulħadd; ifisser it-tħassib tiegħu dwar it-tendenza kurrenti f’xi Stati Membri li japplikaw il-qtugħ baġitarja jew inaqqsu l-attivitajiet tal-midja tas-servizz pubbliku, billi dan inaqqsilhom ħilithom li jwettqu l-missjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jreġġgħu lura din it-tendenza u jiżguraw li l-midja tas-servizz pubbliku jirċievu finanzjament adegwat, sostenibbli u prevedibbli;

13.  Jisħaq li l-miżuri għar-regolament tal-aċċess tal-mezzi tal-midji għas-suq permezz ta' liċenzjar tax-xandira u proċeduri ta' awtorizzazzjoni, regoli dwar il-ħarsien tas-sigurtà statali, nazzjonali u militari u l-ordni pubbliku u r-regoli dwar il-morali pubblika u l-ħarsien tat-tfal ma għandhomx ikunu abbużati għall-iskop li jkunu imposti kontrolli jew ċensura politiċi jew partiġjani fuq il-midja jew ikun impedit il-jedd fundamentali taċ-ċittadini li jkunu infurmati dwar kwestjonijiet ta’ interess u importanza pubbliċi; jisħaq li għandu jiġi żgurat ekwilibriju xieraq f’dan ir-rigward; iwissi li l-midja ma għandhomx ikunu mheddin bl-influwenza ta’ gruppi ta’ interess speċifiku jew lobbies, atturi ekonomiċi, jew gruppi reliġjużi;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni u tal-midja ħalli jiżguraw il-kompetizzjoni biex ikunu indirizzati u prevenuti l-pożizzjoinijiet dominanti, possibilment billi jsiru livelli massimi aktar baxxi ta' kompetizzjoni fl-industrija tal-midja milli fi swieq oħrajn, ħalli jkun iggarantit l-aċċess ta' atturi ġodda għas-suq, ħalli jkun hemm intervent meta l-midja tkun eċċessivament ikkonċentrata u fejn il-pluraliżmu, l-indipendenza u l-libertà tal-midja jkunu fil-periklu, ħalli jkun żgurat li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkollhom aċċess għal midja liberi u diversifikati fl-Istati Membri kollha, u jirrakkomandaw it-titjib fejn ikun meħtieġ; jagħmel enfasi li l-eżistenza ta’ gruppi tal-istampa li s-sidien tagħhom ikunu impriżi li jkollhom is-setgħa jaġġudikaw kuntratt ta' akkwist pubbliku tirrappreżenta theddida għall-indipendenza tal-midja; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta kif ir-regoli eżistenti tal-kompetizzjoni jirrelataw mal-konċentrazzjoni kulma jmur tikber tal-midja kummerċjali fl-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi miżuri konkreti għas-salvagwardja tal-pluraliżmu fil-midja u għall-prevenzjon ta' konċentrazzjoni eċċessiva tal-midja;

15.  Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni għal-livell ta’ konċentrazzjoni fil-proprjetà tal-midja fl-Istati Membri, filwaqt li jkun sottolinjat li l-kunċett tal-pluraliżmu tal-midja jkopri spettru usa’ ta’ kwestjonijiet, bħalma hi l-projbizzjoni taċ-ċensura, il-protezzjoni tal-għejun u tal-whistleblowers, kwestjonijiet marbutin mal-pressjoni mill-atturi politiċi u l-forzi tas-suq, it-trasparenza, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ġurnalisti, l-awtoritajiet ta' kontroll tal-midja, id-diversità kulturali, l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda, aċċess mhux ristrett għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, l-aċċess mhux iċċensurat għall-Internet u d-distakk diġitali; jemmen li l-proprjetà u l-ġestjoni tal-midja għandhom ikunu trasparenti u ma jkunux ikkonċentrati; jisħaq li l-konċentrazzjoni tal-proprjetà tagħmel ħsara lill-pluraliżmu u lid-diversità kulturali u twassal għal uniformità fil-kontenut tal-midja;

16.  Jitlob li jkun hemm regoli li jiżguraw li l-kunflitti ta’ interess bħal dawk li jirriżultaw mill-amalgamazzjoni tal-kariga politika mal-kontroll fuq il-mezzi tal-midja jkunu indirizzati u riżolti kif jixraq, u b'mod partikolari li l-proprjetarji benefiċjarji tal-konglomerati tal-midja jkunu dejjem pubbliċi ħalli ma jkunx hemm kunflitti ta' interess; jitlob li jkun hemm implimentazzjoni effettiva ta' regoli ċari ħalli jkunu żgurati proċeduri trasparenti u ġusti għall-finanzjament tal-midja u għall-allokazzjoni tar-reklami u l-isponsorizzazzjonijiet tal-Istat, ħalli jkun iggarantit li dawn ma jikkawżawx interferenzi mal-libertà tal-informazzjoni u l-espressjoni, mal-pluraliżmu jew mal-linja editorjali tal-midja, u jitlob lill-Kummissjoni illi timmonitorjah dan;

17.  Jenfasizza li minkejja l-użu tal-politika tal-kompetizzjoni fir-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet u, b'mod partikulari, l-Artikolu 21(18), intwera tħassib li dawn l-istrumenti ma jikkontrollawx b'mod adegwat il-konċentrazzjoni tal-midja minħabba problemi ta' delimitazzjoni tas-swieq, u f'xi każijiet mergers kbar transmidja ma jilħqux il-livell minimi ta' introjtu stipulati fil-politika tal-kompetizzjoni tal-UE u ta' pluraliżmu tal-midja;

18.  Jenfasizza li s-setgħa tas-suq fl-industrija tal-midja ġejja mhux biss minn pożizzjoni ta' monopolju li tippermettilhom li jiffissaw il-prezzijiet iżda wkoll mill-influwenza politika li twassal għall-kontroll tar-regolamentazzjoni, bir-riżultat li jkun aktar diffiċli li jitħattew il-pożizzjonijiet dominanti ladarba jiġu stabbiliti; jappella biex jiġu ffissati livelli minimi ta' kompetizzjoni aktar baxxi fl-industrija tal-midja milli fi swieq oħrajn;

19.  Ifakkar lill-Kummissjoni li f'diversi okkażjonijiet fl-imgħoddi hija ġiet mistoqsija dwar il-possibilità li jiġi intorodott qafas legali biex jipprevjeni l-konċentrazzjoni tas-sjieda u l-abbuż tal-pożizzjonijiet dominanti; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri konkreti biex tissalvagwardja l-pluraliżmu tal-midja inkluż qafas leġiżlattiv dwar ir-regoli tas-sjieda tal-midja u l-introduzzjoni ta' standards minimi għall-Istati Membri;

20.  Jissottolinja l-importanza li tkun żgurata l-indipendenza tal-ġurnalisti, kemm minn pressjonijiet interni mill-edituri, mill-pubblikaturi jew mis-sidien u b’mod estern mil-lobbies politiċi jew ekonomiċi jew minn gruppi ta’ interess oħrajn, u jisħaq dwar l-importanza tal-karti editorjali jew kodiċijiet ta’ mġiba dwar l-indipendenza editorjali billi dawn ma jħallux lis-sidien, gvernijiet jew partijiet interessati esterni jinterferixxu fil-kontenut tal-aħbarijiet; jenfasizza l-importanza tal-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni mingħajr kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni u abbażi ta’ ugwaljanza u trattament ugwali; jaċċentwa l-fatt li l-jedd għall-aċċess għal dokumenti u informazzjoni pubbliċi huwa fundamentali għall-ġurnalisti u ċ-ċittadini, u jitlob lill-Istati Membri jwaqqfu qafas legali robust u estensiv fir-rigward tal-libertà tal-informazzjoni mill-gvern u l-aċċess għal dokumenti ta’ interess pubbliku; jappella lill-Istati Membri jagħtu garanziji ġuridiċi fir-rigward tal-ħarsien sħiħ tal-prinċipju tal-kunfidenzjalità tal-għejun, u jappella għal applikazzjoni stretta tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’dan il-qasam, inkluż b’rabta mal-whistle-blowing;

21.  Jitlob li l-ġurnalisti jkunu mħarsa mill-pressjonijiet, mill-intimidazzjoni, mill-assillament, mit-theddid u mill-vjolenza, filwaqt li jfakkar li l-ġurnalisti investigattivi spiss jisfaw mheddin, attakkati fiżikament u saħansitra jsofru attentati fuq ħajjithom bħala riżultat tal-attivitajiet tagħhom; jisħaq dwar l-importanza li jkunu żgurati l-ġustizzja u t-taqbid kontra l-impunità għal tali atti, ukoll billi jiġi indikat l-effett tagħhom li jmewwet l-espressjoni libera, li mbagħad iwassal lill-midja għall-awto-ċensura; jagħmel enfasi li l-ġurnaliżmu investigattiv jgħin fil-monitoraġġ tad-demokrazija u tal-governanza t-tajba, kif ukoll jikxef l-irregolaritajiet u r-reati, u b’hekk jisfa ta’ għajnuna għall-awtoritajiet tal-prosekutriċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-UE jappoġġja u jippromwovu l-ġurnaliżmu investigattiv u jippromwovu l-ġurnaliżmu etiku fil-midja billi jiżviluppaw standards professjonali u proċeduri xierqa ta’ rimedju, l-aktar permezz ta’ taħriġ professjonali u kodiċijiet ta’ mġiba magħmulin mill-assoċjazzjonijiet u l-unions tal-midja;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni li tipprevjeni li l-kmamar tal-aħbarijiet jiġu infiltrati minn uffiċjali tal-intelligence minħabba li dawn il-prattiki jipperikolaw ferm il-libertà tal-espressjoni peress li jagħtu lok għas-sorveljanza tal-kmamar tal-aħbarijiet u jiġġeneraw klima ta' sfiduċja, jostakolaw il-ġbir tal-informazzjoni, jheddu l-kunfidenzjalità tal-għejun u, fl-aħħar mill-aħħar, huma tentattiv ta' diżinformazzjoni u ta' manipulazzjoni tal-pubbliku, kif ukoll jagħmlu ħsara lill-kredibilità tal-midja;

23.  Jenfasizza li għadd li kulma jmur qed jikber ta' ġurnalisti jsibu lilhom infushom impjegati b'kundizzjonijiet prekarji, mingħajr garanziji soċjali li huma użwali fis-suq normali tal-impjiegi, u jappella għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-professjonisti tal-midja; jenfasizza li l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ġurnalisti jimxu mad-dispożizzjonijiet tal-Karta Soċjali Ewropea; jenfasizza l-importanza tal-kuntratt kollettivi għall-ġurnalisti u tar-rappreżentanza trejdunjonistika tal-kollettivi tal-ġurnalisti, li għandhom ikunu permess għall-impjegati kollha wkoll jekk membri ta' grupp żgħir, jaħdmu f'kumpaniji żgħar jew ikollhom kuntratti ta' forma mhux standard, bħalma x-xogħol temporanju jew interim, billi s-sigurtà tal-impjieg tippermettilhom li jitkellmu u jaġixxu flimkien u b'aktar faċilità u jiddefendu b'effettività akbar l-istandards professjonali tagħhom;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li fil-midja jiġi promoss il-ġurnaliżmu etiku; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi strument (eż. permezz ta' rakkomandazzjoni, bħalma hi r-rakkomandazzjoni tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-minuri u tad-dinjità tal-bniedem u dwar il-jedd tar-replika b’rabta mal-kompetittività tal-industrija Ewropea tas-servizzi awdjoviżivi u tal-informazzjoni onlajn) sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jistiednu lis-settur tal-midja jiżviluppa standards professjonali u kodiċijiet ta' etika li jkunu jinkludu l-obbligu li fir-rappurtar tiġi indikata d-differenza bejn il-fatti u l-opinjonijiet, il-ħtieġa tal-preċiżjoni, l-imparzjalità u l-oġġettività, ir-rispett għall-privatezza tal-persuni, id-dmir li d-diżinformazzjoni tiġi korretta u l-jedd tar-replika; dan il-qafas għandu jipprevedi l-istabbiliment mis-settur tal-midja ta' awtorità regolatorja indipendenti dwar il-midja – li tkun taħdem indipendentement mill-indħil politiku jew estern ieħor – li tkun tista’ tittratta ilmenti dwar l-istampa bbażati fuq l-istandards professjonali u l-kodiċijiet ta' etika, u li jkollha l-awtorità li timponi sanzjonijiet xierqa;

25.  Jitlob lill-Istati Membri kollha li fihom id-diffamazzjoni hija reat li jiddekriminalizzawha kemm jista’ jkun malajr; jiddispjaċih li jsiru l-pressjonijiet, il-vjolenza u l-assilment kontra l-ġurnalisti u l-midja f’bosta Stati Membri, inkluż meta jkunu qed jiġu koperti d-dimostrazzjonijiet u l-avvenimenti pubbliċi, u meta jqanqlu l-preokkupazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali u fost l-akkademiċi u fis-soċjetà ċivili; jagħmel enfasi dwar l-importanza li jkun hemm id-djalogu mal-awtoritajiet ħalli jkun żgurat li l-libertà u l-indipendenza tal-midja ma jitqegħdux fil-periklu, li l-ilħna kritiċi ma jisfawx maħnuqa u li l-persunal tal-eżekuzzjoni tal-liġi jirrispetta r-rwol li għandhom il-midja u jiżguraw li jkunu jistgħu jirrapportaw liberament u fis-sigurtà;

26.  Jissottolinja l-importanza tat-twaqqif ta’ korpi tal-midja li jirregolaw lilhom infushom, bħalma huma l-kummissjonijiet għall-ilmenti u l-ombudspersons, u jappoġġja l-isforzi prattiċi, minn isfel għal fuq mibdija minn ġurnalisti Ewropej biex jiddefendu l-jeddijiet fundamentali tagħhom billi fetħu ċentru ta' depożitu ta' ilmenti biex jiġu ddokumentati vjolazzjonijiet allegati ta' dawk il-jeddijiet, l-aktar jeddhom għall-espressjoni, (inlinja mal-proġett pilota li kien adottat mill-plenarja bħala parti mill-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-baġit 2013 nhar it-23 ta' Ottubru 2012);

27.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' regoli b’rabta mal-informazzjoni politika fis-settur kollu tal-midja awdjoviżiva, ħalli jkun iggarantit l-aċċess ġust lill-kompetituri, opinjonijiet u veduti politiċi differenti, b'mod partikolari fl-okkażjoni tal-elezzjonijiet u r-referenda, ħalli jkun żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jifformaw l-opinjonijiet tagħhom mingħajr influwenza mhux xierqa minn xi poter dominanti wieħed tal-formazzjoni tal-opinjoni; jisħaq li tali regoli jeħtieġ li jkunu eżegwiti kif jixraq mill-korpi regolatorji;

28.  Jisħaq li l-jedd fundamentali għal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja mhuwiex biss riżervat għall-midja tradizzjonali, iżda jkopri wkoll il-midja soċjali u forom oħrajn ta' midja ġodda; jissottolinja l-importanza li tkun żgurata l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni fuq l-internet, l-aktar permezz tal-garanzija tan-newtralità tan-net, u għaldaqstant jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li dawn il-jeddijiet u libertajiet jkunu rispettati bis-sħiħ fuq l-internet b'rabta mal-aċċess mhux ristrett għall-informazzjoni, u mal-għoti u maċ-ċirkolazzjoni tal-istess; iwissi kontra kull tentattiv mill-awtoritajiet li jirrikjedu reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni jew li jrażżnu kontenut li jallegaw li jkun ta’ dannu; jagħraf li l-għoti tas-servizzi tal-internet mill-midja tas-servizz pubbliku jikkontribwixxi għall-missjoni tagħhom li jiżguraw li ċ-ċittadini jkun jista' jkollhom aċċess għall-informazzjoni u jifformaw fehmiethom minn varjetà ta' għejun;

29.  Jagħmel enfasi fuq l-importanza kulma jmur qed tikber tal-aggregaturi tal-aħbarijiet, is-search engines u intermedjarji oħrajn fit-tixrid tal-informazzjoni u l-kontenut tal-aħbarijiet fuq l-internet u l-aċċess għalihom; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi dawn l-atturi tal-internet fil-qafas regolatorju tal-UE meta tkun qed tirrevedi d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva, ħalli jiġu ttrattati l-problemi tad-diskriminazzjoni tal-kontenut u d-distorsjoni tal-għażla tal-għajn;

30.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, fil-qafas tal-politika tal-Kummissjoni tal-litteriżmu medjatiku, illi jagħtu biżżejjed attenzjoni lill-importanza tal-edukazzjoni dwar il-midja fil-għoti ta’ ħiliet ta’ interpretazzjoni kritika liċ-ċittadini u l-kapaċità li jgħarblu l-volum kulma jmur qed jikber ta' informazzjoni;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika jekk l-Istati Membri jallokawx il-liċenzji tagħhom tax-xandir abbażi ta' kriterji oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati;

32.  Jissottolinja l-importanza u l-urġenza li jkunu mmonitorjati annwalment il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja fl-Istati Membri kollha u r-rapportaġġ fuq bażi ta' kull sena dwar din il-materja, fuq il-bażi ta' standards dettaljati żviluppati mill-Kunsill tal-Ewropa u mill-OSKE u fuq l-approċċ analitiku bbażat fuq ir-riskju u indikaturi żviluppati mill-istudju indipendenti imwettaq għall-Kummissjoni flimkien mal-NGOs, il-partijiet interessati u l-esperti, inkluż billi jsiru monitoraġġ u superviżjoni tal-iżvilupp u tat-tibdiliet fil-leġiżlazzjoni tal-midja u l-impatt ta’ kull leġiżlazzjoni adottata fl-Istati Membri li tolqot il-libertà tal-midja, l-aktar b’rabta mal-interferenza min-naħa tal-gvern, kif ukoll il-prattiki tajba għad-definizzjoni tal-istandards tas-servizz pubblika kemm għall-kanali pubbliċi kemm għal dawk privati; jissottolinja l-importanza li dawn l-istandards komuni Ewropej ikunu magħrufa lill-pubbliku inġenerali; jemmen li l-Kummissjoni, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u/jew iċ-Ċentru għall-Pluraliżmu tal-Midja u l-Libertà tal-Midja tal-Istitut Universitarju Ewropew għandhom iwettqu dan il-kompitu u jippubblikaw rapport annwali bir-riżultati tal-monitoraġġ; jemmen li l-Kummissjoni għandha tippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament u lill-Kunsill u tagħmel proposti għal kwalunkwe azzjonijiet u miżuri li joħorġu mill-konklużjonijiet tagħha dwar ir-rapport;

33.  Jemmen li l-UE għandha l-kompetenzi biex tieħu miżuri leġiżlattivi biex tiggarantixxi, tipproteġi u tippromwovi l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu, tal-anqas daqs kemm għandha fir-rigward tal-protezzjoni tal-minorenni u tad-dinjità tal-bniedem, tad-diversità kulturali, tal-aċċess taċ-ċittadini għall-informazzjoni dwar u/jew kopertura ta' ġrajjiet importanti, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, tal-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-komunikazzjonijiet kummerċjali, id-dritt tat-tweġiba, li huma aspetti ta' interess ġenerali koperti mid-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżivi (AVMSD); fl-istess waqt jemmen li kull regolamentazzjoni għandha titwettaq abbażi ta' analiżi dettaljata u bir-reqqa tas-sitwazzjoni fl-UE u fl-Istati Membri tagħha, tal-problemi li jridu jissolvew u l-aħjar modi biex dawn jiġu indirizzati; jemmen l-inizjattivi mhux leġiżlattivi, bħall-monitoraġġ, l-awtoregolazzjoni, il-kodiċijiet ta' mġiba, kif ukoll l-attivazzjoni tal-Artikolu 7 TUE, meta jkun il-każ, jiġu persegwiti, kiuf mitlub mill-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati u filwaqt li jitqies li wħud mill-akbar theddidiet għal-libertà tal-midja f'xi Stati Membri ġejjin minn atti leġiżlattivi adottati riċentement;

34.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni illi tirrevedi d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (AVMSD) u twessagħlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-istandards minimi għar-rispett, il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-jedd fundamentali għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, u tiżgura l-applikazzjoni sħiħa tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Konvenzjoni Ewropea tal-Jeddijiet tal-Bniedem u tal-ġurisprudenza marbuta mal-obbligi pożittivi fil-qasam tal-midja, billi l-objettiv tad-direttiva hu li jinħoloq spazju mingħajr fruntieri interni għas-servizzi tal-midja awdjoviżivi filwaqt li jiġi żgurat, fl-istess ħin, livell għoli ta' protezzjoni tal-objettivi ta' interess ġenerali, bħalma hi l-implimentazzjoni ta’ qafas leġiżlattiv u amministrattiv xieraq biex jiggarantixxu pluraliżmu effettiv(19); b’konsegwenza ta’ hekk, jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi u temenda l-AVMSD ħalli tiżgura – kif jiġri għall-mudell tal-awtoritajiet regolatarji fil-qafas tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, u abbażi tal-istess – li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu kompletament indipendenti, imparzjali u trasparenti f’dak li għandu x'jaqsam mal-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, l-eżerċizzju ta' dmirjiethom u setgħathom u l-proċess ta' monitoraġġ, effikaċement iffinanzjati ħalli jwettqu l-attivitajiet tagħhom, u jkollhom poteri xierqa ta' sanzjonament ħalli jiżguraw li d-deċiżjonijiet tagħhom ikunu implimentati;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi fil-valutazzjoni u r-reviżjoni tal-AVMSD id-dispożizzjonijiet ukoll dwar it-trasparenza tal-proprjetà tal-midja, il-konċentrazzjoni tal-midja, ir-regoli dwar il-kunflitt ta' interess ħalli tkun prevenuta l-influwenza indebita fuq il-midja min-naħa tal-forzi politiċi u ekonomiċi, u l-indipendenza tal-korpi ta' superviżjoni tal-midja; jitlob lill-Kummissjoni tniedi komunikazzjoni li timplimenta l-indikaturi tal-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu fil-Midja għall-pluraliżmu fil-midja fl-Istati Membri tal-UE, kif ġa ġew żviluppati fl-istudju indipendenti “The indicators for media pluralism in the Member States - Towards a risk-based approach and on the basis of the proposed ”three-step approach“’ ta’ Jannar 2007; dan għandu jkun segwit minn konsultazzjoni pubblika wiesgħa mal-atturi kollha mdaħħlin, inter alia fuq il-bażi tas-segwitu għar-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Libertà tal-Midja, u l-aktar permezz tar-redazzjoni ta' proposta għal ġabra ta' Linji-Gwida tal-UE dwar il-Libertà u l-Pluraliżmu tal-Midja;

36.  Jistieden lill-Istati Membri jipproċedu minnufih bir-riformi biex jilħqu dawn l-objettivi; jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi b’mod ċar il-funzjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji tal-midja, l-aktar f'termini ta' regolazzjoni u monitoraġġ, u jitlobha timmonitorja –adempjenza tagħhom mar-rekwiżiti tan-neċessità u l-proporzjonalità meta jimponu s-sanzjonijiet; ifakkar fl-importanza li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament jiġi adattat għan-natura speċifika tal-midja individwali;

37.  Jistieden lill-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali jikkoperaw u jikkordinaw fil-livell tal-UE fil-qasam tal-midja, ngħidu aħna billi jwaqqfu Assoċjazzjoni tar-Regolaturi Ewropej għas-servizzi tal-midja awdjoviżivi, jarmonizzaw l-istatus tal-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali previsti fl-Artikoli 29 u 30 tal-AVMSD billi jiżguraw li jkunu indipendenti, imparzjali u trasparenti, kemm fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, u wkoll fil-proċess tal-monitoraġġ, u li jingħatawlhom setgħat adegwati ta' sanzjonar ħalli jiżguraw li d-deċiżjonijiet tagħhom ikunu implimentati;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa u f’waqthom, kif ukoll proporzjonati u progressivi fejn iqum tħassib b’rabta mal-libertà tal-espressjoni, tal-informazzjoni, tal-libertà tal-midja u tal-pluraliżmu fl-UE u fl-Istati Membri tagħha;

39.  Jemmen li fil-każ ta' adeżjonijiet ulterjuri għall-UE, għandu jiżdied l-enfasi fuq il-protezzjoni tal-libertajiet u l-libertà tal-espressjoni, billi dawn huma ġeneralment meqjusa bħala elementi tal-kundizzjonalità tal-jeddijiet tal-bniedem u tad-demokrazija tal-kriterji ta' Kopenħagen; jistieden lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja l-prestazzjoni u l-progress tal-pajjiżi kandidati tal-UE fir-rigward tal-protezzjoni tal-libertajiet tal-midja;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kriterji bbażati fuq il-pluraliżmu u s-sjieda tal-midja jkunu inklużi f'kull Studju tal-Impatt imwettaq għal inizjattivi ġodda dwar proposti leġiżlattivi;

41.  Ifisser it-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ trasparenza fil-proprjetà tal-midja fl-Ewropa, u b’konsegwenza ta’ hekk jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw it-trasparenza fil-proprjetà u l-ġestjoni tal-midja u jieħdu inizjattivi f'dan il-qasam, l-aktar billi jitolbu lill-midja tax-xandir, tal-istampa u simili jippreżentaw lill-awtoritajiet nazzjonali tal-midja, lir-reġistri nazzjonali tal-kumpaniji u lill-pubbliku tagħrif suffiċjentement preċiż u aġġornat dwar il-proprjetarji ħalli jippermettu l-identifikazzjoni tal-proprjetarji u l-koproprjetarji benefiċjarji u aħħarin tal-mezzi tal-midja, il-curricula vitae u l-finanzjament tagħhom, billi ngħidu aħna tiġi żviluppata aktar d-database Mavise f'Reġistru Ewropew Uniku ħalli tkun identifikata l-konċentrazzjoni eċċessiva tal-midja, ikun prevenut li l-organizzazzjonijiet tal-midja jaħbu l-interessi speċjali, u jkun permess liċ-ċittadini jivverifikaw liema interessi jkun hemm wara l-midja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu skrutinju u jimmonitorjaw jekk il-fondi pubbliċi destinati mill-Istati Membri għall-midja tas-servizz pubbliku jintużawx b’mod trasparenti u b’ottemperanza stretta mal-Protokoll 29 tat-Trattati; jemmen li t-trasparenza tal-proprjetà hija komponent essenzjali tal-pluraliżmu tal-midja; jistieden lill-Kummissjoni timmoniterja u tappoġġja l-progress biex jiġi promoss skambju akbar ta' informazzjoni dwar is-sjieda tal-midja;

42.  Jissottolinja li l-libertà tal-midja għandha tinkludi wkoll il-libertà tal-aċċess għall-midja billi tiġi żgurata l-provvista effettiva u l-aċċess għall-internet bil-broadband għaċ-ċittadini kollha Ewropej, fi żmien u b'nefqa raġonevoli billi jiġu żviluppati ulterjorment it-teknoloġiji wireless inkluż bis-satellita li tippermetti konnettività universali għall-internet;

43.  Jenfasizza li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-awtoritajiet għandhom obbligi pożittivi skont l-Artikolu 10 KEDB li jħarsu l-libertà tal-espressjoni bħala waħda mill-prekundizzjonijiet ta' demokrazija li tiffunzjona, billi “l-eżerċizzju effettiv ġenwin ta' ċerti libertajiet ma jiddipendix biss fuq id-dmir tal-Istat li ma jinterferix, iżda jista' jirrikjedi miżuri pożittivi ta' protezzjoni”;

44.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, l-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-OSKE, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Assemblea Parlamentari, il-Kummissjoni ta' Venezja u l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem.

(1) ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.
(2) http://www.pressfreedom.eu/en/index.php.
(3) ĠU C 25 E, 29.1.2004, p. 205.
(4) ĠU C 193 E, 17.8.2006, p. 117.
(5) ĠU C 76 E, 25.3.2004, p.453.
(6) ĠU C 76 E, 25.3.2004, p. 453.
(7) ĠU C 104 E, 30.4.2004, p. 1026.
(8) ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 75.
(9) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 50.
(10) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 154.
(11) www.mediainitiative.eu
(12) “The Citizen’s Right to Information: Law and Policy in the EU and its Member States’, Ġunju 2012, jinstab: http://www.europarl.europa.eu/committees/fr/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file=75131
(13) http://cmpf.eui.eu/Home.aspx.
(14) Imfassal mill-K.U.Leuven – ICRI, Jönköping International Business School - MMTC, Central European University - CMCS and Ernst & Young Consultancy Belgium.
(15) Dawn jinkludu: il-kontroll u l-influwenza politiċi partiġjani diretti jew indiretti fuq il-midja jew il-korpi li jikkontrollaw il-midja; il-projbizzjoni jew il-limitazzjoni tal-aċċess għas-suq għal ċerti pubblikazzjoni medjatiċi permezz ta’ liċenzji għax-xandir u proċeduri ta' awtorizzazzjoni; l-użu ħażin u l-abbuż tar-regoli dwar is-sigurtà nazzjonali jew militari u l-ordni jew il-morali pubblika għall-impożizzjoni taċ-ċensura u l-impediment tal-aċċess għal dokumenti u tagħrif; il-vjolazzjoni tal-prinċipju tal-kunfidenzjalità tal-għejun; l-assenza ta’ liġijiet dwar il-konċentrazzjoni tal-midja u l-konflitti ta’ interess; u l-użu tar-reklamar biex ikunu influwenzati l-linji editorjali.
(16) http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/07/52
(17) Ara l-paragrafu 6 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-10 ta’ Marzu 2011 dwar il-liġi tal-midja fl-Ungerija.
(18) Dak l-artikolu jippreskrivi li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jaġixxu biex iħarsu “interess leġittimu” meta jilleġiferaw leġiżlazzjoni nazzjoni għall-preżervazzjoni tal-pluraliżmu medjatiku.
(19) Konvenzjoni Ewropea tal-Drittijiet tal-Bniedem, Centro Europa 7, 7 ta' Ġunju 2012, par. 134.


Pensjonijiet adegwati, sikuri u sostenibbli
PDF 460kWORD 140k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar Aġenda dedikata lill-Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli (2012/2234(INI))
P7_TA(2013)0204A7-0137/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Lulju 2010 bit-titolu “Green Paper – lejn sistemi ta' pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri [COM(2010)0365] u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2011(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Frar 2012 bit-titolu “White Paper – Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli [COM(2012)0055],

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Frar 2012, “White Paper – Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli”(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport imħejji b'mod konġunt mid-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali bit-titolu “L-Adegwatezza tal-Pensjonijiet fl-Unjoni Ewropea 2010-2050” (Rapport dwar l-Adegwatezza 2012),

–  wara li kkunsidra r-rapport konġunt imħejji mid-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika bit-titolu “Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ 2012: Projezzjonijiet ekonomiċi u baġitarji għas-27 Stat Membru tal-UE (2010-2060)”(3),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2011 bit-titolu “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012” (COM(2011)0815) u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Frar 2012(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, fl-UE(6),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill għas-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012): Perspettivi għall-Futur (SOC 992/SAN 322) tas-7 ta’ Diċembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0137/2013),

A.  billi l-opinjonijiet tal-Parlament dwar il-Green Paper 2010 tal-Kummissjoni “Lejn pensjonijiet adegwati, sostenibbli u sikuri”, ġew espressi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-16 ta' Frar 2011;

B.  billi l-agħar kriżi finanzjarja u ekonomika fid-deċenni ttrasformat fi kriżi akuta tad-dejn sovran u kriżi soċjali li laqtet ħażin ħafna d-dħul tal-pensjoni ta' miljuni ta' ċittadini tal-UE; billi din il-kriżi wriet li l-ekonomiji Ewropej huma interdipendenti u li m’għadux possibbli li kwalunkwe pajjiż jiggarantixxi waħdu l-adegwatezza, is-sikurezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tiegħu;

C.  billi l-pensjonijiet huma s-sors prinċipali ta’ dħul għall-Ewropej kbar fl-età u suppost għandhom jiżguraw li l-anzjani jkollhom livell ta' għajxien deċenti u li jkunu jistgħu jkunu finanzjarjament indipendenti; billi, minkejja dan, madwar 22 % tan-nisa ta’ iktar minn 75 sena jinsabu taħt il-livell limitu tal-faqar tal-Unjoni Ewropea, u b’hekk jinsabu f’riskju ta’ esklużjoni soċjali, u billi n-nisa jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-popolazzjoni ta’ iktar minn 75 sena;

D.  billi l-ewwel koorti tal-hekk imsejħa “ġenerazzjoni tal-baby boom” laħaq l-età pensjonabbli, u minħabba f’hekk l-isfida demografika ma għadhiex waħda futura iżda saret realtà tal-lum, u billi l-għadd ta' persuni li għandhom aktar minn 60 sena se jiżdied b'aktar minn 2 miljuni fis-sena;

E.  billi anki meta jitqiesu b’mod separat mill-kriżi ekonomika, it-tendenzi fit-tul demografiċi u tal-produttività jindikaw xenarju bi ftit li xejn tkabbir ekonomiku fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, b'rati ta' tkabbir ekonomiku aktar baxxi b'mod sinifikanti minn dawk miksuba matul deċenni preċedenti;

F.  billi l-Kunsill Ewropew f'Marzu 2001 kien diġà approva l-Istateġija ta' Stokkolma fuq tliet approċċi mmirata biex: jitnaqqas b’pass mgħaġġel id-dejn pubbliku, jiżdiedu r-rati ta’ impjiegi u l-livelli ta’ produttività u jkunu riformati l-pensjoni, il-kura tas-saħħa u s-sistemi ta’ kura tas-saħħa fit-tul;

G.  billi l-influwenza negattiva tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fl-Ewropa fuq il-pagi u l-impjiegi se żżid ir-riskju futur tal-faqar fix-xjuħija;

H.  billi r-rata tal-qgħad li dejjem qiegħda tikber u r-redditi diżappuntanti tas-swieq finanzjarji kienu ta’ dannu kemm l-iskemi tal-pensjoni ħallas waqt li tkun għaddej kif ukoll dawk iffinanzjati;

I.  billi l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jirrakkomanda li l-livelli minimi tal-pensjoni għandhom jogħlew bl-għan li jiġi pprovdut dħul mill-pensjoni li jaqbeż il-livell limitu tal-faqar;

J.  billi sistemi ta' rtirar huma elementi ewlenin tal-mudelli soċjali Ewropej, filwaqt li l-objettiv fundamentali u mhux negozjabbli tagħhom hu li jiġi żgurat standard ta' għajxien adegwat għall-persuni ta’ età avvanzata; billi l-provvediment ta' pensjoni jibqa' kompetenza tal-Istat Membru;

K.  billi s-sostenibilità tal-politika tal-pensjoni tmur lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet fiskali; billi l-proporzjonijiet tat-tifdil privat​​, ir-rati tal-impjieg u l-iżviluppi demografiċi pprojettati għandhom rwol sinifikanti wkoll fl-iżgurar tas-sostenibbiltà;

L.  billi, fid-dibattitu Ewropew attwali, l-iskemi tal-pensjonijiet ta’ spiss jitqiesu sempliċiment bħala piż fuq il-finanzi pubbliċi minflok strument essenzjali għall-ġlieda kontra l-faqar fix-xjuħija u għar-ridistribuzzjoni tul il-ħajja ta’ individwi u fis-soċjetà kollha kemm hi;

M.  billi l-pensjonanti huma kategorija ewlenija tal-konsumaturi u kwalunkwe varjazzjoni fid-drawwiet tal-infiq tagħhom għandha riperkussjonijiet serji għall-ekonomija reali;

N.  billi f'ħafna pajjiżi tal-UE r-rati ta' fertilità għandhom baxxi, u dan qed iwassal għal tnaqqis fin-numru ta' persuni fl-età tax-xogħol fil-ġejjieni;

O.  billi, skont l-OECD, hemm nuqqas ta’ mobbiltà bejn l-Istati Membri u li 3% biss taċ-ċittadini tal-UE fl-età tax-xogħol jgħixu fi Stat Membru ieħor(7);

P.  billi l-istudju dwar “Aġġornament tal-qagħda tan-nisa li jgħixu għal rashom’(8), mitlub mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Parlament, juri r-riskji impliċiti ta’ wħud mill-arranġamenti eżistenti tal-pensjonijiet li jaggravaw l-iżbilanċi bejn is-sessi, speċjalment għan-nisa li jgħixu għal rashom;

Q.  billi d-Dokument ta' Ħidma tal-OECD Numru 116 fil-qasam soċjali, tal-impjiegi u tal-migrazzjoni, bit-titolu “Cooking, Caring and Volunteering: Unpaid Work Around the World”(9) titfa' dawl fuq l-importanza tax-xogħol mhux bi ħlas, li għadu mhuwiex rikonoxxut fl-iskemi tal-pensjonijiet nazzjonali;

R.  billi fl-UE, ir-rata ta’ impjieg tan-nies li għandhom bejn 55 u 64 sena hija 47,4 % biss u fil-każ tan-nisa 40,2 % biss; billi f’xi pajjiżi tal-UE, 2 % biss tal-postijiet battala kollha jimtlew minn persuni li għandhom 55 sena jew iktar; billi tali rati baxxi ta’ impjieg jikkawżaw distakk intraġenerazzjonali fil-pensjoni bejn in-nisa u l-irġiel, kif ukoll distakk iterġenerazzjonali li jwassal għal disparitajiet sostanzjali fir-riżorsi finanzjarji bejn il-ġenerazzjonijiet;

S.  billi l-iskemi tal-pensjonijiet fi ħdan u madwar l-Istati Membri jvarjaw b'mod sinifikanti, pereżempju fir-rigward tal-livell ta' finanzjament, il-livell ta' involviment tal-gvern, l-istruttura ta' governanza, it-tip ta' penzjoni, il-kosteffiċjenza, il-livell ta' kollettività u solidarjetà, u għalhekk ma teżistix tipoloġija komuni tal-UE;

Introduzzjoni

1.  Jinnota li l-baġits nazzjonali huma taħt pressjoni severa u li t-tnaqqis ta' benefiċċji tal-pensjoni f'ħafna Stati Membri huwa konsegwenza tal-eskalazzjoni severa tal-kriżi finanzjarja u ekonomika; jiddeplora t-tnaqqis sever fl-Istati Membri li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi, li tefa' lil ħafna pensjonanti fil-faqar jew poġġihom f'riskju ta’ faqar;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri jevalwaw is-sostenibbiltà u l-adegwatezza attwali u futuri tas-sistemi tal-pensjonijiet u li jidentifikaw l-aħjar prattiki u strateġiji ta’ politika li jistgħu jwasslu għall-provvediment l-aktar kosteffikaċi u sikur tal-pensjonijiet fi ħdan l-Istati Membri;

3.  Jenfasizza l-probabbiltà ta' xenarju ekonomiku fit-tul b’livell ta' tkabbir baxx, li jkun jirrikjedi li l-Istati Membri jikkonsolidaw il-baġits tagħhom u jirriformaw l-ekonomiji tagħhom f’kundizzjonijiet ta’ awsterità, b’amministrazzjoni soda tal-finanzi pubbliċi; jaqbel mal-fehma espressa fil-White Paper tal-Kummissjoni li jeħtieġ li jitfasslu pensjonijiet okkupazzjonali kumplimentari ffinanzjati, minbarra l-prijorità li jiġu salvagwardjati il-pensjonijiet pubbliċi universali li minn tal-anqas jiggarantixxu livell deċenti ta' għajxien għal dawk kollha ta’ età avanzata;

4.  Jenfasizza li l-iskemi tal-pensjonijiet pubbliċi tal-ewwel pilastru, għadhom l-aktar sors importanti ta' dħul għall-pensjonanti; jiddispjaċih li fil-White Paper il-Kummissjoni ma tindirizzax b’mod xieraq l-importanza ta' skemi universali pubbliċi tal-ewwel pilastru li minn tal-anqas jilqgħu kontra l-faqar; jistieden lill-Istati Membri - bi qbil mal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 dwar żieda fl-impjiegi u l-ġlieda kontra l-faqar – biex ikomplu jaħdmu fuq strateġiji tas-suq tax-xogħol aktar attivi u inklużivi biex inaqqsu l-proporzjon ta' dipendenza ekonomika bejn il-persuni inattivi u dawk impjegati; jistieden lis-sħab soċjali u lill-Istati Membri jikkombinaw dawn ir-riformi ma' titjib kostanti fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-implimentazzjoni ta' skemi ta' taħriġ tul il-ħajja li jippermettu li n-nies ikollhom karrieri aktar b'saħħithom u fit-tul sal-età statutorja tal-irtirar, u b'hekk jiżdied in-numru ta' persuni li jħallsu l-primjums tal-pensjoni, dan ukoll biex tiġi evitata żieda fl-ispejjeż tal-pensjonijiet pubbliċi li tipperikola l-finanzi pubbliċi sostenibbli; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-riformi għas-sistemi tagħhom tal-ewwel pilastru b'tali mod li jitqies ukoll in-numru ta' snin kontributorji;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jevalwaw bir-reqqa l-ħtieġa li jiġu implimentati riformi għas-sistemi tagħhom tal-ewwel pilastru, filwaqt li jitqiesu xejriet ġodda fl-istennija tal-għomor – u l-proporzjon li qed jinbidel bejn il-pensjonanti, il-persuni qiegħda, u l-persuni attivi ekonomikament – sabiex jiġi garantit livell ta' għajxien deċenti u indipendenza ekonomika għall-persuni ta’ età avvanzata, b'mod partikolari dawk li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli;

6.  Josserva li l-kriżi ekonomika u finanzjarja u l-isfidi li jirriżultaw mill-popolazzjonijiet li qed jixjieħu wrew il-vulnerabbiltà kemm tal-iskemi finanzjati tal-pensjoni kif ukoll dawk ħallas waqt li tkun għaddej; jirrakkomanda sistemi tal-pensjoni fuq diversi pilastri, li jikkonsistu minn tal-anqas:

Jenfasizza li l-ewwel pilastru waħdu, jew flimkien mal-pensjoni tat-tieni pilastru (dejjem skont l-arranġamenti istituzzjonali nazzjonali jew skont il-leġiżlazzjoni) għandu jistabbilixxi dħul ta' sostituzzjoni diċenti bbażat fuq il-pagi preċedenti tal-ħaddiem, u li jkun ikkumplimentat, jekk possibbli:

Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-introduzzjoni jew iż-żamma ta' skemi finanjarjament u soċjalment sostenibbli simili jew komparabbli fejn dawn għadhom ma jeżistux; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe regolament eżistenti jew futur fil-qasam tal-pensjonijiet ikun iwassal għal dan l-approċċ u jkun jirrispettah bis-sħiħ.

   i. pensjoni pubblika ħallas waqt li tkun għaddej, universali;
   ii. pensjoni supplimentari okkupazzjonali ffinanzjata, li tirriżulta minn ftehimiet kollettivi fl-livelli nazzjonali, settorjali jew tal-kumpanija jew li tirriżulta minn leġiżlazzjoni nazzjonali, aċċessibbli għall-ħaddiema kollha kkonċernati;
   iii. b'pensjoni individwali tat-tielet pilastru bbażata fuq it-tifdil privat b'inċentivi ġusti mmirati għall-ħaddiema bi dħul baxx, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-persuni bi snin kontributorji inkompleti fir-rigward tal-iskema tal-penjoni relatata mal-impjiegi tagħhom;

7.  Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-fornituri tal-pensjoni okkupazzjonali u individwali bħala investituri sostanzjali u affidabbli fit-tul fl-ekonomija tal-UE; jenfasizza l-kontribuzzjoni mistennija tagħhom għall-kisba tal-miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 f’dak li għandu x’jaqsam mal kisba ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli, aktar impjiegi u impjiegi aħjar u soċjetajiet li jkunu soċjalment aktar inklużivi; jilqa', f'dan ir-rigward, l-inizjattiva li jmiss mill-Kummissjoni biex tniedi Green Paper dwar l-investiment fit-tul; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tipperikolax il-potenzjal ta' investiment u tirrispetta l-karatteristiċi differenti tal-fondi tal-pensjonijiet u fornituri tal-pensjonijiet oħra meta tintroduċi jew tibdel regolament tal-UE, speċjalment meta tiġi rieżaminata d-direttiva dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet li jipprovdu rtirar okkupazzjonali;

8.  jistieden lill-Kummissjoni sabiex tqis l-effetti kumulattivi tal-leġiżlazzjoni tas-suq finanzjarju – pereżempju r-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR), id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID) u d-Direttiva riveduta dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (DRK IV) – fuq il-fondi tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru u l-kapaċità tagħhom li jinvestu fl-ekonomija reali, u biex tirrapporta dwar dan fil-Green Paper li jmiss dwar investimenti fit-tul;

9.  Ifakkar l-Istrateġija ta’ Lisbona 2000-2010, li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni u l-Istati Membri ddiskutew b’mod eżawrjenti, fuq perjodu ta’ għaxar snin, ir-riformi sturtturali fir-rigward tal-politika makroekonomika, mikroekonomika u tal-impjiegi, li rriżultaw f’rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ibbażati fuq it-Trattat lill-Istati Membri, fejn bosta minnhom huma relatati direttament jew indirettament mas-salvagwardja ta’ pensjonijiet adegwati u sostenibbli; jiddeplora n-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet li setgħu, b’mod sinifikanti, itaffu l-impatt tal-kriżi;

10.  Jilqa’ l-pubblikazzjonijiet komprensivi u ta’ kwalità għolja tar-“Rapport dwar it-Tixjiħ 2012(10) u r-”Rapport dwar l-Adegwatezza“ 2012(11)li jesploraw l-adegwatezza u s-sostenibbiltà fuq żmien twil ta’ sistemi tal-pensjonijiet fl-Istati Membri kollha; jiddispjaċih dwar il-fatt li d-dimensjonijiet ta’ adegwatezza u sostenibbiltà tal-pensjonijiet huma koperti minn rapporti separati ta’ natura teknika ħafna; jitlob b’urġenza lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jippubblikaw sommarju integrat, konċiż u mhux tekniku għaċ-ċittadini, li jippermetti liċ-ċittadini tal-UE jivvalutaw l-isfidi li taffaċċja s-sistema nazzjonali tagħhom fi tqabbil tal-UE;

11.  Jenfasizza l-importanza li tintuża metodoloġija uniformi biex tiġi kkalkulata s-sostenibbiltà fuq perjodu twil tal-finanzi pubbliċi u s-sehem tagħhom tal-obbligazzjonijiet relatati mal-pensjonijiet;

12.  Huwa tal-fehma li sabiex tinstab soluzzjoni effettiva għall-isfida tal-pensjonijiet, li tqis il-ħtieġa f'ħafna mill-Istati Membri li jiżdiedu l-għadd ta' snin kontributorji, u biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-tagħlim tul il-ħajja sabiex jippermettu li l-persuni jaħdmu mill-inqas sal-età statutorja tal-irtirar, u aktar jekk jixtiequ, huwa kruċjali li jkun kunsens bejn il-gvernijiet u min iħaddem u t-trejdjunjins;

13.  Jipproponi li rappreżentanti tal-etajiet kollha, inklużi ż-żgħażagħ u l-anzjani, li jħossu b'mod partikolari l-impatt tar-riformi, għandhom jiġu kkonsultati kif inhu xieraq dwar kwalunkwe riforma tal-pensjonijiet sabiex jiġu żgurati riżultati bbilanċjati u ġusti u sabiex jinżamm kunsens massimu bejn il-ġenerazzjonijiet;

14.  Jilqa' l-impetu ewlieni tal-White Paper li tissuġġerixxi li għandha tingħata attenzjoni fir-rigward tal-bilanċ bejn iż-żmien f'impjieg u l-irtirar, li għandhom jiġu żviluppati tfaddil komplementari tal-pensjoni privata u okkupazzjonali​​, u li għandhom jitjiebu l-għodod tal-UE għall-monitoraġġ tal-pensjonijiet, filwaqt li jenfasizza wkoll l-importanza li jitjieb il-litteriżmu tal-pensjoni;

Żieda fir-rati tal-impjieg u bilanċ bejn iż-żmien fl-impjieg u l-irtirar

15.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali mmirati biex iżidu r-rata ta' impjieg u li permezz tagħhom il-persuni jkunu jistgħu jilħqu l-età statutorja tal-pensjoni, li b'hekk jonqos il-proporzjon ta' dipendenza ekonomika, hija importanti ħafna biex jiġu ġġenerati d-dħul mit-taxxa u l-primjums soċjali u tal-pensjonijiet meħtieġa biex jikkonsolidaw il-baġits tal-Istati Membri u jiġu ffinanzjati skemi ta’ pensjonijiet adegwati, sikuri u sostenibbli; jenfasizza li dawn ir-riformi għandhom jitwettqu b'mod trasparenti li jippermetti li l-persuni jantiċipaw b'mod f'waqtu kwalunkwe effett li dawn ir-riformi jistgħu jinvolvu; jenfasizza r-riskju li l-qgħad u l-impjieg bi paga baxxa, part-time u atipiku jista' jirriżulta biss fi drittijiet għall-pensjoni parzjali, u b'hekk il-faqar isir aktar prevalenti f'età iktar avvanzata;

16.  Jistieden lill-Istati Membri biex: jadottaw miżuri komprensivi ta' politika attiva tas-suq tax-xogħol; jieħdu l-miżuri meħtieġa kontra xogħol mhux iddikjarat u l-evażjoni tat-taxxa u tal-primjums, bil-ħsieb ukoll li titħares il-kompetizzjoni ġusta; iwarrbu fondi għall-ġlieda kontra l-ispejjeż pubbliċi li dejjem qed jogħlew tal-popolazzjonijiet li qegħdin jirtiraw; u jippromwovu l-impjieg tajjeb, billi joffru fost affarijiet oħra, konsulenza komprensiva u appoġġ għal dawk li qed ifittxu l-impjieg u jippermettu lil gruppi partikolarment vulnerabbli jsibu xogħol;

17.  Jinnota l-aħħar referenza li saret mill-Kummissjoni Ewropea fir-Rapport Annwali dwar it-Tkabbir 2013, għall-ħtieġa li jsiru riformi fis-sistemi tal-pensjonijiet; jinnota, madankollu, li f’bosta Stati Membri għandha tingħata prijorità lill-allinjament tal-età reali tal-pensjoni ma' dik statutorja;

18.  Jilqa' l-impenji meħuda mill-Istati Membri sabiex jiżguraw sistemi tal-irtirar sostenibbli u adegwati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż adottati mill-Kunsill fl-2012 fil-qafas tas-Semestru Ewropew;

19.  Josserva li iktar minn 17 % tal-persuni fl-Unjoni Ewropea bħalissa għandhom 65 sena jew iktar, u li, skont it-tbassir tal-Eurostat, din iċ-ċifra se tiżdied għal 30 % sal-2060;

20.  Jenfasizza l-aċċelerazzjoni tal-pressjoni maħluqa mill-iżviluppi demografiċi fuq il-baġits nazzjonali u s-sistemi tal-pensjonijiet issa li l-ewwel koortijiet “tal-ġenerazzjoni baby boom” qegħdin jirtiraw; jinnota l-progress inekwu u l-livelli irregolari ta' ambizzjoni madwar l-Istati Membri fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali mmirati biex iżidu l-impjieg, ineħħu gradwalment l-skemi ta' rtirar bikri u jevalwaw, fil-livell tal-Istati Membri u flimkien mas-sħab soċjali, il-ħtieġa li l-età tal-irtirar kemm statutorju kif ukoll effettiv jitqiegħdu fuq livell sostenibbli ma' żidiet fl-istennija tal-għomor; jenfasizza li l-Istati Membri li jonqsu milli jimplimentaw riformi gradwali issa jistgħu fi stadju aktar tard isibu ruħhom f'xenarju fejn ikollhom jimplimentaw riformi mqanqla minn xokk u b'konsegwenzi soċjali sinifikanti;

21.  Itenni s-sejħa biex ikun hemm rabta mill-qrib bejn il-benefiċċji tal-pensjonijiet u s-snin fl-impjieg u l-primjums imħallsa (“ekwità attwarja”), biex jiġi żgurat li dawk il-ħaddiema li jaħdmu aktar u għal żmien itwal jiġu ppremjati b’pensjoni aħjar filwaqt li jitqiesu l-perjodi ta' żmien barra mis-suq tax-xogħolminħabba kura ta’ persuni dipendenti; jirrakkomanda li l-Istati Membri, f'konsultazzjoni mas-sħab relevanti, ipoġġu projbizzjoni fuq l-irtirar obbligatorju mal-ilħuq tal-età statutorja tal-irtirar, sabiex il-persuni li jistgħu u jkunu jixtiequ jkomplu jaħdmu wara l-età statutorja tal-irtirar, jew li jkunu jixtiequ jintroduċu gradwalment l-irtirar tagħhom, ikunu jistgħu jagħmlu dan peress li l-estenzjoni tal-perjodu tal-ħlas tal-primjums flimkien mat-tnaqqis tal-perjodu ta' eliġibbiltà tal-benefiċċji jistgħu jgħinu biex titnaqqas kwalunkwe differenza tal-pensjoni b'pass mgħaġġel;

22.  Jenfasizza li l-preżunzjoni wara l-iskemi ta' rtirar bikri, fejn ħaddiema aktar avvanzati fl-età jitħallew jirtiraw kmieni sabiex ikun hemm impjiegi disponibbli għaż-żgħażagħ, ġiet ippruvata b'mod empiriku li hija ħażina peress li l-Istati Membri li għandhom l-ogħla rati ta' impjieg fost iż-żgħażagħ, fuq medja, huma wkoll dawk li għandhom l-ogħla rati ta' impjieg fost il-ħaddiema aktar avvanzati fl-età;

23.  Jistieden lis-sħab soċjali jadottaw approċċ ta' ċiklu tal-ħajja fil-politiki tar-riżorsi umani u jadattaw il-postijiet tax-xogħol f’dan ir-rigward; jitlob lill-impjegaturi jfasslu programmi li jappoġġaw it-tixjiħ attiv u b'saħħtu; jistieden lill-ħaddiema jieħdu sehem b'mod attiv f'opportunitajiet ta' taħriġ bħal dawn kif isiru disponibbli għalihom u biex iżommu ruħhom tajbin għas-suq tax-xogħol fl-istadji kollha tal-ħajja tax-xogħol tagħhom; Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb l-integrazzjoni tal-ħaddiema anzjani fis-suq tax-xogħol, u jitlob approċċi ta’ innovazzjoni soċjali sabiex tiġi ffaċilitata ħajja tax-xogħol itwal, b'mod partikolari fl-impjiegi li jeħtieġu l-aktar sforz, permezz tal-adattament tal-postijiet tax-xogħol, il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ta' xogħol xierqa u billi tiġi offruta organizzazzjoni flessibbli tax-xogħol billi jsiru aġġustamenti fis-sigħat maħduma u t-tip ta' xogħol imwettaq;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu aktar miżuri preventivi tas-saħħa, jiġi intensifikat it-taħriġ (mill-ġdid) u tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema zgħażagħ u ta' dawk f'eta avvanzata; jenfasizza l-ħtieġa għall-infurzar u l-implimentazzjoni effettivi tal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza waqt ix-xogħol f'dan il-kuntest; jenfasizza li l-iskemi ta’ konsulenza jistgħu jirrappreżentaw soluzzjoni tajba biex il-ħaddiema anzjani jinżammu fix-xogħol għal żmien itwal u tiġi sfruttata l-esperjenza tagħhom bħala għajnuna biex iż-żgħażagħ jiġu integrati fis-suq tax-xogħol; jistieden lis-sħab soċjali jiżviluppaw mudelli attraenti għal tranżizzjoni flessibbli mill-impjieg għall-irtirar;

25.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaġixxu b'mod vigoruż biex jirrealizzaw l-ambizzjonijiet ifformulati fil-Patt tal-UE għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020) li jiffukaw fuq l-għeluq tad-distakki bejn is-sessi u l-ġlieda kontra s-segregazzjoni tas-sessi u fuq il-promozzjoni ta' bilanċ aħjar bejn il-ħajja u x-xogħol għan-nisa u l-irġiel; jenfasizza li dawn l-objettivi huma fundamentali sabiex jiżdied l-impjieg fost in-nisa u għall-ġlieda kontra l-faqar tan-nisa fl-età tax-xogħol u f’età avvanzata;

26.  Jenfasizza li l-SMEs huma waħda mill-għejun prinċipali ta’ impjieg u tkabbir fl-UE u jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għas-sostenibilità u l-adegwatezza tas-sistemi tal-pensjonijiet fl-Istati Membri;

L-iżvilupp tat-tfaddil privat u komplementari għall-irtirar

27.  Jilqa' l-istedina fil-White Paper għall-iżvilupp kemm ta' pensjonijiet okkupazzjonali iffinanzjati u komplementari aċċessibbli għall-ħaddiema kollha kkonċernati kif ukoll, jekk possibbli, tal-iskemi individwali; jenfasizza, madankollu, li l-Kummissjoni għandha minflok tirrakkomanda, tfaddil kollettiv tal-pensjonijiet okkupazzjonali supplimentari bbażat fuq is-solidarjetà, preferibbilment li jirriżulta minn ftehimiet kollettivi u stabbiliti fl-livell nazzjonali, settorjali jew tal-kumpanija, peress li dawn jippermettu għal solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, filwaqt li skemi individwali ma jippermettux; Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu promossi sforzi li jibnu, sal-punt possibbli, sistemi ta' pensjonijiet okkupazzjonali komplementari;

28.  Jinnota li diversi Stati Membri diġà bdew programmi ewlenin ta’ riforma tal-pensjonijiet immirati lejn is-sostenibbiltà u l-adegwatezza; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li kwalunkwe miżura proposta fil-livell tal-UE għandha tikkomplimenta u mhux tikkontradixxi l-programmi nazzjonali ta’ riforma tal-pensjonijiet; ifakkar li l-pensjonijiet jibqgħu kompetenza tal-Istati Membri, u jinsab imħasseb li kwalunkwe leġiżlazzjoni ulterjuri mill-UE f'dan il-qasam jista' jkollha impatti negattivi fuq l-iskemi ta' ċerti Stati Membri, speċjalment fir-rigward tal-karatteristiċi ta' sistemi tal- pensjonijiet okkupazzjonali;

29.  Jenfasizza l-ispejjeż operattivi baxxi ta' skemi kollettivi (tas-settur kollu) tal-pensjoni okkupazzjonali (preferibbilment mhux profittabbli), meta mqabbla ma' skemi individwali tat-tfaddil tal-pensjoni. jenfasizza l-importanza ta' spejjeż operattivi baxxi peress li anke tnaqqis limitat tal-ispejjeż jista' jwassal għal pensjonijiet sostanzjalment aktar għoljin. jenfasizza, madankollu, li sfortunatament – sal-lum il-ġurnata – dawn l-iskemi jeżistu biss fi ftit Stati Membri;

30.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-entitajiet li jamministraw l-iskemi tal-pensjoni jinfurmaw sew liċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom tal-pensjoni akkumulata, u jqajmu l-kuxjenza fosthom u jedukawhom sabiex ikunu jistgħu jagħmlu deċiżjonijiet infurmati sew dwar tfaddil futur addizzjonali tal-pensjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinfurmaw ukoll fil-ħin liċ-ċittadini dwar tibdiliet ippjanati fis-sistema tal-pensjonijiet sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata u maħsuba sew dwar it-tfaddil tal-pensjoni tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jifformulaw u jinfurzaw regoli stretti ta' żvelar fir-rigward tal-ispejjeż operattivi u r-riskju u r-redditu fuq investimenti ta' fondi tal-pensjoni li joperaw fil-ġurisdizzjoni tagħhom;

31.  Jirrikonoxxi d-dispersjoni wiesgħa fil-karatteristiċi u r-riżultati fl-iskemi tal-pensjoni okkupazzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tal-aċċess, is-solidarjetà, il-kosteffikaċja, ir-riskju u r-redditu; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni, f'konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, mas-sħab soċjali, mal-industrija tal-pensjonijiet u ma' partijiet interessati oħra, biex tiżviluppa kodiċi ta' prattika tajba għall-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali li jindirizzaw kwistjonijiet bħal kopertura aħjar tal-impjegati, il-fażi tal-ħlas, qsim tar-riskju u l-mitigazzjoni, kost-effettività, u l-assorbiment xokk b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; jenfasizza l-benefiċċju reċiproku li jittejjeb l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri

32.  Jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli timmira fondi tal-UE – b'mod partikolari permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (ESF) – biex tappoġġa proġetti mmirati lejn it-tixjiħ attiv u b'saħħtu fil-post tax-xogħol, u l-Programm għall-Bidla soċjali u l-Innovazzjoni (PSCI), biex tipprovdi appoġġ finanzjarju u prattiku lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali li taħt il-kontroll tal-Parlament Ewropew, qed jikkunsidraw li jimplimentaw gradwalment skemi ta' pensjoni supplimentari kosteffikaċji, soġġetti għal sorveljanza min-naħa tal-Parlament;

Il-Pensjonijiet ta' ħaddiema mobbli;

33.  Jirrikonoxxi l-eteroġeneità sinifikanti ta' skemi tal-pensjoni fl-UE kollha iżda jenfasizza l-importanza li l-ħaddiema jkunu jistgħu jibdlu l-impjieg fi ħdan l-Istat Membru tagħhom jew 'il barra minnu; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi garantit li l-ħaddiema mobbli jkunu jistgħu jakkwistaw u jippreservaw drittijiet tal-pensjoni okkupazzjonali; japprova l-approċċ iffavorit mill-Kummissjoni li jiffoka fuq is-salvagwardja tal-akkwist u l-preservazzjoni tad-drittijiet għall-pensjonijiet, u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet fissi għall-pensjoni ta' ħaddiema mobbli huma ttrattati skont dawk ta' membri attivi jew dawk ta' nies irtirati; jinnota r-rwol importanti li l-Kummissjoni jista' jkollha fit-tneħħija tal-ostakoli għal moviment liberu, inklużi dawk li jfixklu l-mobbiltà; huwa tal-fehma li, apparti mill-ostakoli tal-lingwa u kunsiderazzjonijiet tal-familja, il-mobbiltà fis-suq tax-xogħol qed tiġi mfixkla minn perjodi twal ta' vestiment jew restrizzjonijiet tal-età u jistieden lill-Istati Membri biex inaqsuhom; jenfasizza li kwalunkwe azzjoni li tipromowovi l-mobbiltà għandha tkun ibbilanċjata bil-provvista kosteffikaċi ta’ skemi tal-pensjoni supplimentari u għandha tqis in-natura tal-iskemi tal-pensjoni nazzjonali;

34.  Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni biex tevalwa r-rabtiet possibbli bejn ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali u “ċerti” skemi ta' pensjoni okkupazzjonali; jenfasizza d-diffikultajiet prattiċi esperjenzati meta r-regolament imsemmi jiġi applikat għas-sistemi tas-sigurtà soċjali ferm differenti fost is-27 Stati Membri tal-UE. jirreferi għad-diversità tas-sistemi tal-pensjonijiet fi ħdan l-UE u għalhekk għall-kumplessità tal-applikazzjoni ta' approċċ ta' koordinazzjoni għall-għexieren ta' eluf ta' skemi tal-pensjoni tassew diverġenti li qegħdin joperaw fl-Istati Membri; jiddubita, għalhekk, il-prattikabbiltà tal-applikazzjoni ta' tali approċċ fil-qasam tal-iskemi tal-pensjoni okkupazzjonali kumplimentari;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu b'mod ambizzjuż biex jistabbilixxu u jżommu servizzi ta' traċċjar, possibbilment fuq l-internet, li jippermettu liċ-ċittadini jittraċċjaw id-drittijiet tal-pensjoni tagħhom kemm dawk relatati mal-impjieg kif ukoll dawk li mhumiex u b'hekk jagħmlu deċiżjonijiet f'waqthom u infurmati tajjeb dwar tfaddil tal-pensjoni addizzjonali u individwali (it-tielet pilastru); jitlob għal koordinazzjoni f'livell tal-UE biex tiġi żgurata kompatibbiltà adegwata tas-servizzi nazzjonali għall-ittraċċjar; jilqa' l-proġġett pilota tal-Kummissjoni f'dan il-qasam u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-pilota jkun komplimentat minn valutazzjoni tal-impatt dwar il-benefiċċji ekonomiċi tal-provvista ta’ informazzjoni konsolidata dwar il-pensjoni liċ-ċittadini tal-UE, b'mod aċċessibbli;

36.  Jinnota li, meta żviluppati b’mod sħiħ, is-servizzi tat-traċċar tal-pensjonijiet għandhom idealment ikopru mhux biss il-pensjonijiet tax-xogħol, iżda wkoll l-iskemi tat-tielet pilastru u informazzjoni individwalizzata dwar drittijiet tal-ewwel pilastru;

37.  Jiddubita l-ħtieġa għal-fond tal-UE għall-pensjoni ta' riċerkaturi;

38.  Jikkunsidra l-fatt li l-persuni inġenerali ikollhom ħajja aktar twila, b’saħħitha u aktar sinjura bħala wieħed mill-akbar kisbiet tas-soċjetà moderna; jitlob li jkun hemm ton pożittiv fid-dibattitu dwar it-tixjiħ, li min-naħa jindirizza l-isfida sinifikanti, iżda li jista' jingħeleb, li tippreżenta t-tixjiħ, filwaqt li min-naħa l-oħra jaħtaf l-opportunitajiet offruti mit-tixjiħ u “l-ekonomija tal-fidda”; jirrikonoxxi r-rwol attiv ħafna u ta’ valur li għandhom l-anzjani fis-soċjetajiet tagħna;

Reviżjoni tad-Direttiva IORP:

39.  Jenfasizza li l-għan tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Attivitajiet u s-Superviżjoni ta’ Istituzzjonijiet għall-Provvista ta’ Irtirar Okkupazzjonali (id-Direttiva IORP ) għandu jkun li l-pensjonijiet okkupazzjonali fl-Ewropa kollha jinżammu adegwati, sostenibbli u sikuri billi jinħoloq ambjent li jistimula aktar il-progress fis-suq intern u nazzjonali f'dan il-qasam, billi tiġi pprovduta protezzjoni b'saħħitha għall-pensjonanti attwali u futuri u billi tiġi adattata, b'mod flessibbli, id-diversità transkonfinali u transsettorjali tal-iskemi eżistenti;

40.  Jemmen li l-iżgurar li sistemi tat-tieni pilastru tal-UE jikkonformaw ma' regoli prudenti sodi hija determinanti sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni għall-membri u l-benefiċarji u jiġi rrispettat il-mandat tal-G20, li skontu l-istituzzjonijet finanzjarji kollha għandhom ikunu soġġetti għall-regolamentazzjoni xierqa u superviżjoni adegwata;

41.  Jitlob li f'dan il-kuntest, l-inizjattivi legiżlattivi tal-UE għandhom jirrispettaw l-għażliet meħuda mill-Istati Membri fir-rigward tal-fornituri tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru;

42.  Jenfasizza li kwalunkwe xogħol regolatorju ieħor tal-UE fir-rigward ta' miżuri prekawzjonarji għandu jinbena fuq analiżi soda tal-impatt li għandha tinkludi d-dispożizzjoni li prodotti simili jkunu suġġetti għall-istess standards prudenti, għall-provvediment adegwat u l-mobbiltà tal-ħaddiema fl-Unjoni, u għandu jkollu l-għan ġenerali li jissalvagwardja l-intitolamenti akkumulati tal-impjegati; jenfasizza li kwalunkwe xogħol regolatorju ieħor tal-UE fir-rigward ta’ miżuri prekawzjonarji għandu jinbena wkoll fuq djalogu attiv mas-sħab soċjali u mal-partijiet interessati l-oħra u fuq fehim ġenwin dwar l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u r-rispett lejhom; jenfasizza li s-sistemi tal-pensjoni huma integrati sew fiċ-ċirkostanzi kulturali, soċjali, politiċi u ekonomiċi ta’ kull Stat Membru; jenfasizza li l-fornituri kollha tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru, tkun xi tkun il-forma legali tagħhom, għandhom ikunu soġġetti għal regolamentazzjoni soda u proporzjonata li tqis il-karatteristiċi tan-negozju tagħhom, b'mod partikolari dawk iffukati fuq perjodu twil;

43.  Jinsisti li l-pensjonijiet tat-tieni pilastru, irrispettivament mill-fornituri tagħhom, m’għandhomx ikunu pperikolati mir-regolamentazzjoni tal-UE li ma tqisx il-perspettivi tagħhom fuq perjodu twil;

44.  Iqis li l-proposti tal-Kummissjoni rigward il-miżuri prekawzjonarji mhux talli għandhom jidentifikaw u jqisu d-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali, iżda għandhom japplikaw ukoll il-prinċipju “tal-istess riskju, l-istess regoli” fi ħdan kull sistema nazzjonali u pilastru rispettiv; jenfasizza li l-miżuri għandhom ikunu strettament konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità f’termini ta’ evalwazzjoni tal-għanijiet u l-benefiċċji kontra l-piżijiet finanzjarji, amministrattivi u tekniċi involuti u jqisu l-bilanċ ġust bejn l-infiq u l-benefiċċji;

45.  Iqis bħala utli, fir-rigward tal-miżuri prekawzjonarji kwalitattivi, il-proposti li jikkonċernaw il-governanza korporattiva msaħħa u l-ġestjoni tar-riskju – flimkiem ma' proposti li jirrigwardaw it-trasparenza mtejba u l-obbligi tal-iżvelar ta’ informazzjoni, kif ukoll l-iżvelar tal-infiq u t-trasparenza tal-istrateġiji ta' investiment, u dawn għandhom jitressqu fil-qafas ta' kwalunkwe reviżjoni, dment li jiġu rispettati l-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità; jinnota li, minħabba d-differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri, il-konverġenza tal-miżuri prekawzjonarji kwalitattivi fil-livell tal-UE hija aktar fattibbli fuq terminu qasir ta' żmien milli l-konverġenza tal-miżuri prekawzjonarji kwantitattivi;

46.  Mhuwiex konvint li, skont l-informazzjoni disponibbli bħalissa, huwa xieraq li jkun hemm rekwiżiti fil-livell Ewropew fir-rigward ta’ kapital proprju jew ta’ valutazzjoni tal-karta tal-bilanċ; jirrifjuta, bi qbil ma' dan ir-raġunament, kwalunkwe reviżjoni tad-Direttiva IORP immirata biex tikseb dan; jemmen, madanakollu, li l-Istudju dwar l-Impatt Kwantitattiv (QIS) li qed isir bħalissa mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA), kif ukoll l-analiżi ta’ segwitu possibbli għal dak l-istudju, għandhom jitqiesu sew f'dan il-kuntest ta' politika; jenfasizza li jekk dawn ir-rekwiżiti kellhom jiġu introdotti aktar tard, l-applikazzjoni diretta għar-rekwiżiti ta' Solvenza II għall-IORP ma tkunx l-aħjar strument;

47.  Ifakkar li d-Direttiva dwar il-Fondi tal-Pensjonijiet tapplika biss għal skemi tal-pensjoni volontarji u ma tkopri l-ebda strument li jkun parti mill-iskema tal-pensjoni pubblika obbligatorja;

48.  Jenfasizza li jeżistu differenzi kbar bejn prodotti ta’ assigurazzjoni u IORPs; jenfasizza li kwalunkwe applikazzjoni diretta ta’ rekwiżiti kwantitattivi ta’ Solvenza II għall-IORPs ma tkunx xierqa u tista' tkun potenzjalment ta' ħsara għall-interessi kemm tal-ħaddiema u kemm ta' min iħaddem; jopponi, għalhekk, l-applikazzjoni mingħajr adattament tar-rekwiżiti ta' Solvenza II għall-IORPs, filwaqt li jibqa' miftuħ għal approċċ li jfittex is-sigurtà u s-sostenibbiltà;

49.  Jenfasizza li s-sħab soċjali (jiġifieri min iħaddem u l-ħaddiema) għandhom responsabbiltà komuni għall-kontenut tal-arranġamenti tal-pensjonijiet tax-xogħol; jenfasizza li ftehimiet kuntrattwali bejn is-sħab soċjali jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti f'kull żmien b’mod partikolari fir-rigward tal-bilanċ bejn riskji u benefiċċji li skema tal-pensjoni okkupazzjonali timmira li tilħaq;

50.  Iqis li l-iżvilupp ulterjuri ta’ mudelli ta’ solvenza fil-livell tal-UE, bħall-Karta tal-Bilanċ Olistika (HBS), ikun utli biss jekk l-applikazzjoni tagħhom, fuq il-bażi ta’ analiżi soda tal-impatt, turi li tkun realistika f’termini prattiċi u effettiva f’termini ta’ spejjeż u benefiċċji, b’mod partikolari minħabba d-diversità tal-IORPs fi ħdan l-Istati Membri; jenfasizza li kwalunkwe żvilupp addizzjonali ta' varjazzjonijiet ta' Solvenza II jew ta' HBS m'għandux ikollu l-għan li jintroduċi dispożizzjonijiet bħal dawk ta' Solvenza II;

51.  Jinnota varjetà kbira fid-disinn tal-pjanijiet tal-pensjoni, li jvarjaw minn benefiċċji definiti (BD) għal kontribuzzjoni definita (KD) jew skemi mħallta; jinnota wkoll ċaqliqa minn skemi BD għal skemi KD jew it-twaqqif ta’ pilastri ffinanzjati b’mod obbligatorju f’xi Stati Membri; jenfasizza li dan iżid il-bżonn ta' aktar trasparenza u forniment ta’ informazzjoni aħjar liċ-ċittadini rigward il-benefiċċji mwiegħda, il-livelli ta’ spiża u l-istrateġiji ta’ investiment;

52.  Jirrimarka li l-idea li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni bejn assigurazzjoni fuq il-ħajja u IORPs tat-tieni pilastru hija relevanti biss sa ċertu punt, minħabba d-differenzi kbar bejn prodotti ta’ assigurazzjoni u IORPs li jiddependu fuq il-profil tar-riskju, il-grad ta' integrazzjoni fis-suq finanzjarju u l-karattru ta' kwalunkwe fornitur partikolari li jkun favur il-profitt jew mhux għall-profitt; jirrikonoxxi li minħabba kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja u IORPs tat-tieni pilastru, huwa essenzjali li prodotti bl-istess riskji jkunu soġġetti għall-istess regoli biex jiġi evitat li jkunu żgwidati l-benefiċjarji u jiġu pprovduti bl-istess livell ta’ protezzjoni prudenzjali;

Protezzjoni tal-penzjonijiet okkupazzjonali tal-ħaddiema fil-każ ta' insolvenza

53.  Jemmen li fil-każ ta’ insolvenza t-talbiet skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE għandhom ikunu konsistentement ssalvagwardati fl-Istati Membri kollha;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti ħarsa ġenerali komprensiva fuq is-sistemi u l-miżuri nazzjonali tas-sigurtà soċjali u, jekk jiġu identifikati inadegwatezzi f’dik l-evalwazzjoni, tfassal proposti tal-UE mtejba sabiex tiżgura li mekkaniżmi affidabbli, sempliċi, kosteffiċjenti u proporzjonati għal protezzjoni tad-drittijiet tal-pensjonijiet okkupazzjonali jiġu stabbiliti fl-UE kollha;

55.  jinnota li f'xi Stati Membri, dawk li jħaddmu diġà jsostnu l-iskemi tal-pensjoni tagħhom permezz ta' skemi ta' protezzjoni, segregazzjoni tal-assi, tmexxija indipendenti ta’ skemi u status ta’ kreditur ta’ prijorità ta’ skemi ta’ pensjoni qabel l-azzjonisti fil-każ ta' insolvenza ta’ kumpanija;

56.  Jenfasizza li kwistjonijiet rigward il-protezzjoni tal-pensjoni f’każ ta’ insolvenza huma relatati mill-qrib ma’ aspetti importanti tar-reviżjoni tad-Direttiva IORP; jenfasizza li l-Kummissjoni, fl-iżvilupp ta’ dawn iż-żewġ direttivi, għandha tiżgura li jkunu kongruwenti u kompatibbli b’mod sħiħ;

Tfaddil komplimentari tal-penzjonijiet tat-tielet pilastru

57.  Jirrealizza li t-tifsira, l-iskop u l-kompożizzjoni tat-tielet pilastru hi differenti fl-Istati Membri differenti;

58.  Jiddispjaċih li s-sistemi tat-tielet pilastru huma ħafna drabi aktar intensivi fir-rigward tal-kostijiet, aktar riskjużi u inqas trasparenti minn sistemi tal-ewwel pilastru; jitlob għall-istabbiltà, l-affidabbiltà u sostenibbiltà għat-tielet pilastru;

59.  Jikkunsidra li f’ċertu każijiet tfaddil għall-pensjoni privata jista’ jkun neċessarju biex tinbena pensjoni adegwata; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkoopera mal-Istati Membri fuq il-bażi ta’ approċċ tal-aħjar prattiki u tevalwa u ttejjeb inċentivi għal tfaddil ta’ pensjoni privata, b’mod partikolari għal individwi li inkella ma jibnux pensjoni adegwata;

60.  Iqis li hija utli li jkun hemm valutazzjoni ta’ prattiki tajba stabbiliti u proposti għall-ottimizzazzjoni ta’ inċentivi;

61.  Jenfasizza li l-prijorità l-aktar importanti ta’ politika pubblika m’għandhiex tkun li tissussidja skemi tat-tielet pilastru, imma li tiżgura li kulħadd ikun protett adegwatament fi ħdan l-ewwel pilastru li jkun jaħdem sew u jkun sostenibbli;

62.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina l-vulnerabilità fil-konfront tal-kriżijiet tas-sistemi tat-tielet pilastru li huma bbażati fuq il-kapital u tagħmel rakkomandazzjonijiet biex jitnaqqas ir-riskju;

63.  Jipproponi li, fil-livell nazzjonali, jiġu eżaminati l-limitazzjonijiet legali fil-kostijiet fil-konklużjoni u l-ġestjoni ta’ kuntratti, fil-bdil tal-fornitur jew fil-bdil tat-tip ta’ kuntratt u biex isiru rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward;

64.  Jikkunsidra li l-kodiċi ta’ kondotta fir-rigward tal-kwalità, il-provvista ta’ informazzjoni lill-konsumaturi u l-protezzjoni tal-konsumatur fit-tielet pilastru jistgħu jżidu l-attrazzjoni lejn il-pjanijiet tal-pensjoni tat-tielet pilastru; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki eżistenti fl-Istati Membri;

65.  Jappoġġa l-elaborazzjoni u t-twaqqif ta’ kodiċijiet ta’ kondotta volontarji fil-livell tal-UE – u possibilment skemi ta’ ċertifikazzjoni tal-prodott – fir-rigward tal-kwalità, l-informazzjoni lill-konsumaturi u l-protezzjoni tagħhom fit-tielet pilastru; jekk il-kodiċijiet ta' kondotta volontarji ma jirnexxux, jirrakkomanda li l-Istati Membri jassumu kompiti regolatorji f'dawn l-oqsma;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tfittex modi kif tista’ tuża aħjar il-leġiżlazzjoni tas-settur finanzjarju tal-UE meta tasal biex tiżgura li l-konsumaturi jingħataw pariri finanzjarji preċiżi u imparzjali dwar il-pensjoni u prodotti relatati mal-pensjonijiet;

It-tneħħija ta' ostakoli transkonfinali għall-investimenti tal-pensjoni, relatati mat-taxxa u l-kuntratti

67.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati biex jilħqu ftehim, speċjalment dwar kif tkun evitata taxxa doppja u n-nuqqas ta' tassazzjoni doppja fil-qasam tal-pensjonijiet transkonfinali;

68.  Iqis it-taxxi diskriminatorji wkoll bħala ostakolu kbir għall-mobbiltà transkonfinali u jitlob l-abolizzjoni tagħhom malajr kemm jista’ jkun, għalkemm jinnota kompetenza limitata tal-UE fil-qasam tal-politika tat-taxxa tal-Istati Membri;

69.  Iqis utli investigazzjoni tal-ostakoli għad-dritt kuntrattwali;

70.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi b’mod xieraq is-sħab soċjali permezz tal-istrutturi disponibbli;

Sess

71.  1 a. Ifakkar l-isfida tal-ġeneru rigward il-pensjonijiet; iqis li n-numru dejjem jikber ta' persuni anzjani, speċjalment nisa, li jgħixu fil-faqar huwa allarmanti; jenfasizza li l-iskemi tal-pensjoni pubbliċi tal-ewwel pilastru għandhom jiggarantixxu minn tal-anqas livell deċenti ta' għajxien għal kulħadd jenfasizza li l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol hija kruċjali biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjoni, peress li rati aktar għoljin ta' impjieg isaħħu t-tkabbir ekonomiku u jwasslu għall-ħlas ta' aktar primjums. Iqis li l-ugwaljanza tal-età tal-pensjoni għall-irġiel u n-nisa għandha tkun akkumpanjata minn politiki effikaċi biex jiżguraw paga ugwali għal xogħol ugwali, ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol ma' kura għal dawk dipendenti; jenfasizza l-ħtieġa li titqies l-introduzzjoni ta' krediti tal-pensjoni relatati mal-kura bħala rikonoxximent għall-kura li tingħata lil persuni dipendenti, li normalment ma tiġix rimunerata.

72.  Jilqa’ t-talba espressa fil-White Paper biex l-Istati Membri jikkunsidraw l-iżvilupp ta' krediti ta’ kura biex jiġi żġurat li l-perjodi ddedikati għall-kura ta’ persuni dipendenti jitqiesu waqt li jkun qed jiġu kkalkolati l-intitolamenti individwali tal-penzjoni tan-nisa u l-irġiel; jenfasizza li tqassim mhux indaqs ta' responsabbiltajiet tal-familja bejn in-nisa u l-irġiel – li ħafna drabi jfisser li n-nisa jkollhom impjiegi inqas sikuri, anqas imħallsa jew saħansitra mhux dikjarati u li għandhom impatt negattiv fuq l-intitolamenti tal-pensjoni – u nuqqas ta' servizzi aċċessibbli u affordabbli u faċilitajiet ta' kura u miżuri ta' awsterità reċenti f'dan il-qasam qed ikollhom impatt dirett speċjalment fuq il-possibbiltajiet tan-nisa li jaħdmu u jakkumilaw pensjoni; għahekk jistieden lill-Kummussjoni tikkummissjona studju dwar il-kwestjoni;

73.  Ifakkar il-ħtieġa, għal xi Stati Membri, li jieħdu miżuri biex jeliminaw id-differenzi fil-pagi u d-dħul bejn in-nisa u l-irġiel għall-istess xogħol u d-diskrepanzi fil-kisba tal-karigi ta’ responsabilità, kif ukoll l-inugwaljanzi bejn is-sessi fis-suq tax-xgħol, li jaffettwaw ukoll il-pensjonijiet u li jirriżultaw f'differenza sostanzjali bejn il-pensjonijiet imħallsa lin-nisa u l-pensjonijiet ħafna ogħla mħallsa lill-irġiel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti; jinnota li, minkejja kampanji, miri u miżuri numerużi fis-snin reċenti, id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel għadha mifruxa b'mod persistenti;

74.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoi tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel;

75.  Jenfasizza li jeħtieġ li jittieħdu miżuri ta' urġenza kontra d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel fis-settur privat, ħaġa li hi partikolarment gravi f'ħafna Stati Membri;

76.  Jenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel bl-istess ħiliet u l-istess impjieg, peress li din tikkawża li l-introjtu tan-nisa jibqa' dejjem lura wara dak tal-irġiel u jżid in-numru għoli ta' nisa li jgħixu fil-faqar meta joħorġu bil-pensjoni ew jormlu;

77.  Jenfasizza li l-għomor itwal tan-nisa ma għandux ikun il-kawża ta’ diskriminazzjoni fil-kalkoli tal-pensjoni;

78.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw u infurzaw il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet għall-maternità bil-għan li n-nisa ma sofrux l-iżvantaġġi f'termini tal-pensjonijiet minħabba l-fatt li saru ommijiet matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom;

79.  Iqis li, fi prospettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi, tinħtieġ individwalizzazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni, iżda fl-istess ħin jeħtieġ tiġi garantita s-sigurtà ta' ħafna nisa anzjani li bħalissa jiddependu mill-pensjoni tar-romol u fuq drittijiet derivati oħrajn;

80.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw ir-riċerka dwar l-impatt tal-formuli differenti ta' indiċizzazzjoni tal-pensjonijiet rigward is-sogru tal-faqar fix-xjuħija, filwaqt li jqisu d-dimensjoni tas-sessi; jistieden lill-Istati Membri jqisu b'mod partikolari l-evoluzzjoni fil-bżonnijiet tan-nies meta jixjieħu, pereżempju l-kura għal żmien twil, sabiex jiżguraw li l-anzjani, prinċipalment in-nisa, ikunu jistgħu jirċievu pensjoni adegwata u jgħixu b'dinjità;

o
o   o

81.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 188E, 28.6.2012, p. 9.
(2) ĠU C 299, 4.10.2012, p. 115.
(3) ISBN 978-92-79-22850-6.
(4) Testi adottati, P7_TA(2012)0047
(5) OJ L 308, 24.11.2010, p. 46
(6) ĠU C 9E, 15.1.2010, p. 11.
(7) OECD (2012), “Mobbiltà u migrazzjoni fl-Ewropa, p.63. Fi: Stħarriġ OECD dwar l-Ekomonija: L-Unjoni Ewropea 2012, Publikazzjoni OECD.
(8) http://www.europarl.europa.eu/committees/fr/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file= 79590
(9) Miranda, V., Cooking, Caring and Volunteering: Unpaid Work Around the World, Karti ta' Ħidma tal-OECD Soċjali, tal-Impjieg u tal-Migrazzjoni Numru 116, publikazzjoni OECD (2011).
(10) Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ 2012: Projezzjonijiet baġitarji u ekonomiċi għas-27 Stat Membru tal-UE (2010-2060), Brussell, Mejju 2011. http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/european_economy/2012/pdf/ee-2012-2_en.pdf
(11) ”Adegwatezza tal-pensjonijiet fl-Unjoni Ewropea 2010-2050“, rapport imħejji b'mod konġunt mid-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali, 23 ta’ Mejju 2012, http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=7105&type=2&furtherPubs=yes


Il-ġlieda kontra l-Frodi Fiskali, l-Evażjoni Fiskali u r-Rifuġji Fiskali
PDF 380kWORD 135k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar il-Ġlieda kontra l-Frodi tat-Taxxa, l-Evażjoni tat-Taxxa u r-Rifuġji Fiskali (2013/2060(INI))
P7_TA(2013)0205A7-0162/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2012 dwar Pjan ta' Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (COM(2012)0722),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2012 dwar il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva (C(2012)8806),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2012 dwar miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi biex japplikaw standards minimi ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa (C(2012)8805),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ġunju 2012 dwar mezzi konkreti li jsaħħu l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa inkluż f'dak li jirrigwarda lil pajjiżi terzi (COM(2012)0351),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2012 dwar l-Istħarriġ Annwali ta’ Tkabbir 2013 (COM(2012)0750),

  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2013 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu (2013/0025(COD)),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) ta’ Frar 2012 dwar standards internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-proliferazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-19 ta' April 2012 dwar l-appell għal modi konkreti biex jiġu miġġielda l-frodi fiskali u l-evażjoni fiskali(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-10 ta' Frar 2012 ta' Richard Murphy FCA intitolat “Closing the European Tax Gap”,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-1 ta’ Diċembru 1997 dwar kodiċi ta’ kondotta fil-qasam tat-tassazzjoni tal-impriżi u r-rapport tal-Grupp tal-Kodiċi ta’ Kondotta għat-Tassazzjoni tal-Intrapriżi lill-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2012,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-OECD intitolat “Addressing Base Erosion and Profit Shifting” (2013),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-ECOFIN u r-Rapport tal-ECOFIN lill-Kunsill Ewropew dwar kwistjonijiet ta’ taxxa tat-22 ta’ Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Marzu 2011 dwar kooperazzjoni ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar il-promozzjoni ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-19 ta’ April 2012 dwar proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar BKKTK(3),

–  wara li kkunsidra l-Communiqué wara l-Laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-G20 li seħħet f’Moska fil-15 u s-16 ta’ Frar 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Frar 2010 dwar il-promozzjoni ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0162/2013),

A.  billi kull sena fl-UE jintilef l-ammont stmat u skandaluż ta' EUR 1 triljun fi dħul ta' taxxa potenzjali minħabba l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, li jirrappreżenta spiża ta' madwar EUR 2000 fis-sena għal kull ċittadin Ewropew, mingħajr ma jittieħdu miżuri xierqa bħala rispons(5);

B.  billi dan it-telf jirrappreżenta: periklu għas-salvagwardja ta' ekonomija tas-suq soċjali tal-UE bbażata fuq servizzi pubbliċi ta’ kwalità; theddida għall-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku; rigress fl-effiċjenza u s-sens ta' ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa fl-UE; u riskju għat-trasformazzjoni ekoloġika tal-ekonomija; billi jipproduċi u jiffaċilita aktar profitti żejda li jkunu detrimentali għas-soċjetà li jwasslu għal inugwaljanza, li jżidu n-nuqqas ta’ fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet demokratiċi u li jikkultivaw ambjent ta’ defiċit demokratiku;

C.  billi parti importanti mis-sostenibilità fiskali hija l-iżgurar tal-bażi tad-dħul tagħna;

D.  billi l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa huma attività illegali ta’ evażjoni tat-taxxa dovuta filwaqt li, min-naħa l-oħra, l-evitar tat-taxxa huwa l-użu legali iżda dubjuż tar-reġim tat-taxxa biex titnaqqas jew tiġi evitata t-taxxa dovuta, u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva tikkonsisti f’li wieħed jieħu vantaġġ mit-teknikalitajiet ta’ sistema fiskali jew mid-diskrepanzi bejn żewġ sistemi fiskali jew aktar bl-iskop ta’ tnaqqis fit-taxxa dovuta;

E.  billi l-prattiki tal-evitar tat-taxxa, faċilitati mid-dematerjalizzazzjoni tal-ekonomija li dejjem tiżdied, iwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni dannużi għall-intrapriżi u t-tkabbir Ewropew;

F.  billi l-iskala tal-frodi tat-taxxa u tal-evitar tat-taxxa tnaqqas il-fiduċja u l-kunfidenza taċ-ċittadini fil-ġustizzja u l-leġittimità tal-ġbir tat-taxxa u s-sistema tat-taxxa kollha kemm hi;

G.  billi n-nuqqas ta’ koordinazzjoni tal-politiki tat-taxxa fl-UE jwassal għal spiża u piż amministrattiv sinifikanti għaċ-ċittadini u n-negozji li joperaw transkonfinalment fl-UE, u dan jista’ jirriżulta f’nontassazzjoni mhux intenzjonata jew iwassal għal frodi tat-taxxa u evitar tat-taxxa;

H.  billi l-persistenza ta' tgħawwiġ ikkawżat minn prattiki fiskali mhux trasparenti jew li huma ta' ħsara min-naħa ta' ġurisdizzjonijiet li jagħmluha ta' rifuġji fiskali tista' twassal għal flussi artifiċjali u effetti negattivi fi ħdan is-suq intern tal-UE; billi kompetizzjoni fiskali ta’ ħsara fl-UE tmur b’mod ċar kontra l-loġika ta’ suq uniku; billi hemm bżonn ta' aktar sforzi sabiex il-bażijiet tat-taxxa jiġu armonizzati f’Unjoni ekonomika, fiskali u baġitarja li tkun dejjem eqreb;

I.  billi pajjiżi li jgawdu minn programmi ta’ assistenza – wara li intensifikaw il-ġbir tat-taxxi u eliminaw il-privileġġi skont il-proposti tat-Trojka – fl-aħħar snin raw ħafna mill-kumpaniji l-kbar tagħhom jitilqu biex igawdu privileġġi fiskali offruti minn pajjiżi oħra;

J.  billi fil-prattika dan għadda l-piż tat-taxxi għal fuq ħaddiema u familji bi dħul baxx u sforza l-gvernijiet biex jagħmlu tnaqqis fis-servizzi pubbliċi li huwa ta’ ħsara għalihom;

K.  billi t-tnaqqis fl-impjiegi fil-parti l-kbira tal-awtoritajiet fiskali nazzjonali tal-Istati Membri permezz ta’ miżuri ta’ awsterità matul dawn l-aħħar snin ipperikola bil-kbir l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni;

L.  billi l-użu ta' prattiki ta' evitar tat-taxxa minn impriżi multinazzjonali jmur kontra l-prinċipju ta’ kompetizzjoni ġusta u responsabilità korporattiva;

M.  billi r-rispons ta’ wħud mill-kontribwenti għall-passi li ttieħdu mill-Istati Membru bħala rimedju għan-nuqqas ta’ trasparenza kien li huma jgħaddu t-tranżazzjonijiet kummerċjali tagħhom minn ġurisdizzjoni oħra li għandha livell anqas ta’ trasparenza;

N.  billi l-miżuri nazzjonali unilaterali rriżultaw f'ħafna każijiet mhux effettivi, mhux suffiċjenti u f’ċerti każijiet ukoll ta’ detriment għall-kawża, u dan jeħtieġ approċċ ikkoordinat u fuq diversi binarji fil-livelli nazzjonali, tal-UE u internazzjonali; billi l-ġlieda effettiva kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva tirrikjedi kooperazzjoni rinfurzata b'mod b'saħħtu bejn l-awtoritajiet tat-taxxa ta’ Stati Membri differenti kif ukoll kooperazzjoni rinfurzata tal-awtoritajiet tat-taxxa ma’ awtoritajiet oħra li jinfurzaw il-liġi fi Stat Membru partikolari;

O.  billi, kif iddikjarat mill-OECD fir-rapport tagħha “Kif Nindirizzaw l-Erożjoni ta’ Bażi u Ċaqliq tal-Profitt”, il-kwistjoni ta’ politika fundamentali li għandha tkun trattata hija l-fatt li l-prinċipji komuni internazzjonali li joħorġu minn esperjenzi nazzjonali sabiex jaqsmu ġurisdizzjoni fiskali ma żammewx il-pass mal-ambjent tan-negozju li qed jinbidel; billi huwa meħtieġ rwol aktar attiv mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-arena internazzjonali sabiex jaħdmu għat-twaqqif ta’ standards internazzjonali bbażati fuq prinċipji ta’ trasparenza, skambju ta’ informazzjoni u t-tneħħija ta’ miżuri fiskali ta’ ħsara;

P.  billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma għandhomx is-saħħa ta’ negozjar sabiex iġiegħlu lir-rifuġji fiskali sabiex jikkooperaw, jiskambjaw l-informazzjoni u jsiru trasparenti;

Q.  billi l-ġurnalisti investigattivi, is-settur mhux governattiv u l-komunità akkademika kienu strumentali biex jikxfu każijiet ta’ frodi tat-taxxa, evitar tat-taxxa u rifuġji fiskali u biex jinfurmaw lill-pubbliku dwar dan;

R.  billi mat-tisħiħ tal-mezzi biex jinstabu l-frodi tat-taxxa għandha tissaħħaħ ukoll il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-għajnuna għall-irkuprar tat-taxxi, l-ugwaljanza fit-trattament tat-taxxa u l-prattikabiltà għan-negozji;

S.  billi l-Ministri tal-Finanzi Ewropej li ltaqgħu matul il-laqgħa ta’ G20 f’Moska, fi Frar 2013, ħalfu li jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jitrattaw l-evitar tat-taxxa u kkonfermaw li l-miżuri nazzjonali biss mhumiex ser jagħtu l-effetti mixtieqa;

T.  billi l-ipprezzar ta’ trasferimenti li jirriżulta fl-evitar tat-taxxa jaffettwa negattivament il-baġits tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw billi ġie sfurzat fuqhom telf stmat ta’ madwar EUR 125 biljun fi dħul fiskali annwalment, kważi darbtejn l-ammont li jirċievu bħala assistenza internazzjonali;

U.  billi s-setgħa li jilleġiżlaw dwar it-tassazzjoni tinsab bħalissa fi ħdan l-Istati Membri;

1.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu li jħeġġu lill-Istati Membri jieħdu azzjoni immedjata u kkoordinata kontra r-rifuġji fiskali u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva;

2.  Jilqa’ d-determinazzjoni espressa mill-Ministri tal-Finanzi tal-G20 sabiex jindirizzaw l-erożjoni ta’ bażi u ċ-ċaqliq tal-profitti;

3.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jonoraw l-impenn tagħhom, iħaddnu l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni, jimplimentaw bis-sħiħ iż-żewġ rakkomandazzjonijiet; jinsisti li l-Istati Membri jidħlu f'negozjati serji, jiffinalizzaw il-proċeduri għall-proposti leġiżlattivi pendenti kollha u japplikaw miżuri fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ frodi tat-taxxa, evażjoni tat-taxxa, evitar tat-taxxa, pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u rifuġji fiskali fit-territorji dipendenti tagħhom;

4.  Jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri għadu ma rnexxilhomx jilħqu ftehim dwar proposti leġiżlattivi ewlenin bħall-proposta tal-2008 sabiex tkun emendata d-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta’ riżervi fuq id-dħul fil-forma ta’ pagamenti ta’ mgħax jew il-Proposta tal-2011 għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni tat-Taxxa Korporattiva;

5.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ progress sostanzjali li sar s’issa fil-qasam tat-tassazzjoni fil-qafas tal-impenji tal-Patt Euro Plus;

6.  Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tiġi stabbilità “Pjattaforma għall-Governanza Tajba tat-Taxxa”; jistieden lill-Kummissjoni sabiex timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni taż-żewġ rakkomandazzjonijiet fl-Istati Membri kollha, u tikkonsulta u tinvolvi wkoll fil-ħidmiet tal-Pjattaforma lill-persunal tat-taxxa nazzjonali, is-sħab soċjali u t-trejdjunjins; jistieden lill-Kummissjoni biex kull sena tressaq quddiem il-Kunsill u l-Parlament rapport dwar ix-xogħol u l-kisbiet tal-Pjattaforma;

7.  Iqis li l-iskop u l-kobor tal-problema, u l-urġenza tal-azzjonijiet meħtieġa huma enfasizzati mill-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji offshore sigrieti ppubblikati f'April 2013 mill-Konsorzju Internazzjonali tal-ġurnaliżmu investigattiv; għal darba oħra, minħabba dan, jitlob għal impenn Ewropew u internazzjonali msaħħaħ għat-trasparenza li għandu jirriżulta fi ftehim multilaterali, vinkolanti, internazzjonali dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni għal kwistjonijiet ta' taxxa;

Ir-rwol tal-UE fix-xena internazzjonali

8.  Jenfasizza li l-UE għandu jkollha rwol ewlieni fid-diskussjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u r-rifuġji fiskali fl-OECD, il-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju tal-Informazzjoni għar-Raġunijiet ta’ Taxxa, il-G20, il-G8 u fora multinazzjonali relevanti oħrajn; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b’mod konsistenti jenfasizzaw, fix-xena internazzjonali, l-importanza ewlenija ta’ kooperazzjoni msaħħa fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u r-rifuġji fiskali; jenfasizza li l-UE għandha, fejn ikun xieraq, tikkonvinċi lil pajjiżi mhux tal-UE biex jibnu u jtejbu l-effikaċja tas-sistemi tal-ġbir tat-taxxa rispettivi tagħhom billi jadottaw il-prinċipji tat-trasparenza, tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni u tal-eliminazzjoni ta’ miżuri fiskali ta’ ħsara, u biex tgħinhom ħalli jagħmlu dan; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jaġġornaw l-assistenza teknika u l-bini tal-kapaċità tagħhom fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

9.  Jikkunsidra li huwa ta’ importanza kbira li l-Istati Membri jawtorizzaw lill-Kummssjoni sabiex tinnegozja ftehimiet fiskali ma’ pajjiżi terzi f’isem l-UE minflok ikomplu bil-prattika ta’ negozjati bilaterali li jipproduċu riżultati mhux ottimali mill-punt tal-UE kollha kemm hi u ta’ spiss ukoll tal-Istati Membri kkonċernati;

10.  Jenfasizza l-obbligu tal-Istati Membri li kisbu(6) jew qed ifittxu li jakkwistaw assistenza finanzjarja sabiex jimplimentaw miżuri maħsuba biex isaħħu u jtejbu l-kapaċità tal-ġbir tat-taxxa u l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni testendi dan l-obbligu biex tilqa' miżuri li jittrattaw il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tevita milli tagħti finanzjament tal-UE, u biex tiżgura li l-Istati Membri ma jipprovdux għajnuna mill-Istat jew aċċess għal akkwist pubbliku lill-kumpaniji li jiksru l-istandards tat-taxxa tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jeħtieġu żvelar tal-informazzjoni relatata mal-penali jew kundanni għal reati relatati mat-taxxi għall-kumpaniji kollha li jressqu offerti għal kuntratti tal-akkwist pubbliku; jissuġġerixxi li l-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li jirrispettaw l-obbligi li kien hemm qbil dwarhom skont id-Direttiva għall-Pagamenti Tard, ikunu jistgħu jinkludu klawżola f’kuntratti tal-akkwist pubbliku li tippermetti li huma jtemmu l-kuntratt jekk fornitur sussegwentement jikser dawn l-obbligi ta’ konformità mat-taxxa;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi standards komuni għal trattati tat-taxxa bejn Stati Membri u pajjiżi li qed jiżviluppaw bil-għan li tiġi evitata l-erożjoni tal-bażi fiskali għal dawn il-pajjiżi;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi aktar riżorsi baġitarji u persunal lil DĠ TAXUD sabiex jgħinuha tiżviluppa politiki u proposti tal-UE dwar nontassazzjoni doppja, evażjoni tat-taxxa u frodi;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jinsistu, fir-relazzjonijiet rispettivi tagħhom ma' pajjiżi terzi, fuq l-applikazzjoni riġida tal-istandards tal-UE f’każijiet relatati mat-taxxa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ ftehimiet kummerċjali bilaterali jew multilaterali futuri;

15.  Jilqa' l-Att ta' Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin tal-Istati Uniti (FATCA) bħala l-ewwel pass lejn skambju awtomatiku tal-informazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa transfruntiera; jiddispjaċih, madankollu, li ttieħed approċċ bilaterali/intergovernattiv fin-negozjati mal-Istati Uniti aktar milli pożizzjoni ta' negozjar tal-UE komuni; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' reċiproċità sħiħa fl-iskambju tal-informazzjoni; jitlob għar-rispett tad-drittijiet tal-protezzjoni tad-dejta għaċ-ċittadini tal-UE f'dan il-kuntest;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jirrevedu mill-qrib u jimplimentaw kif meħtieġ ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) ta’ Frar 2012;

Mira ewlenija – L-indirizzar tad-diskrepanza fiskali

17.  Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom favur mira ambizzjuża iżda realistika li sal-2020 titnaqqas bin-nofs id-diskrepanza fiskali, peress li gradwalment dan jiġġenera potenzjal ta' dħul konsiderevolment ogħla mit-taxxa mingħajr ma jiżdiedu r-rati tat-taxxa;

18.  Barra minn hekk jirrikonoxxi li t-twessigħ tal-bażijiet ta’ tassazzjoni diġà eżistenti, minflok iż-żieda ta’ rati ta’ tassazzjoni jew l-introduzzjoni ta’ taxxi ġodda, jista’ jiġġenera aktar dħul għall-Istati Membri;

19.  Fl-aħħar jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komprensiva bbażata fuq azzjonijiet leġiżlattivi konkreti, fil-qafas tat-Trattati eżistenti, biex titnaqqas id-diskrepanza fiskali tal-UE u tiżgura li l-kumpaniji kollha li joperaw fl-UE jissodisfaw l-obbligi fiskali tagħhom fl-Istati Membri kollha fejn dawn joperaw;

20.  Jenfasizza li miżuri biex inaqqsu d-diskrepanza fiskali u jindirizzaw ir-rifuġji fiskali, l-evażjoni u l-evitar jirriżultaw f'kundizzjonijiet kompetittivi ġusti u trasparenti dwar is-suq intern, jgħinu fil-konsolidament fiskali filwaqt li jnaqqsu l-livelli ta' dejn sovran, iżidu r-riżorsi għall-investiment pubbliku, itejbu l-effiċjenza u s-sens ta’ ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa nazzjonali, u jgħollu l-livelli ġenerali tal-konformità mat-taxxa, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-użu tal-programm Fiscalis billi jintegraw l-istrateġija dwar id-diskrepanza fiskali fih;

22.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tistudja l-possibilità li tiġi introdotta tassazzjoni Ewropea f’mudelli kummerċjali transkonfinali u kummerċ elettroniku;

Jipproponi li l-azzjonijiet li ġejjin ikunu fuq quddiem nett tal-istrateġija dwar id-diskrepanza fiskali tal-UE:
Dwar il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa

23.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jallokaw persunal, riżorsi tal-għarfien u tal-baġit adegwati lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali u l-persunal tal-awditjar tat-taxxa tagħhom kif ukoll riżorsi għat-taħriġ tal-persunal tal-amministrazzjoni fiskali li jiffoka fuq kooperazzjoni transfruntiera fuq frodi u evitar tat-taxxa, u biex jiddaħħlu għodod b'saħħithom kontra l-korruzzjoni;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni immedjata fir-rigward ta’ trasparenza ta’ kumpaniji li jħallsu t-taxxa billi tobbliga lill-kumpaniji multinazzjonali kollha jippubblikaw ċifra sempliċi u unika għall-ammont ta’ taxxa mħallas f’kull Stat Membru fejn huma joperaw;

25.  Jisħaq fuq l-importanza ta' Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) u jistieden lill-Istati Membri jaqblu u jimplimentaw id-direttiva dwar il-BKKTK billi jersqu gradwalment minn skema mhux obbligatorja għal waħda obbligatorja, kif definit fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-19 ta’ April 2012 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar BKKTK;

26.  Huwa tal-opinjoni li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu azzjoni u jissospendu jew jirrevokaw il-liċenzji bankarji ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u konsulenti finanzjarji jekk jgħinu fil-frodi tat-taxxa billi joffru prodotti jew servizzi lill-klijenti li jippermettulhom jevadu t-taxxi jew li jirrifjutaw li jikkooperaw mal-awtoritajiet tat-taxxa;

27.  Jilqa’ l-inklużjoni tal-Kummissjoni li jiġu elenkati r-reati tat-taxxa bħala reati presupposti għal ħasil tal-flus fl-ambitu tad-Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus il-ġdida (2013/0025(COD)) u jitlob għall-implimentazzjoni mingħajr dewmien tad-direttiva; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintroduċi proposti għal indirizzar armonizzat tal-frodi tat-taxxa taħt il-liġi kriminali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ investigazzjonijiet transfruntiera u reċiproċi; javża lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-kooperazzjoni tagħha ma’ korpi oħra tal-UE li jinfurzaw il-liġi, b’mod partikolari ma’ awtoritajiet responsabbli mill-ħasil tal-flus, il-ġustizzja u s-sigurtà soċjali;

28.  Jistieden lill-Istati Membri biex ineħħu l-ostakoli kollha fil-liġijiet nazzjonali li jfixklu l-kooperazzjoni u l-iskambji tal-informazzjoni dwar it-taxxa mal-istituzzjonijiet tal-UE u fl-Istati Membri, filwaqt li jiżguraw ukoll protezzjoni effettiva tad-dejta tal-kontribwenti;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika l-oqsma fejn ir-regolamenti tal-UE u l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri jkunu jistgħu jittejbu sabiex jitnaqqsu l-frodi tat-taxxa, inkluż l-użu xieraq tal-programmi Fiscalis u Customs;

30.  Jilqa’ l-adozzjoni mill-Kunsill tal-qafas ġdid għal kooperazzjoni amministrattiva u jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw immedjatament dan il-qafas;

31.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jfittxu data b'evidenza konklużiva ta' reati relatati mal-evażjoni tat-taxxa minn reġistri oħrajn miżmuma mill-gvern, bħal bażijiet tad-data dwar vetturi, artijiet, jottijiet u assi oħra, u jaqsmu dan ma' Stati Membri oħra u l-Kummissjoni;

32.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu implimentati strateġiji ġodda u li jsir użu aktar effiċjenti mill-istrutturi eżistenti tal-UE sabiex tiġi miġġielda aħjar il-frodi tal-VAT, speċjalment frodi karusell; f’dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kunsill biex jadotta u jimplimenta fil-pront id-Direttiva li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT;

33.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex ikomplu u jaġġornaw, taħt il-Programm Fiscalis 2020 il-ġdid, il-kontrolli simultanji sabiex jiskopru u jiġġieldu l-frodi tat-taxxa transfruntiera, u biex jiffaċilitaw il-preżenza ta’ uffiċjali barranin fl-uffiċċji ta’ amministrazzjonijiet tat-taxxa u matul inkjesti amministrattivi; jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni aktra qawwija bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u korpi oħra tal-infurzar tal-liġi, speċjalment bil-għan li jiskambjaw l-informazzjoni miksuba fir-rigward ta’ investigazzjonijiet marbuta ma’ ħasil tal-flus u reati tat-taxxa relatati;

34.  Ifakkar li l-eliminazzjoni tal-ekonomija informali ma tistax isseħħ mingħajr ma jiġu offruti inċentivi xierqa; jissuġġerixxi, barra minn hekk, li l-Istati Membri jridu jirrappurtaw, permezz ta’ tabella ta' valutazzjoni, sa liema punt irnexxielhom inaqqsu l-ekonomiji informali tagħhom;

35.  Jappoġġja l-isforzi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) biex tintroduċi Identifikaturi ta’ Entità Ġuridika bħala pass biex ikunu żgurati t-traċċabilità u trasparenza ta’ tranżazzjoni finanzjarja, li għandhom parti ewlenija fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa;

36.  Jinnota li l-eliminazzjoni tal-privileġġi fiskali tista’ tagħti lok għall-implimentazzjoni ta’ riformi komprensivi li jwasslu għal sistema fiskali sempliċi, ġusta u li tinftiehem;

37.  Jinnota li l-proċedimenti legali kontra l-frodi tat-taxxa huma kkumplikati u jieħdu fit-tul, u li dawk li jinstabu ħatja, fl-aħħar, jirċievu sentenzi relattivament ħfief, li jbiddlu l-frodi tat-taxxa f'reat pjuttost ħieles mir-riskji;

38.  Jenfasizza l-potenzjal għall-gvern elettroniku li jżid it-trasparenza u jiġġieled il-frodi u l-korruzzjoni, b’hekk jgħin biex jiġu protetti l-fondi pubbliċi; jisħaq fuq il-bżonn ta' leġiżlazzjoni li tippermetti l-innovazzjoni kontinwa;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza b'mod speċifiku l-problema tal-iżbilanċi ibridi bejn is-sistemi tat-taxxa differenti użati fl-Istati Membri;

40.  Jinnota, madankollu, li billi l-VAT huwa “riżorsa proprja”, l-evażjoni tat-taxxa f'dak il-qasam għandu infuwenza diretta kemm fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri kif ukoll il-baġit tal-UE;ifakkar li, skont il-Qorti tal-Awdituri, “l-evażjoni tal-VAT taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Istati Membri;” din għandha impatt fuq il-baġit tal-UE minħabba li twassal għal Riżorsi Proprji aktar baxxi bbażati fuq il-VAT; dan it-telf huwa kkumpensat mir-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, li jfixkel il-kontribuzzjonijiet individwali tal-Istati Membri għall-baġit tal-UE. Barra minn hekk, il-frodi tat-taxxi ddgħajjef il-funzjonament tas-suq intern u tostakola l-kompetizzjoni leali'(7);

41.  Jinnota li s-sistema tal-VAT tal-UE tipprovdi parti sinifikanti mid-dħul pubbliku – 21 % fl-2009(8) - imma hija wkoll il-kawża ta' livelli għoljin kemm ta' spejjeż ta' konformità mhux neċessarji kif ukoll ta' evitar tat-taxxa;

42.  Jinnota li minn mindu ġie introdott il-VAT, il-mudell għall-ġbir tiegħu baqa' ma nbidilx; jenfasizza li billi dan il-mudell huwa antik, minħabba l-ħafna tibdil li sar fl-ambjent teknoloġiku u ekonomiku, il-fatt li jibqa' jintuża jwassal għal telf sostanzjali;

43.  Jenfasizza li t-tħaddim korrett tas-sistema doganali għandu konsegwenzi diretti fir-rigward tal-kalkolu tal-VAT; jinsab imħasseb sew li l-kontrolli doganali fl-UE mhux qed jaħdmu kif suppost, li jirriżultaw f'telf sinifikanti ta' VAT(9); jidhirlu li hija inaċċettabbli li f'ħafna mill-Istati Membri, l-awtoritajiet tat-taxxa ma għandhomx aċċess dirett għad-data doganali u li għalhekk mhuwiex possibbli li jkun hemm kontrokontrolli awtomatizzati mad-data tat-taxxi; jinnota li l-kriminalità organizzata hija konxja sew tan-nuqqasijiet tas-sistema attwali;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jwaqqfu miżuri li jippermettu l-użu soċjali mill-ġdid ta’ fondi konfiskati bi proċeduri kriminali f’każijiet ta’ frodi tat-taxxa u evitar tat-taxxa; għalhekk jitlob sabiex parti sostanzjali mill-fondi konfiskati jerġgħu jintużaw għal skopijiet soċjali u sabiex jerġgħu jiġu injettati fl-ekonomiji lokali u reġjonali li jkunu affetwati minn reati tat-taxxa direttament jew indirettament;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex irawmu ambjent fejn ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-espożizzjoni ta’ każijiet ta’ frodi tat-taxxa u rifuġji fiskali ikun kompletament protett, fost l-oħrajn bit-twaqqif ta’ sistemi effettivi għall-protezzjoni ta’ żvelaturi u sorsi ġurnalistiċi;

Dwar l-evitar tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva

46.  Jistieden lill-Istati Membri, bħala kwistjoni ta’ prijorità, jadottaw u jimplimentaw id-Direttiva dwar it-Tfaddil emendata sabiex jiġu eliminati n-nuqqasijiet tad-Direttiva eżistenti u tiġi evitata l-evażjoni tat-taxxa b'mod aħjar;

47.  Jilqa' d-diskussjonijiet internazzjonali dwar l-aġġornament tal-linji gwida tal-OECD dwar l-ipprezzar ta’ trasferimenti, jiġifieri ċ-ċaqliq ta’ profitti ta’ rifuġji fiskali sabiex tkun evitata t-taxxa kemm f’pajjiżi żviluppati u kemm f’dawk li qed jiżviluppaw; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jieħdu azzjoni immedjata, u jirrevedu r-regoli attwali dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti, b’mod partikolari b’rabta maċ-ċaqliq ta’ riskji u assi intanġibbli, il-qsim artifiċjali tas-sjieda ta’ assi bejn entitajiet legali fi grupp, u tranżazzjonijiet bejn dawn l-entitajiet li rari jseħħu bejn entitajiet indipendenti; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa s-sistema ta’ ftehim minn qabel ta’ prezzijiet applikabbli għall-ipprezzar ta’ trasferiment, fejn għandu jiżdied rekwiżit ġdid mal-obbligi eżistenti taħt il-linji gwida tad-Dokumentazzjoni dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment tal-UE. jissuġġerixxi li d-dokumentazzjoni, kif ukoll ir-rekwiżiti għad-dikjarazzjoni tat-taxxa, għandhom ikunu usa' għal tranżazzjonijiet ma’ ġurisdizzjonijiet fuq il-“lista s-sewda”;

48.  Jilqa’ l-progress magħmul fuq ir-rapportar pajjiż b’pajjiż skont id-Direttivi dwar il-Kontabilità u t-Trasparenza; jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi, bħala l-pass li jmiss, rappurtar ta' pajjiż b'pajjiż għal kumpaniji transfruntieri fis-setturi kollha, billi tiżdied it-trasparenza ta' tranżazzjonijiet tal-pagamenti – billi jinħtieġ żvelar tal-informazzjoni bħan-natura tal-attivitajiet tal-kumpaniji u l-post ġeografiku tagħhom, id-dħul, in-numru ta' impjegati fuq bażi ekwivalenti għal “full-time”, il-profitt jew it-telf qabel it-taxxa, it-taxxa fuq il-profitt jew it-telf, u s-sussidji pubbliċi rċevuti fuq bażi ta' pajjiż b'pajjiż għall-kummerċjalizzazzjoni ta' grupp fis-sħuħija tiegħu – sabiex jiġi mmonitorjat ir-rispett għal regoli xierqa għall-ipprezzar ta' trasferiment;

49.  Jitlob biex il-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus tiġi kkumplimentata billi jiġi introdott l-obbligu li jinħolqu reġistri tal-gvern disponibbli għall-pubbliku tas-sjieda ta' benefiċċji ta' kumpaniji, trusts, fondazzjonijiet u strutturi legali simili oħrajn;

50.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-effettività tal-Kodiċi tal-Kondotta għat-tassazzjoni tal-intrapriżi billi jitkellmu fil-livell tal-Kunsill fejn jinħtieġu deċiżjonijiet politiċi mill-aktar fis; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintervjeni b’mod attiv f’każijiet fejn il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta ma jkunx jista’ jaqbel dwar proċeduri biex jitneħħew id-diskrepanzi fis-sistemi tat-taxxa nazzjonali;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tħejji u tippromwovi Kodiċi tal-Kondotta għall-awdituri u l-konsulenti; jistieden lid-ditti tal-awditjar biex javżaw lill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali dwar kwalunkwe sinjal ta’ pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva mill-kumpanija awditjata;

52.  Huwa tal-opinjoni li l-awdituri m'għandhomx ikunu permessi li jipprovdu servizzi mhux tal-awditjar ipprojbiti, u li servizzi ta’ konsultazzjoni dwar it-taxxa relatati ma’ tranżazzjonijiet ta’ strutturar u konsultazzjoni tat-taxxa għandhom jitqiesu bħala tali;

53.  Jirrimarka li l-identifikazzjoni xierqa tal-kontribwenti hija kruċjali biex jirnexxi l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-ħolqien ta’ numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tal-UE (TIN), applikabbli għall-persuni ġuridiċi u naturali kollha impenjati fi tranżazzjonijiet transkonfinali; huwa tal-opinjoni li t-TIN għandu jkun marbut ma’ bażi tad-dejta internazzjonali u miftuħa għal Sistema ta’ Skambju tal-Informazzjoni tal-VAT (VIES), li jassisti fl-identifikazzjoni ta’ taxxi mhux imħallsa u responsabilitajiet oħra evitati;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-2013 tippreżenta proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kumpaniji Prinċipali u Sussidjarji u d-Direttiva dwar l-Imgħax u r-Royalties bil-għan li jiġu riveduti u allinjati l-klawżoli anti/abbuż fiż-żewġ Direttivi u biex tiġi eliminata n-nontassazzjoni doppja faċilitata minn entitajiet ibridi u strumenti finanzjarji fl-UE;

55.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw rapidament il-proposta tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni ta' Regola Ġenerali Kontra l-Abbużi biex tikkumbatti l-prattiki ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, u jinkludu klawżola fil-Konvenzjonijiet dwar it-Taxxa Doppja tagħhom biex jimpedixxu l-okkorrenzi ta' nontassazzjoni doppja; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinjoraw kwalunkwe benefiċċju tat-taxxa li jirriżulta minn arranġamenti artifiċjali jew dawk li huma neqsin minn sustanza kummerċjali; jissuġġerixxi li jinbeda x-xogħol fuq is-sett ta’ regoli standard għall-Istati Membri għall-prevenzjoni ta’ tassazzjoni doppja;

56.  Jilqa’ x-xogħol tal-Kummissjoni biex toħloq kodiċi Ewropew għall-kontribwenti; huwa tal-opinjoni li dan il-kodiċi għandu jgħin biex din is-sistema ta’ taxxa tkun iżjed leġittima u faċli biex tinftiehem, iżid il-kooperazzjoni, il-fiduċja u l-kunfidenza bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa u l-kontribwenti, u jassisti lill-kontribwenti billi jiżgura trasparenza akbar fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom;

57.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi għall-ġbir tad-dħul li jimminimizzaw id-distanza bejn kontribwenti u awtoritajiet tat-taxxa, u jimmassimizzaw l-użu ta’ teknoloġija moderna; jistieden lill-Kummissjoni biex tittratta l-punti kumplessi tal-intaxxar ta’ kummerċ elettroniku permezz tal-iżvilupp ta’ standards tal-UE xierqa;

58.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-pressjoni li ssir fis-settur finanzjarju, li spiss tirriżulta fl-evitar tat-taxxa legali u skemi ta’ pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva, issir trasparenti kemm jista’ jkun;

59.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tirregola l-flussi finanzjarji li jgħaddu l-Istati Membri lejn stati li mhumiex membri fl-UE għall-iskop ta’ evitar ta’ taxxa u biex joħolqu qafas fiskali kompetittiv u bilanċjat;

60.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni fuq unitajiet ta’ kumpaniji għall-pjanifkazzjoni ta’ taxxa aggressiva, b’mod partikolari fis-settur tas-servizzi finanzjarji;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi dettaljata tad-differenza eżistenti, fl-Istati Membri, bejn ir-rati legali u r-rati attwali tat-taxxa tal-kumpaniji sabiex jiġi żgurat li d-dibattitu dwar l-armonizzazzjoni fiskali tkun ibbażata fuq dejta oġġettiva;

62.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinnotifikaw u jippubblikaw deċiżjonijiet tat-taxxa individwali pubbliċi minn awtoritajiet nazzjonali għal kumpaniji transfruntieri; jinsisti li l-Istati Membri japplikaw rekwiżiti ta’ sustanza stretti għal kumpaniji transfruntieri sabiex jiksbu deċiżjonijiet tat-taxxa;

63.  Josserva li filwaqt li t-trusts sikwit jintużaw bħala mezzi għall-evażjoni tat-taxxa, jinnota bi tħassib li l-maġġoranza tal-pajjiżi ma jirrikjedux reġistrazzjoni ta’ arranġamenti legali; jistieden lill-UE sabiex tintroduċi reġistru Ewropew għal trusts u entitajiet tas-segretezza oħra, bħala prerekwiżit sabiex ikun trattat l-evitar tat-taxxa;

Dwar ir-rifuġji fiskali

64.  Jitlob approċċ komuni tal-UE fil-konfront tar-rifuġji fiskali;

65.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tippromwovi l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni bħala l-istandard tal-futur Ewropew u internazzjonali għat-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni fi kwistjonijiet ta' taxxa; jitlob mill-ġdid azzjoni li tmur lil hinn mill-qafas tal-OECD biex jiġu indirizzati l-flussi finanzjarji illeċiti, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fid-dawl tan-nuqqasijiet varji tagħhom; jiddeplora l-fatt li l-OECD tippermetti li l-gvernijiet jevitaw il-lista s-sewda tagħha sempliċiment billi jwiegħdu li se jaderixxu mal-prinċipji ta' skambju ta' informazzjoni, mingħajr ma tiżgura li dawn il-prinċipji effettivament jitqiegħdu fil-prattika; iqis ukoll li r-rekwiżit li jikkonkludu ftehimiet ma’ 12-il pajjiż ieħor sabiex jitneħħew minn fuq il-lista s-sewda huwa wieħed arbitrarju peress li ma jirreferi għal ebda indikatur kwalitattiv għal valutazzjoni oġġettiva tal-konformità mal-prattiki ta' governanza tajba;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta definizzjoni ċara u sett komuni ta' kriterji biex tidentifika r-rifuġji fiskali, kif ukoll miżuri xierqa li japplikaw għal ġurisdizzjonijiet identifikati, għall-implimentazzjoni sal-31 ta' Diċembru 2014, u biex jiġi żgurat li dan huwa applikat b'mod konsistenti fil-leġiżlazzjoni kollha tal-UE; jissuġġerixxi li d-definizzjoni tkun ibbażata fuq l-istandards tal-OECD dwar it-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni kif ukoll fuq il-prinċipji u l-kriterji tal-Kodiċi ta' Kondotta; jemmen, f'dan ir-rigward, li ġurisdizzjoni trid titqies bħala rifuġju fiskali jekk jiġi sodisfatt numru kbir mill-indikaturi li ġejjin:

   (i) il-vantaġġi jingħataw biss lil dawk mhux residenti jew skont it-tranżazzjonijiet li jsiru ma’ dawk mhux residenti,
   (ii) il-vantaġġi huma separati mis-suq domestiku, sabiex ma jaffettwawx il-bażi għat-taxxa nazzjonali,
   (iii) il-vantaġġi jingħataw anke mingħajr ebda attività ekonomika reali jew preżenza ekonomika sostanzjali fil-ġurisdizzjoni li toffri tali vantaġġi fiskali,
   (iv) ir-regoli għad-determinazzjoni tal-profitt fir-rigward ta’ attivitajiet fi grupp ta’ kumpaniji multinazzjonali jkunu differenti minn prinċipji aċċettati internazzjonalment, l-aktar ir-regoli mifthiema fl-OECD,
   (v) il-miżuri tat-taxxa jkunu nieqsa mit-trasparenza, inkluż meta d-dispożizzjonijiet ġuridiċi jkunu inqas stretti fil-livell amministrattiv b’mod mhux trasparenti,
   (vi) il-ġurisdizzjoni ma timponi l-ebda taxxa jew taxxi nominali fuq id-dħul relevanti,
   (vii) jeżistu liġijiet jew prattiki amministrattivi li ma jippermettux l-iskambju effettiv tal-informazzjoni għal raġunijiet ta’ taxxa ma’ gvernijiet oħra dwar kontribwenti li jibbenefikaw minn nuqqas ta’ tassazzjoni jew tassazzjoni nominali, li jiksru l-istandards stabbiliti fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni dwar il-Mudell tat-Taxxa tal-OECD dwar id-Dħul u l-Kapital,
   (viii) il-ġurisdizzjoni toħloq strutturi mhux trasparenti u sigrieti li jrendu mhux kompleti u mhux trasparenti l-formazzjoni u l-ħidma ta’ reġistri tal-kumpaniji u reġistri ta’ trusts u fondazzjonijiet,
   (ix) il-ġurisdizzjoni tkun elenkata bħala Pajjiż u Territorju Nonkooperattiv mill-FATF;

67.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiġbor flimkien u toħloq lista sewda Ewropea pubblika ta’ rifuġji fiskali sal-31 ta' Diċembru 2014; f'dan il-kuntest, jistieden lill-awtoritajiet relevanti:

   biex jissospendu jew itemmu l-Konvenzjonijiet eżistenti dwar it-Taxxa Doppja mal-ġurisdizzjonijiet li qegħdin fuq il-lista sewda, u jagħtu bidu għal Konvenzjonijiet dwar it-Taxxa Doppja ma’ ġurisdizzjonijiet li ma jibqgħux jagħmluha ta’ rifuġji fiskali;
   biex jipprojbixxu l-aċċess għall-akkwist pubbliku tal-UE ta’ prodotti u servizzi u biex jirrifjutaw l-għoti ta' għajnuna statali lil kumpaniji bbażati f’ġurisdizzjonijiet fuq il-“lista s-sewda”,
   biex jipprojbixxu l-aċċess għall-għajnuna statali u tal-UE għal kumpaniji li jkomplu jagħmlu operazzjonijiet li jinvolvu entitajiet li jagħmlu parti mill-ġurisdizzjonijiet fuq il-“lista s-sewda”,
   biex jirrevedu d-Direttivi tal-Awditjar u tal-Kontabilità biex jiġu rikjesti kontabilità u awditjar separati tal-profitti u t-telf ta’ kull kumpanija azzjonarja ta’ entità ġuridika tal-UE partikolari li tkun tinsab f’ġurisdizzjoni inkluża f’din il-lista sewda,
   biex jipprojbixxu istituzzjonijiet finanzjarji u konsulenti finanzjarji tal-UE milli jistabbilixxu jew ikollhom sussidjarji u fergħat fil-ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda u biex iqisu li jirrevokaw il-liċenzji għal istituzzjonijiet finanzjarji u konsulenti finanzjarji Ewropej, li jkollhom fergħat u jkomplu joperaw f'ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda,
   biex jintroduċu imposta speċjali fuq it-tranżazzjonijiet kollha minn u lejn ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda,
   biex jiżguraw it-tneħħija tal-eżenzjonijiet mit-tassazzjoni fis-sors għal individwi li mhumiex residenti għal raġunijiet ta' taxxa f'ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda,
   biex jeżaminaw firxa ta' għażliet, fl-UE, għan-nuqqas ta' rikonoxximent tal-istatus legali ta' kumpaniji mwaqqfa f'ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda;
   biex japplikaw ostakli tariffarji f'każijiet ta' kummerċ ma' pajjiżi terzi fuq il-lista s-sewda,
   biex isaħħu d-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment sabiex jiġi żgurat li l-investiment ma jingħatax għal proġetti, benefiċjarji u intermedjarji minn ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda;

Dimensjoni internazzjonali

68.  Huwa tal-opinjoni li l-istandards minimi fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu pajjiżi terzi biex japplikaw standards minimi ta’ governanza tajba għandhom japplikaw b’mod espliċitu għall-Istati Membri wkoll;

69.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri joffru kooperazzjoni u assistenza lil pajjiżi terzi li qed jiżviluppaw li mhumiex rifuġji fiskali, billi jgħinuhom jindirizzaw b’mod effettiv il-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa b’mod partikolari permezz ta’ miżuri ta’ bini ta’ kapaċità; jappoġġja s-sejħa tal-Kummissjoni li għal dan l-għan l-Istati Membri għandhom jissekondaw esperti tat-taxxa f’pajjiżi bħal dawn għal perjodu ta’ żmien limitat;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkontribwixxi bis-sħiħ għall-iżvilupp ulterjuri tal-proġett tal-Erożjoni ta’ Bażi u Ċaqliq tal-Profitt (BEPS) tal-OECD permezz tal-kondiviżjoni tal-analiżi dwar skemi ta’ taxxa problematiċi fi u bejn Stati Membri, u dwar liema bidliet huma meħtieġa fil-livelli tal-Istati Membri u tal-UE sabiex ikunu evitati l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, kif ukoll kwalunkwe forma ta’ pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta regolarment dwar dan il-proċess lill-Kunsill u lill-Parlament;

71.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li r-riżorsi tat-taxxa jiġu mmobilizzati u żgurati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs), peress li huma aktar prevedibbli u sostenibbli mill-assistenza barranija u jgħinu biex jitnaqqas id-dejn; iżda jinnota li l-proporzjonijiet tat-taxxa għall-PDG hija baxxa fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet soċjali, politiċi u amministrattivi biex jistabbilixxu sistema finanzjarja pubblika tajba, u dan jagħmilhom partikolarment vulnerabbli għall-attivitajiet ta' evażjoni u evitar tat-taxxa min-naħa ta' kontribwenti u korporazzjonijiet individwali;

72.  Jieħu nota bi tħassib li ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw isibu ruħhom f'pożizzjoni ta' negozjar dgħajfa ħafna fir-rigward ta' ċerti investituri diretti barranin li jkunu qed ifittxu sussidji u eżenzjonijiet tat-taxxa; iqis li fil-każ ta' investimenti mdaqqsa, il-kumpaniji għandu jkollhom l-obbligu li jieħdu impenji preċiżi dwar l-effetti konsekwenzjali pożittivi tal-proġetti f'termini ta' żvilupp ekonomiku u soċjali lokali u/jew nazzjonali;

73.  Jirrimarka li l-flussi illeċiti huma spjegazzjoni ewlenija għad-dejn ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva tmur kontra l-prinċipji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva;

74.  Jinnota li s-sistemi tat-taxxa f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw mhumiex konformi mal-istandards internazzjonali (minflok juru ġurisdizzjoni fiskali dgħajfa u ineffiċjenzi fl-amministrazzjoni tat-taxxa, livelli għolja ta' korruzzjoni, kapaċità insuffiċjenti biex jintroduċu u jżommu sistemi tat-taxxa li jaħdmu sew, eċċ.); jistieden lill-UE tgħolli l-livell ta' assistenza tagħha fi ħdan il-kompetenza tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) f'termini ta' governanza fiskali u fl-indirizzar tal-frodi tat-taxxa internazzjonali u tal-ottimizzazzjoni eċċessiva, billi tibni l-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jindividwaw u jieħdu passi kontra prattiki mhux xierqa permezz ta' kooperazzjoni akbar fil-governanza tat-taxxa; iqis ukoll li għandu jiġi pprovdut appoġġ għar-rikonverżjoni ekonomika ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma rifuġji fiskali;

75.  Jilqa' l-ewwel passi li ttieħdu bl-evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-Forum Globali (FG) fir-rigward tal-evażjoni tat-taxxa; jemmen, madankollu, illi peress li jiffokaw fuq l-iskambju ta' informazzjoni “fuq talba” tal-OECD, l-istandards tal-Forum Globali mhumiex se jkunu effettivi fit-tnaqqis tal-flussi finanzjarji illeċiti;

76.  Jirrimarka li, peress li jsaħħu approċċ bilaterali għal kwistjonijiet tat-taxxa transnazzjonali – pjuttost milli wieħed multilaterali – il-ftehimiet dwar it-taxxa doppja (DTA) jirriskjaw li jinkoraġġixxu l-prezzijiet ta' trasferiment u l-arbitraġġ regolatorju; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tevita milli tippromwovi tali ftehim, minflok il-ftehim għal skambju tal-informazzjoni tat-taxxa (TIEAs), għax tal-ewwel ġeneralment jirriżulta f'telf fiskali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta' rati tat-taxxa minn ras il-għajn aktar baxxi fuq pagamenti ta' dividendi, interessi u royalties;

o
o   o

77.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-OECD u lill-Kumitat tal-Esperti tan-NU dwar Kooperazzjoni Internazzjonali fi Kwistjonijiet ta’ Taxxa, lill-Kumitat Superviżorju tal-OLAF u l-OLAF.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0137
(2) ĠU C 199E, 7.7.2012, p. 37
(3) Testi adottati, P7_TA(2012)0135.
(4) ĠU C 341E , 16.12.2010, p. 29.
(5) http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/tax_fraud_evasion/index_en.htm
(6) Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri li qegħdin jesperjenzaw, jew huma mhedda, b'diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro.
(7) Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 13/2011, p. 11, paragrafu 5.
(8) Parlament Ewropew, Direttorat-Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku A (Politika Ekonomika u Xjentifika): “Simplifying and Modernising VAT in the Digital Single Market’ (IP/A/IMCO/ST/2012_03), Settembru 2012, http://www.europarl.europa.eu/committees/en/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file=75179
(9) Skont il-Qorti tal-Awdituri, fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 13/2011, sabet li l-applikazzjoni tal-proċedura doganali 42 biss irrappreżentat telf estrapolat fl-2009 ta’ madwar EUR 2 200 miljun fir-rigward tas-seba’ Stati Membri vverifikati mill-Qorti, li jirrappreżenta 29 % tal-VAT applikabbli teoritikament fuq l-ammont taxxabbli tal-importazzjonijiet kollha li saru taħt il-proċedura doganali 42 fl-2009 f’dawk is-seba' Stati Membri;


Rapport Annwali dwar it-Taxxa: kif nilliberaw il-potenzjal tal-UE għal tkabbir ekonomiku
PDF 325kWORD 87k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar ir-Rapport Annwali tat-Taxxa: kif tiftaħ il-potenzjal tal-UE għal tkabbir ekonomiku (2013/2025(INI))
P7_TA(2013)0206A7-0154/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 26, 110 - 115 u 120 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/48/KE dwar it-tassazzjoni tar-riżervi fuq id-dħul [fuq id-dħul mit-tfaddil] fil-forma ta' pagamenti ta' mgħax (COM(2008)0727),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (COM(2012)0631),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi għat-Taxxa Korporattiva Konsolidata Komuni (CCCTB) (COM(2011)0121),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/96/KE li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (COM(2011)0169),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar it-tassazzjoni korporattiva: sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta' imgħax u ta' royalties (riformulazzjoni)(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ġunju 2012 dwar mezzi konkreti li jsaħħu l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa inkluż f'dak li jirrigwarda lil pajjiżi terzi (COM(2012)0351),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2012 dwar Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (COM(2012)0722),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2012 dwar il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva (C(2012)8806),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2012 dwar miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi biex japplikaw standards minimi ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa (C(2012)8805),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2012 bl-isem “Insaħħu s-suq uniku billi nneħħu x-xkiel fiskali transkonfinali għall-karozzi” (COM(2012)0756),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni għat-taxxa fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 (Fiscalis 2020) (COM(2012)0465),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-finanzi pubbliċi fl-UEM (European Economy no. 4/2012),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Jannar 2013 dwar il-finanzi pubbliċi fl-UEM - 2011 u 2012(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar riformi tat-taxxa fl-Istati Membri tal-UE (European Economy no. 6/2012),

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-OECD bl-isem “OECD’s Current Tax agenda 2012”(3),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-OECD bl-isem “Addressing Base Erosion and Profit Shifting”(4),

–  wara li kkunsidra d-dokument tad-Deutsche Bank tal-5 ta' Ottubru 2012 dwar l-impatt tas-sistemi tat-taxxa fuq it-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa(5),

–  wara li kkunsidra l-istrateġija UE 2020 (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ecofin tal-10 ta' Lulju 2012(6),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013” (COM(2012)0750),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2013 dwar ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2013(7),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsilli tad-29 ta' Ġunju, id-19 ta' Ottubru u l-14 ta' Diċembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-aħħar Dikjarazzjoni tal-Laqgħa tal-G20 tal-Ministri tal-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Bank Ċentrali f’Moska, 15-16 ta’ Frar 2013(8),

–  wara li kkunsidra l-programm tal-Presidenza Irlandiża tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0154/2013),

A.  billi l-ekonomiji tal-UE – li f’ħafna każijiet minħabba l-attenzjoni dgħajfa fir-rigward tat-taħlita ta’ politika attwali dwar l-investiment, il-kompetittività u t-tassazzjoni ġusta u effiċjenti – għandhom prospetti modesti jew negattivi fir-rigward tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fil-futur qarib; billi ż-żona tal-euro kollha qed tesperjenza t-tieni reċessjoni fi żmien relattivament qasir;

B.  billi minn meta faqqgħet il-kriżi tad-dejn riċenti, l-istruttura tad-dħul mit-taxxa nbidlet b’mod pjuttost sinifikanti f’għadd ta’ Stati Membri, u huwa diffiċli li jiġu identifikati l-effetti strutturali u ċikliċi relatati ta’ dan it-tibdil; billi, fl-iżvilupp ta’ politika tat-tassazzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati b’mod sħiħ il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ governanza f’diversi livelli, b’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Istati Membri;

C.  billi, minħabba l-kriżi li żvelat id-dgħufijiet strutturali ta’ wħud mill-ekonomiji tal-UE, u li għadha qed tkun ta’ ħsara għall-potenzjal ta’ tkabbir ekonomiku fl-UE, l-Istati Membri qed jaffaċċaw l-isfida diffiċli li jibbilanċaw il-baġits tagħhom u fl-istess ħin jippromwovu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi;

D.  billi, mill-bidu tal-millenju, hemm tendenza li tista’ tiġi osservata fl-UE lejn l-iżvilupp ta’ sistema ta’ tassazzjoni aktar orjentata lejn it-tkabbir;

E.  billi s-sistemi ta’ tassazzjoni fl-UE għandhom ikunu orjentati biex ikunu favorevoli għan-negozju sabiex itejbu l-kapaċità tagħhom biex joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi;

F.  billi f’ambjent ta’ tkabbir bil-mod u reċessjoni, id-devoluzzjoni tardiva tal-ħlas antiċipat tat-taxxa toħloq problemi ta’ likwidità addizzjonali għall-korporazzjonijiet;

G.  billi l-impatt tal-kriżi għandu jittaffa permezz ta’ politika tat-tassazzjoni kompatibbli mal-għanijiet tal-Istrateġija UE-2020 u dan għandu jkun prijorità;

H.  billi l-ħtieġa li tiġi rrestawrata l-kredibilità tal-politiki baġitarji, u li jitnaqqas id-dejn sovran tal-Istati Membri tinneċessità modifika tal-ispejjeż baġitarji, implimentazzjoni rapida ta’ riformi strutturali favorevoli għat-tkabbir, titjib fil-metodi ta’ ġbir tat-taxxa u modifiki ta’ xi taxxi, filwaqt li tingħata prijorità, fejn ikun xieraq, fir-rigward ta’ dawk it-taxxi imposti fuq il-kapital, fuq attivitajiet ta’ ħsara għall-ambjent u fuq ċerti tipi ta’ konsum minflok fir-rigward ta’ dawk it-taxxi imposti fuq ix-xogħol;

I.  billi l-iżvilupp ta’ politika intelliġenti u attiva fil-qasam tat-tassazzjoni ambjentali huwa fundamentali għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, għat-titjib fit-tkabbir u għal prospetti ta’ tkabbir sostenibbli;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jinnota li l-politika fiskali hija kompetenza nazzjonali u li b’hekk is-sistemi ta’ tassazzjoni differenti tal-Istati Membri għandhom jiġu rrispettati; jinnota li t-trasferiment tal-kompetenzi fil-qasam tat-tassazzjoni mil-livell nazzjonali għal dak tal-Unjoni, jirrikjedi bidla fit-Trattat, li mbagħad tirrikjedi l-ftehim unanimu tal-Istati Membri kollha; jinnota wkoll, madankollu, li dan ma jeskludix il-koordinazzjoni effettiva tal-arranġamenti fiskali fil-livell Ewropew; jenfasizza li fl-iżvilupp ta’ politika tat-tassazzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati b’mod sħiħ il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ governanza f’diversi livelli, b’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Istati Membri;

2.  Jinnota li d-disinn ottimali tas-sistemi ta’ tassazzjoni jiddependi fuq bosta fatturi, u b’hekk ivarja minn pajjiż għall-ieħor; jenfasizza li l-ippjanar u l-aġġustament xierqa tal-politiki tat-tassazzjoni fiż-żmien qasir, medju u twil huma indispensabbli;

3.  Jenfasizza t-titjib li sar fil-qasam tal-koordinazzjoni ta’ politiki tat-tassazzjoni, iżda jirrimarka li l-intrapriżi u ċ-ċittadini tal-UE involuti f’attivitajiet transfruntiera xorta għadhom qed jaffaċċaw spejjeż, piżijiet amministrattivi u lakuni legali konsiderevoli li jeħtieġ li jiġu eradikati kemm jista’ jkun malajr sabiex ikunu jistgħu jifhmu l-benefiċċji sħaħ tas-suq uniku;

4.  Jinnota li l-kompetizzjoni ġusta u b’saħħitha fost is-sistemi ta’ tassazzjoni differenti fis-Suq Uniku għandha effetti stimulanti fuq l-ekonomiji Ewropej; jenfasizza, min-naħa l-oħra, li l-kompetizzjoni fiskali dannuża għandha impatt ekonomiku negattiv; wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD dwar “L-Indirizzar tal-Erożjoni tal-Bażi u Trasferiment tal-Profitt”, jenfasizza li l-istituzzjonijiet funzjonali bbażati fuq qafas ġuridiku u amministrattiv sod u ġust huma ta’ importanza kruċjali;

5.  Jinnota li minbarra l-iżgurar tal-konformità mal-politiki fiskali sostenibbli, sabiex jinkiseb bilanċ ekonomiku, jeħtieġ li jiġu implimentati miżuri li jwasslu għat-tkabbir bħalma huma l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evazjoni fiskali, il-bidla tat-tassazzjoni lejn oqsma fiskali favorevoli għat-tkabbir u l-provvediment ta’ stimolu fiskali vijabbli kemm għall-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll għall-impriżi żgħar u medji (SMEs), speċjalment bl-għan li jiġu promossi l-innovazzjoni u l-attivitajiet ta’ R&Ż;

6.  Jenfasizza li hu fl-interess tal-impriżi u ċ-ċittadini li jkun hemm ambjent fiskali ċar, prevedibbli, stabbli u trasparenti fi ħdan is-Suq Uniku, peress li n-nuqqas ta’ trasparenza dwar ir-regoli fiskali joħloq ostakolu għall-attivitajiet transfruntiera u għall-investimenti domestiċi u barranin fl-UE; jissuġġerixxi li għandu jkun hemm iktar informazzjoni u informazzjoni aħjar disponibbli għall-individwi u l-impriżi fir-rigward tar-regoli, ir-rekwiżiti u r-regolamenti fiskali f’kull Stat Membru;

7.  Jirrakkomanda, li l-Istati Membri jipproċedu b’attenzjoni meta jbiddlu t-taxxi eżistenti u jintroduċu taxxi ġodda, filwaqt li jiżguraw li dan iseħħ b’mod favorevoli għat-tkabbir, u li ċ-ċittadini u s-settur tan-negozju jkollhom biżżejjed ħin u mezzi adegwati biex iħejju ruħhom qabel ma jidħlu fis-seħħ il-miżuri fiskali l-ġodda;

8.  Huwa kkonċernat dwar l-effetti li jista’ jkollha l-bidla f’ħafna Stati Membri lejn tassazzjoni iktar estensiva tal-konsum fuq l-inugwaljanzi soċjali; jistieden lill-Istati Membri joqogħdu attenti għal din il-problema potenzjali u jistudjaw bir-reqqa l-implikazzjonijiet negattivi tat-tnaqqis fil-progressività tas-sistema tat-tassazzjoni b’mod globali; jemmen li għandu jkun hemm ċertu livell ta’ flessibilità fis-sistema tal-VAT, fejn – f’każijiet debitament ġustifikati kif previst bid-Direttiva dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, relatati pereżempju mal-kultura jew il-ħtiġijiet bażiċi – xi kategoriji ta’ prodotti jistgħu jkunu ntaxxati b’rati inqas mir-rata standard;

9.  Jifhem li sabiex il-baġit tal-UE jsir strument utli biex jiżdied it-tkabbir, ir-riżorsi proprji huma neċessarji sabiex ikun hemm iktar awtonomija għall-Kummissjoni fil-proposti tagħha;

L-identifikazzjoni ta’ riżorsi moħbija li jistgħu jikkontribwixxu għal tkabbir permezz tal-politika tat-tassazzjoni

10.  Jinnota li l-iżvilupp ekonomiku jiddependi fuq fatturi bħama huma x-xogħol, il-kapital, il-progress teknoloġiku, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-produttività, u li l-politika tat-tassazzjoni għandha tagħti attenzjoni bir-reqqa lil dawn il-fatturi fuq żmien qasir, medju u twil; jenfasizza, għalhekk, l-importanza ta’ teħid tad-deċiżjonijiet miftiehem għal dan l-għan;

11.  Jinnota li l-politika tat-tassazzjoni għandha titfassal bl-għan li ssaħħaħ l-ekonomija, fost affarijiet oħra permezz tal-bini ta’ strutturi tat-taxxa li jistimulaw id-domanda aggregata fuq perjodu ta' żmien fit-tul, jiffaċilitaw attivitajiet orjentati lejn l-esportazzjoni, jistimulaw il-ħolqien tax-xogħol u jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli;

12.  Jassumi li ż-żiediet fit-taxxa f’ċerti oqsma, bħad-dazji tas-sisa, jista’ jkollhom xi effetti pożittivi billi jinkanalaw riżorsi addizzjonali, u b’hekk ikunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini u għall-ekonomika reali;

13.  Jenfasizza li l-provvediment ta’ inċentivi fiskali għar-riċerka u l-iżvilupp x'aktarx ikollu benefiċċji fit-tul, bħat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi f’ekonomiji tal-għarfien, b’mod partikolari jekk ikunu jagħmlu parti minn strateġija fiskali ġenerali bbilanċata; jikkunsidra li dan għandu jitqies fil-livell Ewropew u dak nazzjonali;

14.  Jirrikonoxxi li t-twessigħ tal-bażijiet ta’ tassazzjoni eżistenti, minflok iż-żieda ta' rati ta' tassazzjoni jew l-introduzzjoni ta' taxxi ġodda, jista’ jiġġenera aktar dħul għall-Istati Membri;

15.  Ifakkar li t-tnaqqis fit-taxxi għandu jkun imsejjes fuq politika fiskali solida u ppjanata b’mod responsabbli, fejn is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi bl-ebda mod ma titqiegħed f’periklu, u għandu jiġu kkomplementat b’miżuri mmirati biex jiżdiedu l-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi;

16.  Jikkunsidra li jeħtieġ li tinħoloq, abbażi ta’ analiżi bir-reqqa, sistema ta’ informazzjoni fiskali madwar l-UE li ma sservix biex jiġu armonizzati l-istrutturi fiskali nazzjonali differenti, iżda biex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni tagħhom b’mod kontinwu u trasparenti, filwaqt li jiġu segwiti t-tnaqqis u ż-żidiet li jsiru f’kull struttura;

17.  Jinnota li għat-tħaddim ta’ sistema bħal din, il-qafas tas-Semestru Ewropew huwa bażi xierqa, billi – flimkien ma’ miżuri makroekonomiċi speċifiċi oħra – jista’ jżomm reġistru tajjeb tad-diversi politiki ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri differenti, filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ kemm it-tbassir ekonomiku ġenerali kif ukoll l-elementi fundamentali u l-perspettivi futuri tal-Istati Membri kkonċernati u l-objettivi Ewropej komuni; fid-dawl ta’ dan, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw strateġija mmirata lejn it-tnaqqis tad-distakk fiskali fis-Semestru Ewropew;

18.  Jinnota l-kooperazzjoni msaħħa fir-rigward tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF) li għandha tiġi implimentata fi 11-il Stat Membru, li flimkien jirrappreżentaw żewġ terzi tal-PDG tal-UE;

19.  Jenfasizza li f’pajjiżi fejn l-ispejjeż tax-xogħol ikunu għoljin meta mqabbla mal-produttività, u fejn b’hekk il-ħolqien ta’ impjiegi jkun imxekkel, jistgħu jiġu eżaminati miżuri fiskali possibbli biex jitnaqqsu dawn l-ispejjeż, filwaqt li jsiru sforzi determinati bl-għan li tiżdied il-produttività; jenfasizza li r-riformi fiskali għandhom iservu biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol sabiex tiżdied il-provvista ta’ ħaddiema u tiġi promossa l-inklussività jenfasizza, f’dan il-kuntest, li d-drittijiet tal-ħaddiema u r-rwoli tas-sħab soċjali għandhom dejjem ikunu rrispettati b’mod sħiħ;

20.  Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar it-tfassil ta’ gwida unika għall-kalkolu tat-taxxi korporattivi; jistieden lill-Istati Membri jaqblu u jibdew jimplimentaw il-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK); jenfasizza li l-pożizzjoni tal-Parlament għandha tintuża bħala punt ta’ referenza ewlieni f’dan ir-rigward;

21.  Jenfasizza li hemm potenzjal ta’ tkabbir sostanzjali fit-tnaqqis u t-tneħħija tal-impedimenti relatati mat-taxxa għall-attivitajiet transfruntiera fis-suq uniku; jenfasizza li r-reviżjoni tad-Direttiva tal-VAT, il-ħidma fuq il-BKKTK u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam fiskali huma fatturi kruċjali sabiex isir użu sħiħ minn dak il-potenzjal;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni immedjata dwar it-tisħiħ tat-trasparenza u r-regolamentazzjoni fir-rigward tar-reġistri tal-kumpaniji u r-reġistri ta’ trusts u fondazzjonijiet;

23.  Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom lill-inizjattivi tal-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet fiskali nazzjonali, bl-għan li jitrażżnu l-ostakli fiskali relatati mal-attivitajiet transfruntiera sabiex il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni f'dan il-qasam ikompli jissaħħu; iħeġġeġ lill-Istati Membri jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-programmi Fiscalis u Customs; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika oqsma addizzjonali fejn il-leġiżlazzjoni tal-UE u l-kooperazzjoni amministrattiva tal-Istat Membru jistgħu jissaħħu sabiex inaqqsu l-frodi tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva;

24.  Jistieden lill-Istati Membri jkunu attenti ħafna f’ambjent ta’ tkabbir bil-mod u reċessjoni u biex jevitaw id-devoluzzjoni tardiva tar-rimborsi tal-ħlas antiċipat tat-taxxa peress li din tista’ toħloq problemi ta’ likwidità addizzjonali, b’mod partikolari għall-SMEs;

Il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni fiskali u l-abolizzjoni tat-tassazzjoni doppja, in-nontassazzjoni doppja u l-miżuri diskriminatorji kontra l-impriżi tal-UE

25.  Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu b'mod sostanzjali l-kapaċitajiet tagħhom ta’ sorveljanza fiskali u kontroll u ġbir tat-taxxi, sabiex b'hekk jiġġeneraw riżorsi addizzjonali għall-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi kif stipulat fl-istrateġija UE 2020; jenfasizza li l-aħjar prattiki nazzjonali biex l-amministrazzjoni tat-taxxa ssir iktar effiċjenti għandhom jiġu kkumpilati b’mod trasparenti – preferibbilment f’kodiċi Ewropew tal-aħjar prattika fi ħdan is-sistema ta’ informazzjoni fiskali madwar l-UE – u għandhom jiġu kkunsidrati bir-reqqa; huwa mħasseb dwar it-tendenza f’għadd ta’ Stati Membri li jnaqqsu l-persunal u riżorsi oħra fl-awtoritajiet tat-taxxa u korpi simili; jenfasizza li dan jista’ jdgħajjef il-kapaċità li jiġi pprovdut servizz ġust u effiċjenti lill-impriżi u l-individwi u jiġu missielta l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa; fid-dawl ta’ dan, iħeġġeġ lill-Istati Membri jallokaw riżorsi finanzjarji u umani adegwati lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali tagħhom u lill-persunal tal-awditjar tat-taxxa;

26.  Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu l-kooperazzjoni amministrattivi tagħhom fil-qasam tat-tassazzjoni diretta;

27.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi iktar riżorsi baġitarji u persunal għad-DĠ TAXUD biex tgħinu jiżviluppa proposti u politiki tal-UE dwar in-nontassazzjoni doppja, l-evażjoni tat-taxxa l-frodi tat-taxxa;

28.  Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Pjan ta' Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa” kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar “miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi biex japplikaw standards minimi ta' governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa” u “pjanifikazzjoni fiskali aggressiva”;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu b’mod attiv b’konformità mal-Komunikazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni billi jieħdu azzjoni tal-UE kkoordinata u ddeterminata kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u r-rifuġji fiskali, sabiex b’hekk tiġi garantita distribuzzjoni iktar ġusta tal-isforz fiskali u dħul fiskali ikbar; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw rapidament, fost il-bosta miżuri speċifiċi li jridu jittieħdu f’dan il-kuntest, il-proposti tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni ta’ Regola Ġenerali Kontra l-Abbużi kontra l-prattiki ta’ pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, u għall-inklużjoni ta' klawsola fil-konvenzjonijiet rispettivi tagħhom dwar it-taxxa doppja sabiex jiġu evitati l-okkorrenzi ta’ nontassazzjoni doppja;

30.  Jinnota li huwa stmat li kull sena jintilfu madwar triljun euro fi dħul pubbliku fl-UE minħabba l-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex id-distakk fiskali jitnaqqas mill-inqas bin-nofs sal-2020;

31.  Jenfasizza li livelli mnaqqsa ta’ frodi u evażjoni jsaħħu l-potenzjal tat-tkabbir fl-ekonomija billi jagħmlu l-finanzi pubbliċi aktar b’saħħithom – u dan iżid il-fondi pubbliċi disponibbli biex jitrawwem l-investiment u tissaħħaħ l-ekonomija tas-suq soċjali Ewropea – u billi jġiegħlu lill-impriżi jikkompetu f’kundizzjonijiet ekwi;

32.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jidħlu f’negozjati serji u jikkompletaw il-proċeduri għall-proposti leġiżlattivi pendenti kollha fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u r-rifuġji fiskali; jistieden, fost affarijiet oħra, lill-Istati Membri biex jikkonkludu l-proċess ta’ reviżjoni u estensjoni tal-ambitu tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq it-Tfaddil u, b'segwitu għar-rapport mill-Parlament, jadottaw u jimplimentaw bla dewmien il-proposta tal-Kummissjoni għal Mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT;

33.  Jilqa’ l-ħidma internazzjonali intensifikata fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva, bl-għan li tiġi indirizzata l-erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitt; huwa tal-fehma li r-rapport tal-OECD dwar dan is-suġġett huwa kontribuzzjoni kruċjali, u jistenna bil-ħerqa l-pjan ta’ azzjoni ta’ segwitu li għandu jiġi ppreżentat dan is-sajf; jistenna li l-ministri tal-finanzi tal-G 20, wara l-approvazzjoni tar-rapport fil-laqgħa riċenti tagħhom f’Moska, jieħdu azzjoni ambizzjuża u kollettiva abbażi ta’ dak il-pjan ta’ azzjoni;

34.  Jenfasizza, b’konformità mal-osservazzjonijiet solidi tal-Kummissjoni, li t-taxxi ambjentali huma fost dawk l-aktar favorevoli għat-tkabbir f’termini relattivi; jenfasizza li t-taxxi ambjentali, minbarra li jiġġeneraw id-dħul, għandhom jintużaw b’mod konsistenti u dinamiku sabiex l-iżviluppi ekonomiċi jibqgħu mixjin fi triq sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti b’valutazzjoni komprensiva tal-lakuni ta’ internalizzazzjoni eżistenti, segwita bil-proposti leġiżlattivi xierqa;

o
o   o

35.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0318.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0011.
(3) http://www.oecd.org/ctp/OECDCurrentTaxAgenda2012.pdf
(4) http://www.oecd.org/ctp/beps.htm
(5) http://www.dbresearch.com/PROD/DBR_INTERNET_EN-PROD/PROD0000000000295266.pdf
(6) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/ecofin/131662.pdf
(7) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/ecofin/135430.pdf
(8) http://www.g20.org/news/20130216/781212902.html


Emendi u modifiki oħra orali (interpretazzjoni tal-Artikolu 156(6) tar-Regoli ta' Proċedura)
PDF 190kWORD 34k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar l-emendi u modifiki oħra orali (interpretazzjoni tal-Artikolu 156(6) tar-Regoli ta' Proċedura)
P7_TA(2013)0207

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-24 ta' April 2013 tal-president tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 211 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  jiddeċiedi li japplika l-interpretazzjoni li ġejja għall-Artikolu 156(6):"

Fuq proposta tal-President, emenda orali jew kwalunkwe modifika orali oħra tiġi trattata bħal emenda mhux mqassma fil-lingwi kollha uffiċjali. Jekk il-President jidhirlu li tali emenda jew modifika hija ammissibbli abbażi tal-Artikolu 157(3), sakemm ma jkunx hemm oppożizzjoni espressa skont l-Artikolu 156(6), għandha tiġi vvotata skont l-ordni stabbilita għall-vot.

Fil-kumitat, in-numru ta' voti meħtieġ biex jiġi oppost il-vot ta' tali emenda jew modifika, huwa stabbilit abbażi tal-Artikolu 196 proporzjonalment għal dak li jipprevali fil-plenarja, aġġustat, jekk ikun il-każ, għall-eqreb numru sħiħ.‘

"

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta' tagħrif.

Avviż legali - Politika tal-privatezza