Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni f''Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni - Orizzont 2020 (2014-2020)' (COM(2011)0810 – C7-0465/2011 – 2011/0399(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2011)0810),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 173 u 183 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0465/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri tal-19 ta' Lulju 2012(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew tat-28 ta' Marzu 2012(2),
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill b'ittra tat-12 ta' Settembru 2013 biex japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294 (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0428/2012),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jieħu nota tal-istqarrijiet tal-Kummissjoni annessi ma’ din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-21 ta' Novembru 2013 bil-ħsieb li tadotta r-Regolament (UE) Nru .../2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f' "Orizzont 2020 - il‑Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)" u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 1290/2013.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
DIKJARAZZJONIJIET MILL-KUMMISSJONI
Dikjarazzjoni dwar il-kosti diretti għall-infrastrutturi tar-riċerka kbar
Bi tweġiba għat-talbiet mill-partijiet interessati, il-Kummissjoni hija impenjata li tiċċara l-kwistjoni tal-kosti diretti ta' infrastrutturi kbar tar-riċerka skont kif deskritt f'din id-dikjarazzjoni.
Il-gwida dwar il-kosti diretti għal infrastrutturi kbar tar-riċerka fl-Orizzont 2020 se tapplika għall-kosti ta' infrastrutturi tar-riċerka kbar b'valur totali ta' mill-inqas EUR 20 miljun għal benefiċjarju partikolari, ikkalkulati bħala s-somma tal-valuri tal-beni storiċi tal-infrastrutturi tar-riċerka individwali kif jidhru fl-aħħar Karta tal-Bilanċ magħluqa ta' dak il-benefiċjarju qabel id-data tal-firma tal-ftehim ta' għotja, jew kif determinat abbażi tal-kosti tal-kiri u l-leasing tal-infrastrutturi tar-riċerka.
Taħt dan il-livell minimu, il-gwida dwar il-kosti diretti għall-infrastrutturi tar-riċerka kbar fl-Orizzont 2020 mhux se tapplika. Il-partiti tal-kosti individwali jistgħu jiġu ddikjarati bħala kosti diretti eliġibbli skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tat-ftehim ta' għotja.
B'mod ġenerali, se jkun possibbli li wieħed jitlob bħala kosti diretti l-kosti kollha li kemm jissodisfaw il-kriterji ġenerali ta' eliġibilità kif ukoll li huma direttament marbuta mal-implimentazzjoni tal-azzjoni u għalhekk jistgħu jiġu attribwiti direttament lilha.
Għal infrastruttura tar-riċerka kbira li tintuża għal proġett, dan se jkun tipikament il-każ għall-kosti kapitalizzati u għall-kosti operattivi.
Il-"kosti kapitalizzati" se jkunu l-kosti mġarrba biex titwaqqaf u/jew tiġġedded l-infrastruttura tar-riċerka kbira, kif ukoll xi kosti ta' tiswija u manutenzjoni speċifiċi tal-infrastruttura tar-riċerka kbira flimkien ma' partijiet minnha jew komponenti integrali essenzjali tagħha.
Il-"kosti operattivi "se jkunu l-kosti li l-benefiċjarju jġarrab speċifikament għat-tmexxija tal-infrastruttura tar-riċerka kbira.
Għall-kuntrarju, xi kosti jistgħu tipikament ma jiġux iddikjarati bħala kosti diretti, iżda jitqiesu rimborżati permezz tar-rata fissa għall-kosti indiretti, eż il-kosti tal-kiri, lease jew deprezzament tal-bini amministrattiv u l-kwartieri.
Fejn il-kosti huma kkawżati parzjalment biss mill-attivitajiet tal-proġett, tista' tiġi ddikjarata biss dik il-parti li titkejjel direttament mal-proġett.
Għal dan il-għan, is-sistema ta' kejl tal-benefiċjarju għandha tipprovdi għal kwantifikazzjoni preċiża tal-valur reali attwali tal-kost tal-proġett (ie li turi l-konsum reali u/jew l-użu għall-proġett). Dan se jkun il-każ, jekk il-kejl jinkiseb mill-fattura tal-fornitur.
Il-kejl tan-nefqa huwa ġeneralment assoċjat mal-ħin użat għall-proġett, li għandu jikkorrispondi mas-sigħat/ġranet/xhur reali ta' użu tal-infrastruttura tar-riċerka għall-proġett. L-għadd totali ta' sigħat/jiem/xhur produttivi għandu jikkorrispondi mal-potenzjal sħiħ tal-użu (kapaċità sħiħa) tal-infrastruttura tar-riċerka. Il-kalkolu tal-kapaċità sħiħa se jinkludi kull ħin li matulu l-infrastruttura tar-riċerka tkun tista' tintuża iżda fil-fatt ma tintużax. Madankollu, il-kalkolu tal-kapaċità sħiħa se jqis kif xieraq ir-restrizzjonijiet reali bħall-ħinijiet tal-ftuħ tal-entità, u l-ħin tat-tiswija u l-manutenzjoni (inkluż l-ikkalibrar u l-ittestjar).
Jekk kost jista' direttament jitkejjel fir-rigward tal-infrastruttura tar-riċerka iżda mhux direttament mal-proġett, minħabba restrizzjonijiet tekniċi, alternattiva aċċettabbli tkun il-kejl ta' dawn il-kosti permezz ta' unitajiet ta' użu attwali rilevanti għall-proġett, appoġġjat minn speċifikazzjonijiet tekniċi ezatti u dejta attwali, u ddeterminat fuq il-bażi tas-sistema analitika tal-kontabilità tal-kosti tal-benefiċjarju.
Il-kosti u l-kejl dirett mal-proġett iridu jiġu appoġġjati minn dokumenti xierqa ta' appoġġ li jippermettu li jkun hemm proċess suffiċjenti ta' awditu.
Il-benefiċjarju jista' juri r-rabta diretta permezz ta' evidenza alternattiva konvinċenti.
Is-servizzi tal-Kummissjoni se jirrakkomandaw l-aħjar prattiki għall-kejl dirett u d-dokumenti ta' appoġġ (eż.: għall-kosti kkapitalizzati: dikjarazzjonijiet tal-kontijiet flimkien ma' politika ta' deprezzament tal-benefiċjarju bħala parti mill-prinċipji normali tal-kontabilità tagħha, li turi kalkolu tal-użu potenzjali u tal-ħajja ekonomika tal-beni, u prova tal-użu attwali għall-proġett; għal spejjeż operattivi: fattura speċifika ttikkettjata espliċitament u relatata mal-infrastruttura tar-riċerka kbira, mal-kuntratt, maż-żmien kemm idum il-proġett, eċċ.).
Fuq talba tal-benefiċjarju ta' infrastrutturi tar-riċerka kbar, u b'kont meħud tar-riżorsi disponibbli u tal-prinċipju tal-kost-effettività, il-Kummissjoni hija lesta li twettaq valutazzjoni ex-ante tal-metodoloġija tal-kost dirett tal-benefiċjarju b'mod sempliċi u trasparenti , sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali. Dawn il-valutazzjonijiet ex-ante se jitqiesu bis-sħiħ matul l-awditi ex-post.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tistabbilixxi grupp li jikkonsisti f'rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati rilevanti, biex tivvaluta l-użu tal-gwida.
Il-Kummissjoni tikkonferma li hi se tadotta minnufih gwida dwar kosti diretti għal infrastrutturi kbar tar-riċerka, ladarba r-regolamenti tal-Orizzont 2020 jiġu adottati.
Dikjarazzjoni dwar il-linji gwida dwar il-kriterji biex jiġi implimentat il-"bonus"
Fir-rigward tar-remunerazzjoni addizzjonali, hija l-intenzjoni tal-Kummissjoni li, mingħajr dewmien, toħroġ linji gwida dwar il-kriterji għall-implimentazzjoni tagħha wara l-adozzjoni tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni u Tixrid tal-Orizzont 2020 .
Dikjarazzjoni dwar ir-Rotta Rapida għall-Innovazzjoni (FTI)
Il-Kummissjoni biħsiebha tipprovdi viżibilità xierqa fost il-komunità tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-FTI permezz ta' attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u ta' komunikazzjoni qabel is-sejħa pilota fl-2015.
Il-Kummissjoni m'għandhiex il-ħsieb li tillimita l-perjodu tal-azzjonijiet FTI ex-ante. Fatturi bħas-sensittività għaż-żmien u s-sitwazzjoni kompetittiva internazzjonali għandhom jitqiesu biżżejjed meta jkun qed jiġi evalwat l-"impatt" ta' proposta, sabiex titħalla li jkun hemm flessibbiltà skont l-ispeċifiċitajiet varji fl-oqsma differenti tar-riċerka applikata.
Minbarra l-valutazzjoni fil-fond imwettqa fl-evalwazzjoni interim tal-Orizzont 2020, il-proġett pilota tal-FTI se jkun soġġett għal monitoraġġ kontinwu tal-prattikalitajiet kollha relatati mat-tressiq, evalwazzjoni, selezzjoni u l-ibbaġitjar tal-proposti taħt is-sejħa tal-FTI, b'bidu mill-ewwel data tal-iskadenza fl-2015.
Sabiex il-proġett pilota jitħalla jkun effettiv u biex jiġi żgurat li tkun tista' titwettaq valutazzjoni xierqa, dan jista' jirrikjedi li jiġu appoġġjati sa mitt proġett.
Dikjarazzjoni dwar l-Artikoli 3 u 4
Hija l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinkludi referenzi għal-liġi nazzjonali fil-ftehim dwar l-għotja rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u l-kunfidenzjalità, bil-ħsieb li jinsab bilanċ adatt bejn l-interessi differenti.
Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 28
(alternattiva ta' rata ta' rimborż ta' 100 % għall-entitajiet legali mingħajr skop ta' qligħ għall-azzjonijiet ta' innovazzjoni):
Il-Kummissjoni tinnota li anke l-entitajiet mingħajr skop ta' profitt jistgħu jwettqu attivitajiet ekonomiċi li huma qrib tas-suq u li jekk jingħataw sussidji jistgħu joħolqu tagħwiġ fis-suq intern. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tevalwa ex-ante jekk l-attivitajiet eliġibbli humiex ta' natura ekonomika, jekk is-sussidji trasversali tal-attivitajiet ekonomiċi effettivament ma jitħallewx isiru, u jekk ir-rata ta' finanzjament għall-attivitajiet ekonomiċi eliġibbli għandhiex effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern li ma jkunux ibbilanċjati mill-effetti pożittivi tagħha.
Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 42
Hija l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-iskadenzi fil-mudell tal-ftehim ta' għotja fir-rigward tal-ħarsien tar-riżultati, b'kont meħud tal-iskadenzi tal-FP7."