Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2740(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0494/2013

Testi mressqa :

B7-0494/2013

Dibattiti :

PV 19/11/2013 - 16
CRE 19/11/2013 - 16

Votazzjonijiet :

PV 21/11/2013 - 8.12
CRE 21/11/2013 - 8.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0511

Testi adottati
PDF 269kWORD 73k
Il-Ħamis, 21 ta' Novembru 2013 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni attwali tal-aġenda ta' Doha għall-iżvilupp
P7_TA(2013)0511B7-0494/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2013 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp u l-preparamenti għad-Disa' Konferenza Ministerjali (2013/2740(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tal-14 ta' Novembru 2001,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Ħong Kong tad-WTO tat-18 ta' Diċembru 2005,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2006 dwar il-valutazzjoni taċ-Ċiklu ta' Doha wara l-Konferenza Ministerjali ta' Ħong Kong tad-WTO(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2008 bl-isem "Lejn Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ riformata"(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA), u partikolarment dawk tad-9 ta' Ottubru 2008(3), tas-16 ta' Diċembru 2009(4) u tal-14 ta' Settembru 2011(5),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni adottata fit-29 ta' Mejju 2013 fit-28 sessjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija tal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet formulati fil-laqgħat informali tal-Kumitat tan-Negozjati Kummerċjali tal-11 ta' April 2013 u tat-3 ta' Ġunju 2013 u fil-laqgħa formali tal-Kumitat tan-Negozjati Kummerċjali tat-22 ta' Lulju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Eżami Globali tal-Għajnuna għall-Kummerċ li sar mit-8 sal-10 ta' Lulju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi ċ-Ċiklu ta' Doha tnieda fl-2001 bl-objettivi li jinħolqu opportunitajiet kummerċjali ġodda, jissaħħu r-regoli kummerċjali multilaterali u jiġu ttrattati l-iżbilanċi attwali fis-sistema kummerċjali billi l-esiġenzi u l-interessi tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u speċjalment il-pajjiżi l-anqas żviluppati jitqiegħdu fil-qalba tan-negozjati; billi tali objettivi jirriżultaw mill-konvinzjoni li sistema multilaterali bbażata fuq regoli aktar ġusti u ekwi, tista' tikkontribwixxi għal kummerċ ġust u ħieles għas-servizz tal-iżvilupp ekonomiku tal-kontinenti kollha kif ukoll għat-taffija tal-faqar;

B.  billi l-UE kienet konsistentement favur approċċ multilaterali b'saħħtu bbażat fuq ir-regoli fir-rigward tal-kummerċ, filwaqt li tirrikonoxxi li l-approċċi komplementari bħall-ftehimiet bilaterali, reġjonali u plurilaterali jistgħu wkoll irawmu l-ftuħ tal-kummerċ, speċjalment billi jiżblokkaw il-liberalizzazzjoni u jaġġornaw regoli u dixxiplini f'oqsma politiċi ttrattati b'inqas reqqa fid-WTO, u jistgħu ssostnu s-sistema multilaterali, bil-patt li tali ftehimiet jirrispettaw ir-regoli tad-WTO;

C.  billi d-WTO u r-regoli minquxa fil-ftehimiet koperti mid-WTO irriżultaw strumentali biex jevitaw protezzjoniżmu konsolidat u mifrux bħala reazzjoni għall-kriżi finanzjarja u ekonomika l-aktar gravi mit-Tletinijiet;

D.  billi l-kummerċ multilaterali miftuħ u ġust qiegħed ikun limitat aktar minn ostakli nontariffarji (ONT) milli mit-tariffi kummerċjali, li qegħdin sostanzjalment jitneħħew hekk kif tavvanza l-globalizzazzjoni;

E.  billi l-Laqgħa Ministerjali tad-WTO biex jiġi konkluż iċ-Ċiklu ta' Doha daħlet f'fażi ta' stall fi tmiem Lulju 2008;

F.  billi kien hemm diversi tentattivi u inizjattivi f'dawn l-aħħar snin immirati biex tingħata l-ispinta tant bżonjuża lill-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp f'fażi ta' stall;

G.  billi d-Disa' Konferenza Ministerjali tad-WTO se ssir fl-Indoneżja mill-3 sas-6 ta' Diċembru 2013,

1.  Itenni l-impenn totali tiegħu lejn il-valur dejjiemi tal-multilateraliżmu, iżda jsostni riforma strutturali tad-WTO bżonjuża biex tiġi garantita aħjar sistema kummerċjali miftuħa, ġusta u mhux diskriminatorja bbażata fuq regoli kondiviżi li tqis aktar ir-rwol u l-interessi tal-impriżi żgħar u medji (SMEs);

2.  Jenfasizza l-importanza sistemika li jintlaħaq riżultat ambizzjuż u bbilanċjat fid-Disa' Konferenza Ministerjali li jkun aċċettabbli għall-membri kollha tad-WTO u li jgħin biex titwitta t-triq għal negozjati multilaterali ulterjuri;

3.  Jappella għal aġenda kummerċjali bbażata fuq kummerċ ħieles u ġust għall-ġid ta' kulħadd, li jmissha jkollha l-iżvilupp fil-qalba tal-proċess; jenfasizza l-importanza li fin-negozjati jitqiesu bis-sħiħ l-esiġenzi u l-interessi speċjali tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp b'introjtu baxx u tal-pajjiżi l-anqas żviluppati; itenni l-bżonn perentorju biex jiġi żgurat li l-prinċipju ta' trattament speċjali u differenzjat (S&DT) jikkostitwixxi parti integrali tal-livelli kollha tan-negozjati, li jirrifletti d-diversi livelli ta' żvilupp ekonomiku tal-membri tad-WTO kif definit fil-paragrafu 44 tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha; jikkunsidra li d-dispożizzjonijiet S&DT sinifikanti għandhom isiru aktar preċiżi, suġġett għal rieżamijiet perjodiċi u mmirati;

4.  Jemmen li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ hija strument importanti biex jiggarantixxi tkabbir u żvilupp ekonomiku sostenibbli, iżda għandha bżonn tkun akkumpanjata minn politiki xierqa paralleli li jħaddnu interventi makro- u mikroekonomiċi, inklużi t-trasparenza fil-baġit, il-politiki fiskali u t-tassazzjoni ġusta, is-semplifikazzjoni amministrattiva, l-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riformi istituzzjonali u l-politiki soċjali, bil-għan li jiġu massimizzati u mqassma aħjar il-vantaġġi tar-riformi kummerċjali u kontrobilanċjat b'mod effikaċi kwalunkwe effett negattiv;

5.  Jisħaq fuq il-fatt li l-membri tad-WTO irrikonoxxew li, billi għad hemm pajjiżi li ma għandhomx il-kapaċità umana, istituzzjonali u infrastrutturali biex jipparteċipaw b'mod effikaċi fil-kummerċ internazzjonali, is-sistema multilaterali għandha bżonn tkun akkumpanjata minn titjib fil-kapaċità tal-kummerċ li hija fattur essenzjalment komplementari għall-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp; jemmen ukoll, madankollu, li l-assistenza għall-pajjiżi li qed ifittxu li jaderixxu mad-WTO għandha tibqa' prijorità;

6.  Jenfasizza f'dan il-kuntest ir-rwol pożittiv li żvolġiet l-Inizjattiva "Għajnuna għall-Kummerċ"; jiddispjaċih bil-fatt li, għall-ewwel darba mit-tnedija tagħha fl-2005, fl-2011 l-ammont tal-impenji tnaqqas minħabba l-kriżi finanzjarja, dan wassal f'inqas sostenn għall-proġetti l-kbar ta' infrastrutturi ekonomiċi u fi tnaqqis tal-impenji fis-settur tat-trasport u tal-enerġija; josserva li l-assistenza teknika fil-qasam tal-attivitajiet kummerċjali u multilaterali, bħat-trattament tariffarju preferenzjali previst fil-qafas tad-WTO, tista' tikkontribwixxi għall-kumpens ta' dan it-tnaqqis tal-impenji; jistieden lill-membri tad-WTO, partikolarment lill-pajjiżi żviluppati u lill-ekonomiji emerġenti, jisfruttaw aktar din il-possibiltà;

7.  Jinsisti fuq in-neċessità li s-sistema WTO tiġi rinnovata fid-dawl tal-esiġenzi tal-SMEs fil-kummerċ internazzjonali u tan-neċessità ta' regoli semplifikati, kemm f'termini ta' faċilitazzjoni kummerċjali kif ukoll ta' sistemi ta' qrati arbitrali internazzjonali, bil-għan li jiġu evitati d-diffikultajiet li joħorġu minn tilwim mal-awtoritajiet doganali jew kummerċjali f'ċerti pajjiżi membri tad-WTO;

8.  Jiġbed l-attenzjoni għar-Raba' Konferenza ta' Reviżjoni tal-Għajnuna għall-Kummerċ li saret f'Lulju 2013 f'Ġinevra, li wriet il-benefiċċji tal-katini tal-valur dinji għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; jiġbed madankollu l-attenzjoni lejn il-fatt li l-parteċipanti identifikaw il-limitazzjonijiet marbuta mal-kummerċ li jipprevjenu lill-impriżi tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp milli jaqbdu mal-katini tal-valur jew jitilgħu f'pożizzjonijiet aqwa fihom, jiġifieri, infrastruttura inadegwata, kostijiet għoljin tat-trasport anki ta' dak marittimu, aċċess inadegwat għall-finanzjament tal-kummerċ, inkapaċità ta' attrattiva tal-investiment dirett barrani, nuqqas ta' vantaġġ komparattiv u kostijiet għoljin għad-dħul fis-suq;

9.  Jirrikonoxxi l-importanza tas-settur agrikolu; jemmen li l-UE għandha ssostni miżuri intiżi li jittrattaw it-tħassib marbut mas-sigurtà alimentari tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-UE għandha tiggarantixxi koerenza bejn id-diversi politiki tal-UE fil-qasam tal-azzjoni esterna, kif stabbiliti partikolarment fl-Artikoli 205 sa 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-politika ta' żvilupp u l-politika kummerċjali komuni, filwaqt li tqis l-esiġenzi u t-tħassib kemm tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll dawk tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp;

10.  Jistieden lill-pajjiżi żviluppati u lill-ekonomiji emerġenti jimxu fuq l-eżempju tal-inizjattiva tal-UE "Kollox ħlief armi", li toffri lill-pajjiżi l-anqas żviluppati aċċess għas-suq totalment mingħajr dazju u mingħajr kwoti, u tiżgura l-implimentazzjoni tad-deroga għas-servizzi għall-pajjiżi l-anqas żviluppati;

11.  Iqis li ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ jaf isarraf f'vantaġġi konsiderevoli għall-membri kollha tad-WTO, u partikolarment għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi rilevanti, billi jżid it-trasparenza u ċ-ċertezza tad-dritt u jnaqqas il-kostijiet amministrattivi kif anki t-tul tal-proċeduri doganali, li, min-naħa tagħhom, ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-opportunitajiet offruti mill-prevalenza dejjem ikbar tal-katina tal-provvista reġjonali u globali u l-SMEs ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ minn swieq aktar miftuħa; jindika li għandhom ikomplu jkunu disponibbli l-bini ta' kapaċità u l-assistenza teknika għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp biex jitħallew iżidu l-kapaċitajiet produttivi tagħhom bil-għan li jkunu jistgħu jibbenefikaw minn sehem akbar tal-valur miżjud fil-katini tal-valur globali;

12.  Ifakkar li, skont studju reċenti tal-impatt fuq l-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp ikkummissjonat mill-UE, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ tkun ekwivalenti, f'termini ekononomiċi, għall-gwadanji mil-liberalizzazzjoni tal-beni u tas-servizzi lkoll flimkien; ifakkar li t-titjib tal-proċeduri doganali biss jista' jżid EUR 68 biljun fis-sena mal-PDG dinji, u li għal bosta pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp il-faċilitazzjoni tal-kummerċ tkun tirrappreżenta l-għajn ewlenija ta' gwadann;

13.  Iqis li, fi ħdan id-WTO, għandha tingħata prijorità neċessarja lill-ostakli għall-kummerċ u għall-investimenti li għandhom riperkussjonijiet fuq is-settur tas-servizzi, fosthom l-ICT u t-telekomunikazzjonijiet, is-servizzi professjonali u għall-impriżi, is-servizzi finanzjarji, l-e-commerce, il-kostruzzjoni, il-bejgħ bl-imnut u d-distribuzzjoni; huwa tal-fehma li miżuri nontariffarji ta' dan it-tip, fosthom ir-regolamentazzjonijiet nazzjonali, ir-restrizzjonijiet fil-qasam tal-proprjetà u varji miżuri kontra l-kriżi (inklużi d-dispożizzjonijiet diskriminatorji fis-settur tal-akkwist pubbliku), huma ta' importanza partikolari fid-dawl tal-valur miżjud ogħla mogħti mill-kummerċ fis-settur tas-servizzi u tal-pożizzjoni tal-akbar esportatur li għandha l-UE fis-settur imsemmi;

14.  Jilqa' pożittivament, għalhekk, il-ftuħ tan-negozjati dwar Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA) plurilaterali li qiegħed iżomm mal-objettiv tat-Tmien Konferenza Ministerjali li jeżamina modi ġodda għall-membri tad-WTO biex ikomplu jilliberalizzaw il-kummerċ tas-servizzi; jisħaq fuq l-impenn tal-UE fil-promozzjoni tal-ħidma f'dan il-qasam u fil-ħidma favur il-fatt li t-TiSA jsir multilaterali billi tiżgura li tadotta minnu d-definizzjonijiet, ir-regoli u l-prinċipji tiegħu li jifformaw il-qalba tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS); jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat li kwalunkwe ftehim ikun ambizzjuż, jespandi l-kamp ta' applikazzjoni u japprofondixxi r-regoli fil-qasam tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tas-servizzi, filwaqt li fl-istess ħin jinżammu l-objettivi politiċi nazzjonali tal-membri tad-WTO u d-dritt tagħhom li jirregolaw is-servizzi ta' interess ġenerali u jassumu impenji bilaterali u multilaterali, u li r-riżultat ikun ankrat bis-sod fl-arkitettura tad-WTO;

15.  Iqis li t-trasferiment tat-teknoloġija jista' jkun vettur għat-tkabbir ekonomiku u jrawwem il-kummerċ; jilqa' l-issuktar mill-ġdid tan-negozjati dwar l-espansjoni tal-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni li jżid kemm il-firxa tal-prodotti koperti kif ukoll in-numru ta' pajjiżi fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu; jinkoraġġixxi bis-saħħa lill-partijiet kollha tan-negozjati biex ikomplu bl-isforzi tagħhom bl-għan li jintlaħaq ftehim fil-ħin għad-Disa' Konferenza Ministerjali;

16.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni tal-Ftehim multilaterali tad-WTO dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA) hekk kif intlaħaq qbil dwaru f'Marzu 2012 u jirrikonoxxi l-importanza li l-UE tapprova l-GPA riveduta qabel id-Disa' Konferenza Ministerjali, bil-għan li jidħol fis-seħħ sal-2014; jemmen li regoli aktar ċari u aktar rigorużi għall-proċeduri ta' aġġudikazzjoni se jrawmu t-trasparenza fl-akkwisti pubbliċi u, flimkien ma' kopertura estiża tal-beni u tas-servizzi u tal-entitajiet, se joffru opportunitajiet akbar għall-firmatarji tiegħu; jistieden lill-membri tad-WTO, partikolarment lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u lill-osservaturi attwali tal-GPA, jikkunsidraw li jissieħbu fil-ftehim biex jieħdu vantaġġ mid-dispożizzjonijiet il-ġodda biex il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp iżidu l-flessibilità u jgawdu mill-benefiċċji tiegħu;

17.  Huwa sodisfatt li f'Ġunju 2013 ittieħdet deċiżjoni pożittiva biex tiġi prorogata l-eżenzjoni tar-regoli tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPS) bi tmien snin oħra sal-1 ta' Lulju 2021 għall-pajjiżi l-anqas żviluppati li tirrappreżenta mod ieħor kif jiġi żgurat li s-sistema kummerċjali dinjija ma tadottax approċċ "wieħed tajjeb għal kulħadd" iżda pjuttost tqis l-ispeċifiċitajiet ta' kull pajjiż fil-fażi tal-iżvilupp;

18.  Jinkoraġġixxi lill-membri tad-WTO jappoġġaw b'mod proattiv l-isforzi ta' din l-organizzazzjoni intiżi li jistabbilixxu rabtiet ta' xogħol effiċjenti u effikaċi u kooperazzjoni aktar intensa ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn li l-attivitajiet tagħhom għandhom impatt fuq in-negozjati kummerċjali dinjin, partikolarment l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u n-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji u l-korpi tagħha bħall-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura, il-Programm tan-NU għall-Ambjent, il-Programm tan-NU ta' Żvilupp u l-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima, kif ukoll il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), il-Bank Dinji u l-OECD, bil-għan li jiġi żgurat is-sostenn reċiproku u s-sinerġiji bejn il-kwistjonijiet ta' natura kummerċjali u mhux kummerċjali; isostni l-isforzi mmirati għall-adozzjoni ta' standards internazzjonali u għall-kooperazzjoni f'ambitu ta' regolamentazzjoni;

19.  Jitlob li tiġi eżaminata bir-reqqa l-problema ta' kif jiġi ttrattat aħjar it-tħassib mhux kummerċjali fl-ambitu tar-regoli tad-WTO, bl-iskop li l-membri tagħha jitħallew isegwu l-objettivi politiċi leġittimi, filwaqt li jissalvagwardaw l-aċċess għas-suq; jenfasizza li, f'dan ir-rigward, l-isforzi sabiex jiġu adottati u implimentati b'mod effikaċi standards internazzjonali fil-qasam soċjali, tax-xogħol, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem għandu jkollhom appoġġ b'saħħtu u li għandha tingħata l-għajnuna meħtieġa lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp sabiex ikun possibbli li dawn jilħqu dawn l-istandards;

20.  Huwa konvint li l-assenza ta' differenzjazzjoni suffiċjenti bejn il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, minkejja d-diversità kbira tal-livelli ta' żvilupp ekonomiku tagħhom u tal-esiġenzi partikolari tagħhom, tista' tkun ostaklu għall-adozzjoni ta' miżuri effikaċi favur dawn il-pajjiżi, skont l-objettiv iddikjarat taċ-Ċiklu ta' Doha u hija askaptu tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp li huma l-aktar fil-bżonn; iħeġġeġ lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp l-aktar avvanzati jassumu s-sehem ta' responsabilità tagħhom diġà matul iċ-ċiklu ta' negozjati attwali u jiżguraw li l-kontribut tagħhom ikun proporzjonat għal-livell ta' żvilupp tagħhom u għall-kompetittività settorjali tagħhom;

21.  Huwa tal-fehma li jeħtieġ li tiġi eżaminata serjament il-kwistjoni tal-kategorizzazzjoni jew sottokategorizzazzjoni, mhux biss tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp iżda wkoll tal-membri kollha l-oħra tad-WTO, abbażi ta' kriterji oġġettivi mhux esklużivament marbuta mal-prodott nazzjonali gross, fid-dawl ta' applikazzjoni differenzjata possibbli tal-ftehimiet eżistenti jew ta' dawk li n-negozjati dwarhom għadhom għaddejjin;

22.  Jemmen li hija essenzjali l-konklużjoni taċ-Ċiklu ta' Doha, li ilu għaddej żmien twil, bil-mandat tiegħu għall-iżvilupp realizzat; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-membri kollha tad-WTO jeżaminaw, fid-dawl ta' tali objettiv aħħari, l-għażliet kollha possibbli bil-għan li jintlaħaq riżultat bilanċjat;

23.  Jinsisti li l-UE għandha tkompli tiżvolġi rwol ta' tmexxija fil-promozzjoni tal-progress konkret fi ħdan in-negozjati tad-WTO li għaddejjin, bl-iskop li tinkiseb konklużjoni taċ-Ċiklu ta' Doha fil-futur qrib, u taġevola l-parteċipazzjoni totali tal-pajjiżi l-anqas żviluppati fil-kummerċ globali, billi tagħmilha ta' pont bejn id-diversi pożizzjonijiet tal-membri tad-WTO;

24.  Jisħaq fuq l-importanza fundamentali tad-WTO għal dak li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni u mal-applikazzjoni tal-impenji vinkolanti u tar-riżoluzzjoni tat-tilwim kummerċjali;

25.  Iqis li l-membri tad-WTO madankollu għandhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom f'oqsma oħrajn identifikati mid-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha, bħall-kummerċ fil-beni u fis-servizzi ambjentali li jista' jagħti kontribut sinifikanti lill-iżvilupp sostenibbli u lill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jistieden lill-membri tad-WTO jieħdu nota tal-Lista tal-Beni Ambjentali mfassla mill-APEC; iħeġġeġ lill-UE tkompli tagħmel pressjoni bil-għan li jingħata bidu għal Ftehim dwar it-Teknoloġiji Ambjentali mmirat lejn it-tnaqqis tat-tariffi għall-prodotti ta' teknoloġija ambjentali u tfittex li tiġi ċċarata r-relazzjoni ġuridika eżistenti bejn ir-regoli tad-WTO u l-ftehimiet ambjentali multilaterali;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-Parlament jibqa' involut mill-qrib fil-preparamenti tad-Disa' Konferenza Ministerjali li se ssir f'Bali mit-3 sas-6 ta' Diċembru 2013, jinżamm aġġornat fil-pront u, jekk ikunu il-każ, jiġi konsultat matul il-Konferenza Ministerjali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssostni quddiem il-membri l-oħra tad-WTO il-bżonn li tiżdied l-importanza tad-dimensjoni parlamentari tad-WTO;

27.  Jistieden lill-membri tad-WTO jiżguraw il-leġittimità demokratika billi tissaħħaħ id-dimensjoni parlamentari tad-WTO; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jkun żgurat li l-parlamentari jkollhom aċċess aħjar għan-negozjati kummerċjali u jkunu involuti fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tad-WTO u li l-politiki kummerċjali jkunu eżaminati adegwatament fl-interessi taċ-ċittadini; jitlob, għalhekk, it-twaqqif ta' delegazzjoni parlamentari permanenti tal-UE għad-WTO;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lid-Direttur Ġenerali tad-WTO.

(1) ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 155.
(2) ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 77.
(3) ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 31.
(4) ĠU C 286 E, 22.10.2010, p. 1.
(5) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 84.

Avviż legali - Politika tal-privatezza