Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2532(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0466/2013

Testi mressqa :

B7-0466/2013

Dibattiti :

PV 20/11/2013 - 13
CRE 20/11/2013 - 13

Votazzjonijiet :

PV 21/11/2013 - 8.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0512

Testi adottati
PDF 317kWORD 81k
Il-Ħamis, 21 ta' Novembru 2013 - Strasburgu
Pjan ta' Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020: Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa
P7_TA(2013)0512B7-0466/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2013 dwar il-pjan ta' azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 – Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa (2013/2532(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-pjan ta' azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 – Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa (O-000110/2013 – B7-0520/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

I.L-ispirtu tal-intraprendenza u t-taħriġ intraprenditorjali

1.  Jistenna li l-miżuri kollha proposti fil-livell nazzjonali u Ewropew għall-promozzjoni tal-intraprenditorija se jikkonċernaw it-tipi kollha ta’ intrapriżi, pereżempju l-professjonijiet indipendenti, il-kooperattivi, l-intrapriżi tas-snajja' u l-intrapriżi soċjali;

2.  Ifakkar li l-kompetenzi u l-ħiliet kummerċjali u intraprenditorjali jirrappreżentaw kompetenzi ewlenin fl-ambitu tat-tagħlim tul il-ħajja u li meta wieħed jikkunsidra t-tkabbir ekonomiku baxx kif ukoll ir-rata għolja ta’ qgħad, hemm il-ħtieġa ta’ miżuri aktar deċiżivi fuq żmien qasir jew medju għat-tisħiħ tal-intraprenditorija u biex din tiġi ffaċilitata aktar, speċjalment fost iż-żgħażagħ;

3.  Jagħraf li l-Istati Membri huma responsabbli għan-negozju, it-taħriġ intraprenditorjali u soċjali u li l-iskemi ta' taħriġ spiss ikunu aktar immirati u effettivi fir-rigward tal-ispejjeż jekk ikunu strutturati fil-livelli lokali u nazzjonali; jikkunsidra li l-inizjattivi tal-UE jistgħu u għandhom jikkumplimentaw l-azzjonijiet tal-Istati Membri f’dan il-qasam b’mod utli, partikolarment permezz ta’ kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li jingħataw inċentivi lil min iħaddem u joffri taħriġ u opportunitajiet lil persuni b'ħiliet limitati jew bla taħriġ (fosthom ir-Rom) biex jiksbu esperjenza prattika direttament fil-post tax-xogħol;

5.  Huwa mħasseb dwar it-tnaqqis fin-numru ta’ ċittadini tal-UE li jikkunsidraw il-possibbiltà li jaħdmu għal rashom fil-klima attwali ta’ inċertezza ekonomika; iqis li l-UE u l-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi koordinati tagħhom biex itejbu l-kultura intraprenditorjali fl-Ewropa u jesploraw il-possibiltà li jiġu adottati miżuri speċifiċi u miri biex jerġgħu jagħmlu l-intraprenditorija attraenti, inkluż għal impjegati kwalifikati b'esperjenza professjonali u partikolarment fis-setturi li huma ta' importanza strateġika għall-Unjoni. jemmen, pereżempju, li għandha tiġi stabbilita konnessjoni b'saħħitha bejn tali inizjattivi u l-attivitajiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-politika industrijali; jemmen li tali miżuri għandhom jinkludu azzjonijiet li jiffaċilitaw il-ħolqien ta' negozji;

6.  Jieħu nota tal-miżuri u l-inizjattivi mressqa mill-Kummissjoni dwar it-taħriġ intraprenditorjali u jitlob lill-Istati Membri jimplimentawhom mill-aktar fis possibbli, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-inizjattiva tal-UE 'Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda'; jilqa' s-sejħa lill-Istati Membri biex jinkludu t-taħriġ intraprenditorjali bħala kompetenza ewlenija fil-programmi nazzjonali;

7.  Jemmen li sabiex intraprendituri potenzjali ġodda jingħataw il-ħiliet biex imexxu negozju b’mod li jkabbar il-kontribut pożittiv lis-soċjetà filwaqt li jkunu minimizzati l-impatti negattivi fuq il-poplu u l-ambjent, għandhom jittieħdu inizjattivi biex jiġu inklużi kriterji ta’ sostenibilità u responsabilità soċjali b’saħħithom fl-edukazzjoni intraprenditorjali;

8.  Jikkunsidra n-'Network ta’ Rappreżentanti tal-SMEs' bħala forum fundamentali potenzjali għall-iskambju ta’ opinjonijiet dwar il-prattiki kkonsolidati u biex ikun ivvalutat il-progress li twettaq fir-rigward tal-implimentazzjoni;

9.  Jappoġġja l-ambizzjoni li ssostni l-introduzzjoni prevista tal-garanzija għaż-żgħażagħ u d-disponibbiltà li din tingħata riżorsi finanzjarji adegwati, bħala l-ewwel strument biex jittaffew l-effetti ta’ qgħad fuq skala wiesgħa fost iż-żgħażagħ, partikolarment fil-pajjiżi milquta serjament bil-kriżi; jenfasizza l-importanza tal-miżuri previsti għall-promozzjoni tal-intraprenditorija u tat-taħriġ intraprenditorjali, peress li dawn huma mmirati lejn żvilupp sostenibbli u ma għandhom kważi l-ebda effett sekondarju; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jivvalutaw aktar miżuri, bħal ħelsien mit-taxxa, biex jinkoraġġixxi lill-SMEs jimpjegaw liż-żgħażagħ;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-miżuri tagħha ta' 'back-up', konsulenza u assistenza lill-impriżi, b’mod partikolari lil impriżi iżgħar, permezz ta’ organizzazzjonijiet intermedjarji u biex tistabbilixxi programmi li jiffavorixxu azzjonijiet ta’ orjentament u assistenza mmexxija minn intraprendituri b’esperjenza li jkunu mmotivati biex jagħmluha ta’ mentor jew tutor ma’ intraprendituri żgħażagħ li jkunu se jiftħu kumpaniji ġodda jew biex isalvaw impriżi fi kriżi billi japplikaw in-knowhow u l-esperjenza tagħhom;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-ħolqien ta’ clusters, jiġifieri netwerks ta’ intrapriżi u assoċjazzjonijiet ta’ intrapriżi li jgħinu biex jiżviluppaw vantaġġ kompetittiv, biex jibbenefikaw mill-ġestjoni komuni tar-riżorsi umani u jwasslu għal żieda fil-kompetittività;

12.  Jinnota li l-intrapriżi żgħar u medji li jadottaw it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (TIC) jikbru b’rata darbtejn jew tliet darbiet aktar malajr; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tiffavorixxi miżuri li jippermettu lill-intraprendituri jisfruttaw l-opportuntajiet kollha offruti mis-suq uniku diġitali;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw il-programm Erasmus għal intraprendituri żgħażagħ u jżidu n-numru ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali, fejn dan għadu meħtieġ; jipproponi li jsir użu akbar mill-istrutturi eżistenti tan-Netwerk Enterprise Europe; iqis li jeħtieġ ikun hemm objettiv ta’ 10 000 skambju fis-sena u rata minima ta’ tkabbir annwali ta’ 10 % sakemm jinkiseb dan l-objettiv;

14.  Jinnota li jeżisti potenzjal fl-iżvilupp ulterjuri tal-programmi ta’ skambju Leonardo għal apprendisti u jenfasizza l-ħtieġa tal-hekk imsejħa 'organizzazzjonijiet intermedjarji' li jappoġġjaw lill-SMEs fl-organizzazzjoni tax-xogħol (p.e. it-tfittxija ta’ sħab adegwati barra l-pajjiż, alloġġi, eċċ.); jenfasizza l-potenzjal intraprenditorjali tal-gradwati li jkollhom ċertifikati fil-qasam akkademiku u prattiku;

15.  Jipproponi li l-Istati Membri jkunu jistgħu jitolbu fondi supplimentari mill-Fond ta’ Globalizzazzjoni u l-Fond Soċjali Ewropew sakemm dawn jintużaw għal miżuri fuq żmien qasir bħall-appoġġ u l-konsulenza għat-tnedija ta’ attività intraprenditorjali u għal trasferimenti u mhux biex tiġi ġġustifikata r-rilokazzjoni ulterjuri tal-intrapriżi;

16.  Jipproponi kollaborazzjoni aktar b’saħħitha tal-istrumenti eżistenti u futuri għall-promozzjoni tal-intraprenditorija biex jinħolqu inċentivi u sinerġiji fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

17.  Jistenna li l-Kummissjoni li jmiss tindirizza l-promozzjoni tal-intraprenditorija u tat-taħriġ intraprenditorjali bħala suġġett prinċipali fl-ambitu tal-portfolju tagħha u tagħti ħajja lis-sħubija Ewropea, filwaqt li l-progress miksub mill-Istati Membri jitkejjel skont il-kriterji li ġejjin, fost l-oħrajn:

   (a) l-inklużjoni tal-edukazzjoni intraprenditorjali fil-kurrikula nazzjonali tal-iskejjel, b’mod partikolari elementi orjentati lejn il-prattika bħal proġetti ta’ kumpanija skolastika u apprendistati obbligatorji qabel it-tmiem tal-edukazzjoni sekondarja;
   (b) il-livell tal-appoġġ mill-Fond Strutturali li jintużaw għat-taħriġ intraprenditorjali;
   (c) in-numru ta’ persuni f'moduli intraprenditorjali fi ħdan Skemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ jew fi programmi ta’ mobilità għal intraprendituri ġodda, partikolarment iż-żgħażagħ,
   (d) in-numru ta’ persuni li jixtiequ joħolqu intrapriża wara li jkunu ħadu sehem f’dawn l-inizjattivi,

18.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jadottaw b'urġenza strateġiji nazzjonali, reġjonali u lokali bil-għan li jinkludu t-taħriġ intraprenditorjali fl-iskemi ta’ taħriġ tal-iskejjel (taħriġ skolastiku primarju u sekondarju, taħriġ professjonali, taħriġ fil-livell avvanzat u supplimentari); jistenna li dawn l-istrateġiji jkopru t-tipi kollha ta' intrapriżi kif ukoll l-impatti soċjali u ambjentali ta' intraprenditorija; jenfasizza l-importanza li t-taħriġ soċjali, ekonomiku u intraprendorjali jkun jinkludi elementi interattivi u prattiċi;

19.  Iqis li l-Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali (VET) jistgħu jipprovdu l-ħiliet, l-għarfien u l-kompetenzi meħtieġa fis-suq tax-xogħol speċjalment għall-persuni mingħajr impjieg, kif ukoll konsultazzjoni relatata mat-tfittxija ta’ impjieg; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-provvediment tal-VET fl-Ewropa kollha biex jitjiebu t-trasparenza, ir-rikonoxximent u l-kwalità tal-kompetenzi u l-kwalifiki, u b’hekk tiġi ssimplifikata l-mobilità tal-apprendisti u tal-ħaddiema;

20.  Jenfasizza li l-għarfien dwar il-funzjonament tas-swieq, tal-ekonomija u tas-sistemi finanzjarji huwa indispensabbli għal ġestjoni amministrattiva tajba u għalhekk għandu jkun integrat fis-sistemi nazzjonali ta’ formazzjoni ta’ bażi, kif ukoll fil-programmi ta’ taħriġ tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu mingħajr dewmien l-edukazzjoni finanzjarja fil-programmi edukattivi tagħhom;

21.  Jisħaq fuq l-importanza ta' apprendistati għaż-żgħażagħ fis-setturi ekonomiċi bi prospetti tajbin, bħala pass siewi fit-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għall-ħajja professjonali;

22.  Jilqa’ l-kunċett ta’ Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI), li bil-konċentrazzjoni tiegħu fuq l-intraprenditorija permezz tal-integrazzjoni tal-komponenti tat-trijangolu tal-għarfien tar-riċerka, l-edukazzjoni ogħla u l-innovazzjoni, huwa mutur importanti għall-innovazzjoni fir-rigward tal-isfidi maġġuri tas-soċjetà u għaldaqstant strument importanti għall-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa; jenfasizza, għalhekk, li l-KKI kollha għandu jkollhom l-intraprenditorija integrata fl-istruttura tagħhom u fl-approċċ tagħhom lejn ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-taħriġ; jenfasizza li l-KKI għandhom jintegraw u jaqsmu bejniethom l-aħjar prattiki rigward l-użu ta' kunċetti u teknoloġiji innovattivi ta' edukazzjoni u taħriġ; jirrakkomanda wkoll li titwettaq valutazzjoni fit-tul dwar il-ħolqien ta' KKI mmirata biex ikomplu jiġu żviluppati tali kunċetti innovattivi ta' edukazzjoni u taħriġ b'konċentrazzjoni partikolari fuq l-edukazzjoni intraprenditorjali;

II.L-ambjent u l-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-intraprenditorija

23.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-grupp tal-BEI isaħħu l-isforzi ta’ informazzjoni tagħhom sabiex b’kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tal-SMEs jagħmlu mezz biex l-SME ikunu iktar konxji dwar il-possibilitajiet ta’ finanzjament;

24.  Jenfasizza li l-ħolqien ta’ alternattivi ta’ finanzjament alternattivi għandhom importanza massima għall-ħolqien ta’ intrapriżi ġodda; jenfasizza l-ħtieġa li tkun eliminita d-distinzjoni bejn kapital proprju u kapital barrani u li għandha tiġi introdotta eżenzjoni fiskali għall-investiment; jenfasizza li peress li l-kreditu mill-banek huwa wieħed mill-forom l-aktar importanti tal-SMEs, huwa importanti li tingħata attenzjoni għad-disponibilità ta’ kreditu kif ukoll it-tisħiħ ta' finanzjament minn fondi proprji permezz ta’ kundizzjonijiet ta’ qafas aħjar għall-kapital ta’ riskju, inkluż is-sostenn għall-fondi tal-SMEs u l-appoġġ ta' investiment kollettiv (crowd investment) mingħajr spejjeż għolja għall-prospett; jitlob li jiġi stabbilit ammont ta’ eżenzjoni fiskali għall-investimenti minn investituri privati;

25.  Ifakkar li l-ispejjeż amministrattivi għadhom wieħed mill-ostakli l-aktar importanti fil-ftuħ jew fil-kontinwazzjoni ta’ intrapriżi; jinsisti li t-tneħħija tal-ispejjeż amministrattivi żejda tibqa’ fuq nett fost il-prijoritajiet ewlenin u jistenna mill-Kummissjoni li jmiss proposti konkreti ta’ politika u f’termini ta’ miżuri għall-perjodu sal-2020, fil-qafas tas-Small Business Act, li jistgħu jinkludu objettivi konkreti u kwantitattivi (p.e. it-tnaqqis tat-tariffi amministrattivi b’25 % minn issa sal-2020);

26.  Jilqa’ l-miżuri proposti mill-Kummissjoni għal din il-linja ta’ azzjoni u jinnota l-punti rilevanti tal-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2012 dwar l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs): kompetittività u opportunitajiet kummerċjali(1), u fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Frar 2013 dwar it-titjib tal-aċċess ta’ SMEs għal finanzjamenti(2);

27.  Jilqa’ t-talbiet li l-Kummissjoni mill-ġdid qed tagħmel lill-Istati Membri biex inaqqsu l-ispejjeż u ż-żmien meħtieġ biex titwaqqaf kumpanija; jinnota l-progress limitat miksub mis-Small Business Act sal-lum u jħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom f’dan ir-rigward;

28.  Jenfasizza li t-tipi differenti ta’ mudelli tan-negozju, bħan-negozji tal-familja, intrapriżi kooperattivi u oħrajn għandhom jiġu kkunsidrati meta jinħoloq ambjent favorevoli għan-negozji permezz ta’ servizzi xierqa ta’ appoġġ għan-negozji;

29.  Jinnota li l-miżuri ta’ appoġġ tal-UE favur l-SMEs jibqgħu żbilanċjati u li ħafna Stati Membri għandhom ma kkunsidrawx il-karatteristiċi tal-intrapriżi ż-żgħar fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni.

30.  Jenfasizza li l-aċċess għall-finanzjament jibqa’ wieħed mill-ostakli prinċipali fl-iżvilupp tal-SMEs; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta b'mod komprensiv jekk l-istrumenti tal-finanzjament immirati lejn l-SMEs, bħal pereżempju l-istrument tal-mikrofinanzjament PROGRESS, jiffaċilitawx effettivament l-aċċess tal-SMEs għall-iffinanzjar, meta jitqies b’mod partikolari l-fatt li ċerti istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri jimponu kundizzjonijiet ta’ kreditu eċċessivament riġidi għall-SMEs;

31.  Jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri jtejbu l-kundizzjonijiet fiskali u amministrattivi tagħhom għal trasferimenti ta’ negozji; iqis li jeħtieġ titjib fl-indirizzar fiskali ta’ forom ta’ finanzjament innovattivi bħal finanzjamenti fi gruppi, finanzjamenti ta’ kapital ta’ riskju jew finanzjamenti minn business angel; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom għat-trasferiment tan-negozji permezz ta’ strumenti finanzjarji fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari permezz ta’ garanziji fuq self, kif ukoll forom oħra ta' finanzjament bħal finanzjamenti fi gruppi jew finanzjamenti minn business angel, u jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni fuq pjattaformi ta' finanzjament kollettiv (crowdfunding platforms); jemmen li t-trasferiment tan-negozju għandu jkun iffaċilitat ukoll permezz ta' inizjattivi ta' taħriġ adegwat dwar il-ħiliet maniġerjali, bħal f'każijiet fejn in-negozji jiġu ttrasferiti lill-impjegati;

32.  Jinnota li r-regoli kkumplikati tal-VAT ilhom żmien twil iservu ta’ xkiel fost l-ostakli ewlenin li jwaqqfu l-intraprendituri milli jużaw il-potenzjal tas-suq uniku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposti ppjanati biex tallinja r-regoli u tnaqqas l-ispejjeż tal-komformità mal-VAT f'dikjarazzjoni unika malajr kemm jista’ jkun, sabiex tiffaċilita l-adozzjoni tagħhom matul it-terminu leġiżlattiv attwali;

33.  Jikkunsidra l-miżuri proposti biex jitnaqqas il-piż amministrattiv (li jistgħu jinkludu piż mhux meħtieġ jew sproporzjonat permezz ta' regolazzjoni) u piż burokratiku bħala kumplimentari għall-prinċipji tas-Small Business Act; jiddispjaċih dwar il-fatt li ma jissemmewx inizjattivi importanti fil-pjan ta’ azzjoni, bħal pereżempju l-miżuri ta’ implimentazzjoni tat-testijiet tal-SME fil-livell nazzjonali, ir-rwol futur tal-grupp ta’ livell għoli għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi jew l-istabbiliment ta’ scoreboard dwar piżijiet regolatorji fl-UE u l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni, taħt it-tmexxija tar-Rappreżentant tagħha tal-SMEs, biex tfassal pjan direzzjonali fil-ħin għar-rieżami jew ir-reviżjoni tal-għaxar miżuri tal-UE li jservu tal-akbar ostaklu, sabiex tnaqqas il-piż mhux meħtieġ u eċċessiv; jafferma li, fi kwalunkwe każ, tali tnaqqis m'għandux inaqqas l-istandards soċjali u ambjentali ewlenin;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu intrapriżi li għadhom jibdew perjodu ta' konċessjoni fir-rigward ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u għat-taxxi kollha 'on account' sabiex l-intrapriżi jħallsu biss it-taxxi fuq il-profitt effettivament iġġenerat fl-ewwel snin; jinsisti li din is-sistema tkun kompletament trasparenti sabiex ma jkunux jistgħu jsiru abbużi minnha;

35.  Jenfasizza l-importanza tat-trasferiment tal-għarfien bejn ċentri tal-għarfien, bħall-istituti tar-riċerka u ċ-ċentri tal-eċċellenza, u l-SMEs għas-suċċess tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ddefiniti b’mod ċar il-proċess tat-trasferiment tal-għarfien fil-prattika u l-benefiċċji tiegħu għas-suċċess tal-clusters intraprenditorjali;

36.  Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li toffri ċans ieħor għall-fallimenti onesti u biex tnaqqas il-piż amministrattiv tar-regolamenti li joħnoq l-imprendituri;

37.  Jenfasizza l-importanza tal-professjonijiet indipendenti għall-intraprenditorija fl-Ewropa; jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ħabbret li se tistabbilixxi grupp ta’ ħidma inkarigat mill-analiżi tal-karatteristiċi speċjali u l-ħtiġijiet tal-professjonijiet indipendenti; jitlob lill-Kummissjoni tqis il-konklużjonijiet ta' dan il-grupp ta' ħidma meta twettaq valutazzjonijiet tal-impatt għal proposti leġiżlattivi, kif ukoll biex tissorvelja l-miżuri relatati mas-Small Business Act; jinnota li dan jista’ jwassal sabiex tinħoloq Karta Ewropea tal-professjonijiet indipendenti;

38.  Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati ħiliet ta’ innovazzjoni b’mod ġenerali u li tiġi appoġġjata l-innovazzjoni li toriġina minn impjegati kemm f’kumpaniji ġodda kif ukoll f’dawk eżistenti; jenfasizza wkoll li l-parti l-kbira tal-intrapriżi l-ġodda li jkollhom l-akbar suċċess ikunu ħarġu minn kumpaniji eżistenti fejn impjegati jkollhom l-opportunità jiżviluppaw l-idea tagħhom f’oqfsa sikuri u għonja fir-riżorsi; jenfasizza, barra minn hekk, li bosta intraprendituri ġodda huma kkwalifikati u oħrajn ma għandhomx kwalifiki, u għaldaqstant l-isforzi intraprenditorjali ma għandhomx ikunu mmirati biss lejn persuni akkademiċi; jinnota li t-taħriġ vokazzjonali orjentat lejn il-prattika għandu rwol importanti wkoll fl-isforzi għall-promozzjoni tal-intraprenditorija u l-innovazzjoni;

39.  Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati inċentivi għall-impjegati biex jibdew kumpaniji tagħhom stess fuq bażi part-time;

40.  Jitlob l-użu ta' dispożizzjonijiet ta' flessibilità għall-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) fi ħdan il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), partikolarment fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji; jinsisti li, fl-ambitu tal-QFP, jitkomplew il-programmi ta’ mikrokreditu, pereżempju l-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress u JASMINE (l-Azzjoni Konġunta għas-Sostenn tal-Istituzzjonijiet Mikrofinanzjarji fl-Ewropa);

41.  Jenfasizza li l-ħolqien ta’ alternattivi ta’ finanzjamenti flessibbli għandu importanza massima għall-intrapriżi li għadhom jibdew u l-SMEs sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-finanzjament; jirrikonoxxi li kontribuzzjonijiet differenti ta’ kapital barrani u kapital proprju u kapital ibridu (hybrid capital) jistgħu jkunu adegwati għal mudelli ta’ negozju differenti u għalhekk jistieden lill-Istati Membri jneħħu d-distinzjoni għal skopijiet ta’ taxxa bejn kapital proprju u kapital barrani u jikkunsidraw li jintroduċu eżenzjoni għall-parteċipazzjoni kapitali għall-investiment fl-ekonomija reali biex jistimulaw it-tkabbir sostenibbli u joħolqu l-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-benefiċċji tat-titolizzazzjoni tal-mikro-kreditu;

42.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkoraġġixxu s-separazzjoni ta’ kuntratti għall-akkwist pubbliku f’lottijiet sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-offerti pubbliċi, pereżempju billi jiġi applikat il-prinċipju 'apply or explain' fil-liġi nazzjonali tagħhom dwar l-akkwist;

43.  Jiddispjaċih li f’uħud mill-Istati Membri għad hemm rekwiżiti riġidi wisq għal intrapriżi ġodda; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jnaqqsu għal xahar il-perjodu meħtieġ għall-għoti ta’ liċenzji u permessi oħra biex jinfetaħ negozju ġdid;

44.  Jenfasizza l-importanza tal-fatt li persuni gradwati li matul l-istudji tagħhom ikunu pparteċipaw f’korsijiet speċjalizzati dwar intraprenditorija għandhom jingħataw assistenza biex jibdew intrapriża tagħhom;

45.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu punt uniku fejn is-servizzi kollha ta’ appoġġ għan-negozji jkunu kkombinati, inkluż fil-qasam tal-aċċess għall-finanzjament minn sorsi varji, il-konsulenza dwar il-ftuħ ta’ negozji ġodda u informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ negozju fi ħdan l-UE u barra minnha;

46.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw approċċ ibbilanċjat fil-liġijiet tagħhom dwar il-limiti ta’ żmien u r-risoluzzjoni ta’ tilwim dwar dejn sabiex fallimenti onesti jingħataw "ċans ieħor" u r-riskji għall-kredituri jiġu minimizzati;

III.L-intraprendituri bħala mudelli eżemplari u l-għan li jintlaħqu gruppi speċifiċi fil-mira

47.  Jappoġġa l-introduzzjoni ta’ 'Jum Ewropew tal-Intraprenditorija' li għandu jkun dirett primarjament lejn il-midja u jiġbed l-attenzjoni fuq stejjer ta’ suċċess intraprenditorjali; iqis li għandha ssir enfasi partikolari fuq l-eżempji ta’ intraprendituri kapaċi joħolqu valur ekonomiku miżjud filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji ċentrali tas-sostenibilità u r-responsabilità soċjali fl-UE; jittama li l-iskejjel u l-istituzzjonijiet ta’ tagħlim jipparteċipaw fl-avveniment permezz ta’ laqgħat mal-intraprendituri u żjajjar fl-impriżi;

48.  Jenfasizza l-potenzjal kbir tan-nisa bħala intraprendituri u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta data affidabbli b’mod li l-leġiżlazzjoni tal-preżent tkun tista' tiġi vvalutata aħjar u biex jiġu eliminati l-ostakli possibbli għall-intraprendituri nisa;

49.  Jenfasizza l-potenzjal tal-kooperattivi u l-intrapriżi soċjoekonomiċi bħala strumenti għall-ġenerazzjoni tal-impjiegi, u partikolarment l-impjiegi fost iż-żgħażagħ, minħabba r-rwol li għandhom fl-iżvilupp lokali sostenibbli, mhux biss f’termini ekonomiċi iżda wkoll f’termini soċjali u f’termini ta’ impjiegi;

50.  Jenfasizza li l-ICT għandu rwol determinanti fil-prestazzjoni tal-intraprenditorija u jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw u jippromwovu programmi biex jibnu l-ħiliet tal-ICT, partikolarment għaż-żgħażagħ u għan-nisa;

51.  Iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lil gruppi oħra li huma sottorappreżentati fid-dinja intraprenditorjali bħaż-żgħażagħ, l-anzjani, il-persuni b’diżabilità u l-immigranti;

52.  Huwa tal-fehma li l-isfidi demografiċi jeħtieġu strateġija aktar wiesgħa li tgħaqqad il-ħolqien tal-impjiegi mal-ħtiġijiet ġodda u emerġenti tas-suq tax-xogħol Ewropew; jemmen li, f'dan ir-rigward, għandu jsir aktar progress biex titjieb il-mobilità tal-ħaddiema tal-UE, fosthom ir-riċerkaturi u professjonisti oħrajn, bil-ħsieb li naslu għal Ewropa mingħajr ostakli fis-suq intern tal-UE;

53.  Jenfasizza li n-nuqqas ta’ kwalifiki skolastiċi u professjonali barranin jirrapreżenta ostaklu sinifikanti għall-ħolqien ta’ intrapriżi mill-migranti; jitlob, għalhekk, li jkun hemm ftehim mill-aktar fis dwar id-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali;

o
o   o

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0387.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0036.

Avviż legali - Politika tal-privatezza