Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2105(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0360/2013

Testi mressqa :

A7-0360/2013

Dibattiti :

PV 20/11/2013 - 14
CRE 20/11/2013 - 14

Votazzjonijiet :

PV 21/11/2013 - 8.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0513

Testi adottati
PDF 360kWORD 118k
Il-Ħamis, 21 ta' Novembru 2013 - Strasburgu
L-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni
P7_TA(2013)0513A7-0360/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2013 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni) (14605/1/2012 – 2013/2105(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni) (14605/1/2012),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 21, 24 u 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra t-Titolu V tat-TUE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza InterParlamentari għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni tas-6 ta’ Settembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà bit-titolu ‘Ewropa Sikura f'Dinja Aħjar’, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta’ Diċembru 2003, u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha bit-titolu ‘Nipprovdu s-Sigurtà f'Dinja li qed Tinbidel’, adottat mill-Kunsill Ewropew fil-11 u t-12 ta’ Diċembru 2008,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-1 ta’ Diċembru 2011 u tat-23 ta’ Lulju 2012, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-akkomunament u l-kondiviżjoni tal-kapaċitajiet militari tat-23 ta’ Marzu 2012,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istrateġija ta’ sigurtà marittima tas-26 ta’ April 2010,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Il-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta’ Informazzjoni tas-27 ta’ Mejju 2011 u l-konklużjonijiet preċedenti tal-Kunsill dwar iċ-ċibersigurtà,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta’ Kondotta dwar l-Akkomunament u l-Kondiviżjoni adottat mill-ministri tad-difiża tal-UE fid-19 ta’ Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2013 bl-isem “Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti” (COM(2013)0542),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta’ Settembru 2013, dwar id-dimensjoni marittima tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni(3) u dwar l-istrutturi militari tal-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti futuri(4), tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni(5), dwar il-klawsoli ta’ difiża reċiproka u solidarjetà tal-UE: dimensjonijiet politiċi u operattivi(6), dwar ir-rwol tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni f'każ ta’ kriżijiet ikkawżati mill-klima u ta’ diżastri naturali(7), u dwar iċ-Ċibersigurtà u ċ-Ċiberdifiża(8), tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq is-settur tad-difiża fl-Istati Membri tal-UE(9), tal-11 ta’ Mejju 2011 dwar l-iżvilupp tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona(10) u tat-23 ta’ Novembru 2010 dwar il-kooperazzjoni ċivili-militari u l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ċivili-militari(11),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni tat-13 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-reviżjoni tal-2013 tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE(12)2u r-Reviżjoni tas-SEAE tal-2013 ippreżentata mir-Rappreżentant Għoli f’Lulju 2013(13)3,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-15 ta’ Ottubru 2013 tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni dwar il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-SEAE dwar ir-reviżjoni tal-proċeduri tal-immaniġġjar ta’ kriżijiet tal-PSDK adottat mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) fit-18 ta’ Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 119(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0360/2013),

Is-sigurtà u d-difiża Ewropea f’dinja li qed tinbidel

1.  Jinnota l-bidliet sinifikanti u kontinwi fl-ambjent ġeopolitiku kkaratterizzat minn theddidiet multidimensjonali u asimmetriċi, mit-tkabbir ta’ setgħat emerġenti u minn bidla strateġika fl-attenzjoni tal-Istati Uniti lejn ir-reġjun tal-Paċifiku, mill-instabilità dejjem tiżdied fil-viċinat tan-nofsinhar tal-UE, minn żieda fl-isfidi marittimi tas-sigurtà, mill-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa u żieda fit-traffikar illeċitu ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir, u minn kriżi finanzjarja u ekonomika severa u fit-tul b’impatt ewlieni fuq il-PDG ta’ ħafna mill-Istati Membri tal-UE u, b’konsegwenza ta’ dan, fuq il-baġits tad-difiża nazzjonali fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku;

2.  Jemmen li l-valutazzjoni mill-ġdid u t-tisħiħ tar-rwol tal-Ewropa fid-dinja jikkostitwixxu waħda mill-ikbar sfidi tas-seklu 21 u li wasal iż-żmien għall-Istati Membri tal-Unjoni biex juru r-rieda politika meħtieġa biex jagħmlu lill-UE attur globali rilevanti u tipprovdi s-sigurtà b’awtonomija strateġika reali; iqis li hija meħtieġa bidla fil-mentalità min-naħa tal-Istati Membri sabiex jiġi ankrat approċċ Ewropew ma’ politika impenjata u effettiva tas-sigurtà u d-difiża;

3.  Jilqa’, għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li ssir diskussjoni ddedikata għas-sigurtà u d-difiża fis-Summit ta’ Diċembru 2013; iqis li din tipprovdi opportunità f’waqtha biex tenfasizza fl-ogħla livell politiku u tikkomunika lill-pubbliku fl-Ewropa li l-kwistjonijiet ta’ sigurtà u difiża għadhom importanti, u li d-dimensjoni Ewropea hija iktar rilevanti minn qatt qabel; jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha l-ħtieġa li tkun kapaċi tipprovdi s-sigurtà liċ-ċittadini tagħha, li tippromwovi u tiddefendi l-valuri fundamentali tagħha, tassumi s-sehem tagħha tar-responsabbiltà fil-paċi dinjija u li jkollha rwol effettiv fil-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-kriżijiet reġjonali fil-viċinat usa' tagħha, li tikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni tagħhom u li tipproteġi ruħha mill-effetti negattivi ta’ dawn il-kriżijiet;

4.  Jilqa’ wkoll ir-rapport tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni dwar il-PSDK, li jidentifika għadd ta’ ostakli li tiffaċċja l-politika; jiddispjaċih madankollu, li r-rapport ma jissuġġerixxix aktar azzjonijiet konkreti biex jimla l-lakuni tal-PSDK;

5.  Jistenna bil-ħerqa li jittieħdu deċiżjonijiet ta’ sustanza fis-Summit ta’ Diċembru u li jressaq ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu ma’ dan ir-rapport, li jibnu fuq il-pożizzjonijiet rilevanti meħuda mill-Parlament fil-passat riċenti u li tingħata attenzjoni mill-qrib lid-dibattitu li għaddej dwar it-tliet kwistjonijiet ewlenin (raggruppamenti) identifikati mill-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2012;

L-isfruttar tal-potenzjal tat-trattati

6.  Jinnota li t-Trattat ta’ Lisbona introduċa bosta strumenti ġodda fil-qasam tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) li għadhom ma tpoġġewx fil-prattika;

7.  Jenfasizza f’dan ir-rigward il-possibilità li tiġi stabbilita kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) fost l-Istati Membri (Artikolu 46(6) tat-TUE), li jiġu fdati strumenti u kapaċitajiet ta’ ppjanar u kondotta militari tal-PSDK b’mod partikolari lil dak il-grupp ta’ Stati Membri (Artikoli 42(5) u 44(1) tat-TUE), u li jiġi stabbilit fond ta’ tnedija għall-attivitajiet preparatorji għall-missjonijiet li mhumiex debitati lill-baġit tal-Unjoni (Artikolu 41(3) tat-TUE) u li mhumiex inkorporati fil-mekkaniżmu ATHENA; jistieden għalhekk lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli biex jistabbilixxu l-fond ta’ tnedija; jenfasizza f’dan il-kuntest l-importanza li jiġu ssimplifikati l-kwistjonijiet tal-PSDK f’dawk il-politiki tal-UE li għandhom impatt multidimensjonali fuq is-sigurtà u d-difiża jew li jikkontribwixxu għall-PSDK, bħall-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem, ir-riċerka industrijali u l-innovazzjoni, is-suq intern, il-politiki internazzjonali tal-kummerċ u tal-ispazju u oħrajn, sabiex jappoġġjaw lil dawk l-Istati Membri li huma involuti fit-tisħiħ ulterjuri tal-PSDK;

8.  Jenfasizza l-importanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet miftiehma komunement għall-iżvilupp tal-PSDK u jitlob lill-Kunsill Ewropew biex imexxi diskussjoni serja dwar l-implimentazzjoni tagħhom b’mod koerenti; jitlob lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni u lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) biex ikollhom rwol attiv f'dan il-proċess;

L-ewwel raggruppament: żieda fl-effettività, il-viżibbiltà u l-impatt tal-PSDK

9.  Jindika li, skont it-Trattati, l-għan tal-UE huwa li tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benessri tal-popli tagħha (Artikolu 3 tat-TUE) u li l-azzjoni tagħha fix-xena internazzjonali għandha tfittex li tikkonsolida u tappoġġja d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u biex tipprevjeni l-kunflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, f’konformità mal-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mal-prinċipji tal-Att Finali ta’ Ħelsinki u mal-għanijiet tal-Karta ta’ Pariġi, inklużi dawk relatati mal-fruntieri esterni (Artikolu 21 tat-TUE); huwa konvint li l-PSDK isservi dawn l-għanijiet u jenfasizza l-bżonn li tiġi aġġornata;

10.  Jenfasizza li l-assi ewlieni tal-Unjoni Ewropea huwa d-disponibbiltà ta’ politiki u strumenti varji, ikkumbinati permezz tal-hekk imsejjaħ ‘approċċ komprensiv’, u li huwa possibbli li jinkisbu riżultati aħjar fil-livelli kollha billi tiġi integrata aħjar il-PSDK f’dan l-approċċ; jilqa’ f’dan ir-rigward ir-reviżjoni tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE ippubblikata mill-VP/RGħ f’Lulju 2013, li tagħraf il-problemi tal-koordinazzjoni u dawk relatati mal-ħeffa u l-effettività tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-qasam tal-PSDK; jistenna bil-ħerqa li jittieħdu deċiżjonijiet speċifiċi fis-Summit ta’ Diċembru u jistenna li tiġi integrata ulterjorment il-PSDK biex tiġi analizzata bir-reqqa fil-Komunikazzjoni konġunta li jmiss tal-VP/RGħ u mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-approċċ komprensiv;

11.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li għalkemm elementi tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà tal-2003, kif supplimentati fl-2008, jibqgħu validi, l-UE għandha bżonn tirrevedi u tikkumplimenta din l-istrateġija billi tqis l-iżviluppi riċenti u firxa ġdida ta’ sfidi u riskji għas-sigurtà u tiddefinixxi mill-ġdid l-interessi, l-objettivi u l-prijoritajiet strateġiċi tagħha, b’enfasi akbar fuq il-ħarsien taċ-ċittadini tagħha, fuq id-difiża tal-infrastrutturi kritiċi u fuq il-viċinat tagħha, u billi tikkombina s-sottostrateġiji reġjonali u tematiċi differenti; jemmen li tali eżerċizzju għandu jipprovdi qafas strateġiku iktar ċar għall-azzjoni esterna mill-UE, itejjeb il-konsistenza u, fl-istess waqt, jikkomunika aħjar liċ-ċittadini l-isfidi u r-riskji li jiffaċċjaw fil-futur; jitlob għalhekk li l-Kunsill Ewropew iniedi dibattitu dwar il-qafas strateġiku xieraq għall-Unjoni, jagħti mandat lill-VP/RGħ biex iressaq il-proposti f’dan ir-rigward qabel tmiem l-2014 u jiżgura segwitu sostenibbli, kif definit primarjament fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà;

12.  Jitlob li din ir-reviżjoni tal-qafas strateġiku tal-UE tiġi tissarraf fit-tfassil ta' White Paper dwar il-politika ta’ sigurtà u difiża tal-UE u jissuġġerixxi li l-Kunsill Ewropew ikun jista’ jniedi dan il-proċess meħtieġ; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex iqisu serjament id-dimensjoni Ewropea fl-istrateġiji ta’ sigurtà nazzjonali, fil-White Papers u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tad-difiża; jistieden lill-VP/RGħ biex jiżviluppa mudell komuni għat-tfassil tar-reviżjonijiet nazzjonali konkorrenti;

13.  Jindika l-ħtieġa li jiġi garantit li l-UE tkun f’pożizzjoni li tikkontribwixxi, permezz ta’ operazzjonijiet ta' mmaniġjar ta' kriżi, għall-prevenzjoni, l-istabbilizzazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti;

14.  Jemmen li l-introduzzjoni ta’ klawżola ta’ difiża reċiproka u ta’ klawżola ta’ solidarjetà mit-Trattati (Artikolu 42(7) tat-TUE u Artikolu 222 tat-TFUE) isaħħu s-sens ta’ destin komuni fost iċ-ċittadini Ewropej; ifakkar lill-Istati Membri li l-Unjoni tista' biss twettaq ir-rwol globali tagħha fi spirtu ta' impenn, fehim reċiproku u solidarjetà ġenwina, b'hekk issaħħaħ is-sigurtà tal-Ewropa u dik taċ-ċittadini tagħha; ifaħħar, għalhekk, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għall-Proposta Konġunta dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni mill-Unjoni tal-klawsola ta' solidarjetà u jitlob lill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern biex itennu mill-ġdid l-impenn tagħhom lejn is-solidarjetà politika reċiproka u biex jipprovdu interpretazzjoni operattiva ċara taż-żewġ klawsoli;

15.  Jinnota bi tħassib li n-numru u l-puntwalità tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, u l-iżvilupp tal-mezzi u l-kapaċitajiet ċivili u speċjalment militari għall-PSDK ma jilħqux dak li huwa meħtieġ minħabba l-viċinat dejjem inqas sikur u instabbli tal-UE; jiddeplora, b’mod partikolari, l-ambitu ġenerali limitat tal-missjonijiet tal-PSDK relatati mal-kriżijiet fil-Libja u fil-Mali u jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ flessibbiltà fil-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni li jammontaw għal reazzjonijiet effettivi mdewma f’xenarji ta’ kriżijiet, kif juru ż-żewġ eżempji; jitlob biex is-sitwazzjoni tiġi sorveljata u biex jinżamm l-impenn operattiv fl-Ewropa tal-Lvant u l-Kawkasu tan-Nofsinhar, li ta riżultati pożittivi; jitlob aktar ambizzjoni u sforzi serji biex jitjieb it-tfassil tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet futuri tal-PSDK taħt ‘proċess ta’ tagħlimiet miksuba’ u biex jiġu żviluppati strateġiji ta’ ħruġ xierqa; jistieden lill-VP/RGħ biex jidderieġi dan il-proċess u jilqa' f'dan ir-rigward ir-rapport tagħha ppubblikat fil-15 ta' Ottubru 2013 bħala pass importanti dwar kif il-PSDK issir aktar effettiva u proattiva;

16.  Jenfasizza l-bżonn li titjieb il-viżibbiltà tal-immaniġġjar tal-kriżi Ewropea u li jitqiegħdu l-isforzi kollha taħt il-PSDK, u li jsir użu, fejn xieraq, mid-dispożizzjoni fl-Artikolu 44 tat-TUE għal deċiżjoni tal-Kunsill li tafda l-implimentazzjoni ta’ kompitu lil grupp ta’ Stati Membri li għandhom ir-rieda u l-kapaċità meħtieġa għal tali kompitu;

17.  Jesprimi t-tħassib tiegħu, abbażi tal-esperjenza tal-passat riċenti, li l-approċċ komprensiv għall-immaniġġjar tal-kriżi għadu ma laħaqx il-potenzjal sħiħ tiegħu; iqis li l-missjonijiet u l-operazzjonijiet huma aktar sinifikanti meta jintisġu fi strateġija reġjonali, kif juri l-eżempju pożittiv tal-Qarn tal-Afrika; jieħu nota tas-‘Suġġerimenti għal proċeduri tal-immaniġġjar ta’ kriżijiet għall-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar ta’ kriżijiet tal-PSDK’ approvat mill-Istati Membri fit-18 ta’ Ġunju 2013;

18.  Jitlob li l-problemi funzjonali tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK, notevolment dawk li jirrigwardjaw il-ħeffa tal-iskjerament u tal-persunal, jiġu ttrattati billi jiġi rivedut il-qafas legali u finanzjarju tagħhom, li spiss jikkomplika l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u jwassal għal dewmien; jitlob għal żieda fin-numru ta’ pjanifikaturi strateġiċi kwalifikati u politikament indipendenti, li huwa żgħir wisq ikkumparat man-numru ta’ missjonijiet; jitlob barra minn hekk lill-Istati Membri biex joħolqu ‘korpi ta’ riżerva ċivili’ li jistgħu jiġu skjerati malajr jekk ikun meħtieġ; jilqa’ f’dan ir-rigward il-maħżen permanenti tal-PSDK stabbilit riċentament;

19.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2001 li talbet il-ħolqien ta’ Korp Ewropew għall-Paċi Ċivili; jilqa’ l-isforzi riċenti biex jinħoloq Korp Volontarju ta’ Għajnuna Umanitarja fil-Kummissjoni u grupp ta’ esperti fil-medjazzjoni, id-djalogu, u r-rikonċiljazzjoni fis-Servizz għall-Azzjoni Esterna; jilqa’ wkoll l-eżistenza u l-kontinwazzjoni tas-Sħubija għat-Tisħiħ tal-Paċi bejn is-Servizz għall-Azzjoni Esterna u partijiet interessati tas-soċjetà ċivili rilevanti;

20.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-medjazzjoni u d-djalogu fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti b’mod paċifiku; ifaħħar il-progress li għamel is-SEAE fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ medjazzjoni tiegħu u jtenni l-appoġġ tiegħu għat-titjib ulterjuri tal-kapaċitajiet tal-Ewropa f’dan il-qasam; jemmen li l-involviment b’suċċess tal-Parlament fil-proċessi ta’ medjazzjoni wera r-rwol importanti li jista’ jkollhom il-membri parlamentari fl-appoġġ għall-proċessi ta’ medjazzjoni u djalogu u għandu l-intenzjoni li jkompli jżid l-isforzi tiegħu f’dan il-qasam;

21.  Jipproponi l-inklużjoni ta’ konsulenti dwar id-drittijiet tal-bniedem u dwar il-ġeneru fil-missjonijiet kollha tal-PSDK u jinkoraġġixxi skambju tal-aħjar prattiki fost il-missjonijiet tal-PSDK sabiex jitqies bis-sħiħ it-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem u għall-protezzjoni u l-inklużjoni sħiħa tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u ta’ wara l-kunflitti, jistieden lill-Kunsill u lis-SEAE biex jieħdu passi ulterjuri biex jinkludu aspetti tal-ġeneru fl-ippjanar tal-persunal għall-missjonijiet tal-PSDK;

22.  Jenfasizza l-fatt li l-operazzjonijiet militari ta’ suċċess jirrikjedu funzjoni ċara ta’ kmand u kontroll; itenni għalhekk it-talba tiegħu għall-istabbilment ta’ kwartieri ġenerali ta’ operazzjonijiet militari permanenti; jinnota b’dispjaċir in-nuqqas ta’ progress fuq din il-kwistjoni u r-reżistenza qawwija ta’ xi Stati Membri; jenfasizza li PSDK effettiva teħtieġ appoġġ ta’ twissija bikrija u informazzjoni sigrieta adegwat; iqis, għalhekk, li dawn il-kwartieri ġenerali għandhom jinkludu ċelloli għall-ġbir ta’ informazzjoni sigrieta u għall-għarfien tat-twissijiet bikrija jew tas-sitwazzjoni;

23.  Itenni l-appoġġ tiegħu għal soluzzjoni temporanja u jiġbed l-attenzjoni lejn il-proposta tiegħu biex jitjieb l-istat taċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet għall-Qarn tal-Afrika li huwa attiv bħalissa u biex tiġi pprovduta għajnuna għall-ippjanar militari u għall-koordinazzjoni bejn l-atturi fil-qasam operattiv; jitlob lill-VP/RGħ biex tiżviluppa tali opzjoni, fi ħdan ir-restrizzjonijiet tad-daqs u l-infrastruttura attwali tiegħu, biex jitjieb l-użu tar-riżorsi attwali u biex tiġi eżaminata l-fattibbiltà li ż-żona ġeografiku ta' operazzjonijiet titwessa’ biex tinkludi reġjuni oħra importanti; iqis li dan il-korp għandu jkollu kapaċità legali u jiġi assenjat ir-rwol li jikkoordina l-akkwist bejn Brussell u l-kwartieri ġenerali tal-missjoni individwali, u juża l-ekonomiji ta’ skala biex jimmassimizza t-tfaddil;

24.  Jinnota l-fatt li l-gruppi tattiċi tal-UE għadhom qatt ma ġew skjerati u jikkunsidra li l-eżistenza tagħhom se tkun diffiċli biex tkun iġġustifikata maż-żmien; jenfasizza li dawn jikkostitwixxu għodda importanti għall-ġenerazzjoni tal-forzi f’waqtha, għat-taħriġ u għar-reazzjoni rapida; jilqa’ d-deċiżjoni li din il-kwistjoni tiġi indirizzata matul is-Summit ta’ Diċembru; huwa konvint li l-UE għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha forzi tattiċi permanenti lesti biex jidħlu fl-azzjoni fi żmien qasir, b’komponenti tal-art, tal-baħar, ċibernetiċi u tal-forzi speċjali u b’livell għoli ta’ ambizzjoni; jenfasizza l-fatt li l-gruppi tattiċi tal-UE għandhom ikunu skjerati għal kull tip ta' kriżi, inkluż il-kriżi umanitarja kkawżata mill-klima; huwa favur approċċ iktar flessibbli u mmirat biex itejjeb ir-rispons u l-adattabbiltà għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi differenti, u li titjieb il-modularità sabiex jimtlew il-lakuni matul il-fażijiet inizjali tat-tnedija tal-operazzjonijiet tal-PSDK mingħajr ma tiġi kompromessa, madankollu, il-kapaċità operattiva tal-grupp tattiku b’mod ġenerali;

25.  Jenfasizza l-fatt li għandhom isiru aktar sforzi biex inizjattivi bħall-Eurocorps u l-Grupp tal-Ajru Ewropew ikunu integrati fil-livell tal-UE;

26.  Jikkonferma li s-sistema finanzjarja attwali ta’ ‘spejjeż jitħallsu fejn jitnefqu’ tikkostitwixxi problema serja għall-PSDK, li twassal għal dewmien jew imblukkar totali fit-teħid ta' deċiżjonijiet, notevolment fuq l-iskjerament rapidu tal-gruppi tattiċi; jirrakkomanda li l-Istati Membri jaqblu fuq mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-UE bbażat fuq qsim tal-piżijiet għall-użu tal-gruppi tattiċi taħt il-bandiera tal-UE, sabiex jingħatalhom futur realistiku; jitlob ukoll li fl-interess tal-koerenza u l-effettività ‒ is-SEAE għandu jikseb il-kontroll tal-istrumenti finanzjarji marbuta mal-miżuri tal-immaniġġjar ta’ kriżijiet ippjanati u mmexxija minnu; jistenna li l-VP/RGħ u l-Istati Membri interessati jressqu proposti konkreti f’dan ir-rigward;

27.  Jesprimi t-tħassib tiegħu, barra minn hekk, li l-kriżi ekonomika u tad-dejn jista’ jkollha impatt fuq ir-rieda tal-Istati Membri tal-UE li jikkontribwixxu għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, b’mod partikolari dawk b’implikazzjonijiet militari u tad-difiża; jitlob għalhekk estensjoni tal-ambitu tal-mekkaniżmu ATHENA u l-użu ta’ fond ta’ tnedija (Artikolu 41(3) tat-TUE) biex jiġi żgurat l-iffinanzjar rapidu tal-kompiti urġenti; jenfasizza madankollu li anke jekk jinħtieġ li l-PSDK terġa’ tiġi enerġizzata, dan għandu jsir skont il-limitazzjonijiet baġitarji;

28.  Jistieden lill-Istati Membri biex jisfruttaw il-possibilitajiet offruti mill-PESCO u biex jibdew jimplimentaw din id-dispożizzjoni tat-Trattat biex jittrattaw ‘l-għeja mill-PSDK’ prevalenti u tikber il-kooperazzjoni u l-integrazzjoni militari; jitlob lill-Kunsill Ewropew biex jagħti linji gwida ċari għall-implimentazzjoni tagħha u jistieden lill-Istati Membri li mhumiex interessati biex jaġixxu b’mod kostruttiv; jenfasizza li għandha tibqa’ miftuħa l-possibbiltà ta’ sħubija fi stadju aktar tard sabiex tiġi żgurata l-flessibbiltà u tiġi evitata Ewropa b’żewġ veloċitajiet;

29.  Jirrimarka li l-UE għandha interess vitali f'ambjent marittimu sigur u miftuħ li jippermetti l-passaġġ ħieles tal-kummerċ u l-użu paċifiku, legali u sostenibbli tar-rikkezzi tal-oċeani; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata politika barranija marittima tal-UE li timmira li tipproteġi u tippreserva l-infrastruttura kritika, ir-rotot tal-baħar miftuħ u r-riżorsi naturali u tqiegħed enfasi fuq ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti fi ħdan il-kuntest tal-liġi internazzjonali u b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar; jistenna bil-ħerqa l-adozzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-Sigurtà Marittima, b'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' April 2010, u jitlob għall-iżvilupp ta' pjan ta' implimentazzjoni speċifiku; jindika li l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima fost is-setturi u l-fruntieri diġà hija għodda intersettorjali tal-Politika Marittima Integrata tal-UE (PMI); jenfasizza l-importanza li jiġi implimentat b’mod rapidu l-proġett tal-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni u l-bini ta’ ‘pont’ bejn il-PMI u l-PSDK biex jitjieb il-qsim tal-informazzjoni bejniethom;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi evitata l-militarizzazzjoni ta’ reġjuni bħall-Artiku u jenfasizza l-ħtieġa li jintużaw mezzi paċifiċi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti inklużi strumenti ta’ kummerċ;

31.  Jitlob li l-Kunsill Ewropew jikkonferma mill-ġdid l-importanza tal-ispazju, li jsejjes l-awtonomija strateġika tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u l-potenzjal li jintrebaħ l-aċċess awtonomu għall-ispazju permezz tal-iżvilupp ta’ lanċaturi u satelliti; itenni l-importanza tal-ġbir ta’ informazzjoni sigrieta preċiża għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet kemm ċivili kif ukoll militari tal-PSDK; jenfasizza b’mod partikolari r-rwol tal-assi bbażati fuq l-ispazju fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti u tal-immaniġġjar tal-kriżijiet qabel, waqt, u wara kriżi; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa politika speċifika biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ assi tal-ispazju li għandhom użu multiplu;

32.  Itenni l-importanza dejjem tikber li jiġi indirizzat it-theddid tas-sigurtà ċibernetika; jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jiżviluppa linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE tas-Sigurtà Ċibernetika u biex jieħu miżuri konkreti fir-rigward tal-protezzjoni tal-infrastruttura ċibernetika, u l-investiment fit-tisħiħ ta’ kooperazzjoni madwar l-UE fuq il-proċeduri tal-immaniġġjar tal-kriżijiet, l-eżerċizzji ċibernetiċi, it-taħriġ u l-edukazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ biex jiżguraw li l-politika tas-sigurtà ċibernetika tiġi ppromulgata b’mod transsettorjali, sabiex tiġi żgurata l-konnessjoni adegwata bejn il-politiki tas-sigurtà interni u esterni tal-UE, u lill-Istati Membri kollha biex jiżviluppaw jew jiffinalizzaw l-Istrateġiji tas-Sigurtà Ċibernetika nazzjonali rispettivi tagħhom u biex jimmiraw għal livell ogħla ta' sinkronizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni;

33.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew biex jafferma mill-ġdid is-sinifikat tal-provvista tal-enerġija tal-Ewropa u tal-aċċess diversifikat u sostenibbli għar-riżorsi tal-enerġija; jinnota li xi Stati Membri m’għandhomx il-kapaċità li jiddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija tagħhom u b’hekk isiru dejjem aktar vulnerabbli; f’dan ir-rigward, jappoġġja b’mod qawwi l-isforzi kollaborattivi tal-Istati Membri f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi; jenfasizza li l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika fl-Ewropa għandha tattiva l-klawsola tad-difiża reċiproka u/jew ta’ solidarjetà; Jinnota wkoll li l-operazzjoni ATALANTA diġà qed twettaq rwol ta’ sigurtà tal-enerġija billi tikkumbatti lill-pirati li ħatfu numru ta’ tankers taż-żejt mill-2008 ‘l hawn; jemmen, għaldaqstant, li dawn l-aspetti jeħtieġ li jkunu parti mill-approċċ strateġiku meħtieġ; jenfasizza f’dan il-kuntest li l-provvista tal-enerġija hija fattur kruċjali għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet ta’ suċċess tal-PSDK;

34.  Jenfasizza l-importanza tal-effiċjenza enerġetika fil-qasam tad-difiża, u b’mod partikolari, jenfasizza l-ħtieġa li jiġi vvalutat l-impatt tal-konsum tal-enerġija fuq il-baġits tad-difiża u l-effettività militari u li tiġi żviluppata strateġija komprensiva tal-effiċjenza enerġetika għall-forzi armati;

35.  Jenfasizza l-importanza li l-UE tiżviluppa ulterjorment is-sħubijiet u li tkabbar id-djalogu dwar is-sigurtà man-NU, mal-organizzazzjonijiet reġjonali u mal-partijiet rilevanti, inkluż ma’ pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant dawk tal-Viċinat tan-Nofsinhar;

36.  Jirrimarka li l-UE għandha tinvolvi ruħha ulterjorment man-NU, mal-Unjoni Afrikana, mal-OSKE u mal-ASEAN sabiex taqsam l-analiżi u tikkoopera fl-indirizzar tal-isfidi tal-politika ambjentali u tat-tibdil fil-klima, inklużi l-implikazzjonijiet tas-sigurtà tagħha; jenfasizza l-bżonn għal azzjoni preventiva u jħeġġeġ lill-UE biex tiżviluppa u ttejjeb il-kapaċitajiet ta’ twissija bikrija;

37.  Jitlob kooperazzjoni iktar b’saħħitha bejn l-istrutturi tal-UE u tan-NATO permezz ta’ approċċ kumplimentari u koordinazzjoni aktar mill-qrib sabiex jgħin biex tiġi evitata d-duplikazzjoni bejn iż-żewġ imsieħba u biex tindirizza b'mod effettiv it-theddidiet ġodda; huwa konvint li t-tisħiħ tal-PSDK ma jagħmilx ħsara, iżda filfatt isaħħaħ, lis-sigurtà kollettiva u lir-rabtiet transatlantiċi; isostni li l-iżvilupp tal-kapaċitajiet difensivi fil-kuntest tal-UE huwa ta’ benefiċċju għan-NATO wkoll; jinnota l-kollaborazzjoni kostruttiva rigward inizjattiva ta’ akkomunament u kondiviżjoni tal-UE u l-inizjattiva ta’ difiża intelliġenti tan-NATO; jilqa’ l-intenzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru li tissieħeb fil-Programm ta’ Sħubija għall-Paċi tan-NATO li tista’ twassal għal bidla u tħeġġeġ lit-Turkija biex tadotta attitudni ugwalment kostruttiva; iħeġġeġ l-iżvilupp ta’ qafas komprensiv għall-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO u t-tkabbir tad-djalogu politiku b’rispett sħiħ lejn it-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ kull parti;

38.  Huwa tal-opinjoni li l-UE teħtieġ tkun kapaċi taġixxi b’mod awtonomu, iżda dejjem f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-NU filwaqt li tiżgura rispett sħiħ lejn il-liġi umanitarja internazzjonali;

It-tieni raggruppament: tisħiħ tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ difiża

39.  Jikkonferma t-tħassib li tnaqqis ulterjuri fil-baġits tad-difiża nazzjonali jagħmluha impossibbli li jiġu miżmuma l-kapaċitajiet militari kritiċi u ser jirriżultaw f’telfa irriversibbli ta’ kompetenzi u teknoloġiji; jinnota li n-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet tal-Istati Membri saru apparenti matul l-operazzjonijiet fil-Libja u fil-Mali u li l-kriżi ekonomika aggravat il-problemi strutturali eżistenti; itenni l-opinjoni tiegħu, madankollu, li l-problema hija anqas ta’ natura baġitarja milli ta’ natura politika;

40.  Jinnota l-proposti magħmula mill-VP/RGħ fir-rapport tagħha dwar il-PSDK ta’ Ottubru 2013, u l-aktar dawk immirati biex joħolqu inċentivi għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-kapaċitajiet tad-difiża, inkluż inċentivi ta' taxxa; jenfasizza l-opportunità għall-Istati Membri li jgawdu mill-benefiċċji sħaħ li jaħdmu iktar mill-qrib flimkien biex jiġġeneraw effiċjenza militari u li jiddeċiedu li jottimizzaw u jonfqu riżorsi skarsi b’mod aħjar u iktar intelliġenti, permezz ta’ tnaqqis koordinat ta’ duplikazzjoni mhux meħtieġa u kapaċitajiet żejda u skaduti;

41.  Jilqa’ r-reviżjoni li għaddejja bħalissa tal-Pjan ta’ Żvilupp tal-Kapaċitajiet bħala l-bażi għall-kunċett tat-trasformazzjoni konġunta fuq żmien twil għall-bini tal-kapaċità; jemmen li dan il-kunċett ta’ trasformazzjoni għandu jiġi diskuss b’mod regolari u l-implimentazzjoni tiegħu għandha tiġi simplifikata u riveduta kif xieraq;

42.  Jiġbed l-attenzjoni għall-missjoni tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), kif dispost fl-Artikoli 42(3) u 45 tat-TUE, skont liem l-Aġenzija hija fdata b’kompiti importanti f’termini tal-implimentazzjoni ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti, il-formulazzjoni ta’ politika Ewropea għall-kapaċitajiet u l-armamenti, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet militari tal-Istati Membri, u t-tisħiħ tal-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża iżda mingħajr implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit tal-UE;

43.  Iqis li, għalkemm mhux rimedju, l-akkomunament u l-kondiviżjoni tal-kapaċitajiet militari jikkostitwixxi rispons importanti għan-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet Ewropej; jilqa’ r-rwol faċilitattiv tal-EDA u l-progress li nkiseb s’issa; jemmen li l-akkomunament u l-kondiviżjoni m’għandhomx jiġu meqjusa biss f’termini ta’ provvisti konġunti, iżda wkoll f’termini ta’ integrazzjoni, u għandhom ikopru l-manutenzjoni kondiviża u l-utilizzazzjoni tal-kapaċitajiet;

44.  Jitlob għat-tisħiħ tar-rwol tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) fil-koordinazzjoni tal-kapaċitajiet, bl-għan li trażżan id-duplikazzjonijiet u l-programmi paralleli bejn l-Istati Membri li huma spiża żejda għall-persuni taxxabbli.

45.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex itejbu l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fl-ippjanar tad-difiża u, f'konformità mal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar l-Akkomunament u l-Kondiviżjoni, jinkludu s-soluzzjonijiet tal-akkomunament u l-kondiviżjoni fiċ-ċikli ta’ ppjanar tad-difiża nazzjonali u fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;

46.  Jenfasizza li l-fiduċja reċiproka, it-trasparenza u l-affidabbiltà huma fatturi ewlenin għas-suċċess ta’ kwalunkwe impenn komuni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; huwa konvint li l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ difiża għandu jkun minsuġ f’approċċ strateġiku li jiddetermina t-taħlita xierqa ta’ kapaċitajiet u l-għanijiet li għalihom għandhom jintużaw;

47.  Fid-dawl ta’ dan, jistenna li s-Summit dwar id-Difiża li ġej:

   (a) jipprovdi gwida politika u strateġika, li tikkonferma mill-ġdid l-impenn tal-Istati Membri lejn l-iżvilupp tal-kapaċitajiet u l-livell ta’ ambizzjoni deskritt fid-Dikjarazzjoni dwar it-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet tal-2008;
   (b) jistabbilixxi l-pedamenti għal ippjanar tassew kollettiv, li jkollu firxa mill-ippjanar strateġiku sal-akkwist u l-iżvilupp teknoloġiku, filwaqt li jagħti attenzjoni partikolari lejn il-kwistjonijiet tal-arranġamenti u l-inċentivi finanzjarji;
   (c) iħaffef l-implimentazzjoni tal-proġetti attwali, partikolarment dawk li jirrigwardaw il-mezzi ta’ għajnuna strateġiċi, u li jipprovdu appoġġ politiku għall-proġetti ewlenin tal-EDA, jiġifieri, ir-Riforniment ta’ Fjuwil fl-Ajru, il-Komunikazzjoni bis-Satellita, l-Inġenji tal-Ajru Ppilotati mill-Bogħod, id-Difiża Ċibernetika u l-Ajru Uniku Ewropew;
   (d) jagħti l-kompitu lill-VP/RGħ u lill-EDA biex, b’mod parallel mal-Kummissjoni, iressqu proposti prattiċi ġodda li jirrigwardaw l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ difiża sal-aħħar tal-2014;
   (e) jistabbilixxi proċess ta’ monitoraġġ li regolarment jivvaluta l-progress miksub;
   (f) itenni l-valur tal-kollaborazzjoni mill-qrib man-NATO u mal-imsieħba strateġiċi fid-dominju tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet;
   (g) iqis it-tnedija ta’ xogħol ta’ żvilupp fuq Għan Militari Ewlieni 2025, possibilment ikkumplimentat minn Għan Primarju Industrijali;

It-tielet raggruppament: tisħiħ tal-industrija tad-difiża tal-Ewropa

48.  Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ‘Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti’, li tressaq xi ideat u proposti ġodda; jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tkabbar is-suq tad-difiża interna u tas-sigurtà u biex tiżviluppa politika tal-industrija tad-difiża, li tipprovdi appoġġ adegwat għall-SMEs li għandhom rwol ewlieni fl-innovazzjoni, fir-R&Ż, fil-ħolqien tal-impjiegi u fit-tkabbir ekonomiku, f’konformità mal-istrateġija Ewropa 2020;

49.  Jenfasizza l-fatt li t-tisħiħ tal-bażi teknoloġika u industrijali tas-settur tad-difiża huwa għan tal-Unjoni minqux fl-Artikoli 42(3) u 45 tat-TUE; jenfasizza li Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) solida li hija kapaċi ssostni lill-PSDK, sabiex tkompli ttejjeb il-kapaċitajiet militari tal-Ewropa, filwaqt li tippreserva l-awtonomija strateġika tal-UE hija kruċjali għal difiża Ewropea effettiva; jenfasizza r-rabta bejn l-iżvilupp tar-riċerka, tal-industrija u tal-kapaċitajiet, li huma kollha elementi meħtieġa għat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività, kif ukoll għal PSDK aktar b’saħħitha;

50.  Itenni l-ħtieġa għal industrija Ewropea tad-difiża b’saħħitha u inqas frammentata li hija kapaċi tappoġġja l-PSDK u ttejjeb l-awtonomija strateġika tal-UE; jenfasizza l-importanza taċ-ċertifikazzjoni u l-istandardizzazzjoni fit-titjib tal-interoperabilità tal-forzi armati; jitlob lill-Kunsill Ewropew biex jagħti l-mandat lill-EDA sabiex tipprepara pjan direzzjonali għall-iżvilupp ta’ standards tal-industrija tad-difiża, u lill-Istati Membri biex jissimplifikaw il-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni Ewropej permezz tar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati u biex jarmonizzaw il-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni tagħhom;

51.  Jenfasizza li l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tal-bidla u tar-ristrutturar huma parti integrali ta’ kwalunkwe politika industrijali; iqis, għalhekk, li l-integrazzjoni ulterjuri tas-suq fis-settur tad-difiża għandha tmur id f’id mad-djalogu soċjali attiv u mal-mitigazzjoni tal-impatti negattivi fuq l-ekonomiji reġjonali u lokali, li tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti finanzjarji tal-UE, bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni;

52.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew biex jieħu azzjoni f’dawn l-oqsma permezz ta’ finanzjament sod tar-R&Ż, inkluż fil-livell Ewropew; jappoġġja l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni effettiva u kosteffiċjenti bejn is-sigurtà ċivili u l-attivitajiet ta’ riċerka tad-difiża; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa kontinwa għal reġim effettiv ta’ esportazzjoni b’użu doppju;

53.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkunu żgurati sorsi ġodda ta' finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tad-difiża, jiġifieri permezz tal-Orizzont 2020;

Rimarki tal-għeluq

54.  Jappoġġja b’mod sħiħ li jsir dibattitu fuq it-tliet raggruppamenti fis-Summit dwar id-Difiża ta’ Diċembru; jenfasizza l-importanza ugwali tagħhom u l-fatt li huma marbuta flimkien minn loġika inerenti li taqdi l-istess objettivi strateġiċi;

55.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew, kif ukoll lil dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha fl-Istati Membri tal-Unjoni, biex juru aktar ambizzjoni u kuraġġ fit-tnedija ta’ dibattitu pubbliku, peress li dan huwa aktar importanti fi żmien ta’ awsterità ekonomika; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar investiment u biex tikber il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża, u li tiġi spjegata r-relazzjoni kawżali bejn is-sigurtà u d-difiża fuq naħa, u l-libertà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prosperità fuq l-oħra;

56.  Jenfasizza r-rabta indiviżibbli bejn is-sigurtà interna u esterna u li ambjent paċifiku, sigur u stabbli huwa prekundizzjoni għall-preservazzjoni tal-mudell politiku, ekonomiku u soċjali fl-Ewropa;

57.  Jesprimi t-tamiet kbar tiegħu li dan il-Kunsill Ewropew mhux ser ikun avveniment iżolat, iżda l-punt tal-bidu ta’ proċess kontinwu li jirrivedi l-kwistjonijiet ta’ sigurtà u difiża fil-livell tal-Kunsill Ewropew fuq bażi regolari; jiffavorixxi, bħala segwitu għall-Kunsill Ewropew, l-istabbiliment ta’ pjan direzzjonali b’punti ta’ riferiment u skedi ta’ żmien speċifiċi u mekkaniżmu ta’ rappurtar; hu favur l-istabbiliment ta’ Kunsill tal-Ministri tad-Difiża fuq żmien medju biex il-kwistjonijiet ta’ sigurtà u difiża jingħataw il-piż li jixirqilhom;

58.  Jimpenja ruħu li jżomm u jsaħħaħ rabtiet aktar mill-qrib mal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri permezz ta’ laqgħat regolari sabiex jippromwovi d-djalogu u l-iskambju ta’ fehmiet dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà u ta’ difiża;

59.  Jemmen li l-PSDK hija pilastru bażiku tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropew;

o
o   o

60.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-VP/RGħ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-President fil-kariga tal-OSKE, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, lill-President tal-Assemblea tal-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN.

(1) ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1.
(2) ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0380.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0381.
(5) Testi adottati, P7_TA(2012)0455.
(6) Testi adottati, P7_TA(2012)0456.
(7) Testi adottati, P7_TA(2012)0458.
(8) Testi adottati, P7_TA(2012)0457.
(9) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 9.
(10) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 51.
(11) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 7.
(12)2 Testi adottati, P7_TA(2012)0278.
(13)3 http://eeas.europa.eu/library/publications/2013/3/2013_eeas_review_mt.pdf

Avviż legali - Politika tal-privatezza