Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2951(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0497/2013

Dibattiti :

PV 21/11/2013 - 15.1
CRE 21/11/2013 - 15.1

Votazzjonijiet :

PV 21/11/2013 - 16.1

Testi adottati :

P7_TA(2013)0516

Testi adottati
PDF 222kWORD 56k
Il-Ħamis, 21 ta' Novembru 2013 - Strasburgu Verżjoni finali
Bangladexx: id-drittijiet tal-bniedem u l-elezzjonijiet li jmiss
P7_TA(2013)0516RC-B7-0497/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2013 dwar il-Bangladexx: id-drittijiet tal-bniedem u l-elezzjonijiet li jmiss (2013/2951(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx, b'mod partikolari dawk tat-23 ta' Mejju 2013(1), ta1-14 ta' Marzu 2013(2), tas-17 ta' Jannar 2013(3), tal-10 ta' Lulju 2008(4) u tas-6 ta' Settembru 2007(5),

–  wara li kkunsidra l-ittra mibgħuta mill-Kapijiet ta' Missjoni tal-Unjoni Ewropea biex jitfakkar il-Jum Ewropew kontra l-Piena tal-Mewt fl-10 ta' Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mid-Delegazzjoni tal-UE għall-Bangladexx fit-12 ta' Awwissu 2013 dwar id-detenzjoni ta' Adilur Rahman Khan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonaijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, tas-6 ta' Novembru 2013 dwar l-għoti tal-piena tal-mewt fil-Bangladexx lil 152 suldat minħabba r-ribelljoni mdemmija fl-2009,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-9 ta' Diċembru 1998,

–  wara li kkunsidra l-Eżami Perjodiku Universali dwar il-Bangladexx tal-2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE għandha relazzjonijiet tajbin u fit-tul mal-Bangladexx, anke permezz tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp;

B.  billi l-elezzjonijiet parlamentari fil-Bangladexx għandhom isiru qabel il-25 ta' Jannar 2014, wara ħames snin ta' tmexxija minn gvern ċivili elett; billi elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti huma essenzjali sabiex tissaħħaħ il-governanza demokratika relattivament stabbli li żviluppa l-pajjiż matul dawn l-aħħar ħames snin;

C.  billi sal-lum inqatlu madwar 30 ruħ fil-Bangladexx, u mijiet oħra ndarbu, waqt vjolenza politika matul strajkijiet ġenerali ('hartals') imsejħa mill-Bangladesh Nationalist Party (BNP) immexxi mill-ex Prim Ministru, Begum Khaleda Zia, flimkien mal-alleat tiegħu, il-partit Jamaat-e-Islami, fejn intalab li l-elezzjoni li jmiss tkun issorveljata minn gvern temporanju 'ta' ebda partit' kif ukoll intalab li jirriżenja l-Prim Ministru Sheikh Hasina;

D.  billi dan l-għeluq ta' postijiet tax-xogħol wassal għall-arrest mill-gvern ta' ħames mexxejja ewlenin tal-oppożizzjoni, kif ukoll – skont sorsi tal-BNP – għall-arrest ta' madwar 1 000 partitarju tal-BNP f'żoni rurali mill-Ġimgħa, 8 ta' Novembru 2013;

E.  billi l-ministri fil-kariga rriżenjaw u l-Prim Ministru Hasina, tal-Lega Awami, offra li jifforma 'gvern tal-partiti kollha', iżda billi sal-lum il-partit ewlieni tal-oppożizzjoni ma aċċettax din l-offerta;

F.  billi, matul is-snin, kemm il-BNP kif ukoll il-Lega Awami kellhom fehmiet kontradittorji u li kostantement jinbidlu dwar il-merti ta' gvern temporanju, filwaqt li f'Mejju 2011 il-Qorti Suprema ddikjarat bħala illegali d-dispożizzjoni kostituzzjonali li ilha fis-seħħ 15-il sena li tagħti mandat lil gvern elett biex jittrasferixxi s-setgħa meta jintemm il-mandat tiegħu lil amministrazzjoni temporanja mhux partiġġana li tissorvelja elezzjoni parlamentari ġdida; billi, madankollu, il-Qorti Suprema ddikjarat li s-sistema li ġiet annullata tista' titkompla għal żewġ termini parlamentari oħra għall-fini tas'"sikurezza tal-istat u tal-poplu tiegħu"; billi s-sistema ġiet skreditata mill-aħħar gvern temporanju appoġġat mill-armata fl-2007-2008, meta rrifjuta li jorganizza elezzjonijiet għal kważi sentejn u bagħat lill-mexxejja taż-żewġ partiti ewlenin, Sheikh Hasina u Begum Khaleda Zia (flimkien ma' binha Tarique Rahman), il-ħabs;

G.  billi, wara din is-sentenza, il-Lega Awami daħħlet il-15-il Abbozz ta' Liġi dwar l-Emendar tal-Kostituzzjoni u warrbet is-sistema ta' gvern temporanju, minkejja r-rifjut tal-partit tal-oppożizzjoni BNP li jikkoopera rigward ir-riforma;

H.  billi, mindu Sheikh Hasina tela' fil-gvern, saru ħames elezzjonijiet reġjonali fil-Bangladexx li l-Lega Awami tilfet u li ma wasslu għal ebda dikjarazzjoni rigward irregolaritajiet;

I.  billi l-parti l-fqira tal-popolazzjoni tal-Bangladexx, li tiddependi fuq paga li titħallas bil-ġurnata għas-sopravivenza tagħha, hija milquta severament mill-istrajkijiet, u billi l-ekonomija fraġli tal-Bangladexx, li diġà kellha taffaċċja l-inċidenti trawmatiċi reċenti fis-settur tat-tessuti, x'aktarx li tbati aktar;

J.  billi qed isiru allegazzjonijiet li Jamaat-e-Islami qed jippromwovi l-istrajkijiet sabiex jostakola l-proċedimenti tal-kawżi tad-delitti tal-gwerra kontra l-mexxejja tiegħu;

K.  billi fil-5 ta' Novembru 2013, f'wieħed mill-akbar proċessi fl-istorja, 152 suldat ingħataw pieni tal-mewt mill-qorti speċjali mwaqqfa biex jitressqu każijiet ta' reati mwettqa matul ir-ribelljoni tal-2009, meta 74 ruħ, inklużi 57 uffiċjal tal-armata, inqatlu brutalment; billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, esprimiet allarm rigward dawn il-pieni tal-mewt, wara rapporti li l-akkużati ġew ittorturati u li l-proċessi tal-massa ma mxewx skont l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem;

L.  billi attivisti ta' NGOs, avukati, ġurnalisti u sindakalisti li jiddefendu d-drittijiet ċivili għadha qed issirilhom pressjoni, u billi l-awtoritajiet naqsu milli jniedu investigazzjonijiet effettivi dwar qtil extraġudizzjarju, torturi u għejbien, bħal fil-każ tal-mexxej tal-partit laburista u d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem, Aminul Islam;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-paraliżi kontinwa tal-ħajja ta' kuljum fil-bangladexx b'riżultat tal-istrajkijiet ġenerali organizzati mill-partiti tal-oppożizzjoni, BNP u Jamaat-e-Islami, u tal-konfrontazzjoni bejn iż-żewġ kampi politiċi - Il-Lega Awami u l-oppożizzjoni - fil-perjodu qabel l-elezzjonijiet parlamentari;

2.  Jiddispjaċih rigward il-fatt li l-parlament tal-Bangladexx ma rnexxilux jikseb il-kunsens tal-partiti kollha għall-eżerċizzju tal-poter mill-gvern fil-perjodu ta' qabel l-elezzjonijiet, filwaqt li jitqies li l-biċċa l-kbira tad-demokraziji jgħaddu minn dan l-istadju mingħajr gvern temporanju, u jistieden urġentement lill-Gvern tal-Bangladexx u lill-oppożizzjoni biex iqiegħdu l-interessi tal-Bangladexx qabel kollox u biex isibu kompromess li jagħti lill-poplu tal-Bangladexx l-opportunità li jesprimu r-rieda demokratika tagħhom;

3.  Jirrikonoxxi r-reputazzjoni tal-Bangladexx bħala soċjetà tolleranti u multikonfessjonarja, u jikkundanna l-gruppi u l-fazzjonijiet li qed jippruvaw iqajmu tensjonijiet interkomunitarji għall-finijiet tagħhom; jistieden lill-gruppi u lill-individwi kollha jeżerċitaw it-tolleranza u r-rażan, speċjalment fil-perjodu ta' qabel, matul u wara l-elezzjonijiet;

4.  Jistieden lill-partiti kollha ma jibbojkottjawx l-elezzjonijiet, billi dan iċaħħad liċ-ċittadini minn għażla politika u jdgħajjef l-istabbiltà soċjali u ekonomika tal-bangladexx u l-progress impressjonanti tiegħu fir-rigward tal-iżvilupp, partikolarment f'dak li jikkonċerna l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, il-ġestjoni tad-diżastri, id-drittijiet tal-ħaddiema, u l-għoti tas-setgħa lin-nisa;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni Elettorali tal-Bangladexx torganizza u tissorvelja l-elezzjonijiet ġenerali li jmiss b'mod għalkollox trasparenti; jappoġġa r-rikonoxximent ta' partiti politiċi ġodda li biħsiebhom jieħdu sehem fl-elezzjonijiet ġenerali li jmiss u li jissodisfaw kriterji raġonevoli għall-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza politika;

6.  Jistieden lill-partiti politiċi kollha biex ma jwettqux atti vjolenti jew ma jinstigawx il-vjolenza matul il-proċess elettorali u jevitaw ripetizzjoni tal-ġlied vjolenti politikament immotivat li seħħ fl-ewwel sitt xhur tal-2013; jesprimi t-tħassib serju tiegħu, f'dan ir-rigward, dwar l-eskalazzjoni riċenti ta' vjolenza politikament immotivata li wasslet biex inqatlu ħafna nies fi tmiem Ottubru tal-2013;

7.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa għal rikonċiljazzjoni, ġustizzja u responsabbiltà għad-delitti mwettqa matul il-gwerra għall-indipendenza tal-1971; jenfasizza u jappoġġa r-rwol importanti tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali f'dan ir-rigward;

8.  Jiddeplora, madankollu, l-għadd li qed jiżdied ta' persuni li qed jistennew li jingħataw il-piena tal-mewt fil-Bangladexx u l-pieni tal-mewt tal-massa li ngħataw fil-proċessi ta' dawk involuti fir-ribelljoni tal-2009 tal-gwardji tal-fruntiera; jinsisti li jiġu applikati l-istandards nazzjonali u internazzjonali relatati mal-proċessi ekwi u l-proċess dovut;

9.  Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt fil-każijiet kollha u taħt kwalunkwe ċirkustanza, u jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fil-Bangladexx biex idaħħlu moratorju uffiċjali fuq l-eżekuzzjonijiet bħala l-ewwel pass lejn it-tneħħijal-abolizzjoni tal-piena kapitali;

10.  Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx jerġa' jdaħħal l-ambjent abilitanti għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li kkontribwixxa ferm għall-iżvilupp tal-Bangladexx, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom liberament;

11.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladexx iwettqu minnufih investigazzjonijiet indipendenti u trasparenti dwar każijiet li jinvolvu ksur tad-drittijiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi theddid, attakki, qtil, torturi u trattament ħażin, sabiex jidentifikaw lil dawk kollha responsabbli u jittellgħu l-qorti; jissottolinja, b'mod partikolari, il-każ tal-mexxej tal-partit laburista, Aminul Islam, kif ukoll il-każijiet tal-ġurnalisti Sagar Sarowar u Meherun Runi;

12.  Jilqa' l-inizjattiva konġunta tal-Gvern tal-Bangladexx u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), b'kollaborazzjoni mal-gvern, ir-rappreżentanti tal-impjegaturi u tal-ħaddiema, dwar "It-titjib tal-Kundizzjonijiet tax-Xogħol fis-Settur tal-Ħwejjeġ Magħmulin u Lesti"; iħeġġeġ lill-marki tal-ħwejjeġ Ewropej u internazzjonali biex iwettqu l-wegħdiet li għamlu wara l-waqgħa tal-fabbrika Rana Plaza, anke skont il-ftehim dwar in-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini fil-Bangladexx;

13.  Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx iwarrab ir-rekwiżit ta' 30 % 'rappreżentanza' għar-reġistrazzjoni tat-trade unions, jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-Att dwar ix-Xogħol biex ikopri kategoriji ta' ħaddiema li attwalment huma esklużi, jadotta projbizzjoni li l-impjegaturi jindaħlu fi kwistjonijiet interni tat-trade unions, jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-Att dwar ix-Xogħol biex japplika għal żoni ta' pproċessar tal-esportazzjoni, u jagħti drittijiet ta' negozjar kollettiv lill-Assoċjazzjonijiet tal-Welfare tal-Ħaddiema (WWA), filwaqt li jiffaċilita r-reġistrazzjoni ta' WWAs;

14.  Jistenna bil-ħerqa li l-Bangladexx jikkoopera għalkollox mal-Entitajiet previsti mit-Trattati tan-NU u li jestendi stedina permanenti lill-Proċeduri Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladexx.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0230.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0100.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0027.
(4) ĠU C 294 E, 3.12.2009, p. 77.
(5) ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 240.

Avviż legali - Politika tal-privatezza