Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2057(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0393/2013

Testi mressqa :

A7-0393/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/12/2013 - 4.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0558

Testi adottati
PDF 511kWORD 90k
L-Erbgħa, 11 ta' Diċembru 2013 - Strasburgu Verżjoni finali
Koordinazzjoni tad-donaturi tal-UE fir-rigward tal-għajnuna għall-iżvilupp
P7_TA(2013)0558A7-0393/2013
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-koordinazzjoni tad-donaturi tal-UE dwar l-għajnuna għall-iżvilupp (2013/2057(INL))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u partikolarment l-Artikoli 9 u 151 u l-Artikolu 153(1)(e) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 209 u 210 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta’ Settembru 2000,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi tal-2005, l-Aġenda ta’ Accra għall-Azzjoni (AAA) tal-2008 u s-Sħubija Globali għall-Iżvilupp Effettiv tal-2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqa’ fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar Politika ta’ Żvilupp tal-Unjoni Ewropea: il-Kunsens Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar ‘Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla’ (COM(2011)0637),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2012 dwar ‘Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla’(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2007 dwar ‘Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar il-Komplementarjetà u t-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika dwar l-Iżvilupp’(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ Settembru 2006 dwar ‘kooperazzjoni aktar u aħjar: il-pakkett għall-2006 dwar għajnuna effettiva tal-UE’(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2008 dwar is-segwitu tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi ta’ l-2005 dwar l-Effettività tal-Għajnuna(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar ir-raba’ Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna(6),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni tas-17 ta’ Novembru 2009 dwar il-Qafas Operattiv dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna(7),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin (Ministri għall-Iżvilupp) tal-14 ta’ Ġunju 2010 dwar id-Diviżjoni tax-Xogħol fost diversi pajjiżi (8), biż-żieda jew is-sostituzzjoni ta’ ċertu numru ta’ elementi fil-Qafas Operattiv dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin (Ministri għall-Iżvilupp) tad-9 ta’ Diċembru 2010 dwar ‘Responsabbiltà u Trasparenza Reċiproċi: ir-Raba’ Kapitolu għall-Qafas Operattiv tal-UE dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna’(9),

–  wara li kkunsidra t-test konsolidat tal-Qafas Operattiv dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna adottat mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-11 ta’ Jannar 2011(10),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta’ Ottubru 2009 dwar ‘l-Aġenda tal-Effikaċja tal-Għajnuna: il-Benefiċċji ta’ Approċċ Ewropew’, ikkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp tal-Kummissjoni(11),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali ta’ Marzu 2011 bl-isem ‘Programmazzjoni Multiannwali Komuni’ ikkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp tal-Kummissjoni(12),

–  wara li kkunsidra ‘Ir-Rapport Finali dwar l-Evalwazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi: it-2 Fażi’, li ġie ppubblikat f’Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra il-‘Cost of Non-Europe Report’ dwar ‘Inżidu l-koordinazzjoni bejn id-donaturi tal-UE’, ippreżentat lill-Kumitat dwar l-Iżvilupp fl-10 ta’ Lulju 2013,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (2010/427/UE)(13), b'mod partikolari l-Artikolu 9(l-Istrumenti ta’ azzjoni esterna u l-ipprogrammar),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0393/2013),

A.  billi stimi riċenti stabbiliti fil-'Cost of Non-Europe Report' imsemmi hawn fuq juru li jista’ jkun hemm tfaddil annwali sa EUR 800 miljun mit-tnaqqis tal-kostijiet tat-tranżazzjoni jekk l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkonċentraw l-isforzi tal-għajnuna tagħhom fuq inqas pajjiżi u attivitajiet; u billi EUR 8.4 biljun ulterjuri ta’ tfaddil annwali setgħu ntlaħqu kieku l-allokazzjoni tal-pajjiżi ġiet ikkoordinata b’mod sħiħ u kellha t-tnaqqis tal-faqar bħala l-unika mira tagħha;

B.  billi f’kuntest fejn b’mod ġenerali kien hemm progress limitat lejn l-ilħuq tal-objettiv tan-NU li sal-2015 jingħata 0,7% tad-dħul nazzjonali gross f’Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp, koordinazzjoni iktar effiċjenti fil-livell tal-UE hija kwistjoni tal-akbar importanza;

C.  billi, minħabba t-tibdil fid-demografika internazzjonali u l-interdipendenza futura akbar bejn dawk li bħalissa huma l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-UE bħala tali, iktar effiċjenza fin-nefqa tal-għajnuna għall-iżvilupp ser twassal għal assistenza iktar effettiva fuq it-territorju u jkollha l-benefiċċju ulterjuri li trawwem rispett reċiproku akbar fil-futur;

D.  billi l-azzjoni koordinata mill-UE b’mod sħiħ, partikolarment bit-twaqqif ta’ kumitat kompost minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, għandha valur miżjud li, f’termini ta’ politika u ingranaġġ finanzjarju, huwa akbar mis-somma tal-azzjonijiet individwali tat-28 Stat Membru tagħha u tal-Kummissjoni;

E.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikomplu jmexxu bl-eżempju fit-tnaqqis tal-frammentazzjoni tal-għajnuna billi jimplimentaw b’mod sħiħ l-impenji tal-effettività tal-għajnuna u l-iżvilupp internazzjonali li saru f’Pariġi, Accra u Busan u billi jkomplu jibnu fuq il-progress li sar fil-proċess attwali ta’ Programmar Konġunt;

F.  billi l-koordinazzjoni bejn id-donaturi tal-UE għandha tikkontribwixxi għall-għan li l-għajnuna marbuta formali u informali kollha tispiċċa u tibdel l-“Aġenda tal-Effikaċja tal-Għajnuna” f’ “Aġenda tal-Effikaċja tal-Iżvilupp”;

G.  billi l-inizjattivi tal-UE biex titjieb il-koordinazzjoni bejn id-donaturi huma primarjament ta’ natura volontarja u mhux vinkolanti; u billi l-Kodiċi ta’ Mġiba tal-UE dwar il-Komplementarjetà u d-Diviżjoni tax-Xogħol fil-Politika għall-Iżvilupp wasslet għal riżultati limitati;

H.  billi t-Trattati jagħtu lill-UE l-bażi legali biex issaħħaħ il-koerenza u l-effettività tal-azzjoni esterna tal-UE;

I.  billi l-Kummissjoni għandha tkun l-ixprun fl-implimentazzjoni sħiħa tal-aġenda tal-effettività tal-għajnuna u l-iżvilupp fil-livell tal-UE;

1.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jonoraw l-impenji tagħhom skont id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi, l-Aġenda ta’ Accra għall-Azzjoni u s-Sħubija Globali għall-Kooperazzjoni tal-Iżvilupp Effettiv ta’ Busan, li għandhom bħala ostakoli ewlenin in-nuqqas ta’ rieda politika, il-burokrazija u l-kostijiet għoljin tat-tranżazzjoni; ifakkar f’dan il-kuntest li kundizzjoni waħda bażika għat-twettiq tal-“aġenda tal-effikaċja tal-għajnuna” hija li jitħaddan bis-sħiħ il-prinċipju ta' responsabbiltà demokratika, li timplika li strateġiji ta’ żvilupp ikunu mmexxija mill-pajjiż u jirriflettu l-impenn tal-partijiet interessati nazzjonali kollha;

2.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jisfruttaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet legali tat-TFUE dwar l-iżvilupp li jitlob għall-komplementarjetà bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp (l-Artikoli 208 u 210 TFUE) sabiex isaħħu l-koordinazzjoni effettiva bejn id-donaturi tal-UE;

3.  Jitlob koordinazzjoni aktar effettiva mill-UE u l-Istati Membri tagħha permezz , fost l-oħrajn, ta’ Programmar Konġunt inkluż id-diviżjoni tax-xogħol fil-pajjiż biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-azzjonijiet u l-kostijiet għoljin tat-tranżazzjoni; jinsisti bl-istess mod dwar il-bżonn li titwettaq analiżi bir-reqqa tal-bżonnijiet speċifiċi tas-sitwazzjoni ta’ kull pajjiż riċevitur, filwaqt li jkun żgurat li proġetti ffinanzjati jkunu integrati fl-ekonomija lokali u li minnhom jibbenefikaw dawk l-aktar fil-bżonn;

4.  Jitlob għal aktar koordinazzjoni mill-UE u l-Istati Membri tagħha fit-tqassim tax-xogħol bejn il-pajjiżi sabiex tiġi indirizzata l-problema ta’ dawk “ippreferuti għall-għajnuna” u l-“orfni tal-għajnuna”; jenfasizza li l-politika tal-UE dwar id-diviżjoni tax-xogħol għandha tiżgura li kwistjonijiet orizzontali bħad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tibdil fil-klima jkunu indirizzati bis-sħiħ; jenfasizza wkoll li l-għan għaż-żieda tal-impatt tal-għajnuna u l-kisba ta’ aktar riżultati u valur għall-flus m’għandhiex twassal għal politika ta’ żvilupp li tmur kontra r-riskju u li tiffoka biss fuq il-“pajjiżi faċli”;

5.  Jitlob għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-vantaġġi komparattivi tal-UE u l-Istati Membri tagħha fid-diviżjoni tal-kompiti fil-qasam tal-iżvilupp billi jkunu evalwati l-ħiliet u n-nuqqasijiet li għandhom jinvolvu lill-Istat Membru kkonċernat (jew il-Kummissjoni), kif ukoll donaturi u pajjiżi sieħba oħra;

6.  Jieħu nota, madankollu, li hemm bżonn ukoll koordinazzjoni aħjar mal-komunità internazzjonali u, aktar importanti minn hekk, mal-atturi lokali, b'mod partikolari mal-gvernijiet lokali, il-parlamenti nazzjonali, is-soċjetà ċivili u l-NGOs; ifakkar li l-Għan ta' Żvilupp ta' Millennju 8, “il-ħolqien ta’ sħubija globali għall-iżvilupp”, iħeġġeġ parteċipazzjoni wiesgħa u kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-atturi kollha fil-qasam tal-iżvilupp;

7.  Jenfasizza li, billi jiġbru flimkien ir-riżorsi pprovduti minn pajjiżi donaturi, l-organizzazzjonijiet tal-iżvilupp multilaterali għandhom il-potenzjal li jżidu l-effikaċja tal-għajnuna u jimmassimizzaw l-effiċjenza; jieħu nota li l-użu ta' riżorsi mqiegħda fis-seħħ mill-organizzazzjonijiet internazzjonali jgħin ukoll lid-donaturi jaqsmu l-informazzjoni dwar l-attivitajiet ta' żvilupp, li jwassal għal trasparenza u responsabbiltà akbar;

8.  Jenfasizza li huwa importanti li jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-kapaċità ta’ dawn il-pajjiżi sabiex ikunu jistgħu jibnu l-ħiliet, l-għarfien u l-istituzzjonijiet meħtieġa biex jiġġestixxu l-iżvilupp tagħhom stess b’mod effettiv; jenfasizza l-importanza tal-kummerċ ħieles, l-ekonomija tas-suq u l-intraprenditorija sabiex il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp ikunu jistgħu jiġġieldu huma stess kontra l-faqar u b'hekk joħolqu żvilupp ekonomiku sostenibbli u jnaqqsu d-dipendenza tagħhom mill-għajnuna; jenfasizza, bl-istess mod, l-importanza tal-promozzjoni u d-difiża ta’ governanza tajba u li huwa importanti li l-awtoritajiet fil-pajjiżi benefiċjarji jiġġieldu kontra l-korruzzjoni u jibnu l-infrastruttura fiskali tagħhom sabiex jissalvagwardjaw id-dħul tat-taxxa tagħhom u jiġġieldu kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ħruġ illegali ta' flus;

9.  Jenfasizza r-rwol dejjem jikber ta’ donaturi mhux tradizzjonali, kif ukoll investimenti fis-settur privat, u flussi finanzjarji filantropiċi lejn pajjiżi f'fażi ta' iżvilupp li joħolqu sfidi ta’ koordinazzjoni addizzjonali; huwa tal-fehma li l-qafas il-ġdid għall-koordinazzjoni tad-donaturi tal-UE dwar l-għajnuna għall-iżvilupp għandu jesplora wkoll l-opportunitajiet għall-integrazzjoni ta’ dawn l-aspetti, filwaqt li jibni fuq l-impenji meħuda permezz tas-Sħubija ta’ Busan għall-Iżvilupp Effettiv;

10.  Jenfasizza l-importanza ta’ approċċ varjat għall-kwistjoni tal-effikaċja tal-għajnuna li jkun iqis il-livell ta’ żvilupp tal-pajjiżi msieħba, (il-pajjiżi l-inqas żviluppati, fraġli jew ta’ dħul medju) u l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom; dak l-approċċ differenzjat għandu jkun ibbażat fuq indikaturi tal-iżvilupp multidimensjonali li jmorru lil hinn mill-PDG u li jikkunsidraw il-fqar, l-inugwaljanza u l-vulnerabbiltà fil-pajjiż;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu vantaġġ sħiħ mill-għodod elettroniċi ġodda għall-koordinazzjoni ta’ proġetti, bħall-Ġabra ta' Data ta' Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp għall-Możambik (ODAMoz), li l-ħolqien tagħha ġie ffinanzjat mill-UE.

12.  Jistieden lill-UE tiżgura li l-impenji fuq l-effettività tal-għajnuna u l-iżvilupp jiġu riflessi b’mod sħiħ fil-mekkaniżmi finanzjarji kollha rilevanti għall-kooperazzjoni tal-iżvilupp;

13.  Jenfasizza li, minħabba r-restrizzjonijiet fuq il-baġits nazzjonali u tal-UE li jirriżultaw minn diffikultajiet ekonomiċi u minħabba t-tħassib politiku dejjem jikber fuq id-dimostrazzjoni ta' infiq fl-iżvilupp iktar effettiv, il-koordinazzjoni effettiva bejn id-donaturi hija imperattiva u l-UE għandu jkollha rwol ewlieni fil-promozzjoni tagħha, u li l-koordinazzjoni għandha tkopri l-aspetti prinċipali kollha tal-proġetti kollha tal-iżvilupp, inkluż l-ippjanar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom;

14.  Iqis li, b’riżultat tan-natura volontarja u mhux vinkolanti tagħhom, l-inizjattivi attwali tal-UE biex titjieb il-koordinazzjoni bejn id-donaturi ma sfruttawx kompletament il-potenzjal sħiħ tal-UE u l-Istati Membri tagħha biex tagħmel l-għajnuna tal-iżvilupp tagħha iktar effettiva u effiċjenti; b’hekk jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jistabbilixxu strument ġdid għal koordinazzjoni fil-forma ta’ Regolament;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni tissottometti, preferibbilment sal-31 ta’ Diċembru 2015 u f’kull każ mhux aktar tard mill-ewwel semestru tal-2016, fuq il-bażi tal-Artikoli 209 u 210 tat-TFUE, proposta għal att li jirrigwarda aspetti regolatorji dwar il-koordinazzjoni tad-donaturi tal-UE marbuta mal- għajnuna għall-iżvilupp, wara l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' pjan direzzjonali ta' azzjonijiet preparatorji biex jiffaċilitaw id-dħul fis-seħħ ta' dawn l-aspetti regolatorji, wara r-rakkomandazzjonijiet dettaljati previsti fl-Anness;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-SEAE biex jevalwaw dan il-pjan direzzjonali fuq il-bażi ta’ sett ta’ indikaturi miftiehma minn qabel. F’dan il-proċess għandhom jipparteċipaw, fuq in-naħa l-waħda d-delegazzjonijiet tal-UE flimkien mar-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri fil-pajjiżi msieħba u fuq in-naħa l-oħra, id-DĠ DEVCO u l-SEAE flimkien mar-rappreżentanti tal-Istati Membri; dak il-proċess għandu jinvolvi r-rappurtar lura tal-Kummissjoni u l-SEAE lill-Parlament Ewropew sabiex jintlaħaq qbil dwar l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali;

17.  Jikkonferma li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-principju ta’ sussidjarjetà;

18.  Iqis li l-proposta mitluba m’għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati annessi magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

(1) ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
(2)Dok.9369/12.
(3)Dok.9558/07.
(4) ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 373.
(5) ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 100.
(6) ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 80.
(7)Dok.15912/09.
(8)Dok.11081/10.
(9)Dok.17769/10.
(10)Dok.18239/10.
(11) Proġett Nru 2008/170204 – Verżjoni 1.
(12) Proġett Nru 2010/250763 – Verżjoni 1.
(13) ĠU L 201, 20.5.2010, p. 3.


ANNESS GĦAL RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENTUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

Rakkomandazzjoni 1 (dwar l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament li għandu jiġi adottat)

L-għan tar-Regolament għandu jkun li jiġu kkodifikati u msaħħa l-mekkaniżmi u l-prattiċi biex tiġi żgurata komplementarjetà aħjar u koordinazzjoni effettiva tal-għajnuna għall-iżvilupp. Il-kamp tal-applikazzjoni tiegħu għandu jipprovdi soluzzjoni xierqa għall-kwistjoni taż-żieda tal-effettività u l-effiċjenza tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE.

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-Istati Membri u għall-Istituzzjonijiet tal-UE.

Rakkomandazzjoni 2 (dwar il-prinċipji ġenerali li għandhom jirregolaw il-koordinazzjoni fost id-donaturi tal-UE)

Ir-Regolament għandu jikkodifika l-prinċipji li ġejjin:

—  Sjieda: L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jirrispettaw it-tmexxija tal-pajjiżi msieħba u jsegwu l-istrateġiji li jmexxu l-gvernijiet ċentrali. Dawn għandhom jinkludu, fejn ikun xieraq, azzjonijiet biex jgħinu fit-tisħiħ tal-kapaċità tal-pajjizi msieħba biex imexxu l-oqfsa operazzjonali għall-koordinazzjoni bejn id-donaturi.

—  Armonizzazzjoni: L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jimplimentaw arranġamenti komuni fil-livell tal-pajjiżi biex jipprogrammaw (programmazzjoni konġunta) u jaħdmu flimkien biex inaqqsu n-numru ta’ missjonijiet u reviżjonijiet dijanjostiċi separati, u spiss idduplikati, fit-territorju. Għandhom ukoll jiddelegaw l-awtorità biex imexxu lid-donaturi fl-eżekuzzjoni tal-attivitajiet li fihom wieħed minn dawk id-donaturi tagħhom għandu vantaġġ komparattiv fil-livell settorjali jew nazzjonali.

—  Allinjament: L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jibbażaw l-appoġġ ġenerali tagħhom (l-istrateġiji tal-pajjiż, id-djalogu dwar il-politika u l-programmi ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp) fuq dawk l-istrateġiji ta’ żvilupp nazzjonali tal-imsieħba u r-reviżjonijiet perjodiċi tal-progress fl-implimentazzjoni ta’ dawk l-istrateġiji. Biex l-amministrazzjoni tal-għajnuna jkollha inqas piżijiet, huma għandhom jużaw is-sistemi tal-pajjiż bħala l-ewwel għażla. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jevitaw li joħolqu strutturi dedikati għall-immaniġġjar ta’ kuljum u l-implimentazzjoni tal-proġetti u l-programmi ffinanzjati mill-għajnuna.

—  Prevedibbiltà tal-fondi: Sabiex jikkoordinaw b’mod effettiv l-isforzi tagħhom għall-iżvilupp, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jipprovdu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’informazzjoni f’waqtha dwar in-nefqa bil-quddiem u/jew dwar il-pjani ta’ implimentazzjoni tagħhom, b’allokazzjonijiet tar-riżorsi indikattivi li jippermettu lill-pajjiżi msieħba biex jintegrawhom fl-ippjanar fuq żmien medju tagħhom.

—  Trasparenza u responsabbiltà reċiproka: L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jaħdmu flimkien mal-pajjiżi msieħba biex jistabbilixxu oqfsa miftiehma b’mod reċiproku li jipprovdu valutazzjoni tal-prestazzjoni affidabbli, trasparenza u responsabbiltà tas-sistemi tal-pajjiż u biex itejbu d-disponibbiltà u l-kwalità tad-data fil-pajjiżi msieħba. Għandhom jiġu promossi ulterjorment inizjattivi ewlenin li jgħinu biex jiġu miksuba dawn l-objettivi bħall-Garanzija għat-Trasparenza tal-UE u l-Inizjattiva Internazzjonali tat-Trasparenza tal-Għajnuna.

—  Approċċ differenzjat: Fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandu jiġi mfittex approċċ differenzjat ibbażat fuq kuntesti u ħtiġijiet ta’ żvilupp sabiex pajjiżi u reġjuni msieħba jkollhom kooperazzjoni speċifika, mfassla speċifikament, ibbażata fuq il-ħtiġijiet, l-istrateġiji, il-prijoritajiet u l-assi tagħhom.

—  Reviżjoni, valutazzjoni u diskussjoni dwar ir-riżultati: L-UE għandha timmonitorja u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament. L-azzjonijiet li jittieħdu għandhom jiġu rrappurtati fuq bażi annwali lill-parlamenti nazzjonali u lill-Parlament Ewropew.

Rakkomandazzjoni 3 (dwar it-tqassim tax-xogħol)

Dan ir-Regolament għandu jikkodifika l-impenn tal-UE u tal-Istati Membri tagħha lejn iż-żieda tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-ipprogrammar pluriennali konġunt allinjat mal-istrateġiji ta’ żvilupp tal-pajjiżi msieħba li jinkludi, kemm jista' jkun, is-sinkronizzazzjoni maċ-ċikli tal-ipprogrammar fil-livell tal-pajjiż imsieħeb. Il-qafas ta’ pprogrammar konġunt huwa għodda prammatika biex jiġi avvanzat it-tqassim tax-xogħol u għandu jikkumplementa u jsaħħaħ l-arranġamenti attwali għall-koordinazzjoni bejn id-donaturi sabiex jiġu evitati proċessi paralleli mhux meħtieġa.

Ir-Regolament għandu jiżgura li l-UE timmonitorja b’mod attiv il-progress fil-livell tal-pajjiżi u fil-kwartieri ġenerali biex tiżgura li jsir progress kontinwu rigward l-impenji attwali, u li jingħata segwitu xieraq għall-pjani direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-qafas tal-ipprogrammar konġunt tal-UE.

Rakkomandazzjoni 4 (dwar it-tqassim tax-xogħol)

L-UE u l-Istati Membri tagħha żviluppaw firxa wiesgħa ta’ prinċipji ta’ gwida fuq il-mod kif għandu jitmexxa t-tqassim tax-xogħol b’mod effettiv. Il-Kodiċi ta’ Mġiba tal-UE dwar il-Komplementarjetà u d-Diviżjoni tax-Xogħol fil-Politika tal-Iżvilupp jipprovdi gwida lill-UE u lill-Istati Membri tagħha u għandu jiġi implimentat bil-ħeffa fil-pajjiżi msieħba kollha.

Rakkomandazzjoni 4.1: dwar it-tqassim tax-xogħol fil-pajjiż

L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom inaqqsu l-kostijiet tat-tranżazzjoni billi jillimitaw l-għadd ta’ donaturi tal-UE, attivi fid-djalogu dwar il-politika tas-settur u l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni. Biex jagħmlu dan, għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw pjani ta’ ħruġ għas-settur għal konċentrazzjoni mtejba tas-settur, imsejsa fuq djalogu mal-gvernijiet imsieħba u donaturi oħrajn kif ukoll analiżi fuq l-impatt tal-lakuni ta’ finanzjament potenzjali.

Rakkomandazzjoni 4.2: dwar it-tqassim tax-xogħol bejn il-pajjiżi

Bl-għan li titnaqqas il-frammentazzjoni fl-għajnuna bejn il-pajjiżi u l-proliferazzjoni tad-donaturi, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżguraw li l-allokazzjonijiet tagħhom għal pajjiżi isiru fuq bażi informata inkluż billi jqisu l-intenzjonijiet u l-opportunitajiet ta' Stati Membri oħrajn għal impatt tal-UE. L-Istati Membri għandhom jirsistu għal konċentrazzjoni ġeoġrafika aħjar filwaqt li l-Kummissjoni għandu jkollha rwol ta’ koordinazzjoni, b’mod partikolari fil-pajjiżi orfni. F’dan ir-rigward, l-analiżi konġunta u l-istrateġiji tal-UE kemm għall-pajjiżi “ippreferuti” kif ukoll għal dawk “orfni” jistgħu jservu bħala bażi għal tqassim aħjar tax-xogħol bejn il-pajjiżi.

Rakkomandazzjoni 5 (dwar il-monitoraġġ tal-progress fil-kwartieri ġenerali u fil-livell tal-pajjiżi)

Ir-Regolament għandu jikkodifika l-mekkaniżmi li jirrappurtaw l-evidenza ta’ progress ta’ koordinazzjoni miżjuda bejn id-donaturi fil-livell tal-pajjiżi billi jinkludu, fost l-oħrajn: a) informazzjoni diżaggregata dwar il-flussi ta’ għajnuna rilevanti kollha; b) progress dwar il-proċessi tal-Ipprogrammar Konġunt, b’attenzjoni partikolari għat-tqassim tax-xogħol; c) evidenza ta’ kostijiet tat-tranżazzjoni mnaqqsa permezz tat-tqassim tax-xogħol; u d) l-integrazzjoni tal-Ipprogrammar Konġunt u tat-tqassim tax-xogħol fil-proċessi ta’ ppjanar strateġiku.

Dik l-informazzjoni għandha tkun disponibbli għall-pajjżi msieħba sabiex ikunu jistgħu jirrappurtawha fid-dokumenti tal-baġits nazzjonali tagħhom u b’hekk jiffaċilitaw it-trasparenza lejn il-parlamenti, is-soċjetà ċivili u partijiet interessati rilevanti oħrajn.

Rakkomandazzjoni 6 (dwar l-involviment tal-parlamenti nazzjonali fil-monitoraġġ tal-koordinazzjoni bejn id-donaturi)

Ir-Regolament għandu jinkludi dispożizzjonijiet biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali fil-monitoraġġ tal-koordinazzjoni bejn id-donaturi. Għal dan il-għan, għandhom jinżammu laqgħat annwali bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali biex jiġi valutat il-progress u jiġu diskussi r-riżultati.

Rakkomandazzjoni 7 (dwar ir-rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill)

Ir-Regolament għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjoni permezz ta’ rapport annwali. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri skont ir-Regolament u għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kif ukoll lill-Kumitat imsemmi fir-Rakkomandazzjoni 9, rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tagħha u r-riżultati f’termini ta’ koordinazzjoni tal-għajnuna tal-UE.

Dak ir-rapport għandu jiġi ppreżentat ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Ir-rapport annwali għandu jkun imsejjes fuq l-informazzjoni relatata mas-sena preċedenti pprovduta mill-kwartieri ġenerali u mit-territorju. Għandu jevalwa r-riżultati tal-isforzi fit-titjib tal-koordinazzjoni tal-politika ta’ żvilupp tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, billi juża sa fejn ikun possibbli l-indikaturi speċifiċi u miżurabbli tal-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi tar-Regolament.

Rakkomandazzjoni 8 (dwar ir-rieżami)

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jevalwa l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fl-ewwel tliet snin, akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposta leġiżlattiva li tintroduċi l-emendi meħtieġa.

Rakkomandazzjoni 9 (dwar l-istabbiliment tal-Kumitat għall-Koordinazzjoni)

Ir-Regolament għandu jinkludi dispożizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ Kumitat. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu u għandu jkun magħmul minn rappreżentanti mill-Kummissjoni, mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.

Avviż legali - Politika tal-privatezza