Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-proposta tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-ħatra tal-President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċetrali Ewropew (N7-0103/2013 – C7-0424/2013 – 2013/0901(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta' Novembru 2013 għall-ħatra tal-President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċetrali Ewropew (N7-0103/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 26(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu(1),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizju tar-responsabbiltà demokratika u tas-superviżjoni tal-eżerċizju tal-kompiti mogħtija lill-Bank Ċentrali Ewropew fil-qafas tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku(2),
– wara li kkunsidrat ir-Regoli ta’ Proċedura tagħha,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0452/2013),
A. billi l-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jipprevedi li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu jressaq lill-Parlament il-proposta tiegħu għall-ħatra tal-President tal-Bord Superviżorju tiegħu u li l-President għandu jintagħżel abbażi ta' proċedura miftuħa ta' għażla minn fost l-individwi mhux membri tal-Kunsill Governattv li għandhom reputazzjoni u esperjenza rikonoxxuta f'operazzjonijiet bankarji u finanzjarji;
B. billi l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jipprevedi li l-ħatriet għall-BordSuperviżorju skont dak ir-Regolament għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-bilanċ tas-sessi, l-esperjenza u l-kwalifiki;
C. billi, permezz ta' ittra datata t-22 ta' Novembru 2013, il-BĊE ppreżenta proposta lill-Parlament għall-ħatra ta' Danièle Nouy bħala l-President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE għal mandat ta' ħames snin;
D. billi l-Kumitat għall-Affarijiet Monetarji u Ekonomiċi tal-Parlament imbagħad ipproċeda li jevalwa l-kredenzjali tal-kandidat propost, b'mod partikolari fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 26(2) u (3) tar-Regolament (EU) Nru 1024/2013; billi fit-twettiq ta' din l-evalwazzjoni, il-Kumitat irċieva curriculum vitae mingħand il-kandidat propost kif ukoll t-tweġibiet tagħha għal kwestjonarju bil-miktub;
E. billi l-Kumitat sussegwentement għamel smigħ mal-kandidat propost fis-27 ta’ Novembru 2013, u li matulu dan tal-aħħar għamlet stqarrija preliminari u imbagħad wieġbet għall-mistoqsijiet li ġew indirizzati lejha mill-membri tal-Kumitat;
1. Japprova l-proposta tal-BĊE għall-ħatra ta' Danièle Nouy bħala l-President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kunsill, u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.