Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2294(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0333/2013

Testi mressqa :

A7-0333/2013

Dibattiti :

PV 12/12/2013 - 9
CRE 12/12/2013 - 9

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2013 - 12.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0584

Testi adottati
PDF 345kWORD 109k
Il-Ħamis, 12 ta' Diċembru 2013 - Strasburgu
Ekoinnovazzjoni - Impjiegi u Tkabbir permezz tal-politika ambjentali
P7_TA(2013)0584A7-0333/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar l-Ekoinnovazzjoni - Impjiegi u Tkabbir permezz tal-politika ambjentali (2012/2294(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni ‘Ewropa 2020: Strateġija Ewropea għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv’ (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni ‘Innovazzjoni għal Futur Sostenibbli – Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Eko-innovazzjoni (Eco-AP)’ (COM(2011)0899),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni ‘Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020: Unjoni tal-Innovazzjoni’ (COM(2010)0546),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni ‘Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza – Inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020" (COM(2011)0021),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni ‘Jitħeġġu t-teknoloġiji għall-iżvilupp sostenibbli: Pjan ta’ Azzjoni għal Teknoloġiji Ambjentali għall-Unjoni Ewropea’ (COM(2004)0038),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni ‘Viżjoni strateġika għal standards Ewropej: Il-mixja ’l quddiem biex jittejjeb u jitħaffef it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea sal-2020’ (COM(2011)0311),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni ‘Rio+20: Lejn l-ekonomija ekoloġika u governanza aħjar’ (COM(2011)0363),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni ‘Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050" (COM(2011)0112),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni ‘Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta’ impjiegi’ (COM(2010)0682),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi Orizzont 2020 – Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (COM(2011)0809),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Orizzont 2020’– Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni" (COM(2011)0808),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni ‘Adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn qafas Ewropew għall-azzjoni’ (COM(2009)0147),

–  Wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummisjoni ‘Il-bidla ta’ Sfidi f’Opportunitajiet: Lejn Qafas Strateġiku Komuni għall-finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE’ (COM(2011)0048),

–  wara li kkunsidra l-istrument il-ġdid "Garanzija għaż-Żgħażagħ",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2010 dwar Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni fl-inizjattiva ewlenija Unjoni ta' Innovazzjoni(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-24 ta’ Mejju 2012 dwar Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2011 dwar l-iżvilupp ta' pożizzjoni komuni tal-UE qabel il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20)(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2012 dwar Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar il-finanzjament innovattiv fil-livell globali u Ewropew(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2011 bit-titlu ‘Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva’(6),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm Speċfiku li Jimplimenta l-Orizzont 2020 - Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014 - 2020) (COM(2011)0811),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummisjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) COM(2011)0874),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2011 bit-titlu ‘Unjoni tal-Innovazzjoni: inbiddlu l-Ewropa għal dinja wara l-kriżi’,(7)

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Ġunju 2012 bit-titlu ‘Lejn irkupru mogħni bl-impjiegi’(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Settembru 2010 dwar l-iżvilupp tal-potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi ta' ekonomija sostenibbli ġdida(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2012 dwar ir-rwol tan-nisa fl-ekonomija ekoloġika(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Mejju 2010 dwar il-White Paper tal-Kummissjoni: "Adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni’,(11)

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Settembru 2011 dwar il-Green Paper ‘Il-bidla ta’ Sfidi f’Opportunitajiet: Lejn Qafas Strateġiku Komuni għall-finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE’,(12)

–  wara li kkunsidra r-rapport Nru 315 tal-Flash Eurobarometer bit-titlu ‘L-attitudnijiet tal-intraprendituri Ewropej lejn l-eko-innovazzjoni, Marzu 2011’,

–  wara li kkunsidra r-rapport “L-analiżi u t-rapportar dwar ir-riżultati miksuba mill-proġetti ta’ replikazzjoni tas-suq tal-Ekoinnovazzjoni CIP” (Analysing and reporting on the results achieved by CIP Eco-Innovation market replication projects”) mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetitività u l-Innovazzjoni (EACI) ippubblikat f’Mejju 2013;

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva tal-2008 tal-UNEP, l-ILO, l-IOE u l-ITUC dwar l-Impjiegi Ekoloġiċi bit-titlu ‘Impjiegi Ekoloġiċi: Lejn Xogħol Diċenti f’Dinja Sostenibbli u b’Emissjonijiet Baxxi ta’ Karbonju’,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-2009 tal-Greenpeace u tal-Kunsill Ewropew għall-Enerġiji Rinnovabbli (EREC) ‘Naħdmu għall-klima: enerġija li tiġġedded u r-rivoluzzjoni tal-impjiegi ekoloġiċi,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-2007 tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins (ETUC) u l-Aġenzija għall-Iżvilupp Soċjali (SDA) bit-titlu ‘It-Tibdil fil-Klima u l-Impjiegi: mpatt tat-tibdil fil-klima fuq l-impjiegi fil-25 pajjiż tal-Unjoni Ewropea u l-miżuri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 sal-2030’,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound ta’ Jannar 2013 bit-titolu "Nagħmlu l-Industriji fl-UE iktar Ekoloġiċi: L-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tal-effetti fuq il-kwantità u l-kwalità tal-impjiegi", u l-bażi ta' data tal-istudji tal-każijiet tiegħu;

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2011 bit-titolu "Relazzjonijiet industrijali u sostenibilità: ir-rwol tas-sħab soċjali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija iktar ekoloġika";

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0333/2013),

A.  billi ambjent nadif u b’saħħtu huwa prekundizzjoni għaż-żamma tal-prosperità u għal kwalità ta’ ħajja għolja fl-Ewropa, iżda hekk ukoll hi s-saħħa u l-kompetittività tal-ekonomija;

B.  billi sfidi ambjentali, bħat-tibdil fil-klima, l-iskarsezza tar-riżorsi u d-degradazzjoni tal-bijodiversità, jeħtieġu tranżizzjoni radikali tal-ekonomija tagħna fejn it-teknoloġija nadifa jkollha rwol ewlieni;

C.  billi l-iskala tal-kriżi tippreżenta opportunità unika u storika biex iġġib il-quddiem bidla trasformazzjonali fl-ekonomiji tagħna, twitti t-triq għal żvilupp fit-tul sostenibbli;

D.  billi t-tkabbir tal-GreenTech fis-snin li għaddew wera li l-investiment fit-tkabbir ekoloġiku mhuwiex dazju għoli iżda opportunità ekonomika enormi; Billi għalkemm kważi kull settur sofra telf kbir b’riżultat tar-riċessjoni, is-settur ekoloġiku sofra tnaqqis fit-tkabbir iżda għadu qed jikber;

E.  billi huwa meħtieġ li tiġi sostitwita l-ekonomija intensiva fir-riżorsi kurrenti b’waħda li tuża r-riżorsi b’effiċjenza, billi jiġu trasformati l-industriji stabbiliti f’industriji b’valur miżjud għoli li joħolqu l-impjiegi filwaqt li jipproteġu l-ambjent;

F.  billi soluzzjonijiet favur l-ambjent jattiraw ġenerazzjoni ġdida ta’ manifattura u servizzi ta’ teknoloġija għolja, iżidu l-kompetittività Ewropea u joħolqu impjiegi ġodda ta’ kapaċità għolja;

G.  billi permezz tal-appoġġ għal proċessi ġodda biex inaddfu l-proċessi tal-produzzjoni, il-metodi tal-immaniġġjar ġodda, it-teknoloġiji ġodda u s-servizzi ġodda biex jagħmlu n-negozju iktar ekoloġiku, l-eko-innovazzjoni taġixxi biex tgħin lill-Ewropa tagħmel l-aħjar użu mill-opportunitajiet li għandha, filwaqt li tindirizza l-isfidi kurrenti;

H.  billi l-prezzijiet tar-riżosi żdiedu b’mod estensiv matur l-aħħar snin u l-kompetittività tal-kumpaniji għalhekk hija iktar iddeterminata mill-effiċjenza tar-riżorsi tagħhom;

I.  billi l-istorja wriet li huwa diffiċli għall-awtoritajiet biex jipprevedu liema teknoloġiji innovattivi se jkunu kompetittivi fis-suq;

J.  billi l-inċentivi fiskali jistgħu jkunu għodda utli għat-titjib tal-ekoinnovazzjoni fl-Ewropa.

K.  billi l-Ewropa hija mexxej fl-iżvilupp tat-teknoloġiji l-ġodda; billi jeżistu ħafna ostakoli għall-iżvilupp u l-użu usa’ ta’ teknoloġiji ambjentali, bħal lock-in għat-teknoloġiji eżistenti, is-sinjali tal-prezzijiet li għandhom it-tendenza li jiffavorixxu soluzzjonijiet inqas ekoeffiċjenti, aċċess diffiċli għall-iffinanzjar u għarfien tal-konsumatur baxx; billi l-isfida hija għalhekk li jitjieb ir-rendiment ambjentali ġenerali tal-prodotti tul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom, li tingħata spinta qawwija lid-domanda għal prodotti u teknoloġiji ta’ produzzjoni aħjar u li l-konsumaturi jiġu megħjuna jagħmlu għażliet infurmati.

L.  billi t-tikketti li jindikaw il-kredenzjali ambjentali tal-prodotti u s-servizzi għandhom jipprovdu informazjzoni ċara u oġġettiva u jevitaw li jqarrqu bil-konsumatur (“greenwashing”);

M.  billi l-industriji ekoloġiċi llum il-ġurnata jipprovdu 3.4 miljun impjieg u stima ta’ qligħ annwali ta’ EUR 319-il biljun; billi f’ħafna pajjiżi, il-green tech hija diġà jew dalwaqt se ssir l-ikbar teknoloġija li tħaddem;

N.  billi l-ekoinnovazzjoni hija fundamentali għall-iżvilupp mill-UE ta’ strateġija ta’ tkabbir li tkun sostenibbli mil-lat ambjentali, ekonomiku u soċjali, u li twassal għal opportunitajiet ta' impjieg ta' kwalità f’varjetà ta’ setturi;

O.  billi t-Tabella tal-Valutazzjoni tal-Eko-innovazzjoni 2010 (Eco-IS) turi prestazzjoni ta’ eko-innovazzjoni favorevoli f’diversi Stati Membri, iżda minkejja dan, l-ebda pajjiż tal-UE wieħed jew grupp ta’ pajjiżi ma jista’ bħalissa jservi bħala mudell għall-prestazzjoni tal-eko-innovazzjoni fl-UE;

P.  billi r-rapport Nru 315 tal-2011 tal-Flash Eurobarometer, dwar l-attitudnijiet tal-intraprendituri Ewropej lejn l-eko-innovazzjoni, juri li l-SMEs jaffaċċjaw żieda fl-ispejjeż materjali, għalkemm il-maġġoranza introduċew proċessi jew metodi tal-produzzjoni eko-innovattiva ġodda jew imtejba b’mod sinifikanti sabiex inaqqsu l-ispejjeż tal-materjali u li jaffaċċjaw ukoll il-problema ta’ aċċess mhux biżżejjed għal sussidji u inċentivi fiskali eżistenti u talbiet inċerti mis-suq;

Q.  billi l-analiżi tal-Inizjattiva Ekoinnovattiva CIP turi li l-benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u tal-impjieg mistennija huma ħafna akbar mill-ispejjeż pubbliċi;

R.  billi l-kejl tal-eko-innovazzjoni huwa rekwiżit prinċipali għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni u l-progress tal-Istati Membri tal-UE lejn tkabbir intelliġenti u sostenibbli fl-Ewropea, iżda d-disponibbiltà tad-dejta dwar l-eko-innovazzjoni hija limitata u l-kwalità tagħha tvarja b’mod sinifikanti bejn l-indikaturi;

S.  billi min ifassal il-politiki u partijiet interessati oħra għandhom fehmiet differenti dwar x’inhi l-eko-innovazzjoni u lejn xiex għandha timmira;

T.  billi jeżistu kriterji ta’ valutazzjoni differenti użati għad-definizzjoni ta’ termini bħal ‘ekoinnovazzjoni’ u ‘impjiegi ekoloġiċi intelliġenti’ (eż. fi ħdan id-definizzjonijiet tal-ILO, UNEP, CEDEFOP, OECD jew tal-Eurostat), li jistgħu jwasslu għal statistiċi diverġenti dwar l-ekoinnovazzjoni, l-impjiegi ekoloġiċi u t-tkabbir;

U.  billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-7 ta' Settembru 2010 dwar l-iżvilupp tal-potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi ta' ekonomija sostenibbli ġdida tagħmel riferenza għad-definizzjoni ta' impjiegi sostenibbli tal-ILO u tenfasizza li l-ekoinnovazzjoni għandha rwol importanti fis-setturi kollha industrijali u tal-manifattura;

V.  billi attwalment jeżistu aktar minn 240 proġetti ffinanzjati mill-iskema tal-eko-innovazzjoni; billi f'Mejju 2013 il-Kummissjoni nediet sejħa ġdida għall-għażla ta' 45 proġett ieħor tal-ekoinnovazzjoni li joffru soluzzjonijiet ġodda fir-rigward tal-ambjent; billi l-operazzjoni u l-iffinanzjar tal-Inizjattiva Ekoinnovattiva tas-CIP appoġġjaw lill-iżviluppaturi tal-ekoinnovazzjoni Ewropej billi pprovdew il-kapital ta’ riskju li kieku ma kienx ikun aċċessibbli;

W.  billi għall-perjodu 2014-2020 il-programm il-ġdid Orizzont 2020 tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni huwa l-istrument finanzjarju li jimplimenta l-Unjoni tal-Innovazzjoni; billi skont il-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss (MFF 2014-2020) l-Inizjattiva Eko-innovattiva hija wkoll koperta permezz ta’ LIFE (Programm għall-ambjent u l-Azzjoni Klimatika 2014-2020);

X.  billi hemm żieda preokkupanti fir-rata tal-qgħad taż-żgħażagħ u ħtieġa qawwija ta' politiki li jwasslu għal opportunitajiet ta' impjiegi li jkunu aktar u aħjar għaż-żgħażagħ;

Y.  billi l-inizjattiva "Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda" tal-Kummissjoni, li tirrikonoxxi l-kooperazzjoni mal-Istati Membri, intlaqgħet mill-Parlament;

Politiki ġenerali għall-ħolqien ta’ tkabbir sostenibbli u impjiegi intelliġenti

1.  Jitlob lill-Kummissjoni tibqa’ taħdem fuq viżjoni għall-UE kollha ta’ eko-innovazzjoni fil-kuntest tal-bidla għal ekonomija li tuża r-riżorsi b’effiċjenza u b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, iżda wkoll biex tiffoka fuq miri konkreti, oqsma ta’ prijorità u tragwardi;

2.  Jappoġġa l-inizjattiva ewlenija tal-Kummissjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, li għandha l-għan li tibda l-bidla minn issa lejn ekonomija sostenibbli; jenfasizza, barra minn hekk, li investiment immirat għat-trasformazzjoni ekoloġika tar-reġjuni tal-UE huwa wieħed mill-aktar strumenti utli biex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi tal-konverġenza reġjonali u l-koeżjoni territorjali;

3.  Jinnota l-potenzjal għal ħolqien dirett u indirett ta’ impjiegi ta' kwalità bis-saħħa tal-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija UE 2020; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom f’dan il-qasam; jilqa’ l-promozzjoni mill-Kummissjoni ta’ strateġija integrata għal tkabbir ekoloġiku fl-ambitu tal-inizjattiva emblematika “Unjoni tal-Innovazzjoni” u, b’mod partikolari, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni bħala pass fid-direzzjoni t-tajba;

4.  Jisħaq l-importanza tal-leġiżlazzjoni bħala mezz biex tiżdied id-domanda għal teknoloġiji ambjentali; jemmen li l-kompetittività tal-produzzjoni Ewropea tiddependi fuq il-fatt li l-Ewropa tkun minn ta’ quddiem globalment fil-prodotti u l-produzzjoni ekoeffiċjenti;

5.  Jitlob lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji biex jallinjaw il-ħiliet tal-ħaddiema mal-opportunitajiet offruti mis-settur Green Tech, u jħarsu lejn subsetturi differenti u l-ħtiġijiet tagħhom għall-ħaddiema kwalifikati;

6.  Jenfasizza l-benefiċċji ambjentali u ekonomiċi duwali tat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli ħadra, f'termini tal-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli kemm fl-UE u fid-dinja li qed tiżviluppa, permezz tal-parteċipazzjoni akbar fil-produzzjoni ta' fjuwils u materjali innovattivi, kif ukoll l-opportuniatjiet ta' impjieg li jiġu mill-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-bijomaterjali għan-negozji u għall-konsumaturi pubbliċi, privati u domestiċi; jenfasizza li dawn l-opportunitajiet għandhom joħolqu impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli kemm għall-ħaddiema kwalifikati kif ukoll għal dawk li mhumiex; jirrikonoxxi li għandu jiġi żviluppat qafas regolatorju stabbli u għat-tul biex tiġi promossa s-sostenibilità bl-użu ta' strumenti finanzjarji eżistenti;

7.  Jinnota l-isfidi kumplessi fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel, tat-tibdil fil-klima, tal-kwalità tal-ħamrija, tal-iskarsezza tal-materja prima, tat-trasformazzjoni lejn sistemi ta’ enerġija rinnovabbli u tal-effiċenza enerġetika, eċċ; jagħraf li l-ekoinnovazzjoni jista’ jkollha rwol importanti biex tindirizza ħafna minn dawn l-isfidi; itenni li din it-tranżizzjoni teħtieġ approċċ olistiku li jkun jinkludi l-edukazzjoni, it-taħriġ, l-iżvilupp tal-ħiliet, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-investiment fis-settur privat u pubbliku u l-iżvilupp tal-infrastruttura, li kollha jikkontribwixxu għal opportunitajiet ta’ impjiegi varji u sostenibbli.

8.  Jemmen li mhumiex biss is-sussidji li l-kumpaniji Ewropej innovattivi jeħtieġu, iżda wkoll leġiżlazzjoni aħjar, rabtiet aħjar mal-bażi ta’ riċerka u aċċess aħjar u aktar divers għall-iffinanzjar u l-finanzjament, li jvarja minn għotjiet, għal self u finanzjament ta’ ekwità; jistieden, għalhekk lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni joħolqu kundizzjonijiet adegwati fuq livell nazzjonali u Ewropew;

9.  Jisħaq li l-impjieg Green Tech m’għandux ikun limitat għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, iż-żieda tal-effiċjenza tal-enerġija u għas-settur tat-trasport, peress li t-tkabbir ekoloġiku huwa opportunità għas-setturi kollha, li għalhekk għandhom jinvestigaw l-għażliet ta’ żvilupp u jtejbu l-għarfien tal-konsumatur dwar l-importanza li jinxtraw prodotti ekoloġiċi;

10.  Jemmen li huwa meħtieġ żvilupp malajr ta’ teknoloġija nadifa sabiex tiżdied il-kompetittività tal-kumpaniji; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tqiegħed l-ekoinnovazzjoni fiċ-ċentru tal-politika industrijali tagħha;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iżvilupp tal-istandards tat-tikkettar u definizzjonijiet ċari biex jiġu identifikati u kkomunikati l-kredenzjali ambjentali tal-prodotti u s-servizzi;

12.  Jemmen li ekonomija sostenibbli ġdida għall-UE trid tiżgura żvilupp ekonomiku u soċjali bbilanċjat; jitlob li jkun hemm politika industrijali sostenibbli u ambizzjuża, b’enfasi fuq l-effiċjenza tar-riżorsi; ifakkar li l-effiċjenza tar-riżorsi u l-effiċjenza tal-materjali tnaqqas l-ispejjeż għall-industrija u l-unitajiet domestiċi, tillibera riżorsi għal investiment ieħor u tagħmel lill-ekonomija tal-UE inqas dipendenti fuq riżorsi skarsi u swieq ta’ riżorsi volatili ħafna; jisħaq li l-ekonomija ekoloġika jeħtieġ toffri prospetti għal impjiegi deċenti, li jkunu mħallsa tajjeb, b’opportunitajiet indaqs kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, b’attenzjoni fuq il-ħarsien tal-ambjent;

13.  Jenfasizza li filwaqt li l-ekoindustriji llum jimpjegaw 3.4 miljun ħaddiem u jipprovdu introjtu annwali li hu stmat EUR 319 biljun, il-potenzjal għall-ħolqien ta' tkabbir reġjonali, l-opportunitajiet ta' impjiegi u benefiċċji ambjentali għadu fil-parti l-kbira tiegħu ma ġiex sfruttat u jfakkar, b'rabta ma' dan li l-ispiża tan-nuqqas ta' azzjoni se tkun għolja;

14.  Jenfasizza li s-suċċess tal-ekoinnovazzjoni jeħtieġ investimenti mmirati u fit-tul, li għandhom ikopru b’mod speċjali l-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll l-infrastruttura, eċċ.;

15.  Jilqa' l-programmi tal-universitá eżistenti u l-programmi tat-taħriġ iffukati fuq sostenibbiltá ekoloġika, ekonomika u soċjali; jenfasizza li jridu jintlaħqu bżonnijiet edukattivi ġodda fir-rigward tal-iżvilupp ta' impjiegi sostenibbli;

16.  Jinsab konvint sew li l-poltika ambjentali bbażata fuq l-ekonomija tas-suq tista' sservi ta' mutur għat-tkabbir u l-impjieg fil-fergħat kollha tal-ekonomija; jenfasizza li kundizzjonijiet ta' qafas prevedibbli u favur l-investiment huma l-bażi li se jippermettu n-negozju innovattiv jagħmlu l-aħjar użu possibbli minn dawn l-opportunitajiet għall-benefiċċju tal-ambjent u tal-impjegati;

17.  Jirrikonoxxi l-fatt li t-tranżizzjoni ekonomika lejn negozji "niċċa" ġodda tista’ tattira lill-ġenerazzjoni żagħżugħa ta’ ħaddiema u twassal għal opportunitajiet ġodda fl-ispettru tal-ekoinnovazzjoni;

Il-kunċett tal-Eko-innovazzjoni

18.  Jilqa’ l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni ‘Innovazzjoni għal Futur sostenibbli – Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni (Eco-AP)’ (COM(2011) 0899);

19.  Jenfasizza l-effetti ta’ sinerġija potenzjali tal-ekoinnovazzjoni fil-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli u ta' kwalità, il-protezzjoni tal-ambjent u t-tnaqqis tad-dipendenza ekonomika;

20.  Jenfasizza d-dimensjoni wiesa’ tal-kunċett tal-eko-innovazzjoni, sakemm tiġi definita bħala kwalunkwe forma ta’ innovazzjoni li għandha l-għan li twassal għall-progress fil-kisba tal-mira ta’ żvilupp sostenibbli, billi tnaqqas l-impatti fuq l-ambjent u li tikseb użu tar-riżorsi aktar effiċjenti u responsabbli;

21.  Jitlob lill-Kummissjoni tfassal perċezzjonijiet differenti tal-eko-innovazzjoni u l-isfidi relatati magħha u tibni fehim komuni dwar l-opportunitajiet strateġiċi differenti li l-eko-innovazzjoni toffri għall-futur;

22.  Jikkunsidra d-definizzjoni ta’ ‘impjiegi ekoloġiċi’ tal-Eurostat (fis-settur tal-oġġetti u s-servizzi ambjentali), li pereżempju tistipula li t-teknoloġiji u l-prodotti ekoloġiċi jrid ikollhom protezzjoni ambjentali jew skop tal-immaniġġjar tar-riżorsi bħala l-objettiv primarju tagħhom, biex ikunu utli biex jevitaw statistiċi diverġenti, iżda jikkunsidra meħtieġ li jkompli jiżviluppa definizzjoni uniformi mal-UE kollha tat-tkabbir u l-impjiegi ekoloġiċi, li pereżempju tkun tinkludi wkoll is-settur tat-trasport pubbliku; iqis li huwa utli li tiġi kkunsidrata definizzjoni ta’ “impjiegi ekoloġiċi” iktar komprensiva li tinkludi impjiegi/attivitajiet addizzjonali fil-pass li jmiss;

23.  Jenfasizza l-potenzjal ta’ benefiċċju għall-ambjent mhux sfruttat tal-ekoinnovazzjoni, sakemm tkun mistennija li tgħin biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, sustanzi niġġiesa oħra u l-ġenerazzjoni tal-iskart, fost l-oħrajn, permezz ta’ żieda fl-użu ta’ materjali riċiklati u tal-produzzjoni ta’ prodotti ta’ kwalità li jħallu impatt anqas fuq l-ambjent, kif ukoll tiffaċilita proċessi ta’ produzzjoni u servizzi li huma favur l-ambjent; jenfasizza l-bżonn għal azzjonijiet immirati fir-rigward tad-diffikultajiet u tal-barrikati li jikkostitwixxu ostakoli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ekoinnovazzjoni u tal-internazzjonalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti u servizzi;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi rakkomandazzjonijiet dwar l-ekoinnovazzjoni speċifiċi fis-Semestru Ewropew sabiex tippromwovi t-tkabbir sostenibbli

25.  Jagħraf li l-ekoinnovazzjoni tippreżenta opportunitajiet ċari għal negozji “niċċa” ġodda, u toffri possibilitajiet għall-SMEs, għas-“self-starters”, għal dawk li jaħdmu għal rashom u l-imprendituri, li jibbenefikaw minn swieq u mudelli ġodda ta’ negozju, kif ukoll tagħti ħajja ġdida lis-setturi ekonomiċi tradizzjonali eżistenti billi tagħtihom possibilitajiet biex iħaddru l-impjiegi eżistenti, billi jadattaw għal metodi ta' produzzjoni u ta' ħidma li jkunu sostenibbli u effiċjenti mill-użu tar-riżorsi;

26.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ sistematiku għall-politka tal-eko-innovazzjoni, b’kundizzjonijiet sodi ta’ qafas li jippermettu kundizzjonijiet ekwi għall-eko-innovazzjoni fin-negozji u infrastruttura li tippermetti lin-negozji u lill-konsumaturi jagħmlu għażliet sostenibbli;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw ekostandards għall-akkwist pubbliku biex jiżdied ir-rwol tal-konsumatur inizjali tal-istituzzjonijiet pubbliċi;

28.  Jinnota partikolarment l-importanza tal-aċċess għal żvilupp adattat ta’ taħriġ u ħiliet fi ħdan il-qafas tal-ekoinnovazzjoni, biex tiġi provduta forza tax-xogħol tas-sengħa għal in jimpjega, biex iż-żgħażagħ jiġu mgħammra bl-għarfien, ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jsibu impjieg bl-opportuniatjiet tal-innovazzjonijiet emerġenti, u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tal-ħaddiema minn setturi li sejrin lura lejn setturi emerġenti ġodda u ħodor; jenfasizza f’dan ir-rigward l-opportunitajiet offruti mill-"apprendistati rurali" u forom oħra ta’ taħriġ vokazzjonali għall-iżvilupp ta' dawn is-settijiet ta’ ħiliet ġodda;

29.  Jirrakkomanda li jiġi promoss il-potenzjal kreattiv u innovattiv taż-żgħażagħ biex dawn jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli, u li jitjieb l-aċċess tagħhom għall-fondi;

UE, l-Istati Membri u r-reġjuni

30.  Jenfasizza l-ħtieġa għas-simplifikazzjoni tal-kunċett tal-ekoinnovazzjoni fl-oqsma politiċi kollha, minħabba li l-ekoinnovazzjoni hija qasam tal-politika transversali; Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu kooperazzjoni fil-ministeri u l-livelli tal-politka u jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-politki fuq bażi regolari;

31.  Jitlob lill-atturi prinċipali kollha jaħdmu flimkien fuq it-tkabbir, l-innovazzjoni u l-impjiegi ekoloġiċi f’kull settur u biex jagħmlu użu mill-istrumenti eżistenti bħal pjattaformi teknoloġiċi, bordijiet esperti fuq il-ħiliet, inizjattivi konġunti tat-teknoloġija, swieq ewlenin, raggruppamenti u gruppi industrijali ta’ livell għoli;

32.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu leġiżlazzjoni ġdida u jsaħħu l-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam tal-iżvilupp u l-użu tal-enerġiji rinovabbli u jżidu l-effiċjenza tal-enerġija, jipprovdu ċertezza legali u kundizzjonijiet ekwi u jagħtu spinta lill-investiment pubbliku u privat;

33.  Jitlob lill-Istati Membri jtejbu l-koordinazzjoni ta’ dawn il-politki u b’mod partikolari jappoġġjaw l-isħubiji reġjonali għat-tkabbir, l-innovazzjoni, l-impjiegi u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel, kif ukoll inizjattivi transkonfinali;

34.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-potenzjal ta’ impjieg tal-kunċett tal-ekoinnovazzjoni f’ekonomija sostenibbli; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi pjattaforma li tippermetti lill-Istati Membri jikkoordinaw l-isforzi tagħhom fil-ħolqien ta’ impjiegi u tkabbir sostenibbli ġodda;

35.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaqsmu l-esperjenzi u l-aħjar prattiki fil-qasam tal-opportunitajiet tax-xogħol meta jittrattaw l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tat-tibdil fil-klima;

36.  Jitlob għall-integrazzjoni orizzontali tal-kunċett tal-ekoinnovazzjoni fil-fondi strutturali u ta’ koeżjoni; jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, f’konformità mal-arkitettura legali u istituzzjonali ta’ kull Stat Membru, jadottaw strateġiji ta’ żvilupp f’konformità mal-objettivi tal-Istrateġija UE 2020, bil-għan li jinħolqu impjiegi ġodda f’ekonomija sostenibbli;

37.  Huwa tal-fehma li l-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti u proposta tal-UE għandha potenzjal sinifikanti biex toħloq impjiegi ġodda f’oqsma bħall-arja, il-ħamrija u l-ilma, l-enerġija, is-servizzi pubbliċi, l-agrikoltura, it-trasport, it-turiżmu, il-foresta u l-immaniġġjar ambjentali u jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw din il-leġiżlazzjoni;

38.  Jinsisti dwar l-urġenza li titjieb l-effiċjenza tas-suq tal-karbonju tal-UE biex tingħata ċ-ċertezza tal-investment lit-teknoloġiji li jirrispettaw l-ambjent;

39.  Jitlob għall-ħolqien ta’ rbit isħaħ bejn ir-riċerka bażika u l-innovazzjoni industrijali u bejn l-innovazzjoni u l-proċess tal-manifattura; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda’ studji ta’ każijiet ta’ riċerka/konsultazzjoni dwar l-eko-innovazzjoni għal kull Stat Membru;

40.  Jisħaq li l-ekoinnovazzjoni tal-UE tistimula aktar effiċjenza tar-riżorsi lil hinn mill-fruntieri tagħna, u b’hekk tnaqqas il-qerda tar-riżorsi globali; għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-istrateġiji nazzjonali tagħhom tal-effiċjenza tar-riżorsi u jaqsmu l-għarfien tagħhom f’fora internazzjonali;

41.  Jenfasizza l-importanza li l-aħjar prattiki tal-ekoinnovazzjoni jiġu integrati aħjar fl-ekonomija reali sabiex il-progress ikun iktar viżibbli fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies;

42.  Jenfasizza li r-riċerka hija l-bażi għall-innovazzjoni u l-ekoinnovazzjoni. jindika l-prospetti kbar għal tkabbir li ġġib magħha l-ekoinnovazzjoni kif ukoll il-potenzjal tal-Ewropa biex, f’dan il-qasam, tkun fuq quddiem nett mad-dinja kollha, kif ukoll l-opportunitajiet li dan jimplika għal impjiegi ġodda u ta’ kwalità;

43.  Iqis l-ekoinnovazzjoni bħala konformi bis-sħiħ mar-riċerka u l-innovazzjoni u mal-prijoritajiet ta' investiment dwar il-klima u l-ambjent fil-perjodu ta' ipprogrammar dwar il-fondi strutturali li jmiss;

44.  Jenfasizza r-rwol vitali li jista’ jkollhom is-sħubiji u s-sinerġiji bejn is-settur tal-edukazzjoni, il-kumpaniji u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, biex jipprovdu t-taħriġ relevanti, inklużi ħiliet relatati ma’ "STEM" kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, gwida għall-karriera, apprendistati mħallsa u ta’ kwalità, u opportunitajiet ta’ tagħlim duwali, biex jippermettu aċċess wiesgħa għall-opportunitajiet tal-impjiegi u impjiegi ta’ kwalità li qed joħorġu permezz tal-ekoinnovazzjoni;

45.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu inċentivi għan-negozji, partikolarment għall-SMEs, biex jippromwovu investimenti ikbar fl-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp tas-settur privat; jilqa', f'dan ir-rigward, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni;

46.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni transkonfinali biex jassiguraw id-diffużjoni tat-teknoloġija u l-aħjar prattiki fl-UE, u b’hekk iżidu l-kompetittività tal-Ewropa;

47.  Jitlob li jiġi promoss l-isfruttament tal-aqwa ekoinnovazzjonijiet, b’mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn, pereżempju, proċess aktar effettiv tal-produzzjoni tal-faħam, tojlits nexfin għall-ikkompostjar, l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, sistemi tal-purifikazzjoni tal-ilma u bosta innovazzjonijiet oħra, jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja b’mod sinifikanti u bi spejjeż relattivament baxxi, itejbu s-saħħa u jippromwovu l-intraprenditorija u l-impjiegi sostenibbli;

48.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, fil-qafas tal-provvista ta’ tranżizzjoni soċjalment responsabbli lejn impjiegi ħodor u ta’ kwalità għolja, jużaw mill-aktar fis il-Fond Sojali Ewropew għal programmi maħsuba għat-tisħiħ tal-ħiliet, għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid tal-impjegati.

Iffinanzjar tal-eko-innovazzjoni

49.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-benefiċċji tal-politiki fiskali u jitlob lill-Istati Membri jmexxu t-taxxi minn fuq l-impjieg għal fuq l-użu tar-riżorsi u t-tniġġis, sabiex jagħtu spinta lill-ekoinnovazzjoni;

50.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni tiddefinixxi s-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent b'riżultat ta' "azzjoni tal-gvern li tikkonferixxi vantaġġ lil konsumaturi jew produtturi, sabiex jiġi ssupplimentat id-dħul tagħhom jew jitnaqqsu l-ispejjeż tagħhom iżda li, minħabba f'hekk, issir diskriminazzjoni fil-konfront ta' prattiki ambjentali tajba"; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw mingħajr dewmien pjanijiet konkreti għat-tneħħija gradwali tas-sussidji dannużi għall-ambjent ibbażati fuq din id-definizzjoni;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jneħħu gradwalment u progressivament is-sussidji kollha dannużi għall-ambjent sal-2020, inklużi sussidji u sostenn finanzjarju fuq fjuwils fossili, u sussidji li jinċentivizzaw l-użu ineffiċjenti tar-riżorsi rinnovabbli, u jirraportaw dwar il-progress li sar permezz tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma;

52.  Jenfasizza li l-ekoinnovazzjoni għandha tibbenefika mill-istrumenti finanzjarji emerġenti tal-UE u mill-mezzi tal-inizjattivi ewlenin, Unjoni għall-Innovazzjoni u Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi, kif ukoll il-Politika ta' Koeżjoni ta' wara l-2013 u Orizzont 2020;

53.  Iqis li huwa importanti li eko-innovazzjonijiet u teknoloġiji ambjentali jkunu vijabbli finanzjament u kompetittivament fuq perjodu twil; iqis li sostenn pubbliku għall-investiment għandu jħeġġeġ metodi ta' produzzjoni favur l-ambjent f'każijiet fejn jingħata sostenn pubbliku;

54.  Jilqa’ l-possibbiltajiet ta’ finanzjament tal-ekoinnovazzjoni taħt il-Politika Komuni dwar l-Agrikoltura u l-programmi COSME, Orizzont 2020 u LIFE, filwaqt li jinsisti li aktar fondi għandhom ikunu disponibbli biex iżidu l-applikazzjoni prattika tal-ekoinnovazzjonijiet diġà żviluppati;

55.  Jitlob lill-Kummissjoni timplimenta l-istrumenti meħtieġa u talloka biżżejjed riżorsi baġitarji biex tiżgura tranżizzjoni bla xkiel bejn il-programmi CIP u Orizzont 2020 fir-rigward tal-ekoinnovazzjoni, u biex ittaffi l-limitazzjonijiet proċedurali u toqol finanzjarju fuq in-negozji żgħar u ta’ daqs medju; jirrimarka li l-parteċipazzjoni bbilanċjata mil-lat ta' ġeneru fit-teħid ta' deċiżjonijiet fil-fażijiet u l-aspetti kollha hija essenzjali;

56.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkludu l-eko-innovazzjoni fl-istrateġiji tagħhom għall-perjodu bejn l-2014-2020 bħala mezz ta’ promozzjoni tal-ekonomija ekoloġika, it-tkabbir u l-impjiegi ġodda, u b’hekk jiżguraw l-iżvilupp tal-intraprenditorija fuq kundizzjonijiet ekwi u tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn id-dinja tal-edukazzjoni, in-negozju u x-xjenza;

57.  Jenfasizza, li għalkemm l-oqsma ta' prijorità attwali għas-Sejħa għall-Ekoinnovazzjoni 2012 huma limitati għal numru ta' oqsma ta' konċentrazzjoni, l-inizjattiva ekoinnovazzjoni hi programm trasversali li tappoġġja proġetti ta' ekoinnovazzjoni f'setturi differenti; itenni għaldaqstant li s-setturi u l-attivitajiet kummerċjali kollha għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni, speċifikament, tipprogramma riżorsi definiti b’mod ċar iffukati u infurzati għal proġetti ta’ replikazzjoni tas-suq, kapital ta’ riskju, netwerking u internazzjonalizzazzjoni għall-ekoinnovazzjonijiet u l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom fl-UE mill-SMEs;

59.  Jemmen li peress li mudelli ġodda ta’ kummerċ qed jibdew iċaqalqu katini ta’ provvisti tradizzjonali, il-kapaċità li tieħu inkunsiderazzjoni l-globalizzazzjoni u l-effetti tagħha fuq l-ekonomija tal-UE u l-katini tal-provvisti fuq il-perjodu ta’ finanzjament li jmis għandhom ikunu riflessi aħjar fil-prijoritajiet għall-Inizjattiva tal-Eko-innovazzjoni;

60.  Jemmen li l-potenzjal tal-SMEs u l-kooperattivi fil-promozzjoni tal-ekoinnovazzjoni għadu ma ġiex eżawrit; għalhekk jitlob għal possibbiltajiet ta’ finanzjament speċifiċi għall-SMEs u l-kooperattivi fir-rigward tal-kunċetti tal-ekoinnovazzjoni;

61.  Huwa konvint li huma meħtieġa għodod finanzjarji innovattivi sabiex jitjiebu l-opportunitajiet għall-bini tal-kapaċità u n-netwerking;

62.  Jenfasizza li żieda fil-fondi trid isseħħ flimkien ma’ simplifikazzjoni ta’ proċeduri ta’ finanzjament;

63.  Jenfasizza li l-politika futura dwar il-koeżjoni tinkludi strateġija intelliġenti ta' speċjalizzazzjoni bħala kundizzjonalitá ex-ante għar-reġjuni tal-UE; iħeġġeġ lir-reġjuni jniedu kampanji li jqajmu l-kuxjenza mmirati lejn il-gruppi fil-mira kollha bil-għan li tiġi integrata l-ekoinnovazzjoni fi strateġijai intelliġenti ta' speċjalizzazzjoni reġjonali u nazzjonali;

o
o   o

64.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 74 E, 13.3.2012, p. 11.
(2) ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 59.
(3) ĠU C 56 E, 26.2.3013, p. 106.
(4) ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 75.
(5) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 15.
(6) ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 89.
(7) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 108.
(8) ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 81.
(9) ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 6.
(10) ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 38.
(11) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 115.
(12) ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza