Emendi adottati mill-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (COM(2013)0266 – C7-0125/2013 – 2013/0139(COD))(1)
Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (Test b'relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),
[...]
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1) Skont l-Artikolu 26(2) tat-TFUE, is-suq intern għandu jikkostitwixxi żona mingħajr fruntieri interni li fiha jkun żgurat il-moviment liberu tal-oġġetti, il-persuni, is-servizzi u l-kapital. Il-frammentazzjoni tas-suq intern hi ta' ħsara għall-kompetittività, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Unjoni. L-eliminazzjoni tal-ostakli diretti u indiretti għall-funzjonament xieraq tas-suq intern hija essenzali għat-tlestija tiegħu. L-azzjoni tal-Unjoni fir-rigward tas-suq intern fis-settur tas-servizzi finanzjarji bl-imnut diġà kkontribwiet sostanzjalment għall-iżvilupp tal-attività transfruntiera tal-fornituri tas-servizzi tal-ħlas, it-titjib tal-għażla tal-konsumatur u żieda fil-kwalità u t-trasparenza tal-offerti.
(2) F'dan ir-rigward, id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE(2) ("id-Direttiva dwar is-Servizzi ta' Ħlas") [...] stabbiliet rekwiżiti ta' trasparenza bażika għal ħlasijiet imposti mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas fir-rigward ta' servizzi offruti fuq kontijiet tal-ħlas. Dan iffaċilita sostanzjalment l-attività tal-fornituri tas-servizzi ta' ħlas, ħoloq regoli uniformi fir-rigward tal-forniment tas-servizzi tal-ħlas u l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta, naqqas il-piż amministrattiv u ġġenera ffrankar fl-ispejjeż għall-fornituri tas-servizzi tal-ħlas.
(2a) Il-funzjonament bla problemi tas-suq intern u l-iżvilupp ta’ ekonomija moderna u soċjalment inklussiva jiddependu dejjem iżjed fuq il-forniment universali ta’ servizzi tal-ħlas. Billi l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas, meta jaġixxu skont il-loġika tas-suq, għandhom ħabta jiffukaw fuq konsumaturi li huma attraenti f’sens kummerċjali u effettivament iħallu konsumaturi vulnerabbli mingħajr l-istess għażla ta’ prodotti, il-leġiżlazzjoni l-ġdida f’dan ir-rigward għandha tkun parti minn strateġija ekonomika intelliġenti għall-Unjoni.
(3) Madankollu, kif indikat mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2012 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-Aċċess għas-Servizzi Bankarji Bażiċi(3), għandu jsir aktar sabiex jittejjeb u jiġi żviluppat is-suq intern għal attivitajiet bankarji bl-imnut. Dawn l-iżviluppi għandhom jimxu id f’id mal-isforz biex is-settur finanzjarju fl-Unjoni jibda jaqdi n-negozji u l-konsumaturi. Attwalment, in-nuqqas ta' trasparenza u komparabilità tat-tariffi, kif ukoll id-diffikultajiet fil-bdil tal-kontijiet tal-ħlas għadhom joħolqu ostakli għall-istabbiliment ta' suq integrat għalkollox. Il-problema tal-kwalità diverġenti tal-prodotti u tan-nuqqas ta’ kompetizzjoni fl-attivitajiet bankarji bl-imnut għandha tiġi trattata u għandhom jintlaħqu standards ta’ kwalità għolja.
(4) Il-kundizzjonijiet attwali tas-suq intern jistgħu jiskoraġġixxu lill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-istabbiliment jew li jipprovdu servizzi fl-Unjoni minħabba d-diffikultà biex jiġbdu klijenti meta jidħlu f'suq ġdid. Id-dħul fi swieq ġodda ħafna drabi jinvolvi investimenti kbar. Dawn l-investimenti huma ġġustifikati biss jekk il-fornitur jipprevedi biżżejjed opportunitajiet u domanda korrispondenti min-naħa tal-konsumaturi. Il-livell baxx ta' mobbiltà tal-konsumaturi fir-rigward tas-servizzi finanzjarji bl-imnut huwa fil-biċċa l-kbira dovut għan-nuqqas ta' trasparenza u komparabilità fir-rigward tat-tariffi u s-servizzi offruti, kif ukoll diffikultajiet fir-rigward tal-bdil ta' kontijiet tal-ħlas. Dawn il-fatturi wkoll joħonqu d-domanda. Dan huwa partikolarment veru fil-kuntest transfruntier.
(5) Barra minn hekk, ostakli sinifikanti għat-tlestija tas-suq intern fil-qasam tal-kontijiet tal-ħlas jistgħu jinħolqu mill-frammentazzjoni tal-oqfsa regolatorji nazzjonali eżistenti. Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-livell nazzjonali fir-rigward tal-kontijiet tal-ħlas, u partikolarment fir-rigward tal-komparabilità tat-tariffi u l-bdil tal-kontijiet tal-ħlas ivarjaw. Għall-bdil, in-nuqqas ta' miżuri vinkolanti uniformi fil-livell tal-Unjoni wassal għal prattiki u miżuri diverġenti fuq livell nazzjonali. Dawn id-differenzi huma saħansitra aktar evidenti fil-qasam tal-komparabilità tat-tariffi, fejn l-ebda miżura, lanqas ta' natura awtoregolatorja, ma teżisti fil-livell tal-Unjoni. Jekk dawn id-differenzi jsiru iktar sinifikanti fil-futur, billi l-banek għandhom it-tendenza li jfasslu l-prattiki tagħhom għas-swieq nazzjonali, dan jgħolli l-ispiża għal min jopera b'mod transfruntier relattivament mal-ispejjeż li jġorru l-fornituri domestiċi u għalhekk jagħmel l-eżerċizzju tan-negozju transfruntier inqas attraenti. L-attività transfruntiera fis-suq intern hija mxekkla minn ostakli li jwaqqfu lill-konsumaturi milli jiftħu kont tal-ħlas barra l-pajjiż. Il-kriterji tal-eliġibbiltà restrittivi eżistenti jistgħu jwaqqfu liċ-ċittadini tal-Unjoni milli jiċċaqalqu liberament fl-Unjoni. Li l-konsumaturi kollha jiġu pprovduti b'aċċess għal kont tal-ħlas jippermetti l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq intern u jippermettilhom li jiksbu l-benefiċċji tas-suq intern.
(6) Barra minn hekk, peress li xi klijenti prospettivi ma jiftħux kontijiet, jew minħabba li huma mċaħħda minn dan jew għaliex ma jiġux offruti prodotti adegwati, id-domanda potenzjali għas-servizzi tal-kont tal-ħlas fl-Unjoni bħalissa mhijiex sfruttata b'mod sħiħ. Il-parteċipazzjoni iktar wiesgħa tal-konsumatur fis-suq intern tagħti aktar inċentivi lill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas li jidħlu fi swieq ġodda. Barra minn hekk, il-ħolqien tal-kundizzjonijiet li jippermettu lill-konsumaturi kollha biex ikollhom aċċess għal kont tal-ħlas huwa mezz neċessarju għat-trawwim tal-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq intern u biex jingħataw il-possibilità li jaħsdu l-benefiċċji li ġab miegħu s-suq intern.
(7) It-trasparenza u l-komparabilità tat-tariffi ġew indirizzati f'inizjattiva awtoregolatorja, mibdija mill-industrija bankarja. Madankollu, ma nstab l-ebda ftehim finali dwar dawn il-linji gwida. F'dak li għandu x'jaqsam mal-bdil, il-prinċipji komuni stabbiliti fl-2008 mill-Kumitat għall-Industrija Bankarja Ewropea jipprovdu mekkaniżmu mudell għall-bdil bejn kontijiet bankarji offrut minn fornituri tas-servizzi tal-ħlas li jinsabu fl-istess Stat Membru. Madankollu, minħabba n-natura mhux vinkolanti tagħhom, dawn il-prinċipji komuni ġew applikati b'mod inkonsistenti madwar l-Unjoni u b'riżultati ineffettivi. Barra minn hekk, il-Prinċipji Komuni jindirizzaw biss il-bdil tal-kontijiet tal-bank fil-livell nazzjonali u ma jindirizzawx il-bdil transfruntier. Fl-aħħar nett, rigward l-aċċess għal kont bażiku tal-ħlas, [...] ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/442/UE [...](4) stiednet lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni tagħha mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-pubblikazzjoni tagħha. Sal-lum, ftit Stati Membri biss jikkonformaw mal-prinċipji ewlenin tar-Rakkomandazzjoni.
(8) Sabiex tkun permessa l-mobbiltà finanzjarja effettiva u mingħajr xkiel fit-tul, huwa essenzjali li jiġi stabbilit sett uniformi ta’ regoli sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-mobbiltà baxxa tal-konsumaturi u b’mod partikolari sabiex jittejjeb it-tqabbil tas-servizzi u t-tariffi tal-kontijiet tal-ħlas u biex ikun hemm inċentiv għall-bdil tal-kontijiet tal-ħlas kif ukoll biex jiġi evitat li l-konsumaturi li biħsiebhom jakkwistaw kont tal-ħlas transfruntier jiġu diskriminati abbażi tar-residenza. Barra minn hekk, huwa essenzjali li jiġu adottati miżuri adegwati biex titrawwem il-parteċipazzjoni tal-klijenti fis-suq tal-kontijiet tal-ħlas. Dawn il-miżuri se jinċentivaw id-dħul għall-fornituri ta' servizzi tal-ħlas fis-suq intern u se jiżguraw ambjent ekwu, u b'hekk tissaħħaħ il-kompetizzjoni u l-allokazzjoni effiċjenti ta' riżorsi fis-suq finanzjarju bl-imnut tal-Unjoni għall-benefiċċju tan-negozji u l-konsumaturi. Barra minn hekk, informazzjoni trasparenti dwar it-tariffi flimkien mad-dritt ta’ aċċess għal servizzi ta’ kont bażiku jippermettu liċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu u jagħmlu għażliet aktar faċilment fl-Unjoni u għalhekk jibbenefikaw minn suq intern li jiffunzjona b’mod sħiħ fil-qasam tas-servizzi finanzjarji bl-imnut u jikkontribwixxu għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku u għall-iżvilupp ulterjuri tas-suq intern.
(8a) Huwa essenzjali wkoll li jiġi żgurat li din id-Direttiva ma xxekkilx l-innovazzjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji bl-imnut. Kull sena, isiru vijabbli teknoloġiji ġodda, li jistgħu jirrendu l-mudell attwali tal-kontijiet tal-ħlas skadut. B’mod partikolari, is-servizzi bankarji bil-mowbajl, is-servizzi tat-tip peer-to-peer u l-kards tal-ħlas b’valur maħżun għandhom jiġu inkoraġġuti bħala alternattivi għas-servizzi bankarji tradizzjonali.
(9) Din id-Direttiva tapplika għal kontijiet tal-ħlas miżmuma mill-konsumaturi. Konsegwentement, kontijiet miżmuma minn negozji, anki żgħar jew mikrointrapriżi, sakemm mhux miżmuma f'kapaċità personali, huma barra mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Barra minn hekk, din id-Direttiva ma tkoprix kontijiet ta' tfaddil, li jista' jkollhom funzjonijiet ta' ħlas aktar limitati. Barra minn hekk, din id-Direttiva ma tkoprix il-karti tal-kreditu, li mhumiex fundamentali għall-ilħuq tal-għanijiet tagħha tat-titjib tal-inklużjoni finanzjarja u tal-funzjonament tas-suq intern.
(10) Id-definizzjonijiet li hemm f'din id-Direttiva huma allinjati ma' dawk li hemm f'leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni, u b'mod partikolari dawk tad-Direttiva 2007/64/KE u dawk tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxu rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemendaw ir-Regolament (KE) Nru 924/2009(5).
(11) Huwa importanti li l-konsumaturi jkunu kapaċi jifhmu t-tariffi sabiex ikunu jistgħu jqabblu l-offerti minn fornituri differenti ta' servizzi tal-ħlas u jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar liema kont huwa l-aktar adattat għall-ħtiġijiet tagħhom. Paragun bejn it-tariffi ma jistax jintlaħaq meta l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jużaw terminoloġija differenti għall-istess servizzi ▌u jipprovdu informazzjoni f'formati differenti. Terminoloġija standardizzata, flimkien ma’ informazzjoni ▌dwar it-tariffi għall-aktar servizzi ▌rappreżentattivi marbuta mal-kontijiet tal-ħlas f’format konsistenti, jistgħu jgħinu lill-konsumaturi jifhmu u jqabblu t-tariffi.
(12) Il-konsumaturi jibbenefikaw l-aktar minn informazzjoni li tkun konċiża kemm jista’ jkun, standardizzata u li jkun faċli li titqabbel bejn fornituri differenti ta’ servizzi tal-ħlas. L-għodod disponibbli għall-konsumaturi biex iqabblu offerti tal-kontijiet tal-ħlas għandhom ikunu fuq ħafna livelli u għandhom jitwettqu testijiet fost il-konsumaturi. F’dan l-istadju, it-terminoloġija tat-tariffi għandha tkun standardizzata biss għat-termini u d-definizzjonijiet l-aktar rappreżentattivi fl-Istati Membri sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni rapida.
(13) It-terminoloġija tat-tariffi għandha tiġi determinata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, filwaqt li wieħed jagħti każ tal-ispeċifiċitajiet tas-swieq lokali. ▌Fejn hu possibbli, it-terminoloġija tat-tariffi għandha tiġi standardizzata fil-livell tal-Unjoni, u b’hekk ikun possibbli t-tqabbil madwar l-Unjoni. L-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) ('ABE') għandha tistabbilixxi linji gwida biex tgħin lill-Istati Membri biex jiddeterminaw is-servizzi li jintużaw l-aktar komunement u li jikkawżaw l-ogħla spejjeż għall-konsumaturi fuq livell nazzjonali. Sabiex tinkiseb l-applikazzjoni effettiva ta’ terminoloġija standardizzata, dawn id-definizzjonijiet għandhom ikunu wiesgħa biżżejjed.
(14) Ladarba l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu ddeterminaw lista proviżorja tal-aktar servizzi rappreżentattivi marbuta ma' kontijiet tal-ħlas fuq livell nazzjonali flimkien ma' termini u definizzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tanalizzahom sabiex tidentifika, permezz ta' atti delegati, is-servizzi li huma komuni għall-maġġoranza tal-Istati Membri u tipproponi termini ▌standardizzati fil-livell tal-Unjoni ▌.
(15) Sabiex jgħinu lill-konsumaturi jqabblu b'mod faċli t-tariffi tal-kontijiet tal-ħlas fis-suq intern, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jipprovdu lill-konsumaturi b'dokument komprensiv ta' informazzjoni dwar it-tariffi li jiddikjara t-tariffi għas-servizzi kollha marbuta mal-kont tal-ħlas inkluż fil-lista tal-aktar servizzi rappreżentattivi u kwalunkwe tariffa oħra li tista' tiġi applikata għall-kont. Id-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi għandu juża t-termini u d-definizzjonijiet standardizzati stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, meta possibbli. Dan se jikkontribwixxi wkoll biex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi bejn l-istituzzjonijiet ta' kreditu li jikkompetu fis-suq tal-kontijiet tal-ħlas. ▌Sabiex jgħinu lill-konsumaturi jifhmu t-tariffi li jridu jħallsu għall-kont tal-ħlas tagħhom, glossarju li jipprovdi spjegazzjonijiet ċari, mhux tekniċi u mhux ambigwi għal tal-inqas ▌ is-servizzi marbuta mal-kont tal-ħlas u d-definizzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet relatati għandu jkun disponibbli għalihom. Il-glossarju għandu jservi bħala għodda utli biex jinkoraġġixxi fehim aħjar tat-tifsira tat-tariffi, u jikkontribwixxi sabiex tingħata s-setgħa lill-konsumatur sabiex jagħżel minn għażla usa' ta' offerti ta' kontijiet tal-ħlas. Għandu jiġi introdott ukoll obbligu għall-fornituri ta’ servizzi tal-ħlas biex jinfurmaw lill-konsumaturi, bla ħlasu għal tal-inqasfuq bażi annwali dwar it-tariffi u l-imgħax applikati għall-kont tagħhom. L-informazzjoni ex-post għandha tiġi pprovduta f'sommarju apposta. Għandha tipprovdi stampa ġenerali tal-imgħax miksub, tat-tariffi mġarrba u ta' prenotifiki ta' modifiki fit-tariffi jew ir-rati tal-imgħax. Il-konsumatur għandu jingħata l-informazzjoni meħtieġa biex jifhem ma’ xiex inhuma konnessi l-infiq tat-tariffi u l-imgħax u jivvaluta l-ħtieġa li jew jimmodifika x-xejriet tal-konsum jew imur għand fornitur ieħor. ▌
(16) Biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet tal-konsumaturi, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar it-tariffi tal-kontijiet tal-ħlas tkun preċiża, ċara u komparabbli. L-ABE għandha għalhekk, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet nazzjonali u wara li jitwettqu testijiet fost il-konsumaturi, tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni rigward format ta' preżentazzjoni standardizzat għad-dokument tal-informazzjoni dwar it-tariffi u d-dikjarazzjoni dwar it-tariffi u s-simboli komuni, sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu jinftiehmu u komparabbli għall-konsumaturi. ▌Id-dokument tal-informazzjoni dwar it-tariffi u d-dikjarazzjoni dwar it-tariffi għandhom ikunu jintgħarfu b'mod ċar minn komunikazzjonijiet oħra. ▌
(17) Sabiex jiżguraw [...] użu konsistenti tat-terminoloġija applikabbli fuq il-livell tal-Unjoni madwar l-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu obbligu għall-fornituri tas-servizzi tal-ħlas sabiex jużaw it-terminoloġija applikabbli fil-livell tal-Unjoni flimkien mat-terminoloġija standardizzata nazzjonali li tibqa' identifikata fil-lista provviżorja meta jikkomunikaw mal-konsumaturi, inkluż fid-dokument tal-informazzjoni dwar it-tariffa u d-dikjarazzjoni tat-tariffi. Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom ikunu jistgħu jużaw ismijiet ta’ ditti fid-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi jew id-dikjarazzjoni tat-tariffi biex jiddeżinjaw is-servizzi jew il-kontijiet tal-ħlasijiet tagħhom sakemm dan ikun b’żieda mat-terminoloġija standardizzata u bħala deżinjazzjoni sekondarja tas-servizzi jew il-kont offruti.
(18) Siti tal-internet tat-tqabbil indipendenti huma mezz effettiv għall-konsumaturi sabiex jivvalutaw il-merti ta' kontijiet tal-ħlas differenti fi spazju wieħed. Tali siti tal-internet jistgħu jipprovdu l-aħjar bilanċ bejn il-bżonn li l-informazzjoni tkun ċara u konċiża, iżda sħiħa u komprensiva, billi jippermettu lill-utenti jiksbu informazzjoni aktar dettaljata fejn dan huwa ta' interess għalihom. Jistgħu wkoll inaqqsu l-ispejjeż tat-tiftix billi l-konsumaturi ma jkollhomx għalfejn jiġbru l-informazzjoni separatament mingħand fornituri tas-servizzi tal-ħlas. Huwa kruċjali li l-informazzjoni mogħtija f'tali siti tal-internet tkun affidabbli, imparzjali u trasparenti u li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar id-disponibbiltà tagħha. F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw attivament lill-pubbliku dwar tali siti tal-internet.
(19) Sabiex jiksbu informazzjoni imparzjali dwar it-tariffi ċċarġjati u r-rati tal-imgħax applikati għall-kontijiet tal-ħlas, il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jaċċessaw siti tal-internet tat-tqabbil li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku u indipendenti mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas. L-Istati Membri għandhom għalhekk jaraw li l-konsumaturi jkollhom aċċess b'xejn għal mill-anqas sit tal-internet wieħed indipendenti u aċċessibbli għall-pubbliku fit-territorji rispettivi tagħhom. Dawn is-siti tal-internet tat-tqabbil jistgħu jitħaddmu minn, jew f'isem, l-awtoritajiet kompetenti, jew minn awtoritajiet pubbliċi oħra u/jew minn operaturi privati akkreditati. Sabiex tiżdied il-fiduċja tal-konsumaturi f’siti tal-internet tat-tqabbil oħra disponibbli, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skema volontarja ta’ akkreditazzjoni li tippermetti lill-operaturi privati ta’ siti tal-internet tat-tqabbil sabiex japplikaw għall-akkreditazzjoni skont kriterji tal-kwalità speċifikati. Sit tal-internet tat-tqabbil operat minn, jew f'isem, awtorità kompetenti jew awtorità pubblika oħra għandu jiġi stabbilit fejn ma jkunx ġie akkreditat sit tal-internet operat privatament. Dawn is-siti tal-internet għandhom huma wkoll jikkonformaw mal-kriterji tal-kwalità.
(20) Hija l-prattika kurrenti li l-fornituri ta' servizzi tal-ħlas joffru kont tal-ħlas f'pakkett ma' prodotti jew servizzi finanzjarji oħra. Din il-prattika tista' tkun mezz sabiex il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jiddiversifikaw l-offerta tagħhom u jikkompetu kontra xulxin, u fl-aħħar mill-aħħar tista' tkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi. Madankollu l-istudju tal-Kummissjoni dwar prattiki ta' abbinar fis-settur finanzjarju mwettaq fl-2009 kif ukoll il-konsultazzjonijiet rilevanti u l-ilmenti tal-konsumaturi wrew li l-fornituri ta' servizzi tal-ħlas jistgħu joffru kontijiet bankarji marbuta f'pakkett ma' prodotti mhux mitluba mill-konsumaturi u li mhumiex essenzjali għal kontijiet tal-ħlas, bħal assigurazzjoni tad-djar. Barra minn hekk, ġie osservat li dawn il-prattiki jistgħu jnaqqsu t-trasparenza u l-komparabbiltà tal-prezzijiet, jillimitaw l-għażliet tax-xiri għall-konsumaturi u jkollhom impatt negattiv fuq il-mobbiltà tagħhom. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jaraw li meta l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas joffru kontijiet tal-ħlas marbuta f’pakketti l-konsumaturi jkunu pprovduti b’informazzjoni dwar jekk huwiex possibbli li l-kont tal-ħlas jinxtara separatament u jekk iva dwar il-kost u l-miżati applikabbli assoċjati ma' kull wieħed mill-prodotti jew mis-servizzi finanzjarji l-oħra inklużi fil-pakkett ▌.
(21) Il-konsumaturi [...] huma inċentivati biex ibiddlu l-kontijiet biss jekk il-proċess ma jinvolvix piż amministrattiv u finanzjarju eċċessiv. Il-proċedura biex wieħed jaqleb il-kont tal-ħlas għal fornitur ieħor ta' servizzi tal-ħlas għandha tkun ċara, rapida u sikura. Jekk jiġu imposti tariffi mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas fir-rigward tas-servizz ta' bdil, għandhom ikunu raġonevoli u skont l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2007/64/KE. Sabiex ikun hemm impatt pożittiv fuq il-kompetizzjoni, il-bdil għandu jkun iffaċilitat f'livell transfruntier. Peress li l-bdil transfruntier jista’ jkun iktar kumpless mill-bdil fil-livell nazzjonali u jista’ jirrikjedi li l-fornituri ta’ servizzi tal-ħlas jadattaw u jirfinaw il-proċeduri interni tagħhom, għandhom jiġu previsti perjodi tranżitorji itwal fir-rigward ta' servizz ta' bdil bejn fornituri tas-servizzi tal-ħlas stabbiliti fi Stati Membri differenti.
(21a) L-Istati Membri għandhom jitħallew, fir-rigward ta' bdil meta żewġ fornituri tas-servizzi tal-ħlas ikunu stabbiliti fit-territorju tagħhom, jistabbilixxu jew iżommu arranġamenti li jvarjaw minn dawk previsti f'din id-Direttiva jekk dan, b'mod ċar, ikun fl-interess tal-konsumatur.
(22) Il-proċess ta' bdil għandu jkun ċar kemm jista' jkun għall-konsumatur. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju jkun responsabbli għat-tnedija u l-ġestjoni tal-proċess għan-nom tal-konsumaturi.
(23) Bħala regola ġenerali u bil-kundizzjoni li l-konsumatur ikun ta l-kunsens tiegħu,il-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju għandu jwettaq, f’isem il-konsumatur, il-bdil tal-ħlasijiet rikorrenti, kif ukoll ▌jittrasferixxi kwalunkwe bilanċ pożittiv li jkun fadal, idealment f’laqgħa waħda mal-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju. Għal dan l-għan, il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jiffirmaw awtorizzazzjoni waħda li tagħti jew tirrifjuta l-kunsens għall-azzjonijiet imsemmija. Qabel ma jagħti l-awtorizzazzjoni, il-konsumatur għandu jiġi infurmat dwar il-passi kollha tal-proċedura li huma meħtieġa biex jitwettaq il-bdil.
(24) Il-kooperazzjoni tal-fornitur tas-servizzi li titrasferixxi hija meħtieġa sabiex il-bdil jirnexxi. Il-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju għandu jkun jista' jitlob jew lill-konsumatur jew, meta meħtieġ, lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi biex jipprovdi l-informazzjoni li jqis li hi neċessarja sabiex iċaqlaq il-ħlasijiet rikorrenti fuq il-kont tal-ħlas il-ġdid. Madankollu, tali informazzjoni ma għandhiex taqbeż dak li hu meħtieġ sabiex jitwettaq il-bdil u l-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju ma għandux jitlob għal informazzjoni li ma tkunx neċessarja.
(25) Il-konsumaturi ma għandhomx jiġu soġġetti għal pieni jew għal kwalunkwe danni finanzjarji oħra kkawżati mill-indirizzar ħażin ta' trasferimenti 'l ġewwa ta' kreditu jew debiti diretti. Dan huwa partikolarment importanti għal ċerti kategoriji ta' min iħallas u ta' min jitħallas, bħal kumpaniji tal-utilitajiet, li jużaw mezzi elettroniċi (pereżempju bażijiet ta' dejta) biex jaħżnu l-informazzjoni dwar dettalji tal-kont tal-konsumaturi u jwettqu diversi tranżazzjonijiet perjodiċi li jinvolvu għadd kbir ta' konsumaturi.
(26) L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li l-konsumaturi li jkollhom l-intenzjoni li jiftħu kont tal-ħlas ma jiġux diskriminati abbażi tan-nazzjonalità jew tal-post ta' residenza tagħhom. Għalkemm huwa importanti li l-fornituri ta' servizzi tal-ħlas jaraw li l-klijenti tagħhom ma jużawx is-sistema finanzjarja għal skopijiet illegali bħal frodi, ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, huma ma għandhomx jimponu xkiel għall-konsumaturi li jridu jibbenefikaw mill-vantaġġi tas-suq intern billi jixtru kontijiet tal-ħlas transfruntieri.
(27) Konsumaturi li huma legalment residenti fl-Unjoni u li ma għandhomx jiġu diskriminati minħabba n-nazzjonalità jew il-post ta' residenza tagħhom, jew għal xi raġuni oħra msemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea meta japplikaw għal, jew jaċċessaw, kont tal-ħlas fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi għandu jkun żgurat mill-Istati Membri irrispettivament miċ-ċirkostanzi finanzjarji tal-konsumatur, bħall-istatus ta' impjieg tagħhom, il-livell ta' introjtu, l-istorja kreditizja jew il-falliment personali.
(28) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kontijiet b'karatteristiċi bażiċi kif imsemmija f'din id-Direttiva jiġu offruti lill-konsumaturi mill-fornituri kollhatas-servizzi tal-ħlasli joperaw servizzi ġenerali tal-ħlas bl-imnut u li joffru kontijiet tal-ħlas bħala parti integrali min-negozju regolari tagħhom. L-aċċess ma għandux ikun diffiċli wisq u ma għandux jinvolvi spejjeż eċċessivi għall-konsumaturi. Id-dritt ta' aċċess għal kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi fi kwalunkwe Stat Membru għandu jingħata b'konformità mad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), b'mod partikolari fir-rigward ta' proċeduri ta' diliġenza dovuta tal-konsumaturi. Fl-istess ħin, id-dispożizzjonijiet ta' dik id-Direttiva waħedha m'għandhomx jintużaw bħala raġuni biex jiġu rifjutati konsumaturi kummerċjalment anqas attraenti. Għandu jitqiegħed fis-seħħ mekkaniżmu biex jgħin lill-konsumaturi mingħajr indirizz fiss, lill-persuni li jfittxu l-ażil u lill-konsumaturi li ma jingħatawx permess ta' residenza iżda li t-tkeċċija tagħhom tkun impossibbli għal raġunijiet legali biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2005/60/KE.
(28a) Sabiex l-utenti ta' kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi jingħataw servizz xieraq, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-fornituri jiżguraw li l-persunal rilevanti jitħarreġ b'mod adegwat u li kunflitti ta' interess potenzjali ma jaffettwawx lil dawk il-konsumaturi b'mod negattiv.
(29) L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeżiġu li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jivverifikaw jekk il-konsumatur għandux diġà kont tal-ħlas attiv u ekwivalenti fl-istess territorju u jeżiġu li l-konsumatur jiffirma dikjarazzjoni fuq l-unur f'dak ir-rigward. Fornituri tas-servizzi tal-ħlas m'għandhomx ikunu jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għall-aċċess għal kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi għajr fil-każijiet identifikati speċifikament f'din id-Direttiva.
(29a) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jipproċessaw l-applikazzjonijiet sal-iskadenzi stipulati f'din id-Direttiva u li f'każ ta' rifjut il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jinfurmaw lill-konsumatur dwar ir-raġunijiet speċifiċi għal dan sakemm tali divulgazzjoni ma tmurx kontra l-objettivi ta' sigurtà nazzjonali jew tal-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja.
(30) Il-konsumaturi għandhom ikunu garantiti aċċess għal firxa ta’ servizzi bażiċi tal-ħlas. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sakemm kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi jitħaddem mill-konsumatur għal użu personali, ma jkunx hemmx limitu għan-numru ta' operazzjonijiet li jiġu provduti lill-konsumatur skont ir-regoli tal-ipprezzar speċifiċi stipulati f'din id-Direttiva. Meta jiddeterminaw x'għandu jitqies bħala użu personali, l-Istati Membri għandhom iqisu l-imġiba eżistenti tal-konsumaturi u l-prattika kummerċjali komuni. Servizzi marbuta mal-kontijiet tal-ħlas bażiċi għandhom jinkludu l-faċilità li jitqiegħdu u jinġibdu l-flus. Il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jagħmlu tranżazzjonijiet tal-ħlas essenzjali bħal li jirċievu introjtu jew benefiċċji, iħallsu l-kontijiet jew it-taxxi u jixtru oġġetti u servizzi, fosthom permezz ta' debitu dirett, trasferiment ta' kreditu u l-użu ta' kard tal-ħlas. Dawn is-servizzi għandhom jippermettu x-xiri ta' oġġetti u servizzi onlajn u għandhom jagħtu lill-konsumaturi l-opportunità biex iniedu ordnijiet tal-ħlas permezz tal-faċilità tas-servizzi bankarji onlajn tal-fornitur tas-servizz tal-ħlas, fejn disponibbli. Madankollu, kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi ma għandux ikun ristrett għal użu online għaliex dan joħloq ostaklu għall-konsumaturi mingħajr aċċess għall-internet. Il-konsumaturi ma għandhomx jingħataw aċċess għal faċilità ta' overdraft ma' kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas sabiex joffru faċilitajiet ta' overdraft u prodotti kreditizji oħra bħala servizzi separati b'mod ċar lil konsumaturi ta' kontijiet tal-ħlas bażiċi, sakemm l-aċċess għall-kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi jew l-użu tiegħu ma jkunx ristrett jew ma jkunx jiddependi mix-xiri ta' tali servizzi kreditizji. Kwalunkwe tariffa imposta għal dawk is-servizzi għandha tkun trasparenti u favorevoli tal-inqas daqs il-politika ta' pprezzar normali tal-fornitur.
(31) Sabiex jiġi żgurat li kontijiet bażiċi tal-ħlas ikunu disponibbli għall-akbar firxa possibbli ta' konsumaturi, dawn għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas jew b'tariffa raġonevoli. L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jiżguraw li l-kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi jkun dejjem il-kont tal-ħlas bl-irħas tariffa għall-għoti tal-pakkett minimu ta’ servizzi tal-ħlas speċifikat fl-Istat Membru. Barra minn hekk, kwalunkwe tariffa addizzjonali imposta fuq il-konsumatur għal nuqqas ta’ konformità mat-termini stabbiliti fil-kuntratt għandha tkun raġonevoli u qatt ogħla mill-politika tal-prezzijiet regolari tal-fornitur.
(32) Il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas għandu jirrifjuta l-ftuħ jew itemm kuntratt għal kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi biss f'ċirkostanzi speċifiċi, pereżempju f'każ ta' nuqqas ta' konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jew il-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta' reati. Ukoll f'dawn il-każijiet, rifjut jista' jkun ġustifikat biss fejn il-konsumatur ma jkunx jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta' dik il-leġiżlazzjoni u mhux għaliex il-proċedura sabiex tiġi kkontrollata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tkun ta' piż żejjed jew għalja żżejjed.
(33) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitqiegħdu fis-seħħ miżuri xierqa biex jiżdied l-għarfien rigward id-disponibbiltà ta' kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi u l-proċeduri u l-kundizzjonijiet biex jintużaw kif stipulati f'din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri tal-komunikazzjoni jkunu biżżejjed u mmirati sew, u li b'mod partikolari jilħqu lill-konsumaturi bla bank, vulnerabbli u mobbli. Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom attivament iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi informazzjoni aċċessibbli u assistenza adegwata rigward il-karatteristiċi speċifiċi tal-kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi li qed jiġi offrut, it-tariffi assoċjati tagħhom u l-kundizzjonijiet tal-użu u wkoll il-passi li l-konsumaturi għandhom isegwu biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom biex jiftħu kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi. B'mod partikolari, il-konsumaturi għandhom ikunu infurmati li mhumiex obbligati jakkwistaw servizzi addizzjonali biex jiksbu aċċess għal kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi. Sabiex jiġi mminimizzat ir-riskju li l-konsumaturi jiġu esklużi finanzjarjament, l-Istati Membri għandhom itejbu l-edukazzjoni finanzjarja, inkluż fl-iskejjel, u jiġġieldu kontra d-dejn żejjed. Minbarra dan, l-Istati Membri għandhom jippromwovu inizjattivi ta' fornituri tas-servizzi tal-ħlas sabiex jiffaċilitaw it-tisħib tal-forniment ta' kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi mal-edukazzjoni finanzjarja indipendenti.
(34) L-Istati Membri għandhom jaħtru awtoritajiet kompetenti li jkollhom is-setgħa jiżguraw l-infurzar ta' din id-Direttiva u li huma mogħtija setgħat ta' investigazzjoni u infurzar. L-awtoritajiet kompetenti maħtura għandhom ikunu indipendenti mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas u għandu jkollhom riżorsi adegwati biex iwettqu dmirijiethom. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jinnominaw awtoritajiet kompetenti differenti sabiex jinfurzaw l-obbligi wiesgħa stabbiliti f'din id-Direttiva.
(35) Il-konsumaturi għandu jkollhom aċċess għal proċeduri ta' lment u rimedju barra mill-qorti għar-riżoluzzjoni ta' tilwim li jirriżulta mid-drittijiet u l-obbligi stabbiliti b'din id-Direttiva. L-aċċess għal proċeduri ta’ riżoluzzjoni alternattivi tat-tilwim għandu jkun faċli u l-korpi kompetenti għandhom jissodisfaw għadd ta’ kriterji bħar-rappreżentanza ugwali tal-fornituri u l-utenti. Dan l-aċċess huwa diġà żgurat mid-Direttiva 2013/.../UE f'dak li jirrigwarda t-tilwim kuntrattwali rilevanti. Madankollu, il-konsumaturi għandhom ikollhom ukoll aċċess għal proċeduri ta' rimedju bonarju f'każ ta' tilwim prekuntrattwali li jikkonċerna d-drittijiet u l-obbligi stabbiliti minn din id-Direttiva, pereżempju meta dawn ma jingħatawx aċċess għal kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi. Il-konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati f'din id-Direttiva tesiġi l-ipproċessar ta' dejta personali tal-konsumaturi. Dan l-ipproċessar huwa rregolat mid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta(7). Din id-Direttiva għandha għalhekk tkun konformi mar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE u l-liġijiet nazzjonali li jimplimentawhom.
(36) Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stipulati f'din id-Direttiva, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tkun iddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni tat-terminoloġija standardizzata fil-livell tal-Unjoni għas-servizzi tal-ħlas komuni għal għadd ta' Stati Membri u d-definizzjonijiet relatati għal dawn it-termini.
▌
(38) Fuq bażi annwali u għall-ewwel darba fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiksbu statistika annwali affidabbli dwar il-funzjonament tal-miżuri introdotti permezz ta’ din id-Direttiva. Huma għandhom jużaw kwalunkwe riżorsa ta' informazzjoni rilevanti u jikkomunikaw dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport annwali abbażi tal-informazzjoni riċevuta.
(39) Eżami ta' din id-Direttiva għandu jitwettaq erba' snin wara d-dħul fis-seħħ sabiex iqis l-iżviluppi tas-suq, bħall-ħolqien ta' tipi ġodda ta' kontijiet tal-ħlas u servizzi tal-ħlas, kif ukoll żviluppi f'oqsma oħra tal-liġi tal-Unjoni u l-esperjenzi tal-Istati Membri. Ir-reviżjoni għandha tivvaluta jekk il-miżuri introdotti tejbux il-fehim tal-konsumaturi dwar it-tariffi tal-kontijiet tal-ħlas, il-komparabilità tal-kontijiet tal-ħlas u kemm huwa faċli li wieħed ibiddel il-kontijiet. Għandha wkoll tiddetermina kemm ikunu nfetħu kontijiet tal-ħlas bażiċi inkluż minn konsumaturi li qabel kienu bla bank, il-perjodu ta’ pussess ta’ dan it-tip ta’ kont, in-numru ta’ rifjuti għall-ftuħ ta’ kontijiet tal-ħlas bażiċi u t-terminazzjoni ta’ dawn il-kontijiet u r-raġunijiet għalihom, kif ukoll l-ispejjeż assoċjati tagħhom. Għandha wkoll tivvaluta jekk l-iskadenzi estiżi għal fornituri ta' servizzi tal-ħlas li jwettqu bdil transfruntiera għandhomx jinżammu għal perjodu itwal. Barra minn hekk għandha tivvaluta jekk id-dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas meta joffru prodotti f'pakkett humiex biżżejjed jew jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali. Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u, jekk xieraq, akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi.
(40) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
(41) Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2011 dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni, l-Istati Membri refgħu r-responsabbiltà li jakkumpanjaw, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew iktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' Direttiva u l-partijiet li jikkorrispondu magħhom tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta' dawn id-dokumenti hija ġustifikata.
(41a) Stat Membru għandu jkun jista' jiddeċiedi, soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, li jeżenta lil fornituri tas-servizzi tal-ħlas milli joffru kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi. Il-Kummissjoni għandha tapprova l-eżenzjonijiet biss meta jkunu garantiti kundizzjonijiet indaqs bejn il-fornituri kollha tas-servizzi tal-ħlas, meta d-dritt ta' aċċess għall-konsumaturi ma jkunx ipperikolat u meta l-klijenti ta' kontijiet bażiċi ma jaffaċċawx ir-riskju ta' stigmatizzazzjoni. L-approvazzjoni m'għandhiex tirriżulta f'sitwazzjoni li fiha fornitur tas-servizzi tal-ħlas wieħed biss joffri dan il-kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi fi Stat Membru.
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU I
MATERJA, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Materja u kamp ta' applikazzjoni
1. Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar it-trasparenza u l-komparabilità tat-tariffi miżmuma lill-klijenti għall-kontijiet tal-ħlas tagħhom miżmumin fl-Unjoni Ewropea u pprovduti minn fornituri tas-servizzi tal-ħlas li jinsabu fl-Unjoni u regoli dwar il-bdil ta' kontijiet tal-ħlas fl-Unjoni.
2. Din id-Direttiva tiddefinixxi wkoll qafas għar-regoli u l-kundizzjonijiet skont liema l-Istati Membri jiggarantixxu dritt għall-konsumaturi li jiftħu u li jużaw kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi fl-Unjoni.
3. Il-ftuħ u l-użu ta' kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi, skont din id-Direttiva jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2005/60/KE.
3a. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 15 sa 19, kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi għandu jitqies bħala kont tal-ħlas għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.
4. Din id-Direttiva tapplika għal fornituri ta' servizzi tal-ħlas li jinsabu fl-Unjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet [...] li ġejjin:
(a) "konsumatur" tfisser persuna fiżika li taġixxi għal għanijiet li ma għandhomx x'jaqsmu mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħha;
(aa) "residenti legalment" jirreferi għall-istatus ta' ċittadin tal-Unjoni jew nazzjonal ta' pajjiż terz li jkun qed jirrisjedi fit-territorju tal-Unjoni, inklużi persuni li jkunu qed ifittxu l-ażil skont il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 rigward l-istatus tar-rifuġjati, il-Protokoll tal-31 ta' Jannar 1967 tagħha u trattati internazzjonali rilevanti oħra;
(b) "kont tal-ħlas" tfisser kont miżmum f'isem ta' utent wieħed jew iżjed tas-servizz tal-ħlas li jintuża għat-twettiq ta' tranżazzjonijiet tal-ħlas;
(c) "servizz tal-ħlas" tfisser servizz tal-ħlas kif iddefinit fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/64/KE;
(ca) "servizzi marbuta mal-kont tal-ħlas" tfisser is-servizzi kollha marbuta mal-operat ta' kont tal-ħlas, inklużi servizzi tal-ħlas u tranżazzjonijiet tal-ħlas fil-kamp ta' applikazzjoni tal-punt (g) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/64/KE;
(d) "tranżazzjoni tal-ħlas" tfisser att, mibdi minn min jagħmel il-ħlas jew mill-benefiċjarju, ta' tqegħid, trasferiment jew ġbid ta' fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligi ta' bażi bejn min jagħmel il-ħlas u l-benefiċjarju;
(e) (e) "fornitur tas-servizzi tal-ħlas" tfisser fornitur tas-servizzi tal-ħlas kif iddefinit fl-Artikolu 4(9) tad-Direttiva 2007/64/KE ħlief għall-finijiet tal-Kapitolu IV, fejn tfisser il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas kollha stabbiliti fit-territorju tal-Istati Membri li joperaw f'servizzi ġenerali tal-ħlas bl-imnut u li joffru kontijiet tal-ħlas bħala parti integrali min-negozju regolari tagħhom;
(f) "strument tal-ħlas" tfisser strument tal-ħlas kif iddefinit fl-Artikolu 4(23) tad-Direttiva 2007/64/KE;
(g) "fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi" tfisser il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li mingħandu hija trasferita l-informazzjoni dwar il-ħlasijiet rikorrenti kollha, jew parti minnhom;
(h) "fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju" tfisser il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li lilu hija trasferita l-informazzjoni dwar il-ħlasijiet rikorrenti kollha, jew parti minnhom;
(i) "min iħallas" tfisser pesuna fiżika jew ġuridika li jkollha kont tal-ħlas u tippermetti ordni tal-ħlas minn dak il-kont tal-ħlas, jew, fejn ma jkun hemm l-ebda kont tal-ħlas ta' min iħallas, persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel ordni tal-ħlas għall-kont tal-ħlas ta' benefiċjarju;
(j) "benefiċjarju" tfisser persuna naturali jew legali li hija r-riċevitur intiż ta' fondi li kienu s-suġġett ta' tranżazzjoni tal-ħlas;
(k) "tariffi" tfisser l-imposti u l-pieni kollha, jekk hemm, li huma pagabbli mill-konsumatur lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas għal, jew b'rabta ma', is-servizzi assoċjati mal-kont tal-ħlas;
(ka) "rata tal-imgħax tal-kreditu" tfisser kwalunke rata tal-imgħax imħallsa lill-konsumatur b'rabta ma' fondi miżmuma f'kont tal-ħlas;
(l) "mezz li jservi għal żmien twil" tfisser kwalunkwe strument li jippermetti lill-konsumatur jew il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas sabiex jaħżen informazzjoni personalment indirizzata lil dak il-konsumatur b'mod aċċessibbli għal referenza futura għal perjodu ta' żmien adegwat għall-iskopijiet tal-informazzjoni u sabiex jippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni maħżuna;
(m) "bdil" tfisser, fuq talba tal-konsumatur, trasferiment minn fornitur tas-servizz tal-ħlas għal ieħor tat-tagħrif dwar dawn li ġejjin jew xi wħud minnhom: l-istanding orders għal trasferimenti ta' kreditu, debiti diretti rikorrenti u trasferimenti ta' kreditu' l ġewwa rikorrenti eżegwiti f'kont tal-ħlas, bi jew mingħajr trasferiment tal-bilanċ tal-kont pożittiv minn kont tal-ħlas wieħed lejn l-ieħor jew l-għeluq tal-kont preċedenti.Il-bdil ma jimplikax it-trasferiment tal-kuntratt mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi għall-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju;
(n) "debitu dirett" tfisser servizz tal-ħlas li jiddebita l-kont tal-ħlas ta' min iħallas, fejn it-tranżazzjoni tal-ħlas tkun mibdija minn min jitħallas bil-kunsens tal-fornitur;
(o) "trasferiment ta' kreditu" tfisser servizz tal-ħlas ▌għall-ikkreditjar tal-kont tal-ħlas ta' benefiċjarju bi tranżazzjoni tal-ħlas jew sensiliet ta' tranżazzjonijiet tal-ħlas mill-kont tal-ħlas ta' min iħallas mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jżomm il-kont tal-ħlas ta' min iħallas, fuq il-bażi ta' struzzjoni mogħtija minn min iħallas;
(p) "standing order" tfisser servizz li jikkredita f'intervalli regolari l-kont tal-ħlas ta' benefiċjarju b'sensiela ta' tranżazzjonijiet tal-ħlas mill-kont tal-ħlas ta' min iħallas, eżegwiti mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jżomm il-kont tal-ħlas ta' min iħallas, fuq il-bażi ta' struzzjoni mogħtija minn min iħallas;
(q) "fondi" tfisser karti tal-flus, muniti u flus skritturali kif ukoll flus elettroniċi kif definiti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2009/110/KE;
(r) "kuntratt qafas" tfisser kuntratt ta' servizzi tal-ħlas li jirregola l-eżekuzzjoni futura ta' tranżazzjonjiet tal-ħlas individwali u suċċessivi u li jista' jkun fih l-obbligu u l-kundizzjonijiet biex jiġi stabbilit kont tal-ħlas;
(ra) "ġurnata tax-xogħol" tfisser ġurnata tax-xogħol kif definita fl-Artikolu 4(27) tad-Direttiva 2007/64/KE.
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 20, jiddeterminaw lista proviżorja tas-servizzil-aktar rappreżentattivi marbuta mal-kontijiet tal-ħlas fuq il-livell nazzjonali. Il-lista għandha tkopri tal-anqas l-10 servizzi l-aktar rappreżentattivi disponibbli fuq il-livell nazzjonali. Għandu jkun fiha termini u definizzjonijiet għal kull wieħed mis-servizzi identifikati, filwaqt li fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Istat Membru għandu jintuża terminu wieħed biss għal kull servizz.
(a) huma l-aktar li jintużaw mill-konsumaturi f'rabta mal-kont tal-ħlas tagħhom;
(b) jiġġeneraw l-ogħla spiża għal konsumaturi, kemm inġenerali kif ukoll għal kull unità;
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni soda ta' dawk il-kriterji għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-ABE tiżviluppa linji gwida skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 biex tgħin lill-awtoritajiet kompetenti.
3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-listi proviżorji msemmija fil-paragrafu 1 sa ... [12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva]. Fuq talba, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni komplementari rigward id-dejta li abbażi tagħha jkunu kkumpilaw dawk il-listi fir-rigward tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 2.
4. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 24, ▌li jistabbilixxu, abbażi tal-listi proviżorji sottomessi skont il-paragrafu 3, terminoloġija standardizzata tal-Unjoni għas-servizzi tal-ħlas marbuta mal-kontijiet tal-ħlas li huma komuni għall-anqas għall-maġġoranza tal-Istati Membri. It-terminoloġija standardizzata tal-Unjoni għandha tkun ċara u konċiża u għandha tinkludi termini u definizzjonijiet komuni għas-servizzi komuni. Fi kwalunkwe lingwa uffiċjali għal kull Stat Membru, terminu wieħed biss għandu jintuża għal kull servizz.
5. Wara [...] pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-atti delegati msemmija fil-paragrafu 4, kull Stat Membru jintegra mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar, it-terminoloġija standardizzata tal-Unjoni adottata skont il-paragrafu 4 fil-lista proviżorja msemmija fil-paragrafu 1 u jippubblika din il-lista.
Artikolu 4
Dokument tal-informazzjoni dwar it-tariffi u glossarju
1. L-Istati Membri jiżguraw li fi żmien debitu qabel ma jidħlu f'kuntratt għal kont tal-ħlas ma' konsumatur, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jipprovdu lill-konsumatur b'dokument ta' informazzjoni komprensiv dwar it-tariffi.Id-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi jiddikjara s-servizzi disponibbli kollha marbuta mal-kont tal-ħlas li huma inklużi fil-lista tal-aktar servizzi rappreżentattivi msemmija fl-Artikolu 3(5) u t-tarifffi li jikkorrispondu għal kwalunkwe servizz. Ikun fih ukoll kwalunkwe tariffa u rata tal-imgħax addizzjonali li jistgħu jiġu applikati għall-kont.Sabiex issir distinzjoni bejn id-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi u dokumentazzjoni kummerċjali jew kuntrattwali, jinkludi simbolu komuni fuq nett fl-ewwel paġna. L-Istati Membri jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jinfurmaw lill-konsumaturi dwar kwalunkwe modifika fit-tariffi u jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-konsumatur dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi aġġornat, meta adattat.
Meta t-tariffa għal servizz tkun valida biss għal ċerti mezzi ta' komunikazzjoni, bħal online jew permezz ta' fergħa, jew meta t-tariffa tvarja skont il-mezz użat, dan jiġi indikat b'mod ċar fid-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi.
1a. L-Istati Membri għandhomjiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas ma jimponu l-ebda tariffa mhux elenkata fid-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi.
2. Fejn wieħed jew aktar mis-servizzi tal-ħlas ▌huwa offrut bħala parti minn pakkett ta’ servizzi tal-ħlas, id-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi jiżvela t-tariffa għall-pakkett kollu,is-servizzi inklużi fil-pakkett u n-numru tagħhom, u t-tariffa għal kull servizz li mhuwiex kopert mit-tariffa tal-pakkett.▌
▌
5. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu obbligu fuq il-fornituri ta' servizzi tal-ħlas sabiex iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi glossarju tas-servizzi kollha msemmija fil-paragrafu 1 u d-definizzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet relatati.
L-Istati Membri għandhomjiżguraw li l-glossarju pprovdut skont l-ewwel subparagrafu jkun abbozzat f’lingwaġġ ċar, mhux ambigwu u mhux tekniku u li ma jkunx qarrieqi.
6. Id-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi u l-glossarju jkunu disponibbli b'mod permanenti għall-konsumaturi u l-konsumaturi prospettivi mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas f'forma elettronika fuq is-siti tal-internet tagħhom fejn tkun faċilment aċċessibbli anke għal min mhuwiex konsumatur. Id-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi jkun disponibbli mingħajr ħlas mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas fuq mezz li jservi fit-tul fi stabbilimenti aċċessibbli għall-konsumaturi u l-glossarju jitqiegħed għad-dispożizzjoni fuq mezz li jservi fit-tul fuq talba.
7. L-ABE, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet nazzjonali u wara li jitwettqu testijiet fost il-konsumaturi, tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni rigward format ta' preżentazzjoni standardizzata tad-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi u s-simbolu komuni tiegħu.
L-ABE tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa .. [12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.].
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.
Artikolu 5
Dikjarazzjoni tat-tariffi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi tal-ħlas jipprovdu lill-konsumaturi, mingħajr ħlas, b’dikjarazzjoni tat-tariffi u r-rati tal-imgħax kollha applikati għall-kont tal-ħlas tagħhom għal tal-inqasfuq bażi annwali.
Il-mezz ta' komunikazzjoni li għandu jintuża biex il-konsumatur jingħata d-dikjarazzjoni tat-tariffi għandu jiġi miftiehem bejn il-partijiet kontraenti. Id-dikjarazzjoni għandha ssir disponibbli f'format stampat fuq it-talba ta' konsumatur.
2. Id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tispeċifika l-informazzjoni li ġejja:
(a) il-ħlas għal kull unità mitlub għal kull servizz u l-għadd ta' drabi li ntuża s-servizz matul il-perjodu rilevanti jew meta s-servizzi jkunu kkombinati f'pakkett, it-tariffa imposta għall-pakkett kollu kemm hu;
(b) l-ammont totali ta' tariffi mħallsa għal kull servizz ipprovdut matul il-perjodu rilevanti, meta xieraq filwaqt li jitqiesu l-istrutturi tariffarji speċifiċi relatati ma' pakketti ta' servizzi;
(ba) ir-rata tal-imgħax tal-overdraft applikata għall-kont, in-numru ta' ġranet meta l-kont kien taħt il-limitu u l-ammont totali ta’ imgħax impost relatat mal-overdraft matul il-perjodu rilevanti;
(bb) ir-rata tal-imgħax tal-kreditu applikat għall-kont, il-bilanċ medju u l-ammont totali ta' imgħax miksub matul il-perjodu rilevanti;
(c) il-bilanċ totali (pożittiv jew negattiv) wara t-tnaqqis tat-tariffi kollha u l-applikazzjoni tal-imgħax miksub b'konnessjoni mal-użu tal-kont matul il-perjodu rilevanti;
4. L-ABE, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet nazzjonali u wara li jitwettqu testijiet fost il-konsumaturi, tiżviluppa standards tekniċi ta' implimentazzjoni rigward format ta' preżentazzjoni standardizzata tad-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi u s-simbolu komuni tiegħu.
L-ABE tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa .. [ 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva].
Il-Kummissjoni tingħatalha s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-komunikazzjonijiet kollha lill-konsumaturi, inklużi l-komunikazzjonijiet kuntrattwali u ta’ kummerċjalizzazzjoni, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jużaw, fejn applikabbli, it-terminoloġija standardizzata li tinsab fil-lista tas-servizzi tal-ħlas l-aktar rappreżentattivi marbuta ma' kont tal-ħlas imsemmi fl-Artikolu 3(5).
2. Il-fornituri ta’ servizzi tal-ħlas jistgħu jużaw ismijiet ta’ ditti li jiddeżinjaw is-servizzi jew il-kontijiettal-ħlas tagħhom fil-komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom lill-klijenti, sakemm jidentifikaw b’mod ċar, fejn applikabbli, it-terminu korrispondenti bl-użu tat-terminoloġija standardizzatakif integrata fil-lista msemmija fl-Artikolu 3(5). Il-fornituri ta’ servizzi tal-ħlas jistgħu jużaw tali ismijiet ta’ ditti fid-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi jew id-dikjarazzjoni tat-tariffi sakemm dan ikun b’żieda mat-terminoloġija standardizzata u bħala deżinjazzjoni sekondarja tas-servizzi jew il-kont offrut.
Artikolu 7
Siti tal-internet tat-tqabbil fil-livell nazzjonali
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom aċċess, bla ħlas, għal mill-anqas sit wieħed tal-internet stabbilit skont il-paragrafi 2 jew 3, li għandu jinkludi tal-anqas dan li ġej:
(a) tqabbil tal-imgħax imħallas jew impost lill-kont tal-ħlas, it-tariffi imposti mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għal servizzi offruti fuq il-kontijiet tal-ħlas tagħhom fuq il-livell nazzjonali ▌;
(b) tqabbil ta' determinanti tal-livell ta' servizz provdut mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas, inklużi fatturi bħan-numru u l-lokazzjoni tal-fergħat u n-numru ta' automated teller machines li permezz tagħhom is-servizzi jistgħu jiġu vvalutati;
(c) għoti ta' informazzjoni komplementari dwar it-terminoloġija standardizzata tal-Unjoni, l-aċċess għall-kontijiet tal-ħlas inklużi l-kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi u dwar il-proċeduri ta’ bdil disponibbli fil-livell tal-Unjoni u f'dak nazzjonali. Tali informazzjoni tista' tingħata permezz ta' links għal siti tal-internet esterni.
2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skema ta’ akkreditazzjoni obbligatorja għal siti tal-internet li jqabblu l-elementi għat-tqabbil kif deskritt fl-Artikolu 7(1)(a) u (b) offruti fuq kontijiet tal-ħlas operati minn operaturi privati. Sabiex jingħataw l-akkreditazzjoni, is-siti tal-internet tat-tqabbil operati minn operaturi privati:
(a) ikunu legalment, finanzjarjament u operattivament indipendenti minn kwalunkwe fornitur tas-servizzi tal-ħlas;
(aa) jiddivulgaw b’mod ċar is-sidien u l-finanzjament tagħhom;
(ab) jistabbilixxu kriterji ċari u oġġettivi li fuqhom ikun ibbażat it-tqabbil;
(ac) ikunu imparzjali billi r-reklami tal-fornituri tas-servizzi tal-ħlas, l-aġenti tagħhom, l-affiljati jew id-ditti ma jintwerewx fuq il-paġna ewlenija jew fil-paġni tat-tqabbil tal-prezzijiet;
(b) jużaw lingwaġġ sempliċi u mhux ambigwu u, kif applikabbli, it-terminoloġija standardizzata tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(5);
(c) jipprovdu informazzjoni preċiża u aġġornata u jiddikjaraw il-ħin tal-aħħar aġġornament;
(d) jipprovdu lill-utenti riżultati oġġettivi u eżawrjenti li jqisu bis-sħiħ kwalunkwe kriterju ta’ tiftix magħżul mill-utenti u, meta l-informazzjoni ppreżentata ma tkunx ħarsa ġenerali kompleta tas-suq, issir dikjarazzjoni ċara ta’ dan, qabel jintwerew ir-riżultati;
(da) jaċċettaw talbiet għall-inklużjoni fis-sit minn kwalunkwe fornitur tas-servizzi tal-ħlas fl-Istat Membru kkonċernat;
(e) joperaw proċedura effettiva tat-trattament tal-mistoqsijiet u l-ilmenti.
Meta l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jintalbu ħlas għall-elenkar f'siti bħal dawn, l-imposti għandhom ikunu nondiskriminatorji u għandhom jiġu ppubblikati fis-sit tal-internet.
3. Fejn ma jkun akkreditat l-ebda sit tal-internet skont il-paragrafu 2, l-Istati Membri jiżguraw li jiġi stabbilit sit tal-internet operat minn, jew f'isem, l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 20 jew minn xi awtorità pubblika kompetenti oħra. Fejn ikun ġie akkreditat sit tal-internet skont il-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu sit tal-internet addizzjonali operat mill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 20 jew minn xi awtorità pubblika kompetenti oħra. Siti tal-internet imħaddma minn awtorità kompetenti skont il-paragrafu 1 ikunu jikkonformaw mal-paragrafu 2 (a) sa (e).
4. L-Istati Membri ▌għandhom jirrifjutaw jew jirtiraw l-akkreditazzjoni minn operaturi privati f’każ ta’ nuqqas rikorrenti jew persistenti ta’ konformità mal-obbligi fil-paragrafu 2.
4a. Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas ma jkunux responsabbli għal informazzjoni mhux korretta jew mhux aġġornata li tirrigwarda lilhom jew lis-servizzi tagħhom, li tkun inkluża f'sit tal-internet tat-tqabbil akkreditat jew mhux akkreditat, meta l-fornitur tas-sit tal-internet ma jkunx ikkoreġa tali informazzjoni fuq it-talba tal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas.
4b. L-Istati Membri għandhomjiżguraw li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar id-disponibbiltà tas-siti tal-internet imsemmija fil-paragrafu 1 u dwar is-siti tal-internet akkreditati skont il-paragrafi 2 jew 3.
▌
Artikolu 7a
Sit tal-internet tat-tqabbil tal-Unjoni
1. L-Istati Membri għandhomjinnotifikaw lill-ABE bis-siti tal-internet tat-tqabbil li joperaw skont l-Artikolu 7(1), (2) u (3).
2. Sa ... [ tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], l-ABE tipprovdi sit tal-internet tat-tqabbil tal-Unjoni aċċessibbli li jippermetti lill-konsumaturi jqabblu l-kontijiet tal-ħlas offruti fis-suq intern. Sabiex jikkomplementa dik l-informazzjoni, is-sit tal-internet tat-tqabbil tal-Unjoni jipprovdi lill-konsumaturi glossarju li jkun fih it-terminoloġija standardizzata tal-Unjoni adottata skont l-Artikolu 3(5) u linji gwida prattiċi dwar il-bdil transfruntier tal-kontijiet tal-ħlas.
Artikolu 8
Kontijiet offruti bħala pakkett
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta kont tal-ħlas jiġi offrut flimkien ma' servizz jew prodott finanzjarju ieħor bħala parti minn pakkett, il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas jinforma lill-konsumatur dwar jekk huwiex possibbli li jixtri l-kont tal-ħlas separatament u jipprovdi informazzjoni separata dwar l-ispejjeż u t-tariffi assoċjati ma' kull wieħed mill-prodotti u s-servizzi offruti fil-pakkett.
▌
KAPITOLU III
BDIL
Artikolu 9
Forniment tas-servizz tal-bdil
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jipprovdu servizz ta' bdil kif deskritt fl-Artikolu 10 lil kwalunkwe konsumatur li jkollu kont tal-ħlas ma' fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jinsab fl-Unjoni u li jkun irranġa għall-ftuħ ta' kont tal-ħlas ġdid mal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju.
L-Istati Membri jistgħu, fir-rigward ta' bdil meta ż-żewġ fornituri tas-servizzi tal-ħlas jinsabu fit-territorju tagħhom, jistabbilixxu jew iżommu arranġamenti li jkunu differenti minn dawk deskritti fl-Artikolu 10 jekk ikun ċar li dan ikun fl-interess tal-konsumatur u l-bdil jitlesta fi żmien mhux itwal mill-istess perjodi globali ta' żmien deskritti fl-Artikolu 10.
Artikolu 10
Is-servizz tal-bdil
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizz ta' bdil jiġi inizjat mill-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju u pprovdut skont ir-regoli stipulati fil-paragrafi 2 sa 7.
2. Is-servizz ta' bdil jiġi inizjat mill-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju. Sabiex jagħmel dan, il-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju jikseb awtorizzazzjoni bil-miktub mingħand il-konsumatur biex iwettaq is-servizz ta' bdil. F'każ ta' kontijiet konġunti, l-awtorizzazzjoni bil-miktub għandha tinkiseb mid-detenturi kollha tal-kont.
L-awtorizzazzjoni ssir b'lingwa uffiċjali tal-Istat Membru fejn is-servizz ta' bdil qed jiġi inizjat jew bi kwalunkwe lingwa oħra miftiehma bejn il-partijiet.
L-awtorizzazzjoni tkun tippermetti lill-konsumatur jipprovdi jew jirrifjuta kunsens speċifiku għas-servizz tal-ħlas li jittrasferixxi sabiex iwettaq kull wieħed mill-kompiti indikati fil-paragrafu 3(e) u [...] (f) u jipprovdi jew jirrifjuta kunsens speċifiku lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju sabiex iwettaq kull wieħed mill-kompiti indikati fil-paragrafu 4(c) u (d) u l-paragrafu 5. L-awtorizzazzjoni għandha tippermetti lill-konsumatur jitlob speċifikament it-trażmissjoni mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi l-informazzjoni indikata fil-paragrafi 3(a) u [...] (b).
L-awtorizzazzjoni għandha tispeċifika wkoll id-data minn meta l-ħlasijiet rikorrenti jiġu operati mill-kont miftuħ ma' fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju.
Din id-data tkun mill-inqas sebat ijiem ta' xogħol wara d-data li fiha l-fornitur tas-servizz tal-ħlas li qed jittrasferixxi jirċievi t-talba biex iwettaq il-bidla mingħand il-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju skont l-Artikolu 10(6).
3. Fi żmien jumejn ta' xogħol minn meta jirċievi l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju jitlob lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi sabiex iwettaq id-dmirijiet segwenti:
(a) jibgħat lill-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju u, jekk speċifikament mitlub mill-konsumatur skont il-paragrafu 2, lill-konsumatur lista tal-istanding orders kollha eżistenti għal trasferimenti ta' kreditu u l-mandati ta' debitu dirett inizjati mid-debitur, jekk tkun disponibbli;
(b) jibgħat lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju u, jekk speċifikament mitlub mill-konsumatur skont il-paragrafu 2, lill-konsumatur l-informazzjoni disponibbli dwar trasferimenti ’l ġewwa ta’ kreditu u d-debiti diretti inizjati mid-debitur eżegwiti fuq il-kont tal-konsumatur fit-13-il xahar preċedenti;
(c) jittrażmetti lill-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju dik l-informazzjoni l-oħra kifmeħtieġbiex il-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju jwettaq il-bdil;
(d) fejn il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi ma jipprovdix sistema għar-ridirezzjoni awtomatizzata tat-trasferimenti 'l ġewwa ta' kreditu u d-debiti diretti lejn il-kont li l-konsumatur ikollu mal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju, ▌jieqaf jaċċetta debiti diretti u trasferimenti 'l ġewwa ta' kreditu mid-data speċifikata fl-awtorizzazzjoni;
(e) fejn il-konsumatur ikun ta l-kunsens tiegħu skont il-paragrafu 2, jittrasferixxi kwalunkwe bilanċ pożittiv li jibqa' lejn il-kont miftuħ jew miżmum mal-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju fid-data speċifikata mill-konsumatur; ▌
(f) fejn il-konsumatur ikun ta l-kunsens tiegħu skont il-paragrafu 2, jagħlaq il-kont miżmum mal-fornitur tas-servizz tal-ħlas li jittrasferixxi fid-data speċifikata mill-konsumatur;
(fa) jikkanċella l-istanding orders u t-trasferimenti ta' kreditu b'data ta' eżekuzzjoni mid-data speċifikata fl-awtorizzazzjoni.
(a) jistabbilixxi fi żmien sebat ijiem ta' xogħol, l-istanding orders għat-trasferimenti ta' kreditu mitluba mill-konsumatur u jeżegwihom mid-data speċifikata fl-awtorizzazzjoni;
(ba) fejn rilevanti, jinforma lill-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom fir-rigward tad-debiti diretti tas-SEPA skont l-Artikolu 5(3)(d) tar-Regolament (UE) Nru 260/2012;
(c) fejn il-konsumatur ikun ta l-kunsens tiegħu skont il-paragrafu 2, jinforma lil dawk li jħallsu li jagħmlu trasferimenti ta’ kreditu rikorrenti fil-kont tal-ħlas tal-konsumatur bid-dettalji tal-kont tal-konsumatur mal-fornitur tal-ħlas destinatarju. Jekk il-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju ma jkollux l-informazzjoni kollha li jeħtieġ biex jinforma lill min iħallas, fi żmien jumejn jistaqsi lill-konsumatur jew, fejn meħtieġ u soġġett għall-kunsens tal-konsumatur, lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi, wara li jitlob permess mingħand il-konsumatur, biex jipprovdi l-informazzjoni nieqsa;
(d) fejn il-konsumatur ikun ta l-kunsens tiegħu skont il-paragrafu 2, jinforma lill-benefiċjarji li jużaw debitu dirett biex jiġbru l-fondi mill-kont tal-konsumatur bid-dettalji tal-kont tal-konsumatur mal-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju u d-data li minnha d-debiti diretti jinġabru minn dak il-kont. Jekk il-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju ma jkollux l-informazzjoni kollha li jeħtieġ biex jinforma lill min iħallas, fi żmien jumejn jistaqsi lill-konsumatur jew, fejn meħtieġ u soġġett għall-kunsens tal-konsumatur, lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi, wara li jitlob il-permess tal-konsumatur, biex jipprovdi l-informazzjoni nieqsa;
(e) fejn il-konsumatur jintalab jipprovdi l-informazzjoni nieqsa għall-finijiet tal-punti (c) u (d), jipprovdi lill-konsumatur b’ittri standard, b'lingwa uffiċjali tal-Istat Membru fejn is-servizz ta' bdil qed jiġi inizjat jew bi kwalunkwe lingwa oħra miftiehma bejn il-partijiet , li jipprovdu dettalji dwar il-kont il-ġdid u d-data tal-bidu indikata fl-awtorizzazzjoni.
4a. L-Istati Membru jiżguraw li jiġu stipulati skadenzi fuq livell nazzjonali għal min iħallas u għall-benefiċjarji sabiex ikunu kkunsidrati d-dettalji tal-kont il-ġdid tal-konsumatur mibgħuta mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju. L-Istati Membri jiżguraw ukoll li l-konsumaturi jkunu konxji minn tali skadenzi u obbligazzjonijiet implikati.
5. Fejn il-konsumatur ikun ta l-kunsens speċifiku tiegħu skont il-paragrafu 2, il-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju jista' jwettaq kull kompitu addizzjonali meħtieġ għat-twettiq ta' dan il-bdil.
6. Malli jirċievi talba mingħand il-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju, il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi jwettaq il-kompiti li ġejjin:
(a) jibgħat lill-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju l-informazzjoni indikata fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 3, fi żmien sebat ijiem ta' xogħol minn meta jirċievi t-talba;
(b) fejn il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi ma jipprovdix sistema għar-ridirezzjoni awtomatizzata tat-trasferimenti 'l ġewwa ta' kreditu u d-debiti diretti lejn il-kont li l-konsumatur ikollu mal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju, iwaqqaf it-trasferimenti 'l ġewwa ta' kreditu u jieqaf jaċċetta debiti diretti fuq il-kont tal-ħlas mid-data mitluba mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju;
(c) jittrasferixxi kwalunkwe bilanċ pożittiv li jibqa' mill-kont tal-ħlas lejn il-kont miżmum mal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju;
(d) ladarba l-passi elenkati fil-punti (a), (b) u (c) jkunu twettqu, jagħlaq il-kont tal-ħlas;
(e) iwettaq kull kompitu addizzjonali meħtieġ biex isir il-bdil, skont il-paragrafu 5.
6a. Il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi ma jkunx mitlub jagħlaq il-kont tal-ħlas skont il-punt (d) tal-paragrafu 6 jekk il-konsumatur ikollu obbligi pendenti lejn il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas. Il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas jinforma minnufih lill-konsumatur meta dawn l-obbligi pendenti ma jippermettux li l-kont tal-ħlas tiegħu jingħalaq.
7. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55(2) tad-Direttiva 2007/64/KE, il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas ma jibblokkax strumenti tal-ħlas qabel id-data miftehma mal-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju sabiex il-forniment tas-servizzi tal-ħlas lill-konsumatur ma jkunx interrott matul il-proċess tal-bdil.
8. L-Istati Membri jiżguraw li d-dispożizzjonijiet kollha li jinsabu fil-paragrafi 1 sa 7 ħlief għal dawk li jinsabu fil-paragrafu 4(c) u (d) japplikaw ukoll meta s-servizz ta' bdil ikun inizjat minn fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jinsab fi Stat Membru ieħor.
9. Fil-każ indikat fil-paragrafu 8, l-iskadenzi indikati fil-paragrafi 3, 4 u 6 jiġu rdoppjati ħlief fir-rigward ta' tranżazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 meta kemm il-kontijiet tal-ħlas li jittrasferixxu kif ukoll dawk destinatarji jkunu denominati f'euro. Din id-dispożizzjoni tkun soġġetta għal reviżjoni skont l-Artikolu 27.
Artikolu 11
Tariffi konnessi mas-servizz tal-bdil
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jkunu jistgħu jaċċessaw mingħajr ħlas l-informazzjoni personali tagħhom dwar standing orders u debiti diretti eżistenti miżmuma jew mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi jew minn dak destinatarju.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi jipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju skont il-paragrafu 6 (a) tal-Artikolu 10 mingħajr ma jżomm tariffa mingħand il-konsumatur jew il-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tariffi, jekk ikun hemm, li jkunu applikati mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi lill-konsumatur għat-terminazzjoni ta' kont tal-ħlas miżmum miegħu jiġu determinati b'konformità mal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2007/64/KE.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tariffi, jekk ikun hemm, applikati mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi jew dak destinatarju lill-konsumatur għal kwalunkwe servizz mogħti skont l-Artikolu 10, għajr dawk imsemmija fil-paragrafi 1 , 2 u 3, humaraġonevoli.
Artikolu 11a
Ridirezzjoni awtomatizzata
Sakemm, wara li twettaq valutazzjoni tal-impatt regolatorju, il-Kummissjoni ma tiddeċidix mod ieħor, l-Istati Membri sa ... [ sitt snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], jiżguraw li tiġi stabbilita faċilità li tipprovdi ridirezzjoni awtomatizzata tal-ħlasijiet minn kont tal-ħlas għal kont tal-ħlas ieħor fl-istess Stat Membru flimkien ma' notifiki awtomatizzati lill-benefiċjarji jew lil min iħallas meta t-trasferimenti tagħhom jiġu ridiretti.
Artikolu 12
Telf finanzjarju għall-konsumaturi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe tariffa jew telf finanzjarju ieħor li jġarrbu l-konsumaturi li jirriżulta minn nuqqas ta' konformità ta' fornitur tas-servizzi tal-ħlas involut fil-proċess ta' bdil mal-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 10 jitħallsu lura minn dak il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas fi żmien tlett ijiem ta' xogħol minn meta jkun stabbilit in-nuqqas ta' konformità. L-oneru tal-provi jkun fuq il-fornitur tas-servizz tal-ħlas, li għandu juri li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10 jkunu ġew rispettati.
2. Il-konsumaturi ma jġorru l-ebda telf finanzjarju li jirriżulta minn żbalji jew dewmien fl-aġġornament tad-dettalji tal-kont tal-ħlas tagħhom minn min iħallas jew mill-benefiċjarju. L-Istati Membri jiżguraw li min iħallas u l-benefiċjarji jinżammu responsabbli meta ma jirrispettawx l-iskadenzi stipulati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(4a).
Artikolu 13
Informazzjoni dwar is-servizz tal-bdil
1. L-Istati Membri jiżguraw li fornituri ta' servizzi tal-ħlas iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi l-informazzjoni li ġejja dwar is-servizz tal-bdil:
(a) ir-rwoli tal-fornituri tas-servizz li jkunu qed jittrasferixxu u dawk destinatarji għal kull pass tal-proċess ta' bdil, kif indikat fl-Artikolu 10;
(b) il-perjodu ta' żmien għat-tlestija tal-passi rispettivi;
(c) it-tariffi, jekk ikun hemm, imposti għall-proċess ta' bdil tal-fornitur;
(d) kull informazzjoni li l-konsumaturi jintalbu jipprovdu;
(e) il-proċeduri alternattivi ta' riżoluzzjoni ta' tilwim tal-iskema msemmija fl-Artikolu 21.
2. L-informazzjoni tiġi pprovduta mingħajr ħlas fuq mezz li jservi fit-tul fil-fergħat kollha tal-fornituri tas-servizzi tal-ħlas aċċessibbli għall-konsumaturi u tkun disponibbli f'forma elettronika fuq is-siti tal-internet tagħhom f'kull ħin.
KAPITOLU IV
AĊĊESS GĦAL KONTIJIET TAL-ĦLAS
Artikolu 14
Nonndiskriminazzjoni
L-Istati Membri jiżguraw li l-konsumaturi legalment residenti fl-Unjoni ma jkunux diskriminati minħabba n-nazzjonalità jew il-post ta' residenza tagħhom, jew minħabba kwalunkwe bażi oħra msemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, meta japplikaw għal jew jaċċessaw kont tal-ħlas fl-Unjoni. Il-kondizzjonijiet applikabbli għall-pussess ta' kont tal-ħlas bażiku ma jkun bl-ebda mod diskriminatorju. Forma ta' diskriminazzjoni viżibbli permezz ta', pereżempju, dehra differenti tal-kard jew numru tal-kont jew tal-kard differenti, għandha tiġi pprojbita.
Artikolu 15
Dritt ta' aċċess għal kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ▌kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi jkun offrut lill-konsumaturi mill-fornituri kollha tas-servizzi tal-ħlas li joperaw servizzi tal-ħlas bl-imnut b'mod ġenerali u li joffru kontijiet tal-ħlas bħala parti integrali tan-negozju regolari tagħhom. L-Istati Membri jiżguraw li kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi ma jiġux offruti biss minn fornituri ta' servizzi tal-ħlas li jipprovdu l-kont biss permezz ta' faċilitajiet ▌onlajn.
Stat Membru jista' jiddeċiedi li jeżenta lil fornituri tas-servizzi tal-ħlas mill-obbligu msemmi fl-ewwel subparagrafu soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Kwalunkwe eżenzjoni bħal din għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u restrittivi. Il-Kummissjoni għandha tapprova l-eżenzjonijiet meta jkunu garantiti kundizzjonijiet indaqs bejn il-fornituri kollha tas-servizzi tal-ħlas, meta d-dritt tal-konsumaturi għall-aċċess ma jkunx ipperikolat u meta l-eżenzjoni ma twassalx għal sitwazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat li fiha l-klijenti ta' kontijiet bażiċi jaffaċċaw ir-riskju li jiġu stigmatizzati. [Ams. 4/rev and 5/rev]
1a. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eżenzjoni mill-obbligu skont il-paragrafu 1 meta l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas:
(a) ikunu elenkati fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8),
(b) joperaw mingħajr skop ta' qligħ;
(c) jeħtieġu sħubija abbażi ta' kriterji definiti, bħall-professjoni.
Kwalunkwe eżenzjoni bħal din għandha ssir mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' aċċess mill-konsumaturi għall-kont tal-ħlas bil-karatteristiċi bażiċi.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fit-territorju tagħhom ikun hemm sistema li tiżgura d-dritt tal-konsumaturi li jiftħu u jużaw kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi kif imsemmija fl-Artikolu 14, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) dan id-dritt japplika irrispettivament mill-post tar-residenza tal-konsumatur, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2a;
(aa) ikun hemm mekkaniżmu fis-seħħ li jgħin lill-konsumaturi mingħajr indirizz fiss, dawk li jfittxu l-ażil u konsumaturi li mhumiex mogħtija permess għal residenza iżda li t-tkeċċija tagħhom hija impossibbli minħabba raġunijiet legali biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2005/60/KE;
(b) l-eżerċizzju tad-dritt ma jkunx magħmul diffiċli jew oneruż iżżejjed fuq il-konsumatur;
(ba) ikun hemm mekkaniżmu fis-seħħ li jiżgura li l-konsumaturi vulnerabbli li huma bla bank, kif ukoll il-konsumaturi mobbli jiġu infurmati dwar id-disponibbiltà ta' kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi;
(bb) is-servizz ta' bdil previst fl-Artikoli 10 u 11 ta' din id-Direttiva japplika wkoll meta l-konsumatur ikun jixtieq jibdel għal kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi minn kont tal-ħlas ieħor fil-kamp ta' applikazzjoni tas-servizz ta' bdil.
2a. Sabiex jeżerċitaw id-dritt stipulat fil-paragrafu 2, l-Istati Membri jeżiġu li l-konsumaturi jkollhom rabta ġenwina mal-Istat Membru fejn jixtiequ jiftħu u jużaw kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi.
Meta l-konsumatur jintalab juri tali rabta, l-Istati Membri jiżguraw li ma jkunx ta' piż żejjed għall-konsumatur biex jagħmel hekk. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu lista li tistipula s-sura li tali rabta jista' jkollha. Dik il-lista tinkludi tal-inqas iċ-ċittadinanza, ir-rabtiet familjari, iċ-ċentru tal-interessi, il-post tax-xogħol, tal-apprendistat jew tat-taħriġ, it-tiftix ta' opportunitajiet ta' xogħol jew rabtiet professjonali oħra, il-post tal-istudju jew tat-taħriġ vokazzjonali, ir-residenza, il-proprjetà u kwalunkwe applikazzjoni pendenti għall-ażil jew għall-migrazzjoni.
L-ABE tiżviluppa linji gwida skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 biex tgħin lill-awtoritajiet kompetenti fl-implimentazzjoni ta' dan il-paragrafu.
Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jikkunsidraw l-informazzjoni mogħtija mill-konsumatur u jistgħu jeżiġu li l-konsumatur ikun preżenti fiżikament jew rappreżentat legalment minn terza persuna fl-eqreb fergħa disponibbli biex jinfetaħ il-kont.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun possibbli għall-konsumaturi li jagħtu prova tal-eżistenza ta' rabta ġenwina fi żmien xahar wara li l-kont ikun infetaħ mill-bogħod minn qabel. Qabel issir tali verifika, inkluża l-attendenza personali meta din tkun meħtieġa, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jitħallew jillimitaw l-użu tal-kont.
2b. Qabel jinfetaħ kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu lill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jivverifikaw jekk il-konsumatur għandux kont tal-ħlas attiv u ekwivalenti fit-territorju ta' dak l-Istat Membru u jistgħu jeżiġu li l-konsumatur jiffirma dikjarazzjoni fuq l-unur f'dak is-sens.
3. Fornitur tas-servizzi tal-ħlas ma jistax jirrifjuta applikazzjoni għall-aċċess għal kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi għajr fil-każijiet li ġejjin:
(a) fejn id-diliġenza dovuta tal-konsumatur imwettqa skont il-Kapitolu II tad-Direttiva 2005/60/KE tidentifika riskju sinifikanti li l-kont se jintuża bi ksur tal-liġi tal-Unjoni;
(b) f'każijiet fejn l-Istat Membru jkun eżerċita l-għażla msemmija fil-paragrafu 2b ta' dan l-Artikolu, meta konsumatur ikollu kont tal-ħlas ma' fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jinsab fit-territorju tiegħu, li jippermettilu juża s-servizzi tal-ħlas imsemmija fl-Artikolu 16(1).
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jipproċessaw l-applikazzjonijiet għall-aċċess għal kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi fi żmien sebat ijiem ta' xogħol minn meta tasal applikazzjoni kompluta, inkluża prova tal-identità. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każijiet indikati fil-paragrafu 3, il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas jinforma minnufih lill-konsumatur ▌, bil-miktub u mingħajr ħlas, dwar ir-rifjut u r-raġunijiet speċifiċi għalih, sakemm tali żvelar ma jmurx kontra l-għanijiet tas-sigurtà nazzjonali jew tal-politika pubblika. Barra minn hekk, il-konsumatur ikun infurmat dwar, tal-inqas, mezz wieħed ta' appell jew servizz ta' konsultazzjoni disponibbli għalih mingħajr ħlas jew bi prezz raġonevoli u dwar il-mekkaniżmi ta' soluzzjoni alternattiva tat-tilwim disponibbli.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każijiet indikati fil-paragrafu 3(b), il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas jadotta miżuri xierqa skont il-Kapitolu III tad-Direttiva 2005/60/KE.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-aċċess għal kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi ma jsirx kundizzjonali fuq l-akkwist ta' servizzi addizzjonali jew ta' ishma tal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas.
Artikolu 16
Karatteristiċi ta' kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi jkun jinkludi s-servizzi ▌li ġejjin:
(a) servizzi li jippermettu li jsiru l-operazzjonijiet kollha meħtieġa għall-ftuħ, it-tħaddim u l-għeluq ta' kont tal-ħlas.
(b) servizzi li jippermettu li jitqiegħdu flus f'kont tal-ħlas.
(c) servizzi li jippermettu ġbid ta' flus kontanti fl-Unjoni minn kont tal-ħlas, mill-bank u minn ATMs fil-ħinijiet u barra l-ħinijiet tal-ftuħ tal-bank;
(d) l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet tal-ħlas li ġejjin fl-Unjoni:
(i) debiti diretti SEPA u mhux fl-euro;
(ii) tranżazzjonijiet tal-ħlas SEPA u mhux fl-euro permezz ta' għodda tal-ħlas (eż. permezz ta' kard tal-ħlas jew prodott tas-softwer), inkluż ħlasijiet online;
(iii) trasferimenti ta' kreditu SEPA u mhux fl-euro, inklużi standing orders, fit-terminals, fil-banek u permezz tal-faċilitajiet online tal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sakemm kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi huwa mħaddem mill-konsumatur għall-użu personali, ma hemmx limitu għan-numru ta' operazzjonijiet ipprovduti għall-konsumatur skont ir-regoli tal-ipprezzar speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 17. Meta jiddeterminaw x'għandu jitqies bħala użu personali, l-Istati Membri jqisu l-imġiba eżistenti tal-konsumaturi u l-prattika kummerċjali komuni.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumatur ikun kapaċi jamministra u jibda tranżazzjonijiet tal-ħlas mill-kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi tal-konsumatur fil-fergħat tal-fornitur tas-servizz tal-ħlas jew permezz tal-faċilitajiet tal-ibbankjar onlajn ▌, fejn disponibbli.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi ma jinkludix faċilitajiet ta' self kurrenti ħlief, fejn ikun meqjus xieraq, faċilità ta' lqugħ temporanju għal ammonti żgħar.L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas joffru faċilitajiet ta' self kurrenti u prodotti ta' kreditu oħra bħala servizzi separati biċ-ċar għall-klijenti li jkollhom kont tal-ħlas bażiku. L-aċċess għal kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażi jew l-użu tiegħu ma jkunx ristrett għax-xiri ta' tali servizzi jew prodotti ta' kreditu, u ma jkunx kundizzjonali għalihom. It-tariffi imposti għal dawk is-servizzi jkun trasparenti u favorevoli tal-inqas daqs il-politika ta' pprezzar normali tal-fornitur.
4a. Il-Kummissjoni ghandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 24 sabiex taġġorna l-lista tas-servizzi li jagħmlu parti mill-kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi, wara li tikkunsidra l-evoluzzjoni tal-mezzi tal-ħlas u tat-teknoloġija.
Artikolu 17
Tariffi assoċjati
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzi indikati fl-Artikolu 16 jiġu offruti mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas b'xejn jew b'tariffa raġonevoli. L-Istati Membri jeżiġu li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jiżguraw li fost il-prodotti li joffru, il-kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi jkun dejjem il-kont tal-ħlas bl-irħas tariffa għall-forniment tal-pakkett minimu ta' servizzi tal-ħlas speċifikat fl-Istat Membru skont l-Artikolu 16(1) u (2).
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tariffi ddebitati lill-konsumatur għal nuqqas ta' konformità mal-impenji tal-konsumatur stipulati fil-kuntratt ta' qafas huma raġonevoli u qatt ogħla mill-politika tal-prezzijiet normali tal-fornitur.
▌
Artikolu 18
Kuntratt ta' qafas u terminazzjoni
1. Kuntratti ta' qafas li jipprovdu aċċess għal kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi jkunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/64/KE sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-paragrafi 2 u 3.
2. Il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas jista', esklussivament, itemm il-kuntratt qafas b'mod unilaterali fejn tkun issodisfata mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) il-konsumatur ikun uża l-kont apposta għal skopijiet illegali;
(b) ma kien hemm l-ebda tranżazzjoni fuq il-kont għal aktar minn 24 xahar konsekuttiv u l-ħlasijiet dovuti lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas ma kinux saru;
(c) il-konsumatur ikun konxjament ipprovda informazzjoni żbaljata sabiex jikseb il-kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi fejn l-informazzjoni korretta kienet tirriżulta fir-rifjut tal-applikazzjoni;
(ca) il-konsumatur ma jkunx kapaċi jiġġustifika l-eżistenza ta' rabta ġenwina mal-Istat Membru kkonċernat, kif imsemmi fl-Artikolu 15(2a), fi żmien xahar wara li l-kont ikun infetaħ mill-bogħod minn qabel;
(d) il-konsumatur ma jkunx għadu legalment residenti fl-Unjoni jew ikun sussegwentement fetaħ it-tieni kont tal-ħlas fl-Istat Membru fejn huwa diġà jkollu kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas itemm il-kuntratt ta' kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi, huwa jinforma lill-konsumatur bir-raġunijiet u l-ġustifikazzjoni għat-terminazzjoni, dwar tal-inqas mezz wieħed ta' appell jew servizz ta' konsultazzjoni disponibbli għalih mingħajr ħlas jew bi prezz raġonevoli u dwar il-mekkaniżmi ta' soluzzjoni alternattiva tat-tilwim disponibbli, mill-inqas xahar qabel it-terminazzjoni tidħol fis-seħħ, bil-miktub u mingħajr ħlas, sakemm tali żvelar ma jmurx kontra l-għanijiet tas-sigurtà nazzjonali.
Artikolu 19
Informazzjoni ġenerali dwar kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ miżuri adegwati sabiex titqajjem kuxjenza ▌dwar id-disponibbiltà ta' kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi, il-kundizzjonijiet ta' pprezzar tagħhom, il-proċeduri li jridu jiġu segwiti sabiex jiġi eżerċitat id-dritt ta' aċċess għal kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi u l-metodi biex jinkiseb aċċess għal mezzi ta' soluzzjoni alternattiva tat-tilwim. L-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri tal-komunikazzjoni jkunu biżżejjed u mmirati sew, u li b'mod partikolari jilħqu lill-konsumaturi bla bank, vulnerabbli u mobbli.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fornituri ta' servizzi tal-ħlas iqiegħdu b'mod attiv għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi informazzjoni aċċessibbli u assistenza adegwata dwar il-karatteristiċi speċifiċi tal-kontijiet tal-ħlas bażiċi offruti, it-tariffi assoċjati tagħhom u l-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom. L-Istati Membri jiżguraw ukoll li l-konsumatur jiġi infurmat li mhux obbligat jakkwista servizzi addizzjonali biex jikseb aċċess għal kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi.
2a. L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-istituzzjonijiet edukattivi u s-servizzi ta' konsultazzjoni sabiex jiżviluppaw servizzi għall-aktar konsumaturi vulnerabbli biex jipprovdulhom gwida u assistenza fil-ġestjoni responsabbli tal-finanzi tagħhom. L-Istati Membri jinkoraġġixxu inizjattivi biex jinkiseb dan u jtejbu l-edukazzjoni finanzjarja fl-iskejjel u f'postijiet oħra. Ir-riskju ta' esklużjoni finanzjarja jkun minimizzat għall-konsumaturi kollha. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu inizjattivi ta' fornituri tas-servizzi tal-ħlas li jfitxxu t-tisħib tal-forniment ta' kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi ma' servizzi ta' edukazzjoni finanzjarja indipendenti.
2b. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas mitluba biex joffru kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi jippubblikaw, kull sena, dejta dwar l-għadd ta' kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi li saru applikazzjonijiet għalihom, ġew rifjutati, infetħu u ngħalqu matul is-sena rilevanti. Id-dejta rilevanti tinġabar u tiġi ppubblikata fil-livell ta' fergħat u f'dak korporattiv.
2c. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw, inkluż fuq is-sit tal-internet tagħhom, awditu tal-prestazzjoni ta' kull fornitur tas-servizzi tal-ħlas f'termini tal-konformità tiegħu mar-rekwiżit tad-dritt ta' aċċess. Għal dan il-għan, il-fornituri tal-ħlas rilevanti jiġu klassifikati indipendentement skont il-prestazzjoni tagħhom fil-forniment ta' kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi u klassifika tal-aqwa għaxar banek skont is-sehem mis-suq tiġi ppubblikata kull sena. Id-dejta rilevanti kollha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni u lill-ABE.
KAPITOLU V
AWTORITAJIET KOMPETENTI U SOLUZZJONI ALTERNATTIVA TAT-TILWIM
Artikolu 20
Awtoritajiet kompetenti
1. L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti biex jiżguraw u jissorveljaw il-konformità effettiva ma' din id-Direttiva. Dawk l-awtoritajiet kompetenti jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw din il-konformità. Huma jkunu indipendenti mill-fornituri ta' servizzi ta' ħlas. Dawn ikunu awtoritajiet kompetenti skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1093/2010.
2. L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu indipendenti mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas u jkollhom il-poteri u r-riżorsi kollha meħtieġa biex iwettqu dmirijiethom. Meta jkun hemm iktar minn awtorità waħda kompetenti sabiex tiżgura u tissorvelja l-konformità effettiva ma' din id-Direttiva, l-Istati Membri jiżguraw li dawk l-awtoritajiet jikkollaboraw mill-qrib sabiex ikunu jistgħu jwettqu b'mod effettiv id-dmirijiet rispettivi tagħhom. Dawk l-awtoritajiet għandhomjikkoperaw mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħrajn biex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta u sħiħa tal-miżuri stabbiliti f'din id-Direttiva.
2a. L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhomjikkonsultaw regolarment il-partijiet interessati rilevanti, inklużi r-rappreżentanti tal-konsumaturi, sabiex jiżguraw u jissorveljaw konformità effettiva ma' din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit ta' indipendenza msemmija fil-paragrafu 1.
3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-korpi msemmija fil-paragrafu 1 sa ... [ sena wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva]. Huma jgħarrfu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe diviżjoni ta' dmirijiet ta' dawk l-awtoritajiet. Huma jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bdil sussegwenti li jikkonċerna n-nomina u l-kompetenzi rispettivi ta' dawk l-awtoritajiet.
Artikolu 21
Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri ta' lment u rimedju bonarju adegwati u effettivi għas-soluzzjoni ta' tilwim bejn il-konsumaturi u l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas li jirrigwarda d-drittijiet u l-obbligi stabbiliti skont din id-Direttiva. Għal dawn il-finijiet, l-Istati Membri jinnominaw korpi eżistenti u, fejn xieraq, jistabbilixxu korpi ġodda.
1a. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jaderixxu ma' korp wieħed jew aktar għas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim li jissodisfa l-kriterji li ġejjin:
(a) il-perjodu ta' limitazzjoni biex it-tilwima tinġieb quddiem qorti jkun sospiż għat-tul tal-proċedura għal soluzzjoni alternattiva tat-tilwim;
(b) il-proċedura tkun mingħajr ħlas jew bi spiża moderata, kif speċifikat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;
(c) mezzi elettroniċi ma jkunx l-uniċi mezzi li bih il-partijiet jistgħu jiksbu aċċess għall-proċedura;
(d) ikun hemm rappreżentazzjoni ndaqs ta' fornituri, konsumaturi u utenti oħra.
1b. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tal-kontijiet tal-ħlas jimpenjaw ruħhom ma' korp ta' soluzzjoni alternattiva tat-tilwim wieħed jew aktar.
1c. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-ABE bil-korpi msemmija fil-paragrafu 1 sa ... [ sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva]. Huma jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe bidla sussegwenti li tkun tikkonċerna lil dawn il-korpi.
1d. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jinfurmaw lill-konsumatur rigward il-korpi ta' soluzzjoni alternattiva tat-tilwim li jkopruhom u li huma kompetenti biex jittrattaw tilwim potenzjali bejniethom u l-konsumatur. Huma jispeċifikaw ukoll jekk jimpenjawx ruħhom jew humiex obbligati jew le li jużaw dawk il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim mal-konsumaturi.
1e. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1b tingħata b'mod ċar, li jinftiehem u faċilment aċċessibbli fis-sit tal-internet tal-fornituri, jekk dan ikun jeżisti u fit-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti ta' bejgħ jew ta' servizz bejn il-fornitur u l-konsumatur.
KAPITOLU VI
SANZJONIJIET
Artikolu 22
Miżuri amministrattivi u l-applikazzjoni ta' penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra ▌applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Tali penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
Kwalunkwe penali pekunarja kemm jista' jkun tiġi kkwantifikata fil-livell tal-Unjoni, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.
2. L-ABE toħroġ linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, dwar it-tipi ta' penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra u l-livell ta' penali amministrattivi pekunjarji.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw kwalunkwe penali jew miżura oħra imposta għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva mingħajr dewmien żejjed, inkluża l-informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur.
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet relatati mal-penali sa ... [ 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva] u bi kwalunkwe emenda sussegwenti fihom.
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 23
Atti delegati
Il-Kummissjoni jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 24 rigward l-Artikolu 3(4).
Artikolu 24
L-eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 23 hija mogħtija għal perjodu ta' żmien indeterminat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
3. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 23 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din issir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 23 jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
▌
Artikolu 26
Evalwazzjoni
1. Fuq bażi annwali u għall-ewwel darba sa ... [ 3 snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:
(a) konformità mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas mad-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 3 sa 6;
(b) l-għadd ta' siti tal-internet tat-tqabbil akkreditati stabbiliti skont l-Artikolu 7 u l-aħjar prattiki rigward is-sodisfazzjon tal-utent fir-rigward tas-siti tal-internet tat-tqabbil;
(c) l-għadd ta' kontijiet tal-ħlas li ġew mibdula, iż-żmien medju li jittieħed biex jitlesta l-proċess tal-bdil, it-tariffa medja totali miżmuma għall-bdil, in-numru ta' rifjuti ta' bdil, l-iżjed problemi komuni li jiltaqgħu magħhom il-konsumaturi matul il-proċess tal-bdil;
(d) l-għadd ta' kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi miftuħa, it-tul ta' żmien li dawn il-kontijiet jinżammu miftuħa, l-għadd ta' rifjuti u ta' għeluq tal-kont u r-raġunijiet għalihom u l-imposti assoċjati;
(da) il-miżuri meħuda biex jgħinu lill-membri vulnerabbli tas-soċjetà fir-rigward ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw il-baġitjar u d-dejn eċċessiv.
2. Il-Kummissjoni tipprovdi rapport annwali abbażi tal-informazzjoni li tirċievi mill-Istati Membri.
Artikolu 27
Klawżola ta' rieżami
1. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sa ... [ erba' snin mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva flimkien ma' proposta, jekk ikun xieraq.
Ir-rapport jinkludi:
(a) lista tal-proċeduri kollha ta' ksur imressqa mill-Kummissjoni minħabba l-implimentazzjoni ħażina jew mhux kompluta ta' din id-Direttiva;
(b) valutazzjoni tal-impatt ta' din id-Direttiva fuq l-armonizzazzjoni u l-integrazzjoni tal-attivitajiet bankarji bl-imnut fl-Unjoni u fuq il-kompetizzjoni u l-livelli medji tat-tariffi fl-Istati Membri;
(c) strateġiji sabiex madwar l-Unjoni tiżdied it-trasparenza u l-komparabbiltà fil-kwalità għall-forniment ta' servizzi tal-ħlas inkluża t-trasparenza fil-mudelli tan-negozju u fl-istrateġiji tal-investiment u r-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji;
(d) valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-implimentazzjoni tal-portabbiltà sħiħa fl-Unjoni kollha tan-numri tal-kontijiet tal-ħlas inkluż pjan direzzjonali b' passi konkreti meħtieġa għal din l-implimentazzjoni;
(e) valutazzjoni tal-karatteristiċi tal-konsumaturi li jkunu fetħu kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi sa mit-traspożizzjoni tad-Direttiva;
(f) eżempji tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri sabiex titnaqqas l-esklużjoni tal-konsumaturi mill-aċċess għas-servizzi tal-ħlas;
(g) valutazzjoni tal-imposti fuq il-kontijiet tal-ħlas bażiċi, billi jitqiesu l-kriterji elenkati fl-Artikolu 17(3);
(h) valutazzjoni tal-għażliet biex jiġi stabbilit limitu massimu fl-Unjoni kollha għat-tariffi annwali totali relatati mal-ftuħ u l-użu ta' kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi u modi ta' kif jiġi adattat dan il-limitu għaċ-ċirkostanzi nazzjonali;
(i) valutazzjoni tal-impatt tal-forniment ta' kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi fuq is-suq għal kontijiet tal-ħlas oħra li joffru servizzi simili.
2. Ir-reviżjoni tivvaluta, fuq il-bażi wkoll tal-informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri skont l-Artikolu 26, jekk għandhiex temenda u taġġorna l-lista ta' servizzi li huma parti minn kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi, wara li tikkunsidra l-evoluzzjoni tal-mezzi tal-ħlas u t-teknoloġija.
3. Ir-reviżjoni tivvaluta wkoll jekk ▌il-miżuri addizzjonali flimkien ma' dawk adottati skont l-Artikoli 7 u 8 fir-rigward ta' siti tal-internet tat-tqabbil u offerti f'pakkett humiex meħtieġa.
Artikolu 28
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri jadottaw u jippubblikaw, sa ... [ sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Meta d-dokumenti li jakkumpanjaw in-notifika tat-traspożizzjoni tal-miżuri pprovduti mill-Istati Membri ma jkunux suffiċjenti għal valutazzjoni sħiħa tal-konformità ta' dawk il-miżuri ma' ċerti dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni tista', fuq talba tal-ABE u bil-ħsieb li twettaq il-kompiti tagħha skont ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010, jew fuq inizjattiva tagħha stess, teżiġi li l-Istati Membri jipprovdu aktar informazzjoni dettaljata dwar it-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva u l-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri.
2. Huma japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri japplikaw il-Kapitolu III minn ... [ 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva] fir-rigward tas-servizzi tal-bdil bejn fornituri tas-servizzi tal-ħlas li jinsabu fl-istess Stat Membru u, għal kontijiet tal-ħlas denominati f'euro, bejn fornituri tas-servizzi tal-ħlas li jinsabu fl-Unjoni fir-rigward ta' servizzi tal-ħlas denominati f'euro.
B'deroga mill-ewwel subparagrafu u sakemm il-Kummissjoni ma tiddeċidix mod ieħor permezz ta' abbozz ta' valutazzjoni tal-impatt regolatorju, l-Istati Membri japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III minn … [ 48 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva] fir-rigward ta' servizz ta' bdil bejn fornituri tas-servizzi tal-ħlas li jinsabu fl-Unjoni għal kontijiet tal-ħlas denominati f'munita li mhijiex l-euro.
B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri japplikaw l-Artikolu 4(1) sa (6), l-Artikolu 5(1) u (2) u l-Artikolu 6(1) u (2) fi żmien 18-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tal-lista msemmija fl-Artikolu 3(5).
B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri li, sal-1 ta' Jannar 2014, ikollhom sistema leġiżlattiva nazzjonali li tiggarantixxi access għal kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi lil konsumaturi residenti legalment fit-territorju tagħhom, japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV minn … [ 48 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva].
3. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.
4. L-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin fil-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.
Artikolu 29
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 30
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri b'konformità mat-Trattati.
Id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni ta' l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15).
Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).