Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2963(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0552/2013

Testi mressqa :

B7-0552/2013

Dibattiti :

PV 12/12/2013 - 8
CRE 12/12/2013 - 8

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2013 - 12.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0593

Testi adottati
PDF 242kWORD 47k
Il-Ħamis, 12 ta' Diċembru 2013 - Strasburgu
L-appell għal impenn vinkolanti u li jitkejjel kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa fl-UE
P7_TA(2013)0593B7-0552/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar l-appell għal impenn vinkolanti u li jitkejjel kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa fl-UE (2013/2963(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2012 dwar pjan ta' azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (COM(2012)0722),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2012 dwar il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva(1),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2012 dwar miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi biex japplikaw standards minimi ta' governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa(2),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ġunju 2012 dwar mezzi konkreti li jsaħħu l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa inkluż f'dak li jirrigwarda lil pajjiżi terzi (COM(2012)0351),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2013 dwar ‘Il-ġlieda kontra l-Frodi Fiskali, l-Evażjoni Fiskali u r-Rifuġji Fiskali’(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' April 2012 dwar l-appell għal modi konkreti biex jiġu miġġielda l-frodi fiskali u l-evażjoni fiskali(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u r-rapport tal-Ecofin lill-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Ġunju 2012 dwar kwistjonijiet ta' taxxa,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Ecofin tal-14 ta' Mejju 2013 dwar l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G20 maħruġa wara s-Summit ta' San Pietruburgu tal-5 u s-6 ta' Settembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija maħruġa wara l-Laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-G20 li saret f'Moska fil-15 u s-16 ta' Frar 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2013 tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi bl-isem ‘Addressing Base Erosion and Profit Shifting’ (L-Indirizzar tal-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi kull sena fl-UE jintilef l-ammont stmat ta' EUR 1 000 biljun fi dħul ta' taxxa potenzjali minħabba l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, mingħajr ma jittieħdu miżuri xierqa bħala rispons;

B.  billi l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa huma attività illegali ta' evażjoni tat-taxxa dovuta, filwaqt li l-evitar tat-taxxa huwa l-użu legali tar-reġim tat-taxxa biex titnaqqas jew tiġi evitata t-taxxa dovuta, li kultant iwassal għal pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, li tikkonsisti f'li wieħed jieħu vantaġġ mit-teknikalitajiet ta' sistema fiskali jew mid-diskrepanzi bejn żewġ sistemi fiskali jew aktar bl-iskop ta' tnaqqis fit-taxxa dovuta;

C.  billi l-armonizzazzjoni tal-bażi tat-taxxa bejn l-Istati Membri biss tista' tipprevjeni l-evitar tat-taxxa;

D.  billi ż-żidiet fil-potenzjal tad-dħul jistgħu jpoġġu lill-Istati Membri f'qagħda aħjar biex jibbilanċjaw il-baġits tagħhom u jżidu l-fondi disponibbli għall-promozzjoni tal-investiment, it-tkabbir u l-impjieg, li huma fatturi soċjoekonomiċi kruċjali għal strateġija sostenibbli tal-UE għall-ħruġ mill-kriżi;

E.  billi l-kobor tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa jdgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini fil-ġustizzja u l-leġittimità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u s-sistemi tat-taxxa tagħhom;

F.  billi miżuri nazzjonali unilaterali f'ħafna każijiet ma kinux effettivi u ma kinux biżżejjed, u b'hekk inħasset il-ħtieġa ta' approċċ koordinat u pluridimensjonali bbażat fuq strateġiji u miri tanġibbli fil-livell nazzjonali, tal-UE u internazzjonali;

G.  billi l-konsolidazzjoni fiskali titlob sforzi kemm min-naħa tad-dħul, kif ukoll tal-infiq tal-baġits pubbliċi; billi bilanċ xieraq bejn bażijiet tat-taxxa u rati tat-taxxa huwa essenzjali sabiex jiżgura stabilità fiskali u kompetittività fil-livell nazzjonali u tal-UE;

1.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni u l-Kunsill huma lesti li jindirizzaw il-kwistjoni tad-distakk fiskali fl-Ewropa billi, fost affarijiet oħra, jiffukaw fuq l-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva;

2.  Jilqa' l-proposti riċenti tal-Kummissjoni biex testendi l-iskambju ta' informazzjoni awtomatiku, tiġġieled kontra l-frodi tal-VAT u temenda d-Direttiva dwar il-Kumpaniji Prinċipali u dawk Sussidjarji, li huma mfassla biex inaqqsu l-evitar tat-taxxa fl-Ewropa billi jneħħu l-lakuni legali li kienu qed jintużaw minn ċerti kumpaniji biex jaħarbu milli jħallsu s-sehem ġust tagħhom ta' kontribuzzjonijiet fiskali;

3.  Ifakkar fl-appell urġenti tiegħu lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom għal mira ambizzjuża iżda realistika li sal-2020 id-distakk fiskali jitnaqqas bin-nofs;

4.  Jinsisti li fil-perjodu attwali tal-irkupru mill-kriżi, il-miri tanġibbli u l-impenn veru għall-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa billi jiġi eliminat id-distakk fiskali jista' jiġġenera żieda ferm bżonnjuża fi dħul tat-taxxa billi tiġi rkuprata t-taxxa dovuta;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi studju dwar l-indikaturi possibbli li jikkostitwixxu bażi għat-tnaqqis tal-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u, jekk xieraq, tistabbilixxi sett ta' indikaturi standard għall-kejl tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi sett ta' miri tanġibbli għat-tnaqqis tad-distakk fiskali fil-livell Ewropew u nazzjonali, fejn il-mira ewlenija tkun it-tnaqqis tad-distakk fiskali sal-2020;

7.  Jissuġġerixxi li dawn il-miri jiġu inkorporati fl-istrateġija tal-Ewropa 2020, jekk ikun xieraq, u jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk jistgħux jingħataw rwol ċar fl-ambitu tas-Semestru Ewropew;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, teżamina wkoll jekk il-programmi nazzjonali ta' riforma u l-programmi ta' stabilità u konverġenza jistgħux jiġu estiżi billi jinkorporaw dawn il-miri u l-miżuri, sabiex jinkiseb it-tnaqqis meħtieġ fid-distakk fiskali;

9.  Jenfasizza li hemm ħtieġa urġenti għal koordinazzjoni aħjar u li spinta komuni biex tnaqqas il-lakuna tat-taxxa tista' tagħti sustanza lit-talbiet tal-Kunsill għal impenn biex ikunu miġġielda l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa.

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament u lill-Kunsill dwar il-progress li sar fl-UE u globalment fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, u tippubblika eżempji tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam fil-websajt tagħha;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi.

(1) ĠU L 338, 12.12.2012, p. 41.
(2) ĠU L 338, 12.12.2012, p. 37.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0205.
(4) ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 53.

Avviż legali - Politika tal-privatezza