Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar l-eżitu tas-summit ta’ Vilnjus u l-futur tas-Sħubija tal-Lvant, b’mod partikolari fir-rigward tal-Ukraina (2013/2983(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar 'Il-Politika Ewropea tal-Viċinat: ħidma favur sħubija aktar b'saħħitha. Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapporti ta’ progress 2012'(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar 'Pressjoni mir-Russja fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (fil-kuntest tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li jmiss f’Vilnjus)'(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Jannar 2005 dwar ir-riżultati tal-elezzjonijiet fl-Ukraina(3),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fid-29 ta' Novembru 2013,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant tat-30 ta' Settembru 2011 f'Varsavja u tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant tas-7 ta' Mejju 2009 fi Praga,
– wara li kkunsidra s-sitwazzjoni fl-Ukraina, li qed teħżien u li żviluppat wara d-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Ukraina li ma jiffirmawx il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-Summit ta' Vilnjus tat-28 u d-29 ta' Novembru 2013, li kkawżat dimostrazzjonijiet popolari tal-massa b'appoġġ għall-għażla tal-Ukraina favur l-Ewropa fl-Euromaidan fi Kiev u fi bliet madwar l-Ukraina kollha kemm hi,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, u l-Kummissarju għat-Tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, Štefan Füle, li kkundannaw l-użu eċċessiv tal-forza mill-pulizija ta’ Kiev biex iferrxu d-dimostranti fit-30 ta' Novembru 2013,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi, fis-Summit tas-Sħubija tal-Lvant f'Vilnjus, l-Ukraina u l-parteċipanti l-oħra kollha kkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom favur il-prinċipji tad-dritt internazzjonali u l-valuri fundamentali, bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;
B. billi, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-Armenja li tirtira min-negozjati tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u d-deċiżjoni tal-aħħar minuta tal-Ukraina li tissospendi t-tħejjijiet għall-iffirmar tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ffrustraw l-isforzi li saru u mminaw il-ħidma ta’ dawn l-aħħar ftit snin, li kellhom l-għan li japprofondixxu r-relazzjonijiet bilaterali u jsaħħu l-integrazzjoni Ewropea;
C. billi d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Ukraina li jissospendi l-proċess ta' tħejjia għall-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluża Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA), qajmet skuntentizza u protesti tal-massa fil-pajjiż; billi, f'dan il-kuntest, il-forzi tas-sigurtà tal-Ukraina użaw forza brutali u inaċċettabbli kontra dimostranti paċifiċi, partiti tal-oppożizzjoni u l-midja;
D. billi l-Ġeorġja u l-Moldova inizjalaw Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-UE, inklużi dispożizzjonijiet li jistabbilixxu DCFTAs, fis-Summit tas-Sħubija tal-Lvant f'Vilnjus fid-29 ta' Novembru 2013;
E. billi s-soluzzjoni waħdanija jeħtieġ li tkun waħda ta' sliem u nnegozjata mal-partijiet kollha;
1. Jilqa' l-inizjalar ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, inklużi DCFTAs, mal-Ġeorġja u mal-Moldova, li jistabbilixxu aġenda Ewropea ċara għal dawn iż-żewġ pajjiżi; jistenna bil-ħerqa li dawn il-ftehimiet jiġu ffirmati u implimentati mill-aktar fis; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta' dawn il-ftehimiet u tassisti lill-awtoritajiet rispettivi taż-żewġ pajjiżi b'tali mod li, fi ftit żmien, iċ-ċittadini tagħhom ikunu jistgħu jgawdu wħud mill-effetti u benefiċċji pożittivi tanġibbli koperti mill-ftehimiet;
2. Jiddeplora d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Ukraina, taħt it-tmexxija tal-President Yanukovych, li jirtira mill-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-UE matul is-Summit tas-Sħubija tal-Lvant f'Vilnjus, minkejja r-rieda ċara min-naħa tal-UE li tkompli bil-proċess ta' assoċjazzjoni, dment li l-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti; iqis li din id-deċiżjoni hija opportunità mitlufa maġġuri fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina, kif ukoll għall-aspirazzjonijiet tal-Ukraina; jirrikonoxxi l-aspirazzjonijiet tal-Ukraina, kif espressi fid-dimostrazzjonijiet fl-Euromaidan fi Kiev u fi bliet oħra madwar l-Ukraina kollha mis-soċjetà ċivili tal-Ukraina, li ma qagħditx lura milli toħroġ beraħ fit-toroq id-diżapprovazzjoni tagħha tad-deċiżjoni tal-President Yanukovych, u jtenni fehmtu li approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina u l-fatt li l-Ukraina ġiet offruta perspettiva Ewropea huma ta' sinifikat kbir u fl-interess taż-żewġ partijiet;
3. Jiddeplora l-ġrajjiet vjolenti tal-lejl tad-9 sal-10 ta' Diċembru 2013, meta l-forzi tas-sigurtà attakkaw l-uffiċċji tal-partiti tal-oppożizzjoni u tal-midja indipendenti, u ffastidjaw lil min kien qed jipprotesta , kif ukoll dawk tal-lejl tal-10 sal-11 ta' Diċembru 2013, meta l-forzi tas-sigurtà attakkaw lil dimostranti paċifiċi, filwaqt li ppruvaw iwarrbuhom mill-Euromaidan u mit-toroq tal-madwar u jħottu l-barrikati; jirrimarka li dawn il-ġrajjiet seħħew anki waqt iż-żjara tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, u waqt li qed isiru sforzi biex jiffaċilitaw taħditiet; jibża' li jistgħu jwasslu għal eskalazzjoni ulterjuri ta' sitwazzjoni li diġà hija mwiegħra;
4. Ifakkar li diversi kanali ta' komunikazzjoni, inkluża l-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Parlament Ewropew immexxija mill-Presidenti Cox u Kwaśniewski, huma miftuħa bejn l-UE u l-Ukraina, u għalhekk itenni li l-prokkupazzjonijiet imqajma mill-awtoritajiet Ukraini biex jiġġustifikaw id-deċiżjoni tal-aħħar minuta li jissospendu l-iffirmar messhom tqajmu qabel ħalli setgħu jiġu indirizzati;
5. Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-iffirmar, mill-aktar fis, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, dment li r-rekwiżiti relevanti jkunu sodisfatti, kif definit mill-Kunsill Affarijiet Barranin tal-10 ta' Diċembru 2012 u sostnut mir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-13 ta' Diċembru 2012; jistieden lill-Kunsill Ewropew, għaldaqstant, biex fil-laqgħa tiegħu ta' Diċembru 2013, jibgħat sinjal politiku qawwi li l-UE għadha lesta tinvolvi ruħha mal-Ukraina;
6. Jitlob li tiġi varata minnufih missjoni ta' medjazzjoni tal-UE, kompluta u fl-ogħla livell politiku, bil-għan li tasal għal u tassisti f'taħditiet bejn il-gvern u l-oppożizzjoni demokratika u s-soċjetà ċivili, u li tiżgura eżitu paċifiku mill-kriżi attwali;
7. Jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu ma' dawk li qed jiddimostraw favur futur Ewropew; jitlob lill-awtoritajiet Ukraini jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet ċivili tal-poplu u l-libertà fundamentali ta' għaqda u ta' protesta paċifika; jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-forza brutali kontra dimostranti paċifiċi, u jenfasizza l-ħtieġa għal investigazzjoni immedjata, effikaċi u indipendenti, u li ssir prosekuzzjoni ta' min jinstab ħati; jitlob li d-dimostranti paċifiċi li sfaw arrestati f'dawn l-aħħar jiem jinħelsu minnufih u inkondizzjonatament; jissottolinja l-obbligi internazzjonali tal-Ukraina f'dan ir-rigward; jenfasizza li huwa ċar li tali miżuri jmorru kontra l-prinċipji fundamentali tal-libertà ta' għaqda u ta' espressjoni, u għalhekk jiksru l-valuri universali u Ewropej; ifakkar li, fid-dawl tal-pożizzjoni tal-Ukraina bħala l-President fil-Kariga attwali tal-OSCE, ir-rekord tagħha dwar id-difiża u l-promozzjoni ta' dawn il-valuri qed jingħadda minn skrutinju saħansitra aktar strett;
8. Itenni l-kundanna qawwija tiegħu għall-pressjoni politika u ekonomika inaċċettabbli, flimkien ma' theddidiet ta' sanzjonijiet kummerċjali, li r-Russja qed tagħmel fuq l-Ukraina; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex lir-Russja jkellmuha b'leħen wieħed, u jitlob li l-UE, flimkien mal-Istati Membri tagħha, tiżviluppa u timplimenta politika ta' reazzjoni adegwata għal dawn l-għodod u miżuri li r-Russja qed tuża kontra s-sħab tal-Lvant, speċjalment bil-għan li tgħin lill-Ukraina tikseb sigurtà tal-enerġija, fid-dawl tal-kriżi attwali rigward l-importazzjoni tal-gass naturali mir-Russja; itenni li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni huwa materja strettament bilaterali bejn iż-żewġ partijiet, u jirrifjuta bil-qawwa kull proposta li tassoċja parti terza fil-proċess;
9. Jitlob li l-Kummissjoni tikkunsidra kontromiżuri possibbli li l-UE tista' tinvoka meta r-Russja tikser ir-regoli kummerċjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) għal finijiet politiċi immedjati bla prospettiva fit-tul; jissottolinja l-fatt li l-kredibbiltà politika tal-Unjoni jesiġu li din tkun kapaċi tirreaġixxi meta hija stess jew il-pajjiżi sħabha ssirilhom pressjoni politika u ekonomika;
10. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ukraina biex jissieħbu f'taħditiet mad-dimostranti ħalli jevitaw eskalazzjoni tal-vjolenza u d-destabilizzazzjoni tal-pajjiż, u jħeġġeġ lill-partiti politiċi kollha biex jiżguraw li jkun jista' jsir dibattitu parlamentari ordnat, kalm u riflessiv dwar is-sitwazzjoni ekonomika u politika u l-prospetti għal integrazzjoni futura mal-UE; ifakkar li, fi kwalunkwe demokrazija, elezzjonijiet ġodda jistgħu jissejħu meta jkun jeħtieġ tiġdid tal-leġittimità popolari;
11. Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE biex jimpenjaw ruħhom favur ftuħ wiesa' lejn is-soċjetà Ukraina, b'mod partikolari permezz ta' ftehim rapidu dwar reġim bla viża, kooperazzjoni msaħħa fir-riċerka, twessigħ tal-iskambji taż-żgħażagħ u aktar disponibbiltà ta' boroż ta' studju; iqis li għandhom isiru aktar sforzi biex l-Ukraina tiddaħħal għalkollox fis-suq intern tal-enerġija tal-UE;
12. Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE tappoġġja l-involviment ta' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, bħall-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, bil-għan li jipprovdu assistenza finanzjarja ħalli l-Ukraina tkun tista' tittratta s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha li qed teħżien u timplimenta riformi marbuta mal-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;
13. Ifakkar li l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mhuwiex fini fih innifsu, imma aktar huwa mezz għall-ilħiq ta' stabbiltà u progress soċjoekonomiku fit-tul, kif ukoll trasformazzjoni sostenibbli u sistemika, u li għaldaqstant jirrikjedi impenn ġenwin favur l-implimentazzjoni tajba u immedjata tiegħu; jitlob li l-UE tinnegozja pjan direzzjonali konkret għall-implimentazzjoni mal-awtoritajiet Ukraini;
14. Jiddispjaċih għall-fatt li, wara aktar minn tliet snin ta' negozjati kkompletati b'suċċess dwar Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluża DCFTA, l-awtoritajiet Armeni minflok iddeċidew li jissieħbu fl-Unjoni Doganali, wara pressjoni mir-Russja; ifakkar lill-awtoritajiet Armeni li l-protesti u d-dimostrazzjonijiet kontra din id-deċiżjoni huma espressjoni tar-rieda ħielsa taċ-ċittadini tal-pajjiż, u li jeħtieġ li jkunu rrispettati skont l-impenji internazzjonali li daħlet għalihom l-Armenja; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-persekuzzjoni u d-detenzjonijiet huma ksur tad-drittijiet bażiċi ta' għaqda u ta' espressjoni, u li miżuri ripressivi jmorru kontra r-retorika reċenti ta' impenn favur il-valuri kondiviżi mal-UE; jitlob li l-Gvern tal-Armenja jimpenja ruħu fi djalogu inklużiv mas-soċjetà ċivili dwar id-direzzjoni futura tal-pajjiż;
15. Jilqa' l-iffirmar ta' ftehim ta' faċilitazzjoni tal-viża bejn l-UE u l-Ażerbajġan; huwa mħasseb dwar ir-ripressjoni ta' fehmiet dissidenti li seħħet fil-pajjiż wara l-elezzjonijiet presidenzjali ta' Ottubru 2013, kif muri minn detenzjonijiet u arresti ġodda ta' attivisti tal-oppożizzjoni, fastidju ta' NGOs indipendenti u tal-midja, kif ukoll sensji ta' kritiċi tal-gvern mill-impjieg tagħhom fuq il-bażi unika tal-attivitajiet politiċi tagħhom; iħeġġeġ lill-parlament tal-Ażerbajġan biex iqis mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu li jissospendi l-parteċipazzjoni tiegħu fl-Assemblea Parlamentari Euronest, wara l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-23 ta' Ottubru 2013;
16. Jilqa' l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 sabiex tippermetti li ċittadini tal-Moldova li jkollhom passaport bijomettriku jkunu jistgħu jivvjaġġaw bla viża fiż-żona ta' Schengen; jikkunsidra li din il-miżura importanti se tiffaċilita l-kuntatti bejn il-popli u tqarreb liċ-ċittadini tal-Moldova lejn l-UE;
17. Jilqa' l-iffirmar ta' ftehim qafas mal-Ġeorġja dwar il-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġjar tal-kriżijiet, li jipprovdi bażi legali permanenti għall-involviment tal-Ġeorġja fl-isforzi tal-UE għall-immaniġġjar tal-kriżijiet madwar id-dinja, tal-lum u tal-ġejjieni;
18. Jemmen li l-eżitu u l-kuntest ġenerali tas-Summit ta' Vilnjus joħorġu fid-dieher il-ħtieġa li l-UE tfassal bir-reqqa politika aktar strateġika u flessibbli b'appoġġ għall- għażla Ewropea li għamlu sħabha tal-Lvant, bl-użu tal-firxa sħiħa ta' għodod għad-dispożizzjoni tagħha, bħal assistenza makroekonomika, iffaċilitar ta' reġimi kummerċjali, proġetti li jsaħħu s-sigurtà tal-enerġija u l-modernizzazzjoni ekonomika, u implimentazzjoni rapida tal-liberalizzazzjoni tal-viża, bi qbil mal-valuri u l-interessi Ewropej;
19. Jappoġġja l-involviment ulterjuri tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tar-riforma nazzjonali; jinkoraġġixxi kooperazzjoni interparlamentari msaħħa mal-Assemblea Parlamentari Euronest; jitlob li missjoni tal-Parlament Ewropew tintbagħat lejn l-Ukraina mill-aktar fis; jilqa' l-involviment tal-Konferenza ta' Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tas-Sħubija tal-Lvant;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-President tal-Ukraina, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u tal-Federazzjoni Russa, lill-Assemblea Parlamentari Euronest, u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.