Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2879(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0556/2013

Testi mressqa :

B7-0556/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2013 - 12.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0596

Testi adottati
PDF 320kWORD 90k
Il-Ħamis, 12 ta' Diċembru 2013 - Strasburgu
Rapport ta' progress 2013 dwar l-Albanija
P7_TA(2013)0596B7-0556/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar ir-Rapport ta' progress 2013 dwar l-Albanija (2013/2879(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill "Affarijiet Ġenerali" tal-11 ta' Diċembru 2012, ikkonfermati mill-Kunsill Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010 bl-isem "Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Albanija biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea" (COM(2010)0680),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-16 ta' Ottubru 2013 bl-isem "Strateġija tat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2013-2014" (COM(2013)0700) u Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Rapport ta' Progress 2013 dwar l-Albanija (SEC(2013)0414),

–  wara li kkunsidra l-konstatazzjonijiet preliminari u l-konklużjonijiet tal-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali fl-Albanija fir-rigward tal-elezzjonijiet parlamentari tat-23 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar it-tkabbir: politiki, kriterji u interessi strateġiċi tal-UE(1) u tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar dwar ir-rapport ta' progress tal-2012 dwar l-Albanija(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar il-ġestjoni baġitarja tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tas-sistemi ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali(3) u l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-Albanija,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tas-6 laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni Unjoni Ewropea - Albanija tat-28 sad-29 ta' Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Albanija wriet progress fil-ksib tat-12-il prijorità fundamentali tal-Opinjoni 2010 tal-Kummissjoni u l-proċess ta' riforma qed jipproċedi b'mod sodisfaċenti; billi l-Albanija adottat il-miżuri fundamentali ta' riforma li kien fadal fil-kamp ġudizzjarju, tal-amministrazzjoni pubblika u dak parlamentari b'kunsens bejn il-partiti; billi għad fadal sfidi li jeħtieġu jiġu indirizzati b'mod rapidu u effiċjenti ħalli jsir aktar progress fit-triq lejn l-adeżjoni mal-UE;

B.  billi l-iżvolġiment regolari tal-elezzjonijiet parlamentari ta' Ġunju 2013 u t-trasferiment paċifiku tal-poter qed iħalli impatt pożittiv fuq il-proċess ta' demokratizzazzjoni tal-pajjiż u tejbu r-reputazzjoni internazzjonali tiegħu;

C.  billi l-proċess tal-adeżjoni mal-UE sar l-ixprun għar-riformi li għaddejjin fl-Albanija u l-appoġġ taċ-ċittadini għall-adeżjoni mal-UE jibqa' partikolarment għoli;

D.  billi, minkejja l-progress miksub s'issa, il-leġislattura l-ġdida bdiet għal darb'oħra b'tilwim bejn il-forzi politiċi; billi dawn l-avvenimenti juru l-urġenza li biha l-forzi politiċi jeħtieġu jippromwovu l-ispirtu ta' djalogu, kooperazzjoni u kompromess primarjament fil-qasam tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ forzi politiċi l-kbar, iżda wkoll bejn il-partijiet interessati l-oħra kollha fil-ħajja soċjali tal-pajjiż;

E.  billi l-Parlament Ewropew żvolġa rwol importanti fl-isforzi diretti lejn l-istabbiliment ta' klima politika b'saħħitha fil-pajjiż; billi djalogu politiku sostenibbli huwa essenzjali biex tinżamm l-ispinta fil-proċess ta' riforma u fl-implimentazzjoni tal-aġenda tal-UE;

F.  billi l-UE poġġiet l-istat tad-dritt fil-qalba tal-proċess ta' tkabbir tagħha; billi l-indipendenza tal-ġudikatura u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-bnedmin, tal-armi u tad-droga huma oqsma li għadhom iqajmu tħassib serju; billi l-progress f'dawn l-oqsma huwa essenzjali sabiex jinkiseb progress fil-proċess ta' integrazzjoni tal-UE; billi appoġġ politiku b'saħħtu huwa essenzjali sabiex jinkiseb progress f'dawn l-oqsma;

G.  billi d-drittijiet tal-minoranzi għandhom jittieħdu aktar inkunsiderazzjoni, b'mod partikolari dawk tal-minoranza tar-Rom u tal-komunità LGBTI; billi l-kundizzjonijiet ta' għajxien tar-Rom fl-Albanija huma terribbli u għandhom jitjiebu malajr, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għas-servizzi tal-insinwa, għad-djar u għall-edukazzjoni tal-poplu Rom u l-inklużjoni tat-tfal Rom fis-sistema tal-edukazzjoni – mil-livell preskolari sal-edukazzjoni għolja;

H.  billi r-riformi soċjali huma importanti daqs dawk politiċi u ġuridiċi; billi l-Albanija qed tħabrek biex ittejjeb il-livell tal-koeżjoni soċjali u għandha bżonn appoġġ kbir mill-UE biex tagħmel dan, kif ukoll sforzi ikbar min-naħa tal-Gvern biex jippromwovi d-djalogu soċjali bħala l-parti terza, flimkien mat-trade unions u l-assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem;

I.  billi l-eżistenza ta' amministrazzjoni pubblika professjonali, effikaċi u mertitokratika hija ta' sinifikat kbir għal kwlaunkwe pajjiż li għandu l-aspirazzjoni li jsir membru tal-UE;

J.  billi l-korruzzjoni u l-impunità għar-reati għadhom mifruxa fis-soċjetà Albaniża; billi l-istituzzjonijiet statali li għandhom x'jaqsmu mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni għadhom vulnerabbli għall-pressjoni u l-influwenza politika; billi l-korruzzjoni fost il-ġudikatura u l-istituzzjonijiet ta' repressjoni tal-kriminalità għadha problema partikolarment serja;

K.  billi l-progress ta' kull pajjiż lejn l-adeżjoni mal-UE jiddependi mill-isforzi tiegħu sabiex jissodisfa l-kriterji ta' Kopenħagen u jottempera mal-kundizzjonijiet marbuta mal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni;

L.  billi l-politika ta' tkabbir għandha tibqa' kredibbli u bbażata fuq kriterji oġġettivi li għandhom jiġu sodisfatti; billi l-Albanija tinsab fit-triq biex tikseb l-istatus ta' kandidat, peress li hija ottemperat mal-kriterji meħtieġa biex jittieħed dan il-pass.

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jilqa' favorevolment u jappoġġa l-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport ta' progress 2013 dwar l-Albanija u jitlob lill-Kunsill jirrikonoxxi l-progress li sar billi jagħti lill-Albanija l-istatus ta' kandidat mingħajr dewmien indebitu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi u l-forzi politiċi kollha jikkonsolidaw il-progress miksub s'issa;

2.  Ifaħħar lill-forzi politiċi kollha għall-iżvolġiment ġeneralment regolari tal-elezzjonijiet parlamentari reċenti u t-tranżizzjoni mingħajr diffikultajiet tal-poter; jirrakkomanda li tkompli titjieb il-fiduċja tal-opinjoni pubblika fil-proċess elettorali fost oħrajn bit-tisħiħ tal-indipendenza istituzzjonali tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali u l-professjonalità tal-uffiċjali elettorali; iqis essenzjali li jiġu sostnuti d-djalogu politiku u l-kooperazzjoni fost il-partijiet kollha u li jinstabu kompromessi bħala s-soluzzjoni għall-progress fil-proċessi politiċi;

3.  Jenfasizza li l-partiti u l-atturi politiċi kollha fl-Albanija, inklużi l-mezzi ta' komunikazzjoni u s-soċjetà ċivili, għandhom jirsistu biex itejbu l-klima politika fil-pajjiż bil-għan li jippermettu djalogu u fehim reċiproku; jappella, għalhekk, għal impenn ġenwin mill-partiti politiċi kollha, l-NGOs, it-trad unions u l-partijiet interessati l-oħra;

4.  Jissottolinja l-fatt li l-preparazzjonijiet għall-integrazzjoni mal-UE għandu jkollhom appoġġ politiku u pubbliku wiesa'; iħeġġeġ lill-Gvern isegwi r-riformi tal-integrazzjoni b'mod konsistenti bl-involviment tal-forzi politiċi kollha u tas-soċjetà ċivili; iqis li l-oppożizzjoni għandha wkoll rwol importanti x'tiżvolġi f'dan ir-rigward, u jirrikonoxxi l-imġiba politika responsabbli li wriet s'issa; iqis li huwa importanti li s-soċjetà ċivili, il-mezzi ta' komunikazzjoni u ċ-ċittadini tal-Albanija jżommu lill-mexxejja tagħhom responsabbli għal riżultati politiċi speċifiċi, b'mod partikolari rigward il-proċessi tal-integrazzjoni fl-UE;

5.  Jistieden lill-Gvern Albaniż isaħħaħ il-kapaċitajiet amministrattivi billi jkompli jimplimenta r-riformi fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika u jippromwovi d-depolarizzazzjoni u l-għarfien tad-dritt u tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE;

6.  Jieħu nota tal-progress inkoraġġanti fuq l-aġenda tar-riformi u jesprimi l-fiduċja tiegħu fil-potenzjal, il-kapaċità u l-impenn tal-Albanija sabiex tkompli bil-progress fit-triq Ewropea sakemm il-forzi politiċi jkomplu jikkooperaw b'mod kostruttiv; ifaħħar l-adozzjoni ta' riformi leġiżlattivi ewlenin bħar-reviżjoni tar-Regoli ta' Proċedura parlamentari, l-adozzjoni tal-Liġi dwar is-Servizz Pubbliku u l-emendi għal-Liġi dwar il-Qorti Superjuri; jinkoraġġixxi l-Albanija tikseb riżultati fl-implimentazzjoni effikaċi ta' dawn ir-riformi;

7.  Jieħu nota tan-nuqqasijiet li fadal fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u jissottolinja l-fatt li l-implimentazzjoni tal-aġenda tar-riformi teħtieġ li tiġi intensifikata u li tiġi ppreżentata sensiela ta' riżultati ċara; jistieden kemm lill-maġġoranza li qed tiggverna kif ukoll lill-oppożizzjoni jsostnu l-kooperazzjoni bejn il-partiti fl-adozzjoni u fl-implimentazzjoni tar-riformi ewlenin;

8.  Jistieden lill-Albanija timplimenta l-Liġi dwar is-Servizz Pubbliku b'mod li jkun opportun u effiċjenti, tadotta l-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva Ġenerali f'ħin opportun u ttejjeb il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni u l-Funzjonament tal-Amministrazzjoni Pubblika; jenfasizza l-bżonn għal Dipartiment tal-Amministrazzjoni Pubblika aktar b'saħħtu u għal Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani kompletament operattiva;

9.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-integrazzjoni Ewropea u l-modernizzazzjoni tal-pajjiż jibqgħu prijoritajiet ewlenin tal-Gvern il-ġdid; jappella lill-Albanija tkompli tagħti riżultati fil-prijoritajiet ewlenin tal-Opinjoni 2010 tal-Kummissjoni, b'mod partikolari fir-rigward tar-rispett għall-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, anki billi tikseb riżultati sostenibbli fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni nieqsa; iħeġġeġ lill-Albanija ttejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Ministeru għall-Integrazzjoni Ewropea u l-ministeri kompetenti biex b'hekk tittejjeb l-aġenda tar-riformi Ewropea;

Kriterji politiċi

10.  Jappella għal aktar sforzi sabiex jissaħħu l-indipendenza, l-obbligu ta' rendikont, l-imparzjalità u l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, inkluż il-Kunsill Superjuri tal-Ġustizzja u l-Prosekutur Ġenerali indipendenti maħtur fuq kriterji abbażti ta' trasparenza, imparzjalità u mertu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet itejbu l-aċċess għall-ġustizzja għal dawk kollha fil-bżonn, anki permezz ta' azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni mill-Kummissjoni Statali għall-Għajnuna Legali u l-istabbiliment tal-uffiċċji lokali ta' għajnuna legali proposti; jappella lill-awtoritajiet isaħħu l-indipendenza, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-istrutturi tad-drittijiet tal-bniedem, bħall-uffiċċji tal-Ombudsman u l-Kummissarju għall-Protezzjoni kontra d-Diskriminazzjoni;

11.  Jinsisti dwar il-fatt li s-sistema tal-ġustizzja Albaniża għandha tkun indipendenti għalkollox, aktar prevedibbli, effiċjenti u ġusta sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini u l-komunità tal-impriżi jafdaw il-ġudikatura; jistieden, għaldaqstant, lill-awtoritajiet jiggarantixxu d-depolitiċizzazzjoni tal-ġudikatura bl-istabbiliment ta' proċess tal-ħatra ta' mħallfin u prosekuturi mertokratiku u trasparenti kif ukoll riżultati pożittivi miksuba fil-proċedimenti dixxiplinari u billi jiżguraw ġustizzja f'waqtha flimkien mal-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji kollha, u l-aċċess faċli għalihom, immedjatament wara l-adozzjoni u l-allokazzjoni każwali tal-każijiet fil-qrati kollha;

12.  Jenfasizza l-bżonn li tinħoloq amministrazzjoni pubblika mertokratika u professjonali li topera b'mod trasparenti u tkun kapaċi tadotta liġijiet u timplimentahom; jitlob għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni sekondarja meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tajba tal-Liġi dwar is-Servizz Pubbliku u għal liġi ġdida dwar il-proċedura amministrattiva ġenerali; jenfasizza l-bżonn għal Dipartiment tal-Amministrazzjoni Pubblika aktar b'saħħtu kif ukoll għal Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani kompetament operattiva; jissottolinja l-fatt li huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi depolitiċizzata l-amministrazzjoni pubblika, tiġi miġġielda l-korruzzjoni, tissaħħaħ il-meritokrazija fil-ħatriet, fil-promozzjonijiet u fl-għoti ta' sensji, u jiżdiedu l-effiċjenza u s-sostenibilità finanzjarja tal-amministrazzjoni pubblika;

13.  Japprezza l-ħsieb tal-Gvern li jibda u jlesti riforma amministrattiva u territorjali kbira qabel l-elezzjonijiet lokali tal-2015 fil-pajjiż; jenfasizza, madankollu, l-importanza li tiġi żgurata konsultazzjoni xierqa mal-partijiet interessati lokali kollha u li tiġi żgurata l-konformità tar-riforma mad-dispożizzjonijiet tal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali, inklużi dawk għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-komunitajiet u dawk li jiżguraw l-indipendenza politika, amministrattiva u finanzjarja tal-gvernijiet lokali;

14.  Jenfasizza l-bżonn li jkompli jissaħħaħ l-impenn politiku biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni fil-livelli kollha, li tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali u li jitjieb il-koordinament istituzzjonali; jappella għal aktar sforzi sabiex tiġi eliminata l-korruzzjoni fi ħdan il-gvernijiet lokali; jirrikonoxxi r-riżultati f'termini ta' adozzjoni ta' dokumenti strateġiċi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jinnota b'sodisfazzjon it-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet kollha tat-tielet sessjoni ta' evalwazzjoni tal-GRECO, il-ħatra ta' koordinatur nazzjonali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u l-ħsieb min-naħa tal-Gvern li jaħtar gwardjan f'kull ministeru; jinsisti fuq il-bżonn li tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni b'mod konsistenti;

15.  Jitlob lill-Gvern ifassal mandat u pjan ta' azzjoni/strateġija ċari għall-Koordinatur Nazzjonali għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni u jibda l-abbozzar tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni l-ġdida, bl-inklużjoni ta' indikaturi ċari tar-riżultati u mekkaniżmi ta' segwitu u monitoraġġ; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-awtoritajiet responsabbli jikkjarifikaw ir-rwol tad-Dipartiment tal-Kontroll Intern u tal-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni u jsaħħu l-kapaċità fil-qasam tal-mekkaniżmi ta' kontroll intern, ifornu lill-Unitajiet Konġunti ta' Investigazzjoni b'riżorsi suffiċjenti, jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta' strateġija u pjanijiet ta' azzjoni kontra l-korruzzjoni, u jkomplu jiksbu riżultati tajba fil-qasam tal-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni, anki fil-każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jindirizzaw il-vulnerabbiltà għall-attakki politiċi tal-istituzzjonijiet involuti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

16.  Itenni mill-ġdid il-bżonn li jissaħħu b'mod riżolut ir-riformi u l-kooperazzjoni reġjonali fil-ġlieda konta l-kriminalità organizzata kif ukoll li jinkisbu riżultati tajbin fil-qasam tal-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni fil-livelli kollha, b'mod partikolari fl-oqsma tal-manifattura u t-traffikar tad-droga, it-traffikar tal-bnedmin, inklużi l-minuri, u l-logħob tal-azzard illegali; iħeġġeġ lill-Gvern jaħdem għall-iżvilupp ta' riżultati tajbin fil-qasam tal- investigazzjonijiet finanzjarji b'enfasi fuq każijiet ta' ġid li ma jistax jiġi spjegat u r-rabta ta' tali ġid mal-attivitajiet kriminali u l-kriminalità organizzata; itenni mill-ġdid il-bżonn li tissaħħaħ aktar il-koordinament bejn l-aġenziji inkarigati mill-ezekuzzjoni tal-liġi;

17.  Ifaħħar lill-Ombudsman għax-xogħol tiegħu fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-atteġġjament miftuħ tiegħu lejn il-persuni vulnerabbli, u l-kooperazzjoni tiegħu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jiddeplora l-fatt li r-rapporti annwali u speċjali tal-Ombudsman ma ġewx diskussi fil-Parlament, u għaldaqstant ma jistgħux jiġu ppubblikati u mhumiex rikonoxxuti b'mod uffiċjali; iħeġġeġ lill-Gvern u lill-Parlament itejbu l-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Ombudsman; jiddeplora l-fatt li, s'issa, l-Ombudsman mhux qed jiġi informat jew ikkonsultat b'mod regolari u f'waqtu mill-gvern dwar abbozzi tal-leġiżlazzjoni rilevanti; jinnota bi tħassib li l-baġit allokat għall-uffiċċju tal-Ombudsman għadu insuffiċjenti u tnaqqas aktar; jissottolinja l-fatt li l-istituzzjoni teħtieġ aktar appoġġ finanzjarju u politiku kemm mill-Parlament kif ukoll mill-Gvern biex tkompli taqdi dmirijietha; jitlob għal kampanja wiesgħa ta' sensibilizzazzjoni li tenfasizza r-rwol u l-importanza tal-istituzzjoni;

18.  Jisteden lill-Parlament u lill-Gvern u istituzzjonijiet statali rilevanti oħra jippreservaw u jippromwovu l-integrità u l-indipendenza tal-istituzzjonijiet ewlenin bħall-pulizija tal-istat, il-Kunsill Superjuri tal-Ġustizzja, l-Ispettorat Superjuri għad-Dikjarazzjoni u l-Awditjar tal-Assi, l-Awtorità tal-Mezzi ta' Komunikazzjoni Awdjoviżiva u l-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika;

19.  Jinsab imħasseb dwar l-eżistenza kontinwa ta' ġlied li jintiret fl-Albanija, li mhux biss jikkawża qtil u vjolenza iżda jġiegħel ħafna tfal jibqgħu d-dar b'mod indefinit, u b'hekk għandhom konsegwenzi soċjali vasti ħafna li jolqtu l-ħajjiet ta' eluf. jieħu nota tal-fatt li n-numru ta' każijiet ta' qtil marbuta mal-ġlied li jintiret qed jiżdied; jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi jirrispondu għat-talba min-Nazzjonijiet Uniti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman li joħolqu bażi ta' data affidabbli, li jattivaw il-Kunsill ta' Koordinament għall-Ġlieda Kontra l-Ġlied li Jintiret stabbilit fl-2005 u li jiżviluppaw pjan ta' azzjoni sabiex jindirizzaw il-ġlied li jintiret;

20.  Japprezza t-titjib tad-djalogu bejn is-soċjetà ċivili u l-gvern u jenfasizza l-bżonn li jiġu konsolidati r-riżultati u li dan jissaħħaħ u jitwessa', kemm fil-qasam tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet ċivili kif ukoll fit-tfassil tal-qafas leġiżlattiv għar-riformi l-ġodda; jenfasizza r-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili fil-kooperazzjoni reġjonali fuq l-aspetti soċjali u politiċi; jitlob lill-Gvern jiffaċilita l-involviment tal-atturi tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-tfassil ta' politka;

21.  Jilqa' pożittivament il-fatt li d-drittijiet tal-minoranzi huma ġeneralment rispettati, u li l-libertà tar-reliġjon hija mifruxa; jitlob lill-awtoritajiet kompetenti jtejbu aktar il-klima ta' inklużjoni u ta' tolleranza għall-minoranzi kollha fil-pajjiż; jinsab imħasseb li gruppi bħar-Rom, il-persuni b'diżabilità u l-persuni LGBT għadhom isofru minn diskriminazzjoni, inkluż min-naħa tal-awtoritajiet statali; jenfasizza li l-minoranzi kollha għandhom jiġu protetti; iħeġġeġ lill-Gvern jiżgura li d-dispożizzjonijiet tal-liġi rilevanti jiġu implimentati b'mod komprensiv u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jagħmlu aktar sforzi fis-sensibilizzazzjoni dwar kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni; jieħu nota tal-importanza tas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-istrumenti ġuridiċi li jistgħu jirrikorru għalihom iċ-ċittadini sabiex iressqu lmenti dwar diversi forom ta' diskriminazzjoni;

22.  Jitlob li tittieħed aktar azzjoni biex jiġu żgurati d-drittijiet tal-minoranza tar-Rom, li ta' spiss għadha tħabbat wiċċha ma' diskriminazzjoni; jitlob, f'dan ir-rigward, li titħaffef l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni għad-Deċennju tar-Rom sabiex tissaħħaħ l-inklużjoni tar-Rom, li jiġu allokati riżorsi finanzjarji suffiċjenti u xierqa u li tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni; jissottolinja li soluzzjoni għall-problemi tar-Rom fl-Albanija hija r-reġistrazzjoni fis-servizzi tal-insinwa u l-aċċess għad-djar u għall-edukazzjoni; jitlob b'urġenza lill-Gvern jieħu azzjoni riżoluta biex jiggarantixxi l-kundizzjonijiet meħtieġa;

23.  Jitlob ir-reviżjoni u l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni, il-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni, l-edukazzjoni u attivitajiet oħra intiżi sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTI, billi jiġu inklużi sanzjonijiet għad-diskorsi ta' mibegħda, u li jkun hemm progress f'dan ir-rigward;

24.  Jenfasizza l-importanza kruċjali tal-mezzi ta' komunikazzjoni professjonali, indipendenti u pluralistiċi pubbliċi u privati, bħala pilastru tad-demokrazija; jenfasizza l-importanza tal-aċċess għall-Internet, li huwa fost l-aktar baxx fir-reġjun, u l-libertà diġitali;

25.  Jilqa' pożittivament it-titjib fil-qafas leġiżlattiv għall-mezzi ta' komunikazzjoni awdjoviżiva permezz tal-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Mezzi ta' Komunikazzjoni Awdjoviżiva; jieħu nota tal-ambjent pluralistiku u varjat tal-mezzi ta' komunikazzjoni; jibqa' mħasseb dwar l-influwenza u l-ndħil politiċi fil-mezzi ta' komunikazzjoni kif ukoll dwar l-awtoċensura, b'mod partikolari fil-mezzi ta' komunikazzjoni pubbliċi; jenfasizza li jeħtieġ li jsiru sforzi addizzjonali biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-awtorità regolatorja tal-mezzi ta' komunikazzjoni u tax-xandir pubbliku; jappella għal miżuri ta' protezzjoni għal-ġurnalisti u x-xogħol investigattiv tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-iżġurar u l-promozzjoni tal-pluraliżmu tal-mezzi ta' komunikazzjoni sabiex tiżdied il-libertà ta' espressjoni u tiġi żgurata t-trasparenza fis-sjieda tal-mezzi ta' komunikazzjoni u l-finanzjament tagħhom; jindika l-bżonn ta' strateġija fit-tul għall-iżvilupp ta' mezzi ta' komunikazzjoni tas-servizz pubbliku fis-sistema medjatika l-ġdida;

26.  Jinnota b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni l-ġdida li żżid l-għadd ta' nisa fil-karigi superjuri tal-gvern u jittama li dan ikollu impatt pożittiv fis-soċjetà b'mod ġenerali; jitlob li ma jkun hemm l-ebda tolleranza għall-vjolenza kontra n-nisa u għall-eliminazzjoni ta' kwalunkwe preġudizzju abbażi ta' sess fil-leġiżlazzjoni u l-implimentazzjoni tagħha;

27.  Jistieden lill-Gvern iżid l-isforzi tiegħu biex jinforza l-liġijiet u l-implimentazzjoni ta' politiki dwar id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, b'enfasi partikolari fuq il-protezzjoni tan-nisa minn kull forma ta' vjolenza u l-parteċipazzjoni ndaqs tagħhom fil-ħajja pubblika u politika; iħeġġeġ li jsiru aktar sforzi ta' integrazzjoni fuq bażi tas-sess fil-livelli ċentrali u lokali;

28.  Jenfasizza l-bżonn ta' titjib fid-drittijiet u fil-kwalità tal-ħajja ta' dawk il-persuni li jiddependu mill-Istat bħall-priġunieri, l-orfni u dawk li jbatu minn mard mentali;

29.  Jappella għal aktar sforzi sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tal-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni fir-rigward tad-drittijiet ta' proprjetà, peress li dawn jikkostitwixxu wieħed mill-pilastri tal-iżvilupp ekonomiku; jieħu nota tal-passi li ttieħdu biex jiġu solvuti l-problema tal-abbużi tal-kostruzzjoni mibnija fil-pajjiż kollu; jinsab imħasseb dwar il-progress skars fis-sistemi ta' reġistrazzjoni u ta' restituzzjoni tal-proprjetà; jitlob lill-Gvern jikkomunika pjan u kalendarju ċari għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-drittijiet tal-proprjetà;

30.  Iħeġġeġ lill-Gvern jiżviluppa politiki dwar l-enerġija rinnovabbli, jittratta b'mod iktar effikaċi l-problema tal-ġestjoni tal-iskart u jiżviluppa turiżmu ekosostenibbli; jilqa' l-inizjattiva tas-soċjetà ċivili reċenti fir-rigward ta' referendum dwar l-importazzjoni ta' skart; jilqa' favorevolment ħafna l-vot tal-Parlament tal-10 ta' Ottubru 2013 li tiġi annullata l-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni ta' skart kif stabbilit fil-liġi nru 10463 tat-22 ta' Settembru 2011;

31.  Jitlob li jittieħdu miżuri kontra l-proliferazzjoni tal-proċeduri tal-asil mhux ġustifikati fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta' reġim ta' eżenzjoni mill-obbligu ta' viża mal-UE;

Riformi soċjoekonomiċi

32.  Jitlob lill-awtoritajiet kompetenti jindirizzaw b'mod riżolut in-nuqqasijiet eżistenti fil-livell ta' eżekuzzjoni tal-liġi u tal-ġbir mhux effikaċi tat-taxxi kif ukoll il-kwistjoni tal-ekonomija informali kbira, li kollha qed jostakolaw il-koeżjoni soċjali u l-prospettivi ekonomiċi tal-pajjiż; iħeġġeġ lill-Gvern il-ġdid japplika miżuri u leġiżlazzjoni li jippromwovu l-impjiegi, is-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol, id-drittijiet għas-sigurtà soċjali, id-dritt għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fuq kwalunkwe motiv fil-qasam tax-xogħol, pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa u liġijiet oħra relatati max-xogħol, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ u n-nisa;

33.  Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' progress fil-qasam tal-politika soċjali u l-impjiegi; jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Gvern il-ġdid li jieħu ħsieb din il-problema; huwa konxju mil-limiti baġitarji, iżda jistieden, madankollu, biex titreġġa' lura t-tendenza tat-tnaqqis baġitarju għall-implimentazzjoni tar-riformi ta' assistenza u protezzjoni soċjali; jenfasizza l-bżonn urġenti li tingħata assistenza soċjali lill-gruppi l-aktar vulnerabbli fost dawk qiegħda; jinnota bi tħassib serju li t-tħaddim tat-tfal għadu jikkostitwixxi sfida importanti u jistieden lill-Gvern biex jindirizza b'mod riżolut din il-kwistjoni;

34.  Jenfasizza li l-Albanija rratifikat it-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO li jikkonċernaw id-drittijiet tax-xogħol; jinsab imħasseb li sar biss progress moderat fil-qasam tad-drittijiet tax-xogħol u tat-trade unions; jistieden lill-Gvern isaħħaħ aktar id-dritt għax-xogħol u d-drittijiet tat-trade unions; iħeġġeġ lill-Gvern jiggarantixxi r-rispett tad-dritt tax-xogħol, kemm fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku, u li jitjieb id-djalogu soċjali tripartitiku kemm sabiex jissaħħaħ ir-rwol tat-trade unions kif ukoll sabiex jiġi inkoraġġut appoġġ usa' għall-implimentazzjoni tal-liġijiet il-ġodda; jinnota li d-djalogu ġie interrott peress li l-mandat tal-Kunsill Nazzjonali tax-Xogħol intemm f'Marzu 2013 u li d-djalogu soċjali bipartitiku għadu dgħajjef, b'mod partikolari fis-settur privat; jirrimarka li d-djalogu soċjali u r-rispett tad-drittijiet għax-xogħol huma pilastri ta' ekonomija soċjali tas-suq;

35.  Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal u jappella għal investiment fit-tagħlim fl-ewwel snin tat-tfulija, b'mod partikolari għat-tfal minn gruppi ta' minoranzi jew gruppi emarġinati sabiex tiġi evitata l-eskużjoni, u għal miżuri mmirati sabiex jiġu żgurati l-assistenza u n-nutrizzjoni tat-tfal, u l-appoġġ lill-familji ħalli tiġi evitata t-trażmissjoni tal-faqar minn ġenerazzjoni għall-oħra; jenfasizza l-bżonn li titjieb immedjatament is-sitwazzjoni tal-minuri fi proċeduri ġudizzjarji, skont l-aħjar prassi Ewropej; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat finanzjament xieraq tas-sistema tal-edukazzjoni pubblika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jadottaw l-Istrateġija ta' Ġustizzja għat-Tfal; jenfasizza l-fatt li l-korruzzjoni fi ħdan il-ġudikatura tkompli xxekkel speċifikament l-isforzi favur l-eżekuzzjoni tal-liġi kontra t-traffikar u l-protezzjoni tal-vittmi;

Kooperazzjoni reġjonali

36.  Jilqa' pożittivament ir-rwol stabbilizzanti tal-Albanija fil-Balkani tal-Punent, b'mod partikolari fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi ġirien, li fi wħud minnhom tgħix minoranza Albaniża sinifikanti, u l-kontribut tagħha għall-armonija bejn ir-reliġjonijiet;

37.  Jilqa' favorevolment iċ-ċaħda mill-Gvern il-ġdid tad-diskorsi nazzjonalistiċi u l-ħsieb tiegħu li jiżviluppa politika ta' "ebda problema" mal-pajjiżi ġirien; jenfasizza r-rwol determinanti tal-Albanija fil-promozzjoni tar-relazzjonijiet ta' bon viċinat fil-Balkani tal-Punent; jinkoraġġixxi l-Albanija tkompli bl-atteġġjament kostruttiv tagħha fuq livell reġjonali;

o
o   o

38.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Albanija.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0453.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0508.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0434.

Avviż legali - Politika tal-privatezza